Fittex il-Gwida t’Alla Meta Tiġi biex Tagħżel lil Min Tiżżewweġ
“Ngħallmek u nurik it-triq li għandek tieħu; nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.”—SALM 32:8.
1. Liema fatturi huma neċessarji għal żwieġ hieni?
L-AKROBATA jitlaq b’saħħa l-bandla waqt li din tkun sejra min-naħa għall-oħra, jiltewa fi tnejn, u b’ħeffa jagħmel gabrijola fl-arja. Imbagħad jiddritta, joħroġ dirgħajh u jaħtaf idejn sieħbu li jkun imdendel rasu ’l isfel minn bandla oħra ġejja min-naħa l-oħra. Koppja oħra qed jiżfnu flimkien fuq is-silġ fi qbil perfett. F’daqqa waħda, ir-raġel jerfaʼ lis-sieħba tiegħu u jgħolliha fl-arja. Hi ddur, tinżel ħelu ħelu fuq sieq waħda, u tibqaʼ ddur mas-sieħeb tagħha fuq is-silġ. Iż-żewġ spettakli jidhru qishom saru bla sforz taʼ xejn. Iżda, min se jażżarda jagħmilhom mingħajr prattika, sieħeb kapaċi, u speċjalment gwida u istruzzjoni addattati? Bl-istess mod, żwieġ hieni jidher donnu li jiġi b’kumbinazzjoni. Madankollu, dan ukoll jiddependi minn sieħeb jew sieħba tajba, minn sforz min-naħa tat-tnejn, u speċjalment minn pariri għaqlin. Tabilħaqq, gwida xierqa hija essenzjali.
2. (a) Min waqqaf l-arranġament taż-żwieġ, u għal liema skop? (b) Kif kienu jsiru ċerti arranġamenti taż-żwieġ?
2 Hija ħaġa naturali li ż-żgħażagħ mhux miżżewġin jaħsbu dwar li jkollhom sieħeb jew sieħba—xi ħadd maʼ min iqattgħu l-kumplament taʼ ħajjithom. Minn mindu Alla Jehovah oriġina ż-żwieġ bejn raġel u mara, din saret ħaġa normali fil-ħajja. Imma Adam, l-ewwel raġel, m’għażilhiex hu lil martu. Kien Jehovah li b’imħabba pprovdihielu. (Ġenesi 2:18-24) Lill-ewwel koppja riedha toktor sabiex l-art fl-aħħar mill-aħħar timtela bil-bnedmin. Wara din l-ewwel għaqda, iż-żwieġ normalment kien jiġi rranġat mill-ġenituri taʼ l-għarus u l-għarusa, xi drabi wara li jkunu aċċettaw dawk involuti. (Ġenesi 21:21; 24:2-4, 58; 38:6; Ġożwè 15:16, 17) Filwaqt li f’xi pajjiżi u kulturi din il-ħaġa għadha komuni, ħafna llum jiddeċiedu huma lil min iridu jiżżewġu.
3. Kif għandek tagħżel lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek?
3 Kif għandek tagħżel is-sieħeb jew is-sieħba? Xi wħud jiġu influwenzati mill-apparenza—dak li hu sabiħ u jħajjar lill-għajnejn. Oħrajn ifittxu l-benefiċċji materjali, lil xi ħadd li jistaʼ jżommhom tajjeb u li jipprovdilhom kulma jixtiequ. Imma huma dawn l-affarijiet biss li se jwasslu għal relazzjoni hienja u sodisfaċenti? “Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha,” jgħid Proverbji 31:30, “mara li tibżaʼ mill-Mulej taʼ min ifaħħarha.” U hawnhekk insibu punt importanti: Tħallix lil Jehovah barra meta tiġi biex tagħżel lil min se tiżżewweġ.
Gwida bi Mħabba Mingħand Alla
4. Alla liema għajnuna jipprovdi rigward l-għażla tas-sieħeb jew is-sieħba?
4 Jehovah, Missierna tas-sema kollu mħabba, ipprovdielna l-Kelma miktuba tiegħu biex tiggwidana f’kollox. Hu jgħid: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.” (Isaija 48:17) Mela m’għandniex għalfejn nistagħġbu li fil-Bibbja nsibu tagħrif ibbażat fuq l-esperjenza, li jistaʼ jiggwidana meta niġu biex nagħżlu lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħna. Jehovah jridna ngawdu żwiġijiet hienja u dejjiema. Għalhekk, hu pprovdielna għajnuna biex nifhmu u napplikaw dan it-tagħrif. Mhux dan li tistenna mingħand il-Ħallieq tagħna kollu mħabba?—Salm 19:9 [19:8, NW].
5. X’inhu vitali għall-hena dejjiemi fiż-żwieġ?
5 Meta Jehovah waqqaf l-arranġament taż-żwieġ, hu ried li r-rabta taż-żwieġ tkun waħda dejjiema. (Mark 10:6-12; 1 Korintin 7:10, 11) Huwa għalhekk li hu ‘jobgħod id-divorzju,’ u jippermettih biss minħabba ż-żína. (Malakija 2:13-16; Mattew 19:9, KŻ) Għalhekk, l-għażla tas-sieħeb jew is-sieħba hija waħda mill-iktar deċiżjonijiet serji li nistgħu nieħdu u għandha ssir bl-akbar attenzjoni. Ma tantx hemm deċiżjonijiet li għandhom daqstant potenzjal għall-hena jew għan-niket. Filwaqt li għażla tajba tistaʼ ttejjeb u tissodisfa lil ħajjitna, għażla ħażina tistaʼ ġġib niket bla tmiem. (Proverbji 21:19; 26:21) Jekk trid tibqaʼ kuntent, huwa vitali li tagħżel bil-għaqal u tkun lest li tidħol għal rabta dejjiema, għax Alla waqqaf iż-żwieġ bħala sħubija li tissaħħaħ bl-armonija u l-kooperazzjoni.—Mattew 19:6.
6. B’mod speċjali ż-żgħażagħ għala jridu joqogħdu attenti meta jiġu biex jagħżlu lis-sieħeb jew lis-sieħba, u kif jistgħu jieħdu l-iktar deċiżjoni għaqlija?
6 B’mod speċjali ż-żgħażagħ iridu joqogħdu attenti li ma jħallux l-attrazzjoni fiżika u l-ġibdiet qawwija jtellfuhom milli jieħdu deċiżjoni tajba meta jiġu biex jagħżlu lil min se jiżżewġu. Tabilħaqq, relazzjoni bbażata biss fuq fatturi bħal dawn malajr tistaʼ tinbidel f’disprezz jew saħansitra f’mibegħda. (2 Samwel 13:15) Mill-banda l-oħra, imħabba dejjiema tistaʼ titrawwem u tikber iżjed ma nsiru nafu lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħna aħjar u iżjed ma nsiru nifhmu lilna nfusna aħjar. Irridu nirrealizzaw ukoll li dak li hu l-aħjar għalina mhux bilfors li hu dak li qalbna tkun tixtieq fil-bidu. (Ġeremija 17:9) Huwa għalhekk li l-gwida t’Alla li nsibu fil-Bibbja hija daqstant importanti. Tgħinna nagħrfu kif nistgħu nieħdu l-iktar deċiżjonijiet għaqlin fil-ħajja. Is-salmista rrappreżenta lil Jehovah bħala li qed jgħidilna dan il-kliem: “Ngħallmek u nurik it-triq li għandek tieħu; nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.” (Salm 32:8; Lhud 4:12) Filwaqt li ż-żwieġ jistaʼ jissodisfa l-bżonn naturali tagħna għall-imħabba u l-kumpanija, dan jippreżenta wkoll sfidi li jirrikjedu maturità u dehen.
7. Xi wħud għala ma jaċċettawx il-pariri bbażati fuq il-Bibbja rigward l-għażla tas-sieħeb jew is-sieħba, iżda dan għalxiex jistaʼ jwassal?
7 It-triq għaqlija hi li tagħti kas taʼ dak li għandu xi jgħid l-Oriġinatur taż-żwieġ rigward l-għażla tas-sieħeb jew is-sieħba. Madankollu, jistaʼ jkun li nieħdu għalina meta ningħataw xi pariri bbażati fuq il-Bibbja mingħand il-ġenituri jew l-anzjani Kristjani. Forsi nħossu li dawn ma jifhmuniex għalkollox, u għandu mnejn li xewqat emozzjonali qawwija jqanqluna biex nimxu wara l-inklinazzjoni taʼ qalbna. Iżda, hekk kif niffaċċjaw ir-realtà, forsi jiddispjaċina li ma tajniex kas tal-pariri għaqlin li ngħatajna għall-ġid tagħna. (Proverbji 23:19; 28:26) Jistaʼ jagħti l-kas li nsibu lilna nfusna fi żwieġ mingħajr imħabba, waqt li jkollna rrabbu t-tfal b’ħafna tbatija, u forsi saħansitra maʼ sieħeb jew sieħba mhux taʼ l-istess twemmin. X’ħasra tkun li ż-żwieġ li setaʼ ġabilna ħafna kuntentizza jsir il-kaġun taʼ ħafna niket!
Devozzjoni Lejn Alla —Fattur Fundamentali
8. Id-devozzjoni lejn Alla kif tgħin iż-żwieġ ikun dejjiemi u hieni?
8 Irridu nammettu li meta tnejn ikunu miġbudin lejn xulxin, dan se jgħin biex isaħħaħ iż-żwieġ. Imma li dawn ikollhom l-istess valuri huwa saħansitra iktar importanti biex l-għaqda taʼ bejniethom tkun waħda dejjiema u tipproduċi l-hena. Meta t-tnejn li huma jkollhom devozzjoni lejn Alla Jehovah, din issawwar rabta dejjiema u tkabbar l-għaqda taʼ bejniethom b’tali mod li l-ebda fattur ieħor ma jistaʼ. (Koħèlet 4:12) Meta żewġ Kristjani miżżewġin jagħmlu l-qima vera taʼ Jehovah l-iktar ħaġa importanti f’ħajjithom, huma jkunu magħqudin spiritwalment, mentalment, u moralment. Huma jistudjaw il-Kelma t’Alla flimkien. Jitolbu flimkien, u dan jgħaqqad qlubhom flimkien. Imorru flimkien għal-laqgħat Kristjani u jaħdmu flimkien fil-ministeru taʼ l-għalqa. Dan kollu jgħin biex tifforma rabta spiritwali li tressaqhom eqreb lejn xulxin. Jerġaʼ iktar importanti, dan iġib il-barka taʼ Jehovah.
9. Abraham x’għamel biex isib mara għal Iżakk, u x’kien ir-riżultat?
9 Peress li kellu devozzjoni lejn Alla, Abraham, il-patrijarka leali, fittex li jogħġbu meta kien wasal iż-żmien li jagħżel mara għal ibnu Iżakk. Abraham qal lill-qaddej fdat tiegħu: “Inġagħlek taħlifli bil-Mulej Alla tas-sema u l-art, li ma tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin, li jien qiegħed ngħammar f’nofshom. Imma tmur f’arti, u għand niesi, u ħu minn hemm mara għal ibni Iżakk. . . . [Jehovah] jibgħat l-anġlu tiegħu quddiemek u int tieħu mara għal ibni minn hemm.” Rebekka tassew uriet li kienet mara mill-aqwa u Iżakk kien iħobbha ħafna.—Ġenesi 24:3, 4, 7, 14-21, 67.
10. Liema obbligi Skritturali għandhom l-irġiel u n-nisa miżżewġin?
10 Jekk aħna Kristjani mhux miżżewġin, id-devozzjoni lejn Alla se tgħinna rrawmu ġewwa fina kwalitajiet li bihom inkunu kapaċi nwettqu l-ħtiġijiet Skritturali għaż-żwieġ. Fost l-obbligi taʼ l-irġiel u n-nisa miżżewġin insibu dawn li semma l-appostlu Pawlu: “Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej . . . Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. . . . L-irġiel [għandhom] iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. . . . Għalhekk intom ukoll, kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha.” (Efesin 5:22-33) Kif nistgħu naraw, il-kliem ispirat taʼ Pawlu jenfasizza l-ħtieġa għall-imħabba u r-rispett. Li nosservaw dawn il-pariri jinvolvi rispett profond lejn Jehovah. Jirrikjedi li b’qalbna kollha nagħtu kelmitna u nżommuha kemm fit-tajjeb u kemm fil-ħażin. Kristjani li qed jaħsbu għaż-żwieġ għandhom ikunu kapaċi jerfgħu din ir-responsabbiltà.
Niddeċiedu Meta Jkun Għaqli li Niżżewġu
11. (a) Liema parir dwar meta għandna niżżewġu jingħata fl-Iskrittura? (b) Liema eżempju juri kemm hu għaqli li nsegwu l-parir tal-Bibbja li nsibu fl-1 Korintin 7:36, NW?
11 Huwa vitali li nkunu nafu meta aħna lesti għaż-żwieġ. Ladarba mhux kulħadd hu l-istess, l-Iskrittura ma tagħtix età. Madankollu, din turi li jkun aħjar li nistennew sakemm ikun “għadda l-fjur taż-żgħożija,” meta l-ġibdiet sesswali jkunu qawwijin u jistgħu jfixkluna milli nagħmlu għażla tajba. (1 Korintin 7:36, NW) “Meta kont nara lil ħbiebi jitgħarrsu u jiżżewġu, ħafna minnhom taħt l-għoxrin, xi drabi kont insibha diffiċli li napplika dan il-parir,” tgħid Michelle. “Imma jien irrealizzajt li dan il-parir ġej mingħand Jehovah, li jgħidilna biss dak li hu għall-ġid tagħna. Billi stennejt biex niżżewweġ, jien stajt nikkonċentra fuq ir-relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah u ksibt ftit esperjenza fil-ħajja, li ma jistax ikun li jkollok meta tkun għadek adolexxent. Xi snin wara, kont iktar preparata biex nerfaʼ r-responsabbiltajiet kif ukoll biex niffaċċja l-problemi li jqumu fiż-żwieġ.”
12. Għala jkun għaqli li wieħed ma jgħaġġilx biex jiżżewweġ meta jkun għadu żgħir?
12 Dawk li jgħaġġlu biex jiżżewġu waqt li jkunu għadhom żgħar spiss isibu li l-bżonnijiet u x-xewqat tagħhom jinbidlu hekk kif jimmaturaw. Imbagħad jirrealizzaw li l-affarijiet li qabel kienu jixtiquhom m’għadhomx daqstant importanti. Kristjana żagħżugħa kienet determinata li tiżżewweġ meta jkollha 16-il sena. Nannitha kienet iżżewġet taʼ dik l-età, u ommha wkoll. Meta wieħed żagħżugħ li xtaqet tiżżewġu ma ridhiex f’dak iż-żmien, hi għażlet lil ħaddieħor li kien lest li jiżżewwiġha. Iżda, iktar tard f’ħajjitha hi ddispjaċieha ħafna għad-deċiżjoni mgħaġġla li kienet ħadet.
13. Taʼ spiss, x’ma jkollhomx dawk li jiżżewġu qabel il-waqt?
13 Meta nkunu qed naħsbu biex niżżewġu, huwa importanti li b’maturità nifhmu għalxiex inkunu deħlin. Żwieġ qabel il-waqt jistaʼ jġib għadd kbir taʼ problemi li koppja żagħżugħa x’aktarx ma tkunx preparata sew biex tiffaċċjahom. Għandu mnejn dawn ma jkollhomx l-esperjenza u l-maturità meħtieġa biex ikampaw mal-pressjonijiet taż-żwieġ u t-trobbija tat-tfal. Għandna niżżewġu biss meta nkunu fiżikament, mentalment, u spiritwalment lesti biex nidħlu f’rabta dejjiema mas-sieħeb jew is-sieħba tagħna.
14. X’inhu meħtieġ biex jissolvew sitwazzjonijiet li joħolqu tensjoni fiż-żwieġ?
14 Pawlu kiteb li dawk li jiżżewġu se jkollhom “it-tbatija tal-ġisem.” (1 Korintin 7:28, Saydon) Dejjem se jqumu xi problemi peress li jkun hemm żewġ personalitajiet individwali, u l-opinjonijiet ivarjaw. Minħabba l-imperfezzjoni umana, għandu mnejn ikun diffiċli li nwettqu l-irwol Skritturali tagħna fl-arranġament taż-żwieġ. (1 Korintin 11:3; Kolossin 3:18, 19; Titu 2:4, 5; 1 Pietru 3:1, 2, 7) Ikun hemm bżonn taʼ maturità u stabbiltà spiritwali biex infittxu u nsegwu gwida divina, u b’hekk insolvu b’imħabba sitwazzjonijiet li joħolqu tensjoni.
15. Il-ġenituri liema rwol jistaʼ jkollhom biex iħejju lil uliedhom għaż-żwieġ? Agħti eżempju.
15 Il-ġenituri jistgħu jħejju lil uliedhom għaż-żwieġ billi jgħinuhom jifhmu kemm hu importanti li jsegwu l-gwida t’Alla. Meta jużaw il-Bibbja u pubblikazzjonijiet Kristjani bis-sengħa, il-ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom jiddeterminaw jekk huma jew l-imseħbin prospettivi tagħhom humiex lesti biex jidħlu għar-rabta taż-żwieġ.a Blossom, li kellha 18-il sena, ħasbet li kienet tħobb żagħżugħ mill-kongregazzjoni tagħha. Hu kien pijunier full-time, u riedu jiżżewġu. Imma l-ġenituri tagħha qalulha biex tistenna sena, għax ħassew li kienet għadha żgħira wisq. Iktar tard Blossom kitbet: “Jien grata li tajt widen għal dan il-parir għaqli. Matul dik is-sena, kont immaturajt ftit u bdejt nara li dan iż-żagħżugħ ma kellux il-kwalitajiet li jagħmluh sieħeb tajjeb għaż-żwieġ. Maż-żmien telaq mill-organizzazzjoni, u jien ħrabt minn sitwazzjoni li kienet se tagħmilli ħajti diżastru. Kemm jien ferħana li għandi ġenituri għaqlin u li nistaʼ nistrieħ fuq il-ġudizzju tagħhom!”
‘Niżżewġu Biss fil-Mulej’
16. (a) Il-Kristjani kif jistgħu jgħaddu minn prova rigward li ‘jiżżewġu fil-Mulej’? (b) Meta jiġu ttantati li jiżżewġu lil xi ħadd li ma jkunx taʼ l-istess twemmin, il-Kristjani fuq xiex għandhom jirriflettu?
16 Il-gwida taʼ Jehovah għall-Kristjani hi ċara ħafna: ‘Iżżewġu biss fil-Mulej.’ (1 Korintin 7:39, Saydon) Ġenituri Kristjani u wliedhom għandhom mnejn jgħaddu minn prova f’dan ir-rigward. Dan kif? Iż-żgħażagħ forsi jkunu jixtiequ jiżżewġu, imma fil-kongregazzjoni ma jkunx hemm lil min jiżżewġu. Għallinqas hekk donnu jidher. Forsi jkun hemm inqas irġiel milli nisa disponibbli f’ċertu post, jew jistaʼ jiġri li ma jkun hemm ħadd li jidher addattat f’dawk l-inħawi. Żagħżugħ li m’huwiex membru dedikat tal-kongregazzjoni għandu mnejn jitfaʼ għajnejh fuq xi żagħżugħa Kristjana (jew kontra), u ssir pressjoni biex jiġu injorati l-livelli mwaqqfin minn Jehovah. F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun tajjeb li nirriflettu fuq l-eżempju t’Abraham. Mod wieħed kif hu żamm ir-relazzjoni tajba li kellu m’Alla kien billi ħa ħsieb li ibnu Iżakk jiżżewweġ waħda li kienet tadura verament lil Jehovah. Iżakk għamel l-istess ħaġa rigward ibnu Ġakobb. Kien meħtieġ sforz minn dawk kollha involuti, imma dan għoġob lil Alla u ġab il-barka tiegħu.—Ġenesi 28:1-4.
17. Żwieġ maʼ xi ħadd li mhux taʼ l-istess twemmin għala x’aktarx jispiċċa ħażin, u x’inhi l-iktar raġuni importanti għala għandna ‘niżżewġu biss fil-Mulej’?
17 Ġieli ġara li l-individwu taʼ twemmin ieħor maż-żmien sar Kristjan. Iżda żwiġijiet maʼ nies taʼ twemmin ieħor taʼ spiss spiċċaw ħażin. Dawk li ntrabtu f’madmad li mhux indaqs m’għandhomx l-istess twemmin, livelli, jew miri. (2 Korintin 6:14, Saydon) Dan jistaʼ jkollu effett ħażin fuq il-komunikazzjoni u fuq il-kuntentizza fiż-żwieġ. Per eżempju, waħda mara Kristjana jiddispjaċiha ħafna għall-fatt li wara laqgħa li ssaħħaħha spiritwalment, ma tistax tmur id-dar u tiddiskuti affarijiet spiritwali mar-raġel tagħha li mhux taʼ l-istess twemmin. M’għandniex xi ngħidu, l-iktar importanti hu li meta ‘niżżewġu fil-Mulej’ nuru l-lealtà tagħna lejn Jehovah. Meta nosservaw il-Kelma t’Alla, il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, għax inkunu qed “nagħmlu dak li jogħġob lilu.”—1 Ġwann 3:21, 22.
18. Meta nikkunsidraw iż-żwieġ, għal liema affarijiet importanti għandha tingħata attenzjoni, u għala?
18 Meta nikkunsidraw iż-żwieġ, it-tħassib ewlieni tagħna għandu jkun dwar il-virtù u l-ispiritwalità tas-sieħeb jew sieħba prospettiva. Personalità Kristjana, flimkien maʼ mħabba għal Alla u devozzjoni b’ruħna kollha lejh, hija taʼ valur ferm akbar mis-sbuħija fiżika. L-approvazzjoni divina titgawda minn dawk li japprezzaw u jwettqu l-obbligu tagħhom li jkunu mseħbin fiż-żwieġ b’saħħithom spiritwalment. U l-akbar saħħa li l-koppja jistaʼ jkollha tiġi minn devozzjoni lejn il-Ħallieq min-naħa tat-tnejn, kif ukoll meta dawn jaċċettaw bis-sħiħ il-gwida tiegħu. B’dan il-mod Jehovah jiġi onorat, u ż-żwieġ jibda fuq pedament sod spiritwalment li se jwassal għal għaqda dejjiema.
[Nota taʼ taħt]
a Ara It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Frar, 1999, paġni 4-8.
Int Kif Twieġeb?
• Għala hi meħtieġa l-gwida t’Alla biex nagħżlu sieħeb jew sieħba addattata?
• Id-devozzjoni lejn Alla kif tgħin biex issaħħaħ ir-rabta taż-żwieġ?
• Il-ġenituri kif jistgħu jħejju lil uliedhom għaż-żwieġ?
• Għala huwa importanti li ‘niżżewġu biss fil-Mulej’?
[Stampi f’paġna 17]
Meta napplikaw il-pariri t’Alla rigward l-għażla tas-sieħeb jew is-sieħba tagħna, dan jistaʼ jwassal għal ħafna hena
[Stampi f’paġna 18]
Dawk li ‘jiżżewġu biss fil-Mulej’ ikollhom barkiet għonja