LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bm taqsima 25 p. 29
  • Pariri Dwar il-Fidi, il-Kondotta, u l-Imħabba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Pariri Dwar il-Fidi, il-Kondotta, u l-Imħabba
  • Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
  • Materjal Simili
  • Dawn kitbu dwar Ġesù
    Għallem lil Uliedek
  • Punti Prinċipali mill-Ittri taʼ Ġwanni u taʼ Ġuda
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • ‘Issieltu bil-Ħeġġa għall-Fidi’!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ejjew Inżommu Sod mal-Fidi Prezzjuża Tagħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
Ara Iżjed
Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
bm taqsima 25 p. 29

IL 25 TAQSIMA

Pariri Dwar il-​Fidi, il-​Kondotta, u l-​Imħabba

Ġakbu, Pietru, Ġwanni, u Ġuda jiktbu ittri biex jinkuraġġixxu lil sħabhom fit-​twemmin

ĠAKBU u Ġuda kienu ħut Ġesù mill-​omm. Pietru u Ġwanni kienu tnejn mit-​12-​il appostlu taʼ Ġesù. Dawn l-​erbat irġiel b’kollox kitbu sebaʼ ittri li jinstabu fl-​Iskrittura Griega Kristjana. Kull waħda minn dawn l-​ittri għandha l-​isem taʼ min kitibha. It-​twissijiet imnebbħin li jinstabu f’dawn l-​ittri kellhom l-​iskop li jgħinu lill-​Kristjani jżommu l-​integrità lejn Ġeħova u l-​lealtà tagħhom lejn is-​Saltna t’Alla.

Il-​Kristjani għandhom juru l-​fidi. Mhuwiex biżżejjed li wieħed jgħid li għandu l-​fidi. Il-​fidi vera twassal għall-​azzjonijiet. “Tabilħaqq,” jikteb Ġakbu, “il-​fidi mingħajr l-​għemejjel hi mejta.” (Ġakbu 2:26) Meta wieħed jaġixxi bil-​fidi matul il-​provi, se jżid is-​sabar tiegħu. Sabiex jirnexxi, Kristjan jeħtieġ li jitlob lil Alla għall-​għerf, konvint li Alla se jagħtihulu. Is-​sabar iwassal għall-​approvazzjoni t’Alla. (Ġakbu 1:2-​6, 12) Jekk bil-​fidi wieħed iżomm l-​integrità, Alla Ġeħova se jaġixxi. “Ersqu qrib lejn Alla,” jgħid Ġakbu, “u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġakbu 4:8.

Il-​fidi taʼ Kristjan trid tkun b’saħħitha biżżejjed biex tgħinu jirreżisti t-​tentazzjonijiet u l-​influwenzi immorali. Minħabba li kien jgħix f’ambjent moralment ħażin, Ġuda ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin biex ‘jiġġieldu bl-​aħrax għall-​fidi.’—Ġuda 3.

Il-​Kristjani għandu jkollhom kondotta nadifa. Ġeħova jistenna li dawk li jqimuh ikunu qaddisin, jiġifieri, nodfa f’kollox. Pietru jikteb: “Kunu intom ukoll qaddisin fil-​kondotta kollha tagħkom, għax hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax jien [Ġeħova] qaddis.’” (1 Pietru 1:15, 16) Il-​Kristjani għandhom eżempju mill-​aqwa x’jimitaw. “Kristu sofra għalikom,” jgħid Pietru, “u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) Għalkemm il-​Kristjani jistgħu jbatu minħabba li jimxu mal-​livelli għoljin t’Alla, huma jżommu “kuxjenza tajba.” (1 Pietru 3:16, 17) Pietru jħeġġeġ lill-​Kristjani biex joktru fil-​kondotta qaddisa u għemejjel li jirriflettu d-​devozzjoni lejn Alla, waqt li jistennew il-​jum taʼ ġudizzju t’Alla u d-​dinja l-​ġdida mwiegħda li fiha “tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pietru 3:11-​13.

“Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġakbu 4:8

Il-​Kristjani għandhom juru l-​imħabba. “Alla hu mħabba,” jikteb Ġwanni. L-​appostlu jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​fatt li Alla wera l-​imħabba kbira tiegħu billi bagħat lil Ġesù bħala ‘sagrifiċċju għal dnubietna.’ Il-​Kristjani kif għandhom iwieġbu għal dan? Ġwanni jispjega: “Maħbubin, jekk Alla ħabbna b’dan il-​mod, mela aħna għandna l-​obbligu li nħobbu lil xulxin.” (1 Ġwanni 4:8-​11) Mod wieħed kif nuru mħabba bħal din hu billi nkunu ospitabbli lejn sħabna fit-​twemmin.—3 Ġwanni 5-​8.

Iżda dawk li jqimu lil Ġeħova kif jistgħu juru mħabbithom lejh? Ġwanni jwieġeb: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3; 2 Ġwanni 6) Dawk li jobdu lil Alla huma żgurati li Alla se jibqaʼ jħobbhom u jwegħedhom “il-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġuda 21.

—Ibbażat fuq Ġakbu; 1 Pietru; 2 Pietru; 1 Ġwanni; 2 Ġwanni; 3 Ġwanni; Ġuda.

  • Kristjan kif jistaʼ juri l-​fidi?

  • X’tip taʼ kondotta jistenna Alla minn dawk li jqimuh?

  • Wieħed kif juri li verament iħobb lil Alla?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja