LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 6/1 pp. 14-19
  • ‘Issieltu bil-Ħeġġa għall-Fidi’!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Issieltu bil-Ħeġġa għall-Fidi’!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Irreżisti l-​Immoralità
  • Irrispetta l-​Awtorità Stabbilita minn Alla
  • “Żommu Rwieħkom fl-​Imħabba taʼ Alla”
  • Għandna niġġieldu biex nibqgħu fil-verità
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2019
  • Attenti Minn Għalliema Foloz!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Nisimgħu l-Messaġġ taʼ Ġuda
    Għannu Tifħir lil Jehovah
  • Punti Prinċipali mill-Ittri taʼ Ġwanni u taʼ Ġuda
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 6/1 pp. 14-19

‘Issieltu bil-​Ħeġġa għall-​Fidi’!

‘Issieltu bil-​ħeġġa għall-​fidi mogħtija lill-​qaddisin darba.’ —ĠUDA 3, “Karm Żammit.”

1. Il-​Kristjani veri llum f’liema sens qegħdin jieħdu sehem fi gwerra?

IS-​SULDATI f’xi gwerra dejjem kellhom ħajja iebsa. Immaġinak armat sa snienek għall-​gwerra u qed timmarċja għal kilometri sħaħ f’kull xorta taʼ temp, waqt li tgħaddi minn taħriġ iebes biex titgħallem tuża l-​armi, jew ikollok tiddefendi ruħek kontra kull xorta taʼ theddid vjolenti għal saħħtek jew għal ħajtek. Il-​Kristjani veri, madankollu, ma jiħdux sehem fil-​gwerer tal-​ġnus. (Isaija 2:2-4; Ġwann 17:14) Xorta waħda, qatt m’għandna ninsew li f’ċertu sens aħna lkoll qegħdin fi gwerra. Satana huwa mimli mibegħda għal Ġesù Kristu u għas-​segwaċi tiegħu fuq l-​art. (Apokalissi 12:17) Dawk kollha li jiddeċiedu li jaqdu lil Alla Jehovah, fil-​fatt, ikunu qegħdin jingaġġaw bħala suldati biex jitqabdu fi gwerra spiritwali.—2 Korintin 10:4.

2. Ġuda kif jiddeskrivi l-​gwerra Kristjana, u l-​ittra tiegħu kif tistaʼ tgħinna nissaportu fiha?

2 Bix-​xieraq, Ġuda, ħu Ġesù mill-​omm jikteb: “Maħbubin, meta kelli ħerqa kbira li niktbilkom fuq is-​salvazzjoni tagħna lkoll, kien meħtieġ għalija li niktbilkom, u nitlobkom li tissieltu bil-​ħeġġa għall-​fidi mogħtija lill-​qaddisin darba.” (Ġuda 3, KŻ) Meta Ġuda jħeġġeġ lill-​Kristjani biex ‘jissieltu bil-​ħeġġa,’ hu juża t-​terminu relatat mal-​kelma għal “agunija.” Iva, din il-​ġlieda tistaʼ tkun diffiċli, saħansitra agonizzanti! Ġieli ssibha iebsa li tissaporti f’din il-​gwerra? L-​ittra qasira imma qawwija taʼ Ġuda tistaʼ tgħinna. Din tħeġġiġna nirreżistu l-​immoralità, nirrispettaw l-​awtorità stabbilita minn Alla, u nżommu lilna nfusna fl-​imħabba t’Alla. Ejjew naraw kif napplikawhom dawn il-​pariri.

Irreżisti l-​Immoralità

3. Maʼ liema sitwazzjoni t’emerġenza ħabbtet wiċċha l-​kongregazzjoni Kristjana fi żmien Ġuda?

3 Ġuda setaʼ jara li mhux sħabu l-​Kristjani kollha kienu qegħdin jirbħu l-​gwerra kontra Satana. Il-​merħla kienet qiegħda tħabbat wiċċha maʼ sitwazzjoni t’emerġenza. Kienu “ndiehsu” rġiel korrotti, jikteb Ġuda. Dawn l-​irġiel kienu b’mod sottili qed jippromwovu l-​immoralità. U bil-​makakkerija kollha pprovaw jiġġustifikaw l-​għemejjel tagħhom, billi ‘qalbu l-​grazzja taʼ Alla tagħna f’żína.’ (Ġuda 4) Forsi, bħalma għamlu xi Njostiċi tal-​qedem, huma rraġunaw li iktar ma wieħed jagħmel dnubiet, iktar kien se jirċievi grazzja mingħand Alla​—għalhekk, fil-​fatt, kien aħjar li tidneb iktar! Jew forsi kkonkludew li Alla ħanin qatt ma kien se jikkastigahom. Kien x’kien, kienu żbaljati.—1 Korintin 3:19.

4. Ġuda jsemmi liema tliet eżempji Skritturali tal-​ġudizzji taʼ Jehovah fil-​passat?

4 Ġuda jirrifjuta r-​raġunar mill-​agħar tagħhom billi jsemmi tliet eżempji taʼ ġudizzji li għamel Jehovah fil-​passat: kontra l-​Iżraeliti “li ma emmnux”; kontra l-​“anġli li . . . telqu mnejn kienu jgħammru” sabiex jidinbu man-​nisa; u kontra l-​abitanti taʼ Sodoma u Gomorra, li “ngħataw għaż-​żína u ntelqu wara l-​pjaċiri kontra n-​natura.” (Ġuda 5-7; Ġenesi 6:2-4; 19:4-25; Numri 14:35) F’kull każ, Jehovah ġab ġudizzju li baqaʼ jissemma kontra l-​midinbin.

5. Ġuda jikkwota lil liema profeta tal-​qedem, u dik il-​profezija kif tesprimi ċ-​ċertezza assoluta tat-​twettiq tagħha?

5 Iktar tard, Ġuda jirreferi għal saħansitra ġudizzju fuq skala akbar. Hu jikkwota profezija taʼ Ħenok​—passaġġ li ma jinstab f’ebda post ieħor fl-​Iskrittura mnebbħa.a (Ġuda 14, 15) Ħenok bassar żmien meta Jehovah kellu jiġġudika lill-​ħżiena kollha u l-​għemejjel ħżiena tagħhom. Interessanti li Ħenok uża l-​verbi fil-​passat meta tkellem, għax il-​ġudizzji t’Alla kienu tant ċerti daqs li kieku kienu diġà seħħew. In-​nies għandhom mnejn iżżuffjettaw b’Ħenok u iktar tard b’Noè, imma dawn in-​nies li kienu jħobbu jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt għerqu fid-​Dilluvju globali.

6. (a) Il-​Kristjani fi żmien Ġuda dwar xiex kellhom jiġu mfakkrin? (b) Għala għandna ngħożżu t-​tfakkiriet taʼ Ġuda?

6 Ġuda għala kiteb dawn il-​ġudizzji divini? Għaliex kien jaf li xi wħud li kienu qed jassoċjaw mal-​kongregazzjonijiet Kristjani fi żmienu stess kienu qed jikkommettu dnubiet moqżieża u taʼ min jikkundannahom daqs dawk li pprovokaw dawk il-​ġudizzji tal-​passat. B’hekk, Ġuda jikteb li l-​kongregazzjonijiet kellhom bżonn jiġu mfakkrin dwar xi veritajiet spiritwali bażiċi. (Ġuda 5) Jidher li kienu nsew li Alla Jehovah kien ra x’kienu qed jagħmlu. Iva, meta l-​qaddejja tiegħu jiksru l-​liġijiet tiegħu apposta, u jniġġsu lilhom infushom u lil oħrajn, hu jkun qed jara kollox. (Proverbji 15:3) Atti bħal dawn iweġġgħuh profondament. (Ġenesi 6:6; Salm 78:40) Il-​fatt li aħna, sempliċi bnedmin, nistgħu neffettwaw is-​sentimenti tal-​Mulej Sovran taʼ l-​univers verament iqanqal ħsieb taʼ reverenza profonda. Hu kuljum qiegħed josservana, u meta nagħmlu l-​almu tagħna biex insegwu l-​passi taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, imbagħad il-​kondotta tagħna tferraħlu qalbu. Allura, ejjew qatt ma nuru stmerrija għal tfakkiriet bħal dawk taʼ Ġuda, imma ejjew ngħożżuhom.—Proverbji 27:11; 1 Pietru 2:21.

7. (a) Għala huwa kruċjali li dawk involuti fi dnub serju jfittxu l-​għajnuna immedjatament? (b) Kif nistgħu lkoll kemm aħna nevitaw l-​immoralità?

7 Jehovah mhux biss jara, imma jaġixxi. Bħala Alla taʼ ġustizzja​—illum jew għada—​hu jġib kastig fuq dawk li jagħmlu l-​ħażen. (1 Timotju 5:24) Dawk li jirraġunaw li l-​ġudizzji tiegħu m’għadhomx moda u li hu m’huwiex ikkonċernat bil-​ħażen li jagħmlu huma, dawn qed jidħku bihom infushom. Kemm huwa kruċjali għal kulmin illum hu involut fl-​immoralità li jfittex l-​għajnuna mingħand l-​anzjani Kristjani! (Ġakbu 5:14, 15) Ilkoll kemm aħna nistgħu sinċerament nitħassbu minħabba t-​theddida taʼ l-​immoralità fil-​gwerra spiritwali tagħna. Kull sena jkun hemm min jintlaqat​—individwi li jitkeċċew minn ġo nofsna, il-​maġġuranza tagħhom talli jikkommettu atti immorali u ma jindmux. Irridu nkunu riżoluti b’mod sod li nirreżistu kwalunkwe tentazzjonijiet li saħansitra jibdew imexxuna f’direzzjoni bħal din.—Qabbel Mattew 26:41.

Irrispetta l-​Awtorità Stabbilita minn Alla

8. Min kienu l-​“ħlejjaq glorjużi” msemmijin f’Ġuda 8?

8 Problema oħra li jindirizza Ġuda hija n-​nuqqas taʼ rispett għall-​awtorità stabbilita minn Alla. Per eżempju, fil-​vers 8, hu jakkuża lill-​istess irġiel mill-​agħar li kienu qed “iżebilħu l-​ħlejjaq glorjużi.” Min kienu dawn il-​“ħlejjaq glorjużi”? Kienu rġiel imperfetti, imma li kellhom responsabbiltajiet mogħtijin lilhom mill-​ispirtu taʼ Jehovah. Per eżempju, il-​kongregazzjonijiet kellhom anzjani li kienu inkarigati biex jirgħu l-​merħla t’Alla. (1 Pietru 5:2) Kien hemm indokraturi li jivvjaġġaw ukoll, bħalma kien l-​appostlu Pawlu. U l-​ġemgħa taʼ l-​anzjani f’Ġerusalemm kienet taqdi bħala ġemgħa li tiggverna, billi tagħmel deċiżjonijiet li jeffettwaw il-​kongregazzjoni Kristjana kollha kemm hi. (Atti 15:6) Ġuda kien ikkonċernat profondament dwar ċerti wħud fil-​kongregazzjonijiet li kienu qed iżebilħu, jew jidgħu lil irġiel bħal dawn.

9. Ġuda jsemmi liema eżempji rigward in-​nuqqas taʼ rispett lejn l-​awtorità?

9 Biex jikxef dan il-​paroli taʼ nuqqas taʼ rispett, fil-​vers 11, Ġuda jsemmi tliet eżempji oħrajn bħala tfakkiriet: Kajjin, Balgħam, u Koraħ. Kajjin injora l-​parir mimli mħabba taʼ Jehovah u b’ras iebsa segwa l-​korsa tiegħu stess taʼ mibegħda qattiela. (Ġenesi 4:4-8) Għal darba wara l-​oħra Balgħam ngħata twissijiet li bla ebda dubju ġew minn sors sopranaturali​—saħansitra l-​ħmara tiegħu kellmitu! Però Balgħam bl-​egoiżmu kollu baqaʼ jikkonfoffa kontra l-​poplu t’Alla. (Numri 22:28, 32-34; Dewteronomju 23:5) Koraħ diġà kellu pożizzjoni taʼ responsabbiltà, imma dan ma kienx biżżejjed. Hu qajjem rewwixta kontra Mosè, l-​iktar raġel ġwejjed li kien jeżisti fuq wiċċ l-​art.—Numri 12:3; 16:1-3, 32.

10. Xi wħud illum kif jistgħu jaqgħu fin-​nassa taʼ li ‘jżebilħu l-​ħlejjaq glorjużi,’ u diskors bħal dan għala għandu jiġi evitat?

10 Dawn l-​eżempji verament jgħallmuna ċar u tond biex nagħtu widen għall-​parir u nirrispettaw lil dawk li Jehovah juża f’pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà! (Lhud 13:17) Faċli li nsibu d-​difetti fl-​anzjani maħturin, għax huma imperfetti, bħalma aħna lkoll imperfetti. Imma jekk noqogħdu naħsbu dwar id-​difetti tagħhom u ndgħajfu r-​rispett tagħna lejhom, nistgħu aħna nkunu qegħdin ‘inżebilħu l-​ħwejjeġ glorjużi’? Fil-​vers 10, Ġuda jsemmi lil dawk li qed “iżebilħu saħansitra dawk il-​ħwejjeġ li ma jifhmux fihom.” Xi wħud, xi kultant, jikkritikaw xi deċiżjoni meħuda mill-​ġemgħa taʼ l-​anzjani jew xi kumitat ġudizzjali. Madankollu, m’għandhomx aċċess għad-​dettalji kollha li l-​anzjani kellhom jikkunsidraw sabiex jaslu għal ċerta deċiżjoni. Mela għala żżeblaħ l-​affarijiet li lanqas biss tafhom? (Proverbji 18:13) Dawk li jippersistu f’diskors negattiv bħal dan jistgħu jkunu kaġun taʼ firdiet fil-​kongregazzjoni u forsi jkunu saħansitra mxebbhin mal-​“blat [perikoluż] moħbi taħt l-​ilma” waqt li jiltaqgħu maʼ sħabhom fit-​twemmin. (Ġuda 12 [NW], 16, 19) Qatt ma rridu nkunu taʼ periklu spiritwali għal oħrajn. Pjuttost, ħalli kull wieħed minna jkun riżolut li japprezza lil irġiel responsabbli għax-​xogħol iebes u għad-​devozzjoni tagħhom lejn il-​merħla t’Alla.—1 Timotju 5:17.

11. Mikiel għala żamm lura milli jagħmel ħaqq bi kliem taʼ żebliħ kontra Satana?

11 Ġuda jsemmi eżempju taʼ wieħed li jirrispetta l-​awtorità stabbilita kif jixraq. Hu jikteb: “L-​arkanġlu Mikiel, meta ħadha max-​xitan u beda jħaqqaqha miegħu fuq il-​ġisem taʼ Mosè, ma wasalx biex ikkundannah bi kliem taʼ żebliħ, imma qallu: ‘Ħa jrażżnek il-​Mulej.’” (Ġuda 9) Dan ir-​rakkont affaxxinanti, li Ġuda biss iddokumentah fl-​Iskrittura mnebbħa, jgħallimna żewġ lezzjonijiet distinti. Minn banda, jgħallimna nħallu l-​ġudizzju f’idejn Jehovah. Satana evidentement ried jagħmel użu ħażin mill-​ġisem tar-​raġel leali Mosè sabiex jippromwovi l-​qima falza. Kemm huwa mill-​agħar! Madankollu, Mikiel żamm lura b’umiltà milli jagħmel ħaqq, għax Jehovah biss kellu dik l-​awtorità. Allura, kemm iktar għandna aħna nżommu lura milli niġġudikaw irġiel leali li qed jipprovaw jaqdu lil Jehovah.

12. Dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni Kristjana x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju taʼ Mikiel?

12 Mill-​banda l-​oħra, dawk li għandhom xi ftit taʼ l-​awtorità fil-​kongregazzjoni jistgħu wkoll jitgħallmu lezzjoni minn Mikiel. Wara kollox, għalkemm Mikiel kien l-​“arkanġlu,” l-​aqwa wieħed fost l-​anġli kollha, hu m’abbużax mill-​pożizzjoni taʼ poter li kellu, saħansitra meta ġie pprovokat. Anzjani leali jsegwu dak l-​eżempju mill-​qrib, billi jirrikonoxxu li jekk jabbużaw mill-​awtorità jkunu qed juru nuqqas taʼ rispett lejn is-​sovranità taʼ Jehovah. L-​ittra taʼ Ġuda kellha ħafna x’tgħid dwar irġiel li kellhom pożizzjonijiet taʼ rispett fil-​kongregazzjonijiet imma li kienu bdew jabbużaw mill-​poter li kellhom. Per eżempju, fil-​versi 12 (NW) sa 14, Ġuda jniżżel denunzja taħraq dwar ir-​“rgħajja li jżoqqu lilhom infushom bla biżaʼ.” (Qabbel Eżekjel 34:7-10.) Fi kliem ieħor, l-​interess prinċipali tagħhom kien li jibbenefikaw huma nfushom, u mhux il-​merħla taʼ Jehovah. L-​anzjani llum jistgħu jitgħallmu ferm minn eżempji negattivi bħal dawn. Tabilħaqq, il-​kliem taʼ Ġuda hawnhekk jagħti stampa ħajja taʼ dak li ma rridux li nsiru. Meta nċedu għall-​egoiżmu, ma nistgħux inkunu suldati taʼ Kristu; inkunu wisq okkupati niġġieldu għalina nfusna. Pjuttost, ejjew ilkoll ngħixu skond il-​kliem taʼ Ġesù: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”—Atti 20:35.

“Żommu Rwieħkom fl-​Imħabba taʼ Alla”

13. Għala għandna lkoll kemm aħna nkunu nixtiequ bis-​sinċerità kollha nżommu rwieħna fl-​imħabba t’Alla?

13 Lejn tmiem l-​ittra tiegħu, Ġuda joffri parir li jqawwilna qalbna: “Żommu rwieħkom fl-​imħabba taʼ Alla.” (Ġuda 21) Xejn ma se jgħinna nitqabdu fil-​gwerra Kristjana iktar minn din il-​ħaġa, li nibqgħu dawk li lejhom Jehovah juri mħabba. Wara kollox, l-​imħabba hija l-​kwalità l-​iktar dominanti taʼ Jehovah. (1 Ġwann 4:8) Pawlu kiteb lill-​Kristjani f’Ruma: “Jiena żgur li la l-​mewt u la l-​ħajja, la l-​anġli u la l-​qawwiet, la ż-​żmien t’issa u la taʼ li ġej, la setgħat, la l-​għoli u lanqas il-​fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-​imħabba taʼ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.” (Rumani 8:38, 39) Iżda, kif se nżommu f’dik l-​imħabba? Innota tliet miżuri li nistgħu nieħdu, skond Ġuda.

14, 15. (a) X’ifisser li nibnu lilna nfusna fuq “il-​fidi l-​aktar qaddisa tagħna”? (b) Kif nistgħu neżaminaw il-​kundizzjoni taʼ l-​armatura spiritwali tagħna?

14 L-​ewwelnett Ġuda jgħidilna biex inkomplu nibnu lilna nfusna fuq “il-​fidi l-​aktar qaddisa” tagħna. (Ġuda 20) Kif rajna fl-​artiklu taʼ qabel, dan huwa proċess kontinwu. Aħna qisna bini li jeħtieġ iktar u iktar fortifikazzjoni kontra l-​attakk feroċi taʼ l-​elementi, li dejjem jiħrax. (Qabbel Mattew 7:24, 25.) Mela ejjew qatt ma nsiru kunfidenti żżejjed. Anzi, ejjew naraw fejn nistgħu nibnu lilna nfusna fuq il-​pedament tal-​fidi tagħna, billi nsiru suldati taʼ Kristu iktar b’saħħitna u iktar leali. Per eżempju, nistgħu nikkunsidraw l-​elementi taʼ l-​armatura spiritwali deskritta f’Efesin 6:11-18.

15 X’inhi l-​kundizzjoni taʼ l-​armatura spiritwali tagħna? Hija t-​“tarka tal-​fidi” tagħna b’saħħitha daqskemm hemm bżonn li tkun? Hekk kif nagħtu ħarsa lura lejn dawn l-​aħħar snin, qegħdin naraw xi sinjali taʼ traskuraġni, ngħidu aħna billi qed innaqqsu mill-​attendenza tagħna għal-​laqgħat, nitilfu ż-​żelu għall-​ministeru, jew jonqsilna l-​entużjażmu għall-​istudju persunali? Sinjali bħal dawn huma serji! Jeħtieġ li nieħdu passi issa biex nibnu u nsaħħu lilna nfusna fil-​verità.—1 Timotju 4:15; 2 Timotju 4:2; Lhud 10:24, 25.

16. X’ifisser li nitolbu bl-​ispirtu qaddis, u x’inhi ħaġa waħda li għandna nitolbu regolarment lil Jehovah għaliha?

16 It-​tieni mod li bih inżommu fl-​imħabba t’Alla hu li nkomplu ‘nitolbu fl-​Ispirtu s-​Santu.’ (Ġuda 20) Dan ifisser li nitolbu taħt l-​influwenza taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah u fi qbil mal-​Kelma mnebbħa tiegħu. It-​talb huwa mezz vitali li bih nersqu eqreb lejn Jehovah personalment u nesprimu d-​devozzjoni tagħna lejh. Qatt m’għandna nittraskuraw dan il-​privileġġ meraviljuż! U meta nitolbu, nistgħu nistaqsuh​—nibqgħu nistaqsu—​għall-ispirtu qaddis. (Luqa 11:13) Hija l-​aqwa forza disponibbli li għandna. B’għajnuna bħal din, nistgħu dejjem inżommu fl-​imħabba t’Alla u nissaportu bħala suldati taʼ Kristu.

17. (a) L-eżempju taʼ Ġuda f’dik li hija ħniena għala huwa daqshekk rimarkevoli? (b) Kif jistaʼ kull wieħed minna jkompli juri ħniena?

17 It-​tielet, Ġuda jħeġġiġna biex inkomplu nuru ħniena. (Ġuda 22) L-​eżempju tiegħu stess f’dan ir-​rigward huwa rimarkevoli. Wara kollox, kellu raġun ikun allarmat minħabba l-​korruzzjoni, l-​immoralità, u l-​apostasija li kienu deħlin baxx baxx fil-​kongregazzjoni Kristjana. Minkejja dan, ma tatux rasu, u m’adottax il-​ħarsa li ż-​żminijiet tant kienu perikolużi li ma kellux għalfejn joqgħod juri xi kwalità ġentili bħalma hi l-​ħniena. Le, hu ħeġġeġ lil ħutu biex ikomplu juru ħniena kull meta kien possibbli, billi rraġuna bil-​ħlewwa maʼ dawk li kienu qed ibatu minħabba xi dubji u saħansitra ried ‘jaħtaf min-​nar’ lil dawk li kienu qegħdin fil-​periklu taʼ dnub serju. (Ġuda 23; Galatin 6:1) X’parir mill-​aħjar għall-​anzjani f’dawn iż-​żminijiet mimlijin inkwiet! Huma wkoll jistinkaw biex juru ħniena kulfejn ikun hemm lokha, waqt li jkunu sodi meta jkun hemm bżonn. Ilkoll kemm aħna rridu bl-​istess mod nuru ħniena lil xulxin. Per eżempju, minflok ma nżommu fil-​komma xi offiżi żgħar li sarulna, nistgħu nkunu ġenerużi billi naħfru.—Kolossin 3:13.

18. Kif nistgħu nkunu ċerti mir-​rebħa fil-​gwerra spiritwali tagħna?

18 Il-​gwerra li qed nitqabdu fiha m’hijiex waħda faċli. Bħalma jgħid Ġuda, irridu ‘nissieltu bil-​ħeġġa.’ (Ġuda 3, KŻ) L-​għedewwa tagħna huma qawwijin. Mhux Satana biss, imma wkoll id-​dinja mill-​agħar tiegħu u l-​imperfezzjonijiet tagħna stess, kollha jiġġieldu kontrina. Madankollu, nistgħu nkunu assolutament fiduċjużi mir-​rebħa! Għala? Għaliex qegħdin fuq in-​naħa taʼ Jehovah. Ġuda jagħlaq l-​ittra tiegħu bi tfakkira li Jehovah, kif inhu xieraq, għandu jingħata “glorja, kobor, qawwa u setgħa qabel kull żmien, issa, u għal dejjem taʼ dejjem.” (Ġuda 25) M’huwiex dak ħsieb li jqanqallek timenza? Jistaʼ jkun hemm xi dubju, allura, li dan l-​istess Alla ‘għandu l-​qawwa jħarisna mill-​waqgħa?’ (Ġuda 24) Dażgur li le! Ħalli kull wieħed minna jkun iddeterminat li jkompli jirreżisti l-​immoralità, jirrispetta l-​awtorità stabbilita minn Alla, u jżomm lilu nnifsu fl-​imħabba t’Alla. B’dak il-​mod, se ngawdu rebħa glorjuża flimkien.

[Nota taʼ taħt]

a Xi riċerkaturi jsostnu li Ġuda qed jikkwota mill-​Ktieb taʼ Ħenok, li kien parti mill-​apokrifa. Madankollu, R. C. H. Lenski jinnota: “Aħna nistaqsu: ‘X’inhu s-​sors taʼ din il-​biċċa xogħol imraqqaʼ, il-​Ktieb taʼ Ħenok?’ Dan il-​ktieb huwa miżjud, u ħadd m’hu ċert dwar id-​dati tad-​diversi partijiet tiegħu . . . ; ħadd ma jistaʼ jkun ċert jekk xi wħud mill-​espressjonijiet kinux, forsi, meħudin minn Ġuda nnifsu.”

Mistoqsijiet għal Reviżjoni:

◻ L-​ittra taʼ Ġuda kif tgħallimna nirreżistu l-​immoralità?

◻ Għala huwa daqshekk importanti li nirrispettaw l-​awtorità stabbilita minn Alla?

◻ X’hemm daqshekk serju f’li tiġi abbużata l-​awtorità ġewwa l-​kongregazzjoni?

◻ Kif nistgħu naħdmu biex nibqgħu fl-​imħabba t’Alla?

[Stampa f’paġna 15]

Differenti mis-​suldati Rumani, il-​Kristjani jieħdu sehem fi gwerra spiritwali

[Stampa f’paġna 18]

Rgħajja Kristjani ma jaqdux b’egoiżmu, imma b’imħabba

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja