LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jr kap. 11 pp. 128-139
  • “Rgħajja li Jogħġbu lil Qalbi”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Rgħajja li Jogħġbu lil Qalbi”
  • Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • JIPPROVDU L-​PROTEZZJONI
  • “HUMA JITIMGĦUKOM”
  • “HEKK QAL ĠEĦOVA”
  • DIXXIPLINA “KEMM JISTĦOQQLOK”
  • Rgħajja, Imitaw lill-Aqwa Rgħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Rgħajja li Huma “Eżempji għall-Merħla”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Rgħajja Kristjani, ‘Iftħu Qalbkom Beraħ’!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Obdi mir-Rgħajja ta’ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
Ara Iżjed
Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
jr kap. 11 pp. 128-139

Kapitlu Ħdax

“Rgħajja li Jogħġbu lil Qalbi”

1, 2. (a) X’jistaʼ jiġri jekk merħla nagħaġ ma tkunx protetta? (b) Fiex kien jikkonsisti x-​xogħol taʼ ragħaj fi żminijiet Bibliċi?

HIROYASU kien tifel żgħir fil-​Ġappun meta ommu xtrat muntun u nagħġa. Hu ħa ħsiebhom, u n-​nagħġa kellha żewġt iħrief kull sena, u b’hekk il-​merħla bdiet tikber. Sakemm kellu 12-​il sena, kien hemm 12 jew 13-​il nagħġa. Hu jiftakar: “Kmieni għodwa waħda waqt li kont għadni fis-​sodda smajthom jgħajtu. Ma ħriġtx mill-​ewwel. Meta sa fl-​aħħar ħriġt, rajt grupp taʼ klieb selvaġġi jiġru lil hemm mill-​ħrief tiegħi, li kellhom żaqqhom imċarrta. Bħal ras maqtugħa, fittixt għan-​nagħġa omm. Meta sibtha kienet għadha qed tieħu n-​nifs f’għadira demm. Il-​muntun biss salva. Kelli qalbi maqsuma. Messni mort niċċekkja l-​merħla meta smajthom jgħajtu għall-​ewwel darba. Huma ma setgħu jagħmlu xejn mal-​klieb.”

2 Fi żminijiet Bibliċi, kważi kulħadd kien familjari max-​xogħol taʼ ragħaj. Xogħlu kien li jmexxi l-​merħla tiegħu lejn mergħat u jkun ċert li l-​annimali taħt il-​ħarsien tiegħu jkunu mitmugħin tajjeb. Ukoll, kien jipproteġihom mill-​annimali tal-​priża u jfittex għan-​nagħaġ li jkunu tbiegħdu mill-​merħla. (1 Sam. 17:34-​36) Ir-​ragħaj kien jara li l-​merħla tiegħu tistrieħ, bla ma jkollha min itellifha. Minbarra dan, hu kien jgħin fit-​twelid tal-​ħrief u mbagħad jieħu ħsiebhom. Ħafna kittieba tal-​Bibbja, inkluż Ġeremija, użaw l-​eżempju taʼ ragħaj bħala metafora għal raġel inkarigat bil-​ħarsien taʼ poplu, jew bħala l-​ħakkiem tagħhom jew bħala l-​indokratur spiritwali.

3. Għal xiex kien qed jirreferi Ġeremija meta uża l-​kliem “ragħaj” u “jirgħa”?

3 Xi wħud fil-​kongregazzjoni Kristjana jistgħu jħarsu lejn l-​anzjani bħala rgħajja meta dawn l-​irġiel iżuru lil ħuthom biex jgħinuhom u jinkuraġġuhom biss. Madanakollu, mill-​mod li Ġeremija uża l-​kliem “ragħaj” u “jirgħa,” nistgħu naraw li hu applikahom għall-​aspetti kollha tar-​relazzjoni bejn l-​indokraturi taʼ Ġuda u n-​nies. Alla spiss ikkundanna l-​prinċpijiet, il-​profeti, u l-​qassisin f’Ġuda bħala rgħajja ħżiena għax ma kinux qed ifittxu l-​aħjar interessi tan-​nies komuni. (Ġer. 2:8) Huma ttrattaw ħażin u ttraskuraw lin-​“nagħaġ” tagħhom u qarrqu bihom waqt li b’egoiżmu qagħdu jsusu wara l-​interessi tagħhom stess. Il-​poplu t’Alla tħalla fi stat spiritwali tal-​biki. Ġeħova ħabbar “gwaj” fuq dawk ir-​rgħajja foloz, u hu assigura lil niesu li kien se jagħtihom rgħajja attenti li jimpurtahom mill-​merħla u li veru kienu se jipproteġuha.—Aqra Ġeremija 3:15; 23:1-​4.

4. Min qed jieħu ħsieb il-​merħla t’Alla llum, u b’liema spirtu?

4 Il-​wegħda t’Alla kellha twettiq prinċipali permezz tar-​Ragħaj Ewlieni tan-​nagħaġ taʼ Ġeħova, Ġesù, li sar il-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana. Hu sejjaħ lilu nnifsu “r-​ragħaj mill-​aħjar,” wieħed li wera mogħdrija taʼ vera lejn dawk li hu mexxa. (Ġw. 10:11-​15) Illum, Ġeħova qed juża sotto-​rgħajja biex jieħdu ħsieb il-​merħla tiegħu fuq l-​art, kemm l-​aħwa midlukin tal-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli kif ukoll l-​anzjani beżlin tal-​“folla kbira.” (Riv. 7:9) Dawn ir-​rgħajja jħabirku biex jimitaw l-​ispirtu taʼ sagrifiċċju li wera Ġesù. Huma jridu jitimgħu u jgħożżu lill-​kongregazzjoni, b’imitazzjoni taʼ Kristu. Gwaj għal kull min jittraskura lil ħutu, jiddomina fuqhom jew ikollu attitudni ħarxa jew arroganti lejhom! (Mt. 20:25-​27; 1 Pt. 5:2, 3) Ġeħova x’jistenna minn rgħajja Kristjani llum? X’nistgħu nitgħallmu mill-​kitbiet taʼ Ġeremija dwar l-​attitudnijiet u l-​motivi xierqa li għandhom ikollhom l-​anzjani hekk kif jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tagħhom? Ejja neżaminaw l-​irwoli tagħhom bħala dawk li jipprovdu l-​għajnuna u l-​protezzjoni, bħala għalliema ġewwa u barra l-​kongregazzjoni, u bħala mħallfin.

JIPPROVDU L-​PROTEZZJONI

5-7. (a) Ġeħova b’liema mod jistenna li n-​nagħaġ tiegħu jiġu trattati, u għala? (b) L-​anzjani kif jistgħu juru mħabba vera lejn ħuthom, inkluż dawk li forsi tbiegħdu?

5 L-​appostlu Pietru sejjaħ lil Ġeħova ‘r-​ragħaj u l-​indokratur taʼ ruħna.’ (1 Pt. 2:25) Alla x’attitudni juri lejn in-​“nagħaġ” tiegħu? Insibu t-​tweġiba jekk inħarsu lura lejn żmien Ġeremija. Wara li kkritika lir-​rgħajja ħżiena, li ferrxu u ttraskuraw lill-​merħla, Ġeħova qal li kien se ‘jiġbor’ lin-​nagħaġ tiegħu u jġibhom lura fil-​mergħa tagħhom. Hu wiegħed li jaħtar fuqhom rgħajja tajbin “li jirgħuhom tassew” u li jagħmlu ċert li niesu jkunu protetti minn għedewwa rgħiba. (Ġer. 23:3, 4) In-​nagħaġ taʼ Ġeħova tassew kienu prezzjużi għalih. In-​nagħaġ tiegħu llum huma daqshekk ieħor prezzjużi. Hu ħallas prezz għoli għall-​benesseri dejjiemi tagħhom.—1 Pt. 1:18, 19.

6 Bħal rgħajja letterali, l-​indokraturi Kristjani m’għandhomx jittraskuraw il-​ħarsien tal-​kongregazzjoni. Jekk taqdi bħala anzjan, qiegħed int tistinka biex tkun għassa għal kwalunkwe ħjiel li jistaʼ jkun hemm li ħutek qed ibatu, u lest int biex tgħinhom minnufih? Is-​sultan għaref Salamun kiteb: “Għandek tkun taf sew kif tidher il-​merħla tiegħek. Kun moħħok fl-​imrieħel tiegħek.” (Prov. 27:23) Dan il-​vers jenfasizza l-​bżulija tar-​rgħajja letterali; però, nistgħu napplikaw il-​prinċipju għall-​ħarsien provdut mir-​rgħajja spiritwali fil-​kongregazzjoni. Jekk taqdi bħala anzjan, qiegħed int b’mod kuxjenzjuż tiġġieled kontra kwalunkwe tendenza li tiddomina fuq oħrajn? Is-​sempliċi fatt li Pietru semma li dak li jkun ‘jiddomina fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla’ juri li żgur huwa possibbli li anzjan jagħmel dan. Kif tistaʼ tgħin biex twettaq dak li hemm deskritt f’Ġeremija 33:12? (Aqra.) Ġenituri waħedhom, romol, familji tar-​rispett, uħud imdaħħlin fiż-​żmien, u żgħażagħ jistaʼ jkollhom bżonn speċjali t’attenzjoni u għajnuna.

Stampa f’paġna 130

7 Ragħaj tal-​kongregazzjoni xi kultant jistaʼ jkollu jfittex u jgħin lill-​individwi li, għal xi raġuni jew oħra, ikunu tbiegħdu minn mal-​merħla, l-​istess bħalma jistaʼ jagħmel ragħaj maʼ nagħaġ letterali. Dan jirrikjedi sagrifiċċju persunali u umiltà. Bil-​paċenzja hu jqattaʼ l-​ħin biex jieħu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ dawk fdati fil-​ħarsien tiegħu. L-​anzjani Kristjani jagħmlu tajjeb li bla tlaqliq jistaqsu lilhom infushom: ‘Jien sa liema punt qed nistinka biex ninkuraġġixxi u nibni minflok ma nikkundanna jew nikkritika? Tassew nixtieq nitjieb f’dan ir-​rigward?’ Xi kultant għandu mnejn ikun hemm bżonn taʼ sforzi ripetuti biex tgħin lil dak li jkun jara l-​affarijiet mill-​ħarsa t’Alla. Jekk ħu jew oħt iżżomm lura milli taċċetta parir Skritturali (mhux sempliċement opinjoni persunali), ftakar fir-​Ragħaj u l-​Indokratur Suprem, Ġeħova. Bil-​paċenzja hu “kemm-​il darba” kellem lin-​nies stinati tiegħu u pprova jgħinhom. (Ġer. 25:3-​6) Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies t’Alla llum ma jipprattikawx affarijiet ħżiena, imma meta jkun hemm bżonn taʼ twiddib, anzjan bilfors ikollu jagħtih, l-​istess kif għamel Ġeħova.

8. Ir-​rgħajja spiritwali kif jistgħu jimitaw l-​eżempju taʼ Ġeremija?

8 Waqt li kien għad hemm tama li xi Lhud sħabu forsi jerġgħu lura lejn Ġeħova, Ġeremija talab għalihom. Hu qal lil Alla: “Ftakar kemm-​il darba rsaqt quddiemek biex nitkellem tajjeb dwarhom, sabiex irreġġaʼ lura l-​korla tiegħek minn fuqhom.” (Ġer. 18:20) Minn dan il-​kliem tistaʼ tara li Ġeremija kien qed ifittex it-​tajjeb f’ħutu u mhux jaħseb ħażin fihom. Sakemm ikun hemm evidenza ċara li wieħed qed jagħmel dak li hu ħażin bla ma jindem, l-​indokraturi Kristjani llum għandhom jimitaw l-​attitudni taʼ Ġeremija. Pass pożittiv hu li tfaħħar lil oħrajn għat-​tajjeb li qed jagħmlu u titlob għalihom u magħhom.—Mt. 25:21.

Alla x’wegħda għamel permezz taʼ Ġeremija dwar rgħajja spiritwali? L-​indokraturi Kristjani kif jistgħu jipprovdu ħarsien protettiv?

“HUMA JITIMGĦUKOM”

9, 10. Il-​fatt li tkun ragħaj tajjeb (anzjan tal-​kongregazzjoni) għala jfisser li tkun għalliem?

9 Fi qbil maʼ dak li naqraw f’Ġeremija 3:15, ir-​rgħajja Kristjani għandhom ‘jitimgħu lil oħrajn l-​għarfien u d-​dehen,’ jiġifieri, jaqdu bħala għalliema. (1 Tim. 3:2; 5:17) Ġeħova wiegħed lill-​poplu tiegħu li r-​rgħajja tajbin hekk kienu se jagħmlu. U hu ħeġġeġ lil-​Lhud biex jaċċettaw it-​tagħlim u l-​korrezzjoni mingħand il-​profeta tiegħu, Ġeremija. (Aqra Ġeremija 6:8.) In-​nagħaġ jeħtieġu n-​nutriment biex ikunu f’saħħithom. Bl-​istess mod, biex jibqgħu f’saħħithom spiritwalment, in-​nies t’Alla jeħtieġu l-​ikel u d-​direzzjoni mill-​Iskrittura.

10 Inkwantu għat-​tagħlim, l-​anzjani għandhom irwol doppju—dak taʼ li jgħinu lil dawk li diġà huma fil-​kongregazzjoni u dak taʼ li jgħinu lil dawk li għadhom mhumiex Kristjani veri. Dwar dawn tal-​aħħar, ftakar: Waħda mir-​raġunijiet prinċipali għala l-​kongregazzjoni Kristjana teżisti hija biex tiġi pritkata l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla. Għaldaqstant, l-​anzjani għandhom ikunu evanġelizzaturi żelużi. (Ġer. 1:7-​10) Bħala tali, huma jwettqu r-​responsabbiltà tagħhom lejn Alla kif ukoll ikunu t’eżempju mill-​aħjar għal ħuthom. Jekk int anzjan, ma ssibx li meta regolarment tipprietka spalla maʼ spalla maʼ diversi aħwa nisa u rġiel ikollok l-​opportunità li tgħinhom jirfinaw l-​abbiltajiet taʼ tagħlim tagħhom u tirfina tiegħek stess? U meta tkun minn taʼ quddiem b’mod żeluż fix-​xogħol t’evanġelizzar, int tkun qed tagħti inkuraġġiment vitali, li jistaʼ jgħin il-​kongregazzjoni kollha tagħmel progress.

11, 12. Anzjan li jrid ikun ragħaj tajjeb għal xiex għandu jagħti attenzjoni?

11 Dak li l-​anzjani jaqsmu mal-​kongregazzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-​Bibbja; b’hekk, ikun ikel spiritwali bnin. Tistaʼ tifhem mela li sabiex ikunu għalliema effettivi, ir-​rgħajja tal-​kongregazzjoni għandhom ikunu studenti żelużi tal-​Kelma t’Alla. Ara l-​kuntrast bejn dan u dak li Ġeremija ġibed l-​attenzjoni lejh bħala r-​raġuni għala l-​mexxejja taʼ niesu ma kinux effettivi: “Ir-​rgħajja aġixxew bla raġuni, u lanqas lil Ġeħova ma fittxew. Għalhekk m’aġixxewx bid-​dehen, u nxterdu l-​imrieħel kollha li kellhom jirgħu.” (Ġer. 10:21) Dawk li suppost kienu għalliema ma kinux qed isegwu l-​prinċipji Skritturali u ma kinux qed ifittxu lil Alla. Għalhekk, huma ma setgħux jaġixxu b’għerf veru. Ġeremija ħabbar kundanna saħansitra akbar fuq l-​hekk imsejħin profeti.—Aqra Ġeremija 14:14, 15.

12 Kuntrarju għal dawk ir-​rgħajja foloz, l-​indokraturi Kristjani jistudjaw u jimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù. B’hekk, huma jistgħu jaqdu bħala rgħajja għorrief tal-​merħla. Tistaʼ tkun taʼ sfida għalihom li jagħmlu l-​ħin għal studju regulari bħal dan peress li hemm diversi affarijiet li jitolbu mill-​ħin u l-​attenzjoni tagħhom. Jekk taqdi bħala anzjan, żgur tixtieq li t-​tagħlim tiegħek ikun taʼ benefiċċju u veru, waqt li jkun fih għarfien u dehen. Imma konvint int bis-​sħiħ li l-​uniku mod kif tagħmel dan hu billi tibbażah fuq il-​Kelma t’Alla u fuq il-​gwida tal-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli? Jekk tħoss li m’intix involut fi programm taʼ studju persunali daqskemm kont qabel, x’se tagħmel biex tkompli tkun differenti mir-​rgħajja foloz taʼ żmien Ġeremija?

Stampa f’paġna 135

13. X’għen lil Ġeremija jkun għalliem tajjeb, u rgħajja Kristjani llum x’jistgħu jitgħallmu minnu?

13 Xi ħaġa li għamlet it-​tagħlim taʼ Ġeremija partikolarment effettiv kienet it-​tixbihat li Ġeħova istruwieh biex juża. Żgur li ma kontx tinsieha malajr kieku kont preżenti meta kisser reċipjent tal-​fuħħar mal-​art u pproklama li bl-​istess mod Ġerusalemm u l-​poplu tagħha kienu se jiġu meqrudin! (Ġer. 19:1, 10, 11) Eżempju ieħor hu dak taʼ meta Ġeremija għamel u libes madmad tal-​injam biex jagħti stampa tat-​tbatija tan-​nies taħt il-​jasar aħrax li kien se jiġi mis-​sottomissjoni lejn Babilonja. (Ġer., kap. 27-​28) L-​anzjani fil-​kongregazzjoni tiegħek ma rċivewx direzzjoni minn Alla biex iwettqu azzjonijiet drammatiċi bħal dawn biex jispjegaw xi punti. Iżda, ma tapprezzax int meta jużaw tixbihat u esperjenzi xierqa fit-​tagħlim tagħhom? Tabilħaqq, tixbihat u eżempji maħsubin sew u adattati bħal dawn jistgħu jkunu qawwijin u wkoll jimmotivaw.

14. (a) Ir-​referenza taʼ Ġeremija għal “balzmu f’Gilegħad” kienet ibbażata fuq xiex? (b) L-​anzjani Kristjani kif jistgħu jġeddu s-​saħħa spiritwali taʼ ħuthom?

14 Kemm għandna għaliex inkunu grati għat-​tagħlim li jsir mir-​rgħajja Kristjani! Fi żmienu, Ġeremija ra l-​bżonn għall-​fejqan spiritwali taʼ niesu. Hu staqsa: “Jaqaw m’hemmx balzmu f’Gilegħad? Jew m’hemm ħadd min ifejjaq hemmhekk?” (Ġer. 8:22) F’Gilegħad, il-​parti t’Iżrael fil-​Lvant tal-​Ġordan, kien hemm balzmu letterali. Dan iż-​żejt ifuħ kien magħruf għall-​valur mediċinali tiegħu u spiss intuża biex itaffi l-​uġigħ u jfejjaq il-​feriti. Madanakollu, ma kienx hemm fejqan spiritwali. Għala? Ġeremija osserva: “Il-​profeti qed jipprofetizzaw bil-​qerq; u l-​qassisin qed jiddominaw bil-​poter li għandhom. U l-​poplu tiegħi kien kuntent b’dan.” (Ġer. 5:31) Xi ngħidu għal-​lum? Ma taqbilx li tassew hawn “balzmu f’Gilegħad”—iva, fil-​kongregazzjoni tiegħek? Nistgħu nxebbhu l-​balzmu li jtaffi l-​uġigħ mal-​faraġ li jipprovdu r-​rgħajja Kristjani billi bi mħabba jidderieġu lill-​aħwa lejn prinċipji Skritturali, billi jkunu inkuraġġanti, u billi jitolbu għalihom u magħhom.—Ġak. 5:14, 15.

Inti liema aspetti taʼ tagħlim mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni tiegħek tapprezza speċjalment? X’jagħmel it-​tagħlim tagħhom effettiv?

“HEKK QAL ĠEĦOVA”

15, 16. L-​imrieħel letterali u dawk spiritwali għala jeħtieġu l-​attenzjoni?

15 Immaġina l-​ferħ taʼ ragħaj letterali li s-​sigħat twal taʼ xogħol iebes tiegħu wasslu għat-​twelid taʼ ħrief f’saħħithom! Imma, hu jaf li biex jikbru qawwijin u sħaħ dawk il-​ħrief għandhom bżonn l-​attenzjoni. Ir-​ragħaj għandu jagħmel ċert li jiġu mitmugħin b’mod xieraq. Il-​ħrief jitwieldu b’denb twil li jistaʼ jkaxkar fil-​ħmieġ tal-​art u tal-​annimali. Ir-​ragħaj jixtieq li l-​annimali tiegħu jibqgħu nodfa u f’saħħithom, allura għandu mnejn jaqtaʼ denbhom u jagħmel dan bis-​sengħa ħalli jevita li jweġġagħhom bla bżonn. Ir-​rgħajja spiritwali wkoll jagħtu attenzjoni bl-​imħabba lin-​nagħaġ, il-​membri tal-​kongregazzjoni tagħhom. (Ġw. 21:16, 17) Ukoll, l-​anzjani jitgħaxxqu jaraw lill-​uħud interessati jieħdu l-​passi biex isiru Kristjani veri. L-​indokraturi Kristjani jridu li n-​nagħaġ kollha, kbar u żgħar, ikunu b’saħħithom u mantnuti sew, u għalhekk ma jiqfux jagħtuhom attenzjoni u jintervienu meta jqum il-​bżonn. Dan ix-​xogħol ċertament li jinvolvi li jfakkru lil ħuthom dak li “qal Ġeħova,” jiġifieri, dak li tgħallem l-​Iskrittura.—Ġer. 2:2, 5; 7:5-​7; 10:2; Titu 1:9.

16 Ġeremija kellu bżonn il-​qlubija biex iħabbar il-​messaġġ t’Alla. L-​istess ikollhom bżonn l-​indokraturi tal-​kongregazzjoni, speċjalment f’każi meta jkollhom jitkellmu ħalli jipproteġu lil ħuthom. Pereżempju, jistaʼ jkun li ragħaj spiritwali jara l-​ħtieġa li jintervieni ħalli ‘ħaruf tat-​twelid’ jew “nagħġa” ikbar ma titniġġisx bil-​ħmieġ tad-​dinja taʼ Satana. Dak li jkun fil-​periklu jaf lanqas ikun qed ifittex parir. Xorta waħda, jistaʼ ragħaj kuxjenzjuż joqgħod b’idu fuq żaqqu waqt li jara membru tal-​merħla tiegħu dieħel fl-​inkwiet? Dażgur li le! Lanqas mhu se jittratta s-​sitwazzjoni bħallikieku xejn mhu xejn, billi jagħmel tabirruħu li kollox hu sew meta jkun ċar li mhuwiex u li s-​sitwazzjoni tistaʼ twassal biex qaddej sieħbu jitlef il-​paċi tiegħu maʼ Ġeħova.—Ġer. 8:11.

17. Ragħaj meta u kif għandu mnejn ikollu jagħti attenzjoni speċjali lil nagħaġ individwali?

17 Li kieku nagħġa li ma tkunx attenta titħajjar titbiegħed mill-​merħla, ragħaj li jkun għassa jkun pront biex jidderiġiha lura għas-​sigurtà. (Aqra Ġeremija 50:6, 7.) B’mod simili, xi drabi indokratur għandu mnejn ikollu jirraġuna b’mod sod imma bi mħabba maʼ wħud li qed jitbiegħdu għal ġo sitwazzjonijiet perikolużi. Pereżempju, forsi jinduna li żewġ għarajjes li jkunu se jiżżewġu jkunu qed iqattgħu l-​ħin flimkien waħedhom f’postijiet fejn il-​passjoni tagħhom taf tegħlibhom. Anzjan qalbu tajba u li jifhem jistaʼ jgħin lill-​koppja biex jevitaw ċirkustanzi perikolużi bħal dawn. Waqt li joqgħod attent u jevita li jakkużahom, hu għandu mnejn jenfasizza possibbiltajiet li jistgħu jwasslu għal kondotta li Ġeħova jobgħod. Bħal Ġeremija, anzjani leali jikkundannaw dak li jikkundanna Alla. F’dan jimitaw lil Ġeħova, li għalkemm mhux aħrax, talab bil-​ħrara lill-​poplu tiegħu permezz tal-​profeta: “Jekk jogħġobkom, tagħmlux din il-​ħaġa mistkerrha li jien nobgħod.” (Ġer. 5:7; 25:4, 5; 35:15; 44:4) Verament tapprezzah int it-​tħassib li rgħajja kollhom imħabba juru għall-​merħla?

18. Liema riżultati inkuraġġanti jistgħu jinkisbu permezz tal-​isforzi tar-​rgħajja spiritwali?

18 Ovvjament, mhux kulħadd semaʼ mill-​parir li Ġeremija ta. Imma xi wħud taw widen. Pereżempju, meta Baruk, is-​sieħeb u s-​segretarju taʼ Ġeremija, kellu bżonn jiġi mwiddeb b’mod sod, Ġeremija minn jeddu hekk għamel. (Ġer. 45:5) B’liema riżultat? Baruk gawda l-​approvazzjoni t’Alla u salva mill-​qerda taʼ Ġerusalemm. Bl-​istess mod illum, ir-​riżultati pożittivi li jiġu meta l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin jistgħu jinkuraġġuhom biex ‘ikomplu jagħtu ruħhom’ għat-​‘twiddib u t-​tagħlim’ li jsalvaw il-​ħajjiet.—1 Tim. 4:13, 16.

DIXXIPLINA “KEMM JISTĦOQQLOK”

Stampa f’paġna 138

19, 20. X’responsabbiltà għandhom l-​anzjani meta jittrattaw mal-​midinbin?

19 Irwol ieħor tal-​indokraturi llum hu dak taʼ mħallfin spiritwali. F’okkażjonijiet rari, l-​anzjani jaf ikollhom jittrattaw maʼ dawk li jidinbu minn rajhom u jipprovaw imexxuhom lejn l-​indiema. Ġeħova b’qalb tajba imma bla tlaqliq ħeġġeġ lil midinbin biex jitilqu t-​triqat ħżiena tagħhom. (Ġer. 4:14) Però, jekk xi ħadd fil-​kongregazzjoni ma jkunx irid jitlaq it-​triq ħażina, l-​indokraturi għandhom jaġixxu b’tali mod li jipproteġu lill-​merħla minn influwenza li tistaʼ tikkorrompi. Bħalma tidderieġi l-​Iskrittura, jistaʼ jkollhom jaqtgħu lil dak li qed jagħmel ħażin mis-​sħubija. Ġeħova jistenna li l-​anzjani jaġixxu fi qbil mal-​ġustizzja tiegħu f’ċirkustanzi bħal dawn. Is-​sultan tajjeb Ġosija kien t’eżempju tajjeb f’dan. “Hu ddefenda d-​dritt legali tal-​magħkus u tal-​fqir.” Kien qed jimita l-​imħabba t’Alla għall-​ġustizzja. Għalhekk, Ġeħova setaʼ jistaqsi dwar l-​azzjonijiet taʼ Ġosija: “Mhux għax kien jafni għamel hekk?” Minħabba li Ġosija wera l-​ġustizzja u s-​sewwa, hu “rnexxa.” Ma tħossokx iktar fis-​sigurtà meta l-​anzjani fil-​kongregazzjoni tiegħek jistinkaw biex jimitaw l-​eżempju taʼ Ġosija?—Ġer. 22:11, 15, 16.

20 Kun fiduċjuż li Ġeħova jiddixxiplina lill-​midinbin ‘kemm jistħoqqilhom.’ (Ġer. 46:28) Għalhekk, skont iċ-​ċirkustanzi u l-​attitudni li tintwera, l-​anzjani jistaʼ jkollhom bżonn jagħtu parir, iħeġġu, iwiddbu, jew iċanfru lil sħabhom fit-​twemmin. U saħansitra jistaʼ jkun hemm il-​bżonn li l-​midneb mhux niedem, jiġi maqtugħ mis-​sħubija. F’dan il-​każ, l-​anzjani ma jitolbux fil-​pubbliku għal dak li ġie maqtugħ mis-​sħubija u li qed jidneb; ikun għalxejn li jagħmlu dan.a (Ġer. 7:9, 16) Madanakollu, huma se jimitaw lil Alla billi juru lil dak li ġie maqtugħ mis-​sħubija li hu jistaʼ jerġaʼ jikseb l-​approvazzjoni t’Alla. (Aqra Ġeremija 33:6-​8.) Għalkemm huwa taʼ wġigħ meta xi ħadd jiġi maqtugħ mis-​sħubija, aħna nistgħu nkunu ċerti li l-​livelli t’Alla huma sewwa u ġusti u fl-​aħjar interess taʼ kulħadd.—Lam. 1:18.

21. X’għandha tkun il-​kundizzjoni tal-​merħla t’Alla, u int kif tistaʼ tgħin biex tkun hekk?

21 Meta r-​rgħajja tal-​kongregazzjoni jidentifikaw u japplikaw il-​livelli divini mnebbħin, il-​merħla se tkun sostnuta, f’saħħitha, u fis-​sigurtà. (Salm 23:1-​6) Dak li Ġeremija jgħidilna dwar l-​attitudnijiet u l-​motivi, kemm dawk xierqa kif ukoll li mhumiex, jistaʼ jkun utli għall-​indokraturi Kristjani hekk kif iwettqu r-​responsabbiltà serja taʼ li jieħdu ħsieb in-​nagħaġ t’Alla. Għaldaqstant, kull wieħed u waħda minna jistaʼ jistaqsi, ‘Se nkompli jien nuri apprezzament għall-​arranġament taʼ Ġeħova biex jgħallem, jiggwida, u jipproteġi lill-​poplu tiegħu billi nappoġġa lir-​rgħajja li tassew ‘jirgħu l-​merħla’ permezz tal-​“għarfien u d-​dehen”?’—Ġer. 3:15; 23:4.

L-​indokraturi f’liema ċirkustanzi jkollhom jaġixxu bi qlubija? Ġeħova x’jistenna mill-​anzjani Kristjani meta jaġixxu bħala mħallfin?

a Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Diċembru, 2001, paġni 30-​31.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja