LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 7/1 pp. 3-5
  • Min Se Jmexxi lill-Bniedem Lejn il-Paċi?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Se Jmexxi lill-Bniedem Lejn il-Paċi?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iktar Minn Kwalifiki Umani
  • Il-​Passi lejn il-​Paċi
  • Il-​Pass li Jmiss
  • Dinja fil-​Paċi
  • Tama Soda
  • Ħalli “l-Paċi t’Alla” Tgħasses lil Qalbek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Paċi Vera—Minn Liema Sors?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Fittex Il-paċi Vera u Sus Warajha!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Il-Paċi Dejjiema Meta Se Tiġi Tassew?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 7/1 pp. 3-5

Min Se Jmexxi lill-​Bniedem Lejn il-​Paċi?

IL-​FATT li l-​bnedmin ma jistgħux iġibu l-​paċi ifisser li aħna qatt ma se narawha l-​paċi? Le. Bħalma Satana, li hu iktar qawwi minna, hu l-​aħħar ostaklu għall-​paċi fuq l-​art, hekk ukoll hemm Wieħed saħansitra iktar qawwi minn Satana li fl-​aħħar se jmexxi lill-​bniedem lejn il-​paċi. Il-​Bibbja, li titkellem dwar Satana, titkellem ukoll dwar dan il-​Wieħed. Hija tgħid: “Il-​ħakma taʼ prinċep se tiġi fuq spalltu. U ismu se jiġi msejjaħ Wieħed tal-​Għaġeb li Jagħti l-​Pariri, Alla Setgħan, Missier Etern, Prinċep tal-​Paċi.” (Isaija 9:6, 7) Min hu dan il-​Prinċep tal-​Paċi? Ħadd ħlief Ġesù Kristu, u hu jistaʼ jġib il-​paċi għax hu bil-​wisq iktar ikkwalifikat minna. B’liema modi?

Iktar Minn Kwalifiki Umani

L-​ewwelnett Ġesù m’huwiex mortali, m’huwiex suġġett għall-​mewt. Veru, hu għex bħala bniedem u miet mewta taʼ sagrifiċċju. Imma mbagħad ġie rxoxtat għall-​ħajja immortali fis-​sema, u huwa f’din il-​kundizzjoni li jsir il-​Prinċep tal-​Paċi. Għalhekk waħda mill-​profeziji tgħid: “Ma se jkun hemm ebda tmiem għal saltnatu.” (Luqa 1:32, 33) Differenti mill-​imperatur tal-​Orjent Aśoka, Ġesù se jgħix bla tmiem biex jiżżgura li x-​xogħol tajjeb tiegħu ma jiġix imħassar minn suċċessuri inferjuri.

Barra minn dan, Ġesù m’huwiex imniġġes mid-​dnub. Il-​ħakma tiegħu hija bbażata fuq għerf divin u prinċipji tajbin. Il-​profeta Isaija bassar: “Fuqu joqgħod l-​ispirtu taʼ Jehovah, l-​ispirtu tal-​għerf u tal-​fehma, l-​ispirtu tal-​parir u tas-​setgħa, l-​ispirtu tal-​għarfien u tal-​biżaʼ taʼ Jehovah . . . Mhux se jiġġudika biss b’dak li jidher f’għajnejh, lanqas ma jċanfar sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh. U bit-​tjieba jrid jiġġudika lill-​umlin.” (Isaija 11:2-4) Differenti mill-​Ewropej taʼ żmien ilu, Ġesù mhux se jippreserva l-​paċi f’daru biex imbagħad imur jiġġieled xi gwerra f’artijiet barranin. Taħtu l-​paċi se tkun universali.

Barra minn hekk, Ġesù għandu s-​setgħa li jġib il-​paċi. Il-​profezija tgħid: “L-​ispirtu taʼ Jehovah . . . , l-​ispirtu tal-​parir u tas-​setgħa,” huwa fuqu. Dan l-​ispirtu kien wara l-​ħolqien tal-​univers kif ukoll wara x-​xogħlijiet kollha setgħana taʼ tjieba rrapportati fil-​Bibbja. Saħansitra l-​opponent il-​kbir, Satana, m’għandu l-​ebda arma li tistaʼ b’suċċess tilqaʼ l-​forza tal-​ispirtu t’Alla.

Il-​Passi lejn il-​Paċi

Ġesù kif se jmexxi lill-​bniedem lejn il-​paċi? Forsi tiskanta li tkun taf li hu diġà beda. Fil-​ktieb profetiku taʼ Rivelazzjoni, Ġesù jidher qed jirċievi mingħand Alla setgħa taʼ sultan f’Saltna tas-​sema. (Rivelazzjoni 11:15) Jekk neżaminaw mill-​qrib il-​profeziji tal-​Bibbja u nqabbluhom mal-​ġrajjiet fis-​seklu tagħna, naraw li Ġesù poġġa fuq it-​tron bħala Sultan fis-​sema lura fl-​1914. (Mattew 24:3-42) Dak kien pass importanti f’li jġib il-​paċi għall-​art.

Jekk inhu hekk, allura għala faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija fl-​1914? U għala s-​seklu tagħna ra l-​agħar gwerer minn qatt qabel fl-​istorja? Minħabba li l-​ewwel azzjoni tas-​Sultan tas-​sema kienet li jkeċċi darba għal dejjem lil Satana mis-​sema u jitfgħu ’l isfel lejn il-​viċinanza tal-​art. Ir-​riżultat? Il-​profezija tgħid: “Gwaj għall-​art u għall-​baħar, għaliex ix-​Xitan niżel għandkom billi għandu rabja kbira, għax jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.” (Rivelazzjoni 12:7-12) Il-​gwerer kbar tas-​seklu tagħna għandhom x’jaqsmu mar-​rabja taʼ Satana. Imma innota: ir-​rabja taʼ Satana hija għal “perijodu qasir taʼ żmien.” Il-​kriżi dalwaqt tispiċċa!

Qabel ma tiġi, però, il-​Prinċep tal-​Paċi jagħmel iktar preparamenti vitali għall-​paċi. L-​ewwel, il-​bnedmin iridu jkunu jafu bil-​għan t’Alla biex iġib il-​paċi permezz taʼ Kristu. Fi qbil maʼ dan, Ġesù pprofetizza li fi żmienna “din l-​aħbar tajba tas-​saltna se tkun ippridkata mal-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mattew 24:14) Bi twettieq taʼ dan, l-​aħbar tajba qed tiġi ppridkata llum mix-​Xhieda taʼ Jehovah f’kull rokna tal-​globu.

Imbagħad dawk taʼ qalbhom tajba jridu jiġu edukati fil-​mogħdijiet tal-​paċi. Il-​Bibbja twiegħed: “Uliedek subien kollha se jkunu persuni mgħallmin minn Jehovah, u l-​paċi taʼ wliedek subien se tkun abbundanti.” (Isaija 54:13) Miljuni taʼ wħud taʼ qalbhom tajba qed jirċievu din l-​edukazzjoni minn issa.

Il-​Pass li Jmiss

Huwa issa kważi l-​ħin għal pass deċiżiv ieħor fil-​proċess taʼ li ssir il-​paċi. X’inhu dan? Wieħed li ħafna jafuh b’ismu però ftit jafu l-​għan veru tiegħu. Il-​Bibbja ssejjaħlu “[i]l-gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox,” jew Armageddon. (Rivelazzjoni 16:14, 16) Ħafna jaħsbu li Armageddon hi xi gwerra nukleari li se teqred iċ-​ċivilizzazzjoni. Bil-​kontra, hija att dirett minn Ġesù, il-​Prinċep tal-​Paċi, biex iwettaq affarijiet li huma vitali għall-​paċi.

L-ewwel, Armageddon se tneħħi min-​nofs l-​ostakli kollha għall-​paċi li jagħmlu l-​bnedmin. Il-​profezija f’Salm 37:10 tgħid: “Ftit ieħor biss, u l-​wieħed ħażin mhux se jkun iżjed; u int żgur se tagħti kas taʼ postu, u mhux se jkun hemm.” Iva, Ġesù se jneħħi min-​nofs lill-​“wieħed ħażin”−dawk li jagħmlu l-​gwerer, il-​kriminali, it-​terroristi, kif ukoll dawk kollha li jirrifjutaw li jaċċettaw lill-​kbir Prinċep tal-​Paċi—mix-​xena tal-​art. Mhux se jkollhom iktar dritt li jkomplu jgħixu fuq din il-​pjaneta.—Rivelazzjoni 19:19-21.

It-tieni, f’Armageddon din il-​profezija taʼ Danjel se tiġi mwettqa: “Fil-​jiem taʼ dawk is-​slaten Alla tas-​sema se jwaqqaf saltna li qatt ma se tiġi meqruda. U s-​saltna nfisha mhix se tiġi mgħoddija lil xi poplu ieħor. Hi se tfarrak u ġġib fi tmiem lil dawn is-​saltniet kollha, u hija nfisha se tieqaf għal żminijiet indefiniti.” (Danjel 2:44) Il-​firdiet nazzjonali li taʼ spiss wasslu għall-​gwerra se jiġu maħlulin. Fl-​aħħarnett, se jkun hemm gvern dinji taħt ħakkiem li nistgħu nafdawh!

Meta se tiġi Armageddon? Il-​Bibbja ma tgħidilniex. Imma l-​ġrajjiet dinjin bi twettieq tal-​profezija jindikaw li hija qrib ħafna. Il-​Bibbja b’mod ċar tbassar ġrajja li se tkun ħabbara immedjata. L-​appostlu Pawlu jgħid: “Hu meta hu li qegħdin igħidu: ‘Paċi u sigurta!’ imbagħad qerda f’daqqa għandha tkun minnufih fuqhom.” (1 Tessalonkin 5:3) Imbagħad, immedjatament wara l-​qerda f’daqqa li se jkollha l-​quċċata f’Armageddon, l-​akbar ostaklu għall-​paċi se jiġi mneħħi min-​nofs. Il-​“perijodu qasir taʼ żmien” taʼ Satana se jkun intemm, u hu se jiġi mpoġġi f’sitwazzjoni fejn ma jistax ikompli jikkaġuna nkwiet hawn fuq l-​art. (Rivelazzjoni 20:l-3) Xi pjaċir!

Dinja fil-​Paċi

Immaġina s-​sitwazzjoni f’dak iż-​żmien. Is-​salmista pprofetizza: “Il-​ġwejdin infushom se jkollhom pussess tal-​art, u huma tabilħaqq se jsibu l-​għaxqa bnina tagħhom fl-​abbundanza taʼ paċi.” (Salm 37:11) Dawn il-​ġwejdin se jkomplu jwettqu l-​profezija sabiħa taʼ Isaija: “Huma se jkollhom jaħdmu sjufhom f’sikek tal-​moħriet u l-​lanez tagħhom f’imqassijiet taż-​żabra. Ġens mhux se jerfaʼ sejf kontra ġens, lanqas ma se jitgħallmu l-​gwerra iktar.”—Isaija 2:4.

Fl-aħħar, għall-​ewwel darba minn Għeden, il-​bnedmin ħajjin kollha se jgawdu l-​barka t’Alla Jehovah, u hu se jwettaq il-​wegħda tiegħu: “Ħares! it-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin, u hu se jgħammar magħhom, u huma se jkunu l-​popli tiegħu. U Alla nnifsu se jkun magħhom. U se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-​mewt ma tkunx iżjed, u la l-​għali u la l-​biki u lanqas l-​ugigħ ma jkunu iżjed. L-​affarijiet taʼ qabel għaddew.”−Rivelazzjoni 21:3, 4.

Tama Soda

Min, mela, se jmexxi lill-​bnedmin għall-​paċi? Ġesù Kristu, il-​Prinċep tal-​Paċi maħtur. Hija din it-​tama prattika għalina llum? Sewwa, kieku l-​wegħdi tal-​Bibbja ma kinux taʼ min joqgħod fuqhom, ma jkun hemm ebda tama vera għall-​paċi. Il-​bnedmin kieku jkomplu jiġġieldu u joqtlu lil xulxin bla tmiem. Imma l-​Bibbja hija taʼ min joqgħod fuqha u s-​Saltna t’Alla bi Kristu żgur li se ġġib il-​paċi. Aħna ninkuraġġuk biex tismaʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna li x-​Xhieda taʼ Jehovah jiġu biha d-​dar tiegħek u ara għalik innifsek. Imbagħad, meta jkun il-​waqt, jalla tkun fost il-​ġwejdin li se jirtu l-​art u jitgħaxxqu bl-​abbundanza tal-​paċi.

[Kumment f’paġna 4]

Ġesù biss għandu l-​kwalifiki biex imexxi lill-​bnedmin lejn il-​paċi

[Kumment f’paġna 5]

llum, l-​aħbar tajba tas-​Saltna qed tiġi ppridkata f’kull rokna tal-​globu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja