Il-Paċi Dejjiema Meta Se Tiġi Tassew?
IL-GWERRA hija waħda mill-affarijiet kostanti tal-istorja, u ma naqsitx biċ-ċiviltà jew bid-demokrazija,” kitbu Will u Ariel Durant fil-ktieb tagħhom The Lessons of History. “Il-paċi hija ekwilibriju mhux stabbli, li tistaʼ tiġi ppreservata biss bis-supremazija rikonoxxuta jew poter ugwali.”
Tabilħaqq, minkejja sforzi intensi, paċi dejjiema sa issa ħarbitilha lill-umanità. Għala? Ir-raġuni hi li l-kaġuni tal-gwerra huma bil-wisq iktar imħawlin fil-fond mill-glied politiku, territorjali, jew soċjali li naraw fil-wiċċ. Will u Ariel Durant għamlu l-osservazzjoni: “Il-kaġuni tal-gwerra huma l-istess bħall-kaġuni tal-kompetizzjoni fost l-individwi: il-ħerqa biex jakkwistaw, dejjem lesti li jiġġieldu, il-kburija; ix-xewqa għall-ikel, art, materjal, iż-żejt, u li jkun padrun.”
Madankollu, l-Bibbja b’mod partikulari tidentifika l-għerq tal-ġlied u l-gwerra bejn individwi u fuq skala akbar. Naqraw: “Minn liema sors hemm il-gwerer u minn liema sors hemm il-glied fostkom? M’humiex minn dan is-sors, jiġifieri, mix-xenqat tagħkom għal pjaċir senswali li jkomplu konflitt fil-membri tagħkom? Intom tixtiequ, u madankollu m’għandkomx. Tkomplu toqtlu u tixxennqu, u madankollu m’għandkomx il-ħila tiksbu. Intom tkomplu tiġġieldu u tagħmlu gwerra.” —Ġakbu 4:1, 2.
Il-kwistjoni, mela, tasal għal dan: Biex tiġi l-vera paċi, irridu neliminaw mhux biss is-sintomi—gwerer, tixwix, kolpi taʼ stat, rivoluzzjonijiet—imma wkoll il-għerq tal-kaġun—is-suspett, ir-regħba, l-mibgħeda, l-ostilità—fil-bnedmin kollha. Dawn iridu jeħdulhom posthom l-azzjonijiet konsistenti maʼ kwalitajiet mhux egoisti bħall-imħabba, il-qalb tajba, il-fiduċja, u l-ġenerożità. Jeżisti xi ħadd li hu kapaċi li jwettaq dan? Li kieku jiddependi fuq bnedmin tal-art imperfetti u mortali, it-tweġiba bil-fors tkun le. Imma hemm xi ħadd li għalih dan mhux diffiċli ħafna. Dan hu Dak li għandu t-tweġiba għall-mistoqsija: Meta tassew li se tiġi l-paċi?
Il-Wieħed li Jistaʼ Jġib il-Paċi
Xi 28 seklu ilu, il-profeta Isaija kien inspirat biex jiddikjara: “Tweldilna tifel, ingħatalna iben; u l-ħakma taʼ prinċep se tiġi li tkun fuq spalltu. U ismu se jiġi msejjaħ Kunsillier tal-Għaġeb, Alla Setgħan, Missier Etern, Prinċep tal-Paċi. Għall-abbundanza tal-ħakma taʼ prinċep u għall-paċi mhux se jkun hemm tmiem.”—Isaija 9:6, 7.
L-identità taʼ dan il-wieħed li se jġib paċi bla tmiem iktar tard ġiet irrivelata bħala li ma kien ħadd ħlief Ġesù Kristu, “Bin l-Iktar Għoli.” (Luqa 1:30-33; Mattew 1:18-23) Imma dan il-wieħed għala se jkollu suċċess fejn il-prinċpijiet u l-ħakkiema l-oħra kollha fallew? Għandu jiġi nnotat, l-ewwel ħaġa, li t-“tifel” imwiegħed ma kellux jibqaʼ għal dejjem tarbija li ma jistaʼ jagħmel xejn, bħalma forsi jpinġuh xi wħud. Minflok, hu kellu jeżerċita l-“ħakma taʼ prinċep” bħala l-“Prinċep tal-Paċi,” għall-barka eterna tal-umanità.
Hemm iktar xi tgħid dwar il-ħakma taʼ Ġesù. Bħala “Kunsillier tal-Għaġeb,” li għandu fehma straordinarja tan-natura umana u abbiltà superlattiva, hu se jkun kapaċi jsib il-qalba taʼ kwistjonijiet diffiċli u b’hekk isolvi l-problemi kollha xewk li jikkonfrontaw u jiffrustraw lill-mexxejja dinjija llum. (Mattew 7:28, 29; Mark 12:13-17; Luqa 11:14-20) Imbagħad bħala “Alla Setgħan,” dak il-wieħed irxoxtat bħal alla, Ġesù Kristu, li issa huwa fuq it-tron fis-sema bħala s-Sultan Messjaniku, se jaħdem għall-paċi billi jirrepeti fuq skala grandjuża dak li għamel meta kien fuq l-art—ifejjaq lil dawk b’mard li ma jitfejjaqx, jipprovdi l-folol b’ikel u xorb, saħansitra jikkontrolla t-temp. ( Mattew 14:14-21; Mark 4:36-39; Luqa 17:11-14; Ġwann 2:1- 11) Bħala “Missier Etern, ” Ġesù għandu l-qawwa biex iġib lura għall-ħajja lil dawk li spiċċaw fil-mewt u jagħtihom ħajja taʼ dejjem. U hu nnifsu se jgħix għal dejjem, b’hekk jiżżgura li l-ħakma tiegħu u l-paċi mhux se jkollhom tmiem.—Mattew 20:28; Ġwann 11:25, 26; Rumani 6:9.
Billi hu armat b’dan il-mod, Ġesù Kristu biċ-ċar huwa l-wieħed li kapaċi jlaħħaq mal-kaġuni taʼ egħruq fondi taʼ gwerra u ġlied. Hu mhux sempliċement se jagħmel patt taʼ paċi jew pjan għall-hekk imsejħa eżistenza tal-ġnus, biex terġa tisfa fix-xejn minn xi gwerra oħra. Minflok, hu se jneħħi kull inugwaljanza politika, territorali, soċjali, u ekonomika billi jġib lill-umanità kollha taħt ħakma waħda, dik tas-Saltna Messjanika tiegħu. Billi jmexxi lin-nies kollha fil-qima taʼ dak Alla veru, Jehovah, hu se jelimina dak li taʼ spiss hu l-kaġun wara l-gwerra—ir-reliġjon falza. M’hemm l-ebda dubju li Ġesù Kristu, il-Prinċep tal-Paċi, se jwettaq dan kollu. Il-mistoqsija hi, Meta?
Ġrajjiet li Jwasslu għal Paċi Dejjiema
Wara l-irxoxt u t-tlugħ tiegħu fis-sema fis-sena 33 E.K., Ġesù kellu jistenna ż-żmien maħtur għalih biex jieħu azzjoni. Dan kien skond id-digriet taʼ Jehovah: “‘Oqgħod bil-qiegħda fuq il-leminija tiegħi sakemm inqiegħed l-egħdewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.’ Il-bastun tas-saħħa tiegħek Jehovah se jibgħat ’il barra minn Sijon, billi jgħid: ‘Mur rażżan f’nofs l-egħdewwa tiegħek.’” (Salm 110:1, 2; Luqa 22:69; Efesin 1:20; Ebrej 10:12, 13) Meta jiġri dak? Għal iktar minn 70 sena, ix-Xhieda taʼ Jehovah ilhom jipproklamaw madwar id-dinja l-aħbar tajba li Ġesù Kristu beda jaħkem fis-Saltna t’Alla fis-sema fissena 1914.a
Imma forsi tgħid, ‘Ma kien hemm ebda paċi mill-1914 ’il hawn. Għal kuntrarju, il-kundizzjonijiet marru mill-ħażin għall-agħar minn dak in-nhar.’ Għandek raġun biex tbigħ. Dan attwalment jagħti prova li l-ġrajjiet qed iseħħu kif kien imbassar. Il-Bibbja tgħidilna li eżatt fiż-żmien meta “s-saltna tad-dinja tassew saret is-saltna tal-Mulej tagħna u tal-Kristu tiegħu, . . . [i]l-ġnus saru nkorlati.” (Rivelazzjoni 11:15, 18) Minflok ma ssottomettew irwieħhom għall-ħakma taʼ Alla Jehovah u l-Prinċep tal-Paċi tiegħu, il-ġnus daħlu fi ġlieda sfrenata għal dominju dinji u esprimew korla partikulari kontra l-Kristjani li kienu qed jagħtu xiehda għas-Saltna stabbilita t’Alla.
Il-ktieb taʼ Rivelazzjon hekk kif Ġesù Kristu ħa s-setgħa tas-saltna, hu ħa azzjoni biex ineħħi lil Satana u lid-demonji tiegħu mis-sema: “Issa seħħet is-salvazzjoni u l-qawwa u s-saltna t’Alla tagħna u l-awtorità tal-Kristu tiegħu, għaliex ix-xellej taʼ ħutna ġie mixħut ’l isfel, li jixlihom lejl u nhar quddiem Alla tagħna!” Ir-riżultat? Ir-rakkont ikompli: “Minħabba f’dan ifirħu, intom is-smewwiet u intom li toqogħdu fihom! Gwaj għall-art u għall-baħar, għaliex ix-Xitan niżel għandkom, billi għandu rabja kbira, għax jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.”—Rivelazzjoni 12:10, 12.
Sinjal Finali
Dan jagħtina dehen dwar għala l-ġnus ma kinux kapaċi jġibu l-paċi minkejja l-isforzi kollha tagħhom. Ir-rabja kbira tax-Xitan, riflessa fl-istess korla tal-ġnus, żammet lid-dinja aġitata u f’taħwid bħal qatt qabel fl-istorja umana. Meta se jintemm dan kollu? Il-Bibbja tipprovdielna ħjiel importanti: “Hu meta hu li qegħdin igħidu: ‘Paċi u sigurtà!’ imbagħad qerda f’daqqa trid tkun minnufih fuqhom.”—1 Tessalonkin 5:3.
Tapprezzah int is-sinjifikat taʼ din it-twissija? Ġrajjiet dinjin bħalma huma dawk li tajna dettalji tagħhom fl-artiklu taʼ qabel juru li l-ħakkiema u ħafna nies qed jitkellmu dwar paċi u jistennewha bħal qatt qabel. Xi wħud iħossu li bit-tmiem tal-Gwerra Bierda, it-theddida taʼ olokawst nukleari hija xi ħaġa tal-imgħoddi. Iva, il-ġnus ilhom igħidu tant dwar paċi u sigurtà. Imma hija s-sitwazzjoni tad-dinja verament qed tiċċaqlaq lejn dik id-direzzjoni? Ftakar, Ġesù qal dwar dawk li jkunu qed igħixu fl-aħħar jiem, li jibdew fl-1914: “Verament ingħidilkom li din il-ġenerazzjoni bl-ebda mod ma se tgħaddi sakemm dawn l-affarijiet kollha jseħħu.” (Mattew 24:34) Iva, paċi verament se tiġi matul din il-ġenerazzjoni imma mhux permezz tal-isforzi tal-ġnus. Il-paċi stabbilita fis-sod, ġusta, u twajba mwiegħda minn Alla Jehovah tistaʼ tiġi biss permezz tal-ħakma li qed toqrob tal-Prinċep tal-Paċi tiegħu, Ġesù Kristu.—Isaija 9:7.
Jekk inti tixtieq li tara l-ġurnata meta l-paċi verament se tiġi u tesperjenzaha mal-maħbubin tiegħek, mela ħares lejn il-Prinċep tal-Paċi u żomm tajjeb f’moħħok il-kelmiet li jassiguraw tiegħu: “Ibqgħu mqajmin, allura, il-ħin kollu tagħmlu tħannin biex forsi jirnexxilkom taħarbu minn dawn l-affarijiet kollha li huma ddestinati li jsehħu, u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”—Luqa 21:36.
[Nota taʼ taħt]
a Għal dettalji dwar il-kronoloġija tal-Bibbja u l-profeziji Bibliċi li twettqu, ara kapitli 12 sa 14 tal-ktieb “Let Your Kingdom Come,” ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Kaxxa f’paġna 6]
IL-PAĊI IDENTIFIKATA
Illum il-biċċa l-kbira tan-nies jaħsbu dwar il-paċi bħala li hi n-nuqqas taʼ gwerra jew ġlied. Din, madankollu, hija definizzjoni ristretta tal-kelma. Fi żminijiet Bibliċi l-kelma “paċi” (Ebrej, sha·lohmʹ) jew l-espressjoni “Jalla jkollok il-paċi!” kienet tintuża bħala forma komuni taʼ tislima. (Imħallfin 19:20; Danjel 10:19; Ġwann 20:19, 21, 26) Biċ-ċar, mhix qed tirreferi biss għan-nuqqas taʼ gwerra. Innota x’qal il-ktieb The Concept of Peace dwar dan il-punt: “Meta l-kelma shalom tiġi wżata għal paċi, dak li kellhom f’moħħhom dawk li wżawha oriġinalment kienet il-kundizzjoni tad-dinja jew tas-soċjeta umana li fiha hemm il-kompletezza, l-unità, il-ħaġa sħiħa, il-milja....Fejn hemm il-paċi, kemm is-sħiħa kif ukoll il-partijiet li jikkostitwixxu tagħha laħqu sal-livelli massimi u ottimali tal-esseri.” Meta Alla jġib il-paċi, mhux biss il-bnedmin ma se “jitgħallmu l-gwerra iktar” imma ‘kull wieħed joqgħod bil-qiegħda taħt id-dielja u s-siġra tat-tin tiegħu stess.’—Mikea 4:3, 4.
[Stampa f’paġna 7]
In-nuqqas taʼ paċi nħasset b’mod tremend mill-Ewwel Gwerra Dinjija ’l hawn.