LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 10/15 pp. 11-16
  • It-Teżor Tagħna, Ministeru taʼ Glorja taż-Żmien Modern

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Teżor Tagħna, Ministeru taʼ Glorja taż-Żmien Modern
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Dawk li Jirriflettu l-​Glorja t’Alla
  • Kollha Pprivileġġati li Nġorru d-​Dawl
  • Teżor Glorjuż f’Reċipjenti Fraġli
  • Folla Kbira Tistma Bil-​Kbir “Dan it-​Teżor”
  • Il-Kristjani Jirriflettu l-Glorja taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Se Tirrifletti Int il-Glorja t’Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Aqdi Sewwa l-Ministeru Tiegħek”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Tħalli Xejn Ifixklek Milli Tikseb il-Glorja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 10/15 pp. 11-16

It-​Teżor Tagħna, Ministeru taʼ Glorja taż-​Żmien Modern

“Għandna dan it-​teżor f’reċipjenti tal-​fuħħar, li l-​qawwa iktar min-​normal tistaʼ tkun t’Alla u mhux dik minna nfusna.”—2 KORINTIN 4:7.

1. (a) Liema teżor glorjuż jistaʼ jkollna, u għala? (b) Il-​Bibbja kif tiddeskrivi l-​għoti tal-​Liġi taʼ Mosè?

IL-​MINISTERU tal-​ippridkar taʼ “din l-​aħbar tajba tas-​saltna” matul il-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet hu tabilħaqq teżor, oġġett mill-​iktar taʼ valur. Għaliex Jehovah hu Alla taʼ glorja, is-​servizz lejn Alla huwa ministeru taʼ glorja, b’hekk teżor. (Mattew 24:14; 2 Korintin 3:18—4:1) Rigward il-​għoti glorjuż tal-​Liġi taʼ Mosè, hemm miktub f’Eżodu 34:29, 30: “Issa ġara meta Mosè niżel mill-​Muntanja Sinaj li ż-​żewġ twavel tat-​Testimonjanza kienu f’idejn Mosè meta niżel mill-​muntanja, u Mosè ma kienx jaf li l-​ġilda taʼ wiċċu kienet tixħet raġġi minħabba li kien tkellem miegħu [maʼ Jehovah]. Meta Aronne u l-​ulied kollha taʼ Iżrael ġew li raw lil Mosè, allura, ħares! il-​ġilda taʼ wiċċu kienet tixħet raġġi u huma bdew jibżgħu jiġu qrib tiegħu.”

2. X’kien iffigurat bil-​quddiem bis-​servizz tal-​Liġi taʼ Mosè, u l-​ministeru tal-​aħħar għala hu iżjed glorjuż?

2 Versi 32 sa 34 iżidu: “Wara dan l-​ulied kollha taʼ Iżrael ġew qrib lejh, u hu beda jikkmandahom dak kollu li Jehovah kien tkellem miegħu fuq il-​Muntanja Sinaj. Meta Mosè kien jieqaf jitkellem magħhom, hu kien ipoġġi velu fuq wiċċu. Imma meta Mosè kien jidħol quddiem Jehovah biex jitkellem miegħu, hu kien ineħħi l-​velu sakemm joħroġ.” Is-​servizz tal-​Liġi taʼ Mosè ffigura bil-​quddiem il-​ministeru tal-​patt ġdid mill-​Medjatur, Ġesù Kristu. Għaldaqstant, jekk il-​ministeru taʼ qabel kien glorjuż, kemm iżjed tal-​aħħar, “l-​amministrar tal-​ispirtu” kien se jisbqu fil-​glorja! (2 Korintin 3:7-11) Huwa iżjed glorjuż għax għandu glorja li tibqaʼ, u s-​segwaċi taʼ Ġesù Kristu jieħdu sehem fih.—Rumani 12:11.

3. (a) X’inhu veru dwar il-​ministeru tax-​Xhieda taʼ Jehovah, imma dan għala mhux evidenti għal ħafna min-​nies? (b) Xi prova hemm li Mosè kien fil-​preżenza glorjuża taʼ Jehovah?

3 Nistgħu nikkonkludu, għalhekk, li l-​ministeru tax-​Xhieda taʼ Jehovah hu wieħed glorjuż. Dan, madankollu, mhux evidenti għal ħafna min-​nies li saru għomja bir-​reliġjon falza. Għalkemm ħafna għandhom il-​Bibbja u forsi jaqrawha, huma m’għandhomx ‘għajnejn li jaraw.’ (2 Pietru 1:5-9) Biex jitneħħielhom il-​velu minn quddiem għajnejhom, huma jridu jduru lejn Alla Jehovah bil-​fidi, għax meta Mosè mar quddiem il-​preżenza taʼ Jehovah, hu neħħa l-​velu li ħbielu wiċċu mil-​Lhud. (2 Korintin 3:16) L-​Iżraeliti kienu beżgħanin li jaraw il-​glorja t’Alla f’wiċċ il-​medjatur tagħhom u talbu li jitpoġġa velu fuqha minn quddiem għajnejhom. L-​istess bħalma materjal fosforixxenti li ġie sponut għad-​dawl jibqaʼ jitfaʼ dija fid-​dlam, hekk Mosè il-​medjatur tagħhom, irrifletta l-​glorja taʼ Jehovah, billi ta prova li hu kien quddiem Jehovah.

4. Nies li ma jemmnux illum kif jimitaw lil-​Lhud tal-​qedem, imma s-​segwaċi taʼ Mosè Akbar minn xiex ma jibżgħux?

4 Mosè ffigura bil-​quddiem lill-​Profeta kbir t’Alla, Ġesù Kristu. Bħal dak li ta stampa tiegħu, dan Mosè Akbar ma jibżax iħares direttament lejn il-​glorja taʼ Jehovah. Sal-​ġurnata tal-​lum, madankollu, nies li ma jemmnux li saru għomja mix-​Xitan u mir-​reliġjon Babilonjana tiegħu jimitaw lil dawk il-​Lhud tal-​qedem u jirrifjutaw li jaraw, li jagħrfu, il-​glorja taʼ Mosè Akbar, Ġesù Kristu. (2 Korintin 3:12-15) Madankollu, is-​segwaċi veri tiegħu ma jibżgħux iħarsu lejn ir-​riflessjoni tal-​glorja taʼ Jehovah li ħierġa minn wiċċ Ġesù Kristu. Ħielsa mill-​influwenza taʼ Babilonja, huma jingħataw il-​qlubija biex jindikaw il-​glorja t’Alla. “Għalhekk,” kiteb Pawlu, “la għandna tama bħal din, qegħdin nużaw libertà kbira tal-​kelma.”−2 Korintin 3:12.

Dawk li Jirriflettu l-​Glorja t’Alla

5. Kif nistgħu nirriflettu l-​glorja t’Alla u nkunu bħal Mosè fuq il-​quċċata tal-​muntanja fil-​preżenza taʼ Jehovah?

5 Ġesù Kristu neħħa l-​velu billi rrivela u ddikjara lil Alla Jehovah lilna. (Ġwann 1:14, 17, 18) Mela aħna rridu niddu, u b’hekk il-​glorja t’Alla tiddi minn ġol-​“aħbar tajba glorjuża dwar il-​Kristu u li hu x-​xbiha t’Alla,” li aħna rridu nxandru. Id-​dija tagħha hi “l-​għarfien glorjuż t’Alla bil-​wiċċ taʼ Kristu.” Aħna rridu nirriflettu din il-​glorja billi nitkellmu dwar il-​glorja taʼ Jehovah u l-​glorja tas-​Saltna tiegħu permezz taʼ Ibnu. (2 Korintin 4:4-6) Bħal Mosè fuq il-​quċċata tal-​muntanja fil-​preżenza taʼ Jehovah, ix-​Xhieda Tiegħu fuq l-​art ma jpoġġux velu fuq qlubhom mill-​glorja taʼ Jehovah. Huma jammiraw il-​glorja riflessa fil-​wiċċ taʼ Bin Jehovah, is-​Sultan Ġesù Kristu. B’hekk, huma jridu jitfgħu d-​dawl rigward il-​glorja t’Alla lil oħrajn.

6. Pawlu kif jiddeskrivi l-​ministeru tagħna taʼ glorja fit-​2 Korintin 3:18, u b’liema modi aħna b’hekk “ittrasformati”?

6 Lix-​xhieda sħabu kollha tal-​glorja taʼ Jehovah, l-​appostlu Pawlu jiddeskrivihielhom b’dan il-​kliem: “U lkoll kemm aħna waqt li b’uċuħ mingħajr velu nirriflettu bħal mirja l-​glorja taʼ Jehovah, aħna trasformati fl-​istess xbiha minn glorja għal glorja, eżattament kif sar minn Jehovah l-​Ispirtu.” (2 Korintin 3:18) Iktar ma nirċievu mill-​glorja taʼ dan id-​dawl, iktar irridu nirriflettu minnha u b’hekk iktar niġu ttrasformati. Imħuħ jiġu mġeddin u rinovati, għalkemm forsi ma jidhru l-​ebda bidliet fil-​ġisem jew fil-​wiċċ. Huwa d-​dawl tal-​messaġġ glorjuż li nitfgħu li jipproduċi d-​differenza fina. Il-​ħajjiet tagħna huma ttrasformati biex ikunu bħal Kristu, hekk kif inħejju lilna nfusna biex inwettqu s-​servizz ipprivileġġat taʼ li nferrxu dan id-​dawl glorjuż barra ’l pajjiż lil oħrajn—Ebrej 13:15.

7. Minn liema sors hi l-​glorja ġenwina, u kif nistgħu nesprimu din il-​glorja?

7 Din it-​trasformazzjoni kollha hija dovuta lill-​ispirtu, jew forza attiva, t’Alla. Il-​kleru tal-​Kristjaneżmu ma jirriflettux il-​glorja taʼ Alla Jehovah imma jkollhom jirrikorru għal xi wirja superfiċjali sabiex joħolqu spettaklu. Il-​glorja mhix tagħna, u m’għandniex għalfejn inżejnu lilna nfusna b’ilbies ekkleżjastiku mill-​isbaħ taʼ ħarir, deheb, u ġojjelli jlellxu. Glorja ġenwina tiġi mill-​ispirtu t’Alla u tiġi espressa f’li tingħata x-​xiehda glorjuża rigward Jehovah l-​Ispirtu.

Kollha Pprivileġġati li Nġorru d-​Dawl

8, 9. X’inkuraġġiment jagħtina Pawlu fit-​2 Korintin 4:1, 2, u x’determinazzjoni min-​naħa tagħna jitlob dan?

8 Fit-​2 Korintin 4:1, 2, naqraw: “Hu għalhekk li, ladarba għandna dan il-​ministeru skond il-​ħniena li ġiet murija lilna, ma naqtgħux qalbna; imma aħna ċħadna l-​affarijiet li jsiru minn taħt u li minnhom għandna nistħu, billi ma nimxux bil-​makakkerija, lanqas ma nħalltu l-​kelma t’Alla bil-​qerq, imma billi nagħmlu l-​verità tidher aħna nirrikmandaw lilna nfusna lil kull kuxjenza umana fid-​dehra t’Alla.” Alla ġietu ħniena minna biex jagħtina dan il-​ministeru. Din hi eżortazzjoni biex tinkuraġġina biex nibqgħu sejrin bil-​kuraġġ, u hekk se nagħmlu! Ladarba ġejna ffavoriti bid-​dawl mill-​Kelma t’Alla, aħna obbligati li nuruh lill-​oħrajn.—Qabbel Mattew 5:14-16.

9 Affarijiet li n-​nies għandhom għalfejn jistħu minħabba fihom, bħalma hu l-​qerq, huma jaħbu b’ingann u makakkerija. Imma aħna m’għandna l-​ebda kawża għal mistħija għaliex il-​messaġġ u x-​xogħol tagħna m’humiex qarrieqa imma huma taʼ tjieba u veri. Għaldaqstant, aħna nistgħu nitfgħu l-​glorja sħiħa tad-​dawl. Aħna ma nittrattawx il-​Kelma t’Alla b’ingann. Li tagħmel hekk ikun ifisser li tittrattaha b’mod egoist għal qliegħ, glorja, vantaġġ persunali, u poter dinji u biex taħrab l-​oppożizzjoni u l-​persekuzzjoni mid-​dinja. Dawk li ma jibżgħux jiġu għand Jehovah b’uċuh mingħajr velu u jħarsu fid-​dawl glorjuż tal-​verità bl-​istess mod mhux se jibżgħu jiffaċċjaw ir-​responsabbiltà tagħhom. Huma jħallu d-​dawl jiġi rifless minnhom.

10. Għala mhux it-​tort tax-​Xhieda taʼ Jehovah jekk l-​aħbar tajba tas-​Saltna hija moħbija qisu b’velu mill-​vista taʼ xi nies?

10 Jekk xi wħud għandhom l-​aħbar tajba tas-​Saltna moħbija qisu b’velu minn quddiem għajnejhom, mhux it-​tort tax-​Xhieda taʼ Jehovah imma t-​tort tagħhom stess. L-​aħbar tajba tas-​Saltna mhix qed tinħeba. Ix-​xogħol taʼ ppridkar mad-​dinja kollha tax-​Xhieda taʼ Jehovah hu magħruf sewwa. B’hekk, huma jistgħu jgħidu bħalma qal l-​appostlu Pawlu: “Din il-​ħaġa ma saritx f’xi rokna.” Tabilħaqq, kif kiteb hu, l-​aħbar tajba ġiet “ippridkata fil-​ħolqien kollu li hemm taħt is-​sema.”−Atti 26:26; Kolossin 1:23.

11. Għala l-​aħbar tajba glorjuża hi moħbija qisu b’velu fost tant mill-​umanità?

11 Dawk li minnhom hi moħbija l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla huma dawk li jopponu, dawk għomja mix-​Xitan. (Qabbel Mattew 12:30. ) Sakemm ma jinħelsux mir-​reliġjon falza u min-​nasbiet tax-​Xitan, huma jinsabu f’linja għall-​qerda. Taħt influwenza demonika, persuni bħal dawn jiġbdu velu quddiem għajnejhom stess, għax l-​appostlu Pawlu jgħid fit-​2 Korintin 4:3-6: “Jekk, issa, l-​aħbar tajba li niddikjara hi fil-​fatt imgħottija b’velu, hi mgħottija b’velu fost dawk li qed igħibu, li fosthom l-​alla taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet għama l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux, biex id-​dawl tal-​aħbar tajba glorjuża dwar il-​Kristu, li hu x-​xbiha t’Alla, jistaʼ ma jiddix. Għax aħna qed nippridkaw, mhux lilna nfusna, imma lil Kristu Ġesù bħala l-​Mulej, u lilna nfusna bħala rsiera tagħkom għal Ġesù.”

12. F’kuntrast maʼ dawk għomja mentalment, il-​poplu taʼ Jehovah kif iwieġeb għall-​kliem tat-​2 Korintin 4:6?

12 Uħud għomja mentalment ma jridux jemmnu. In-​nuqqas taʼ twemmin tagħhom iħalli lil moħħhom miftuħ għal invażjoni mid-​demonji. (1 Timotew 4:1) Huma ma jistgħux jaraw il-​glorja taʼ Jehovah jew ir-​riflessjoni tagħha mill-​wiċċ taʼ Ġesù, Mosè Akbar. Il-​poplu taʼ Jehovah jaqbad id-​dawl glorjuż mill-​Bibbja u jgħaddih lil oħrajn. Mela l-​qaddejja t’Alla kollha jġorru d-​dawl, u Alla jordna biex id-​dawl jiddi. Id-​dawl irid jirrifletti mill-​poplu t’Alla u jiddi fuq oħrajn li qegħdin fid-​dlam u fil-​periklu tal-​qerda. Dan hu preċiż kif ipoġġiha t-​2 Korintin 4:6: “Għax Alla hu li qal: ‘Ħalli d-​dawl jiddi ’l barra mid-​dlam,’ u hu idda fuq qlubna biex idawwalhom bil-​għarfien glorjuż t’Alla bil-​wiċċ taʼ Kristu.” Minħabba f’dan, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jobdu l-​kmand divin u jħallu d-​dawl tagħhom jiddi fuq oħrajn, għall-​glorja t’Alla.

Teżor Glorjuż f’Reċipjenti Fraġli

13. L-​inkarigu taʼ servizz imbierek taʼ li jġorru d-​dawl fuq ħlejjaq tal-​laħam fiex irriżulta?

13 F’dan il-​privileġġ taʼ servizz grandjuż b’mod li ma jitfissirx, huwa taʼ importanza primarja li dawk li jġorru d-​dawl juru li jixirqilhom li jkollhom id-​dawl billi jżommu l-​integrità tagħhom lejn Alla. Biex iwettqu dan il-​privileġġ taʼ servizz tal-​għaġeb, Alla ma wżax lill-​anġli qaddisa, li jixtiequ jittawlu f’dawn l-​affarijiet, imma hu ferraʼ dan is-​servizz imbierek fuq ħlejjaq tal-​laħam. (1 Pietru 1:12) Dan għamlu biex igħolli l-​qawwa tiegħu stess fost id-​djufija umana. Kif jistqarr it-​2 Korintin 4:7: “Madankollu, għandna dan it-​teżor f’reċipjenti tal-​fuħħar, li l-​qawwa iktar min-​normal tistaʼ tkun t’Alla u mhix dik minna nfusna.”

14. (a) X’inhu “dan it-​teżor f’reċipjenti tal-​fuħħar”? (b) Mosè u Ġesù Kristu għala huma eżempji għaqlin għalina rigward teżor?

14 Reċipjenti fl-​antik kienu taʼ spiss jintużaw biex jintrefgħu fihom affarijiet taʼ valur. X’inhu dan it-​teżor glorjuż li x-​Xhieda taʼ Jehovah jipposjedu f’reċipjenti fraġli tal-​fuħħar—lilhom infushom, bħala ħlejjaq dgħajfin mit-​trab tal-​art? Dan it-​teżor mhux sempliċement id-​dawl li idda ġo qlubhom. Huwa l-​ministeru taʼ dak id-​dawl, liema ministeru, jew servizz, irid jitwettaq fl-​iġsma tal-​laħam tagħhom. Il-​ministeru huwa t-​tfigħ tad-​dawl li Alla waddab fuq qlubhom. Dan il-​ministeru huwa teżor tajjeb peress li huwa privileġġ taʼ servizz taʼ valur li qed isir illum mhux biss mill-​fdal midluk tal-​“merħla ċkejkna” imma wkoll mill-​“folla kbira” taʼ “ngħaġ oħra” tar-​Ragħaj mill-​Aħjar, Ġesù Kristu. (Luqa 12:32; Ġwann l0:14-16; Rivelazzjoni 7:9) Mosè u l-​antitip tiegħu, Ġesù Kristu, huma eżempji għaqlin għalina, biex niffissaw lil qlubna fuq dan it-​teżor taʼ servizz divin, “għax fejn qiegħed it-​teżor tiegħek, hemm se tkun ukoll qalbek.”−Mattew 6:19-21; Ebrej 11:26.

15, 16. (a) Il-​qawwa iktar min-​normal kif tintwera li ġejja minn Alla u mhix dik minna nfusna? (b) Għala l-​oppożizzjoni kollha tad-​dinja ma jirnexxilhiex tkisser ir-​reċipjenti tal-​fuħħar t’Alla?

15 Kif, mela, il-​qawwa iktar min-​normal tintwera li hi minn Alla u mhux dik minna nfusna? B’dan il-​mod: Reċipjenti fraġli tal-​fuħħar bħalna li għandna dan is-​servizz u ħatra bħal teżor ma jistħoqqilniex u qatt ma nistgħu nġorru unur bħal dan minna nfusna. Barra minn dan, aħna x-​Xhieda taʼ Jehovah niġu suġġetti għal kull xorta taʼ pressjoni mill-​għadu biex jipprova jxaqqaqna u jġagħalna ninfaqgħu biex jagħmilna mhux denji li nġorru l-​ħatra mingħand Alla. Għaldaqstant, trid tkun il-​qawwa tal-​Kummissarju l-​Kbir li tgħinna nifilħu għat-​trattament ħażin kollu minn did-dinja u li nżommu sod mal-​ħatra u nuru li jixirqilna ninżammu fis-​servizz tiegħu. B’hekk, l-​oppożizzjoni kollha tad-​dinja ma jirnexxilhiex tkisser ir-​reċipjenti tal-​fuħħar t’Alla u tisirqilhom it-​teżor prezzjuż tagħhom, għax hu miktub fit-​2 Korintin 4:8-12:

16 “Aħna ppressati b’kull mod, imma mhux imrassin li ma niċċaqalqux; aħna mħawdin, imma mhux assolutament mingħajr ebda mod taʼ ħruġ; aħna ppersegwitati, imma mhux imħollijin lampa stampa; aħna mitfugħin ’l isfel, imma mhux meqrudin. Dejjem nissaportu kullimkien f’ġisimna t-​trattament li jġib il-​mewt mogħti lil Ġesù, biex il-​ħajja taʼ Ġesù tistaʼ wkoll tintgħamel tidher f’ġisimna. Għax aħna li ngħixu qegħdin dejjem niġu wiċċ imb’wiċċ mal-​mewt għal Ġesù, biex il-​ħajja taʼ Ġesu tistaʼ wkoll tintgħamel tidher fil-​laħam mortali tagħna. Għaldaqstant il-​mewt qed taħdem fina, imma l-​ħajja [permezz tal-​ippridkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna] fikom.”

Folla Kbira Tistma Bil-​Kbir “Dan it-​Teżor”

17. Il-​folla kbira kif jistmaw “dan it-​teżor” tal-​ministeru taʼ glorja?

17 “Il-​mewt qed taħdem fina, imma l-​ħajja fikom.” Din l-​istqarrija tapplika għall-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu. Madankollu, tistaʼ ġġagħalna b’mod xieraq naħsbu dwar ir-​relazzjoni tal-​fdal midluk t’Alla mal-​folla kbira taʼ ngħaġ oħra. Il-​midlukin jafu li eventwalment iridu jtemmu l-​korsa tagħhom fuq l-​art bil-​mewt bħalma għamel Ġesù, imma huma għandhom ħbieb biex jaqsmu magħhom it-​teżor taʼ servizz glorjuż, biex igħinuhom billi jagħmlu l-​biċċa l-​kbira tax-​xogħol tal-​ippridkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna. Bħall-​fdal midluk, il-​folla kbira taʼ ngħaġ oħra llum japprezzaw li l-​uniku teżor li se jibqaʼ jeżisti wara l-​battalja taqbad taʼ Armageddon u jibqaʼ bla ma jinħaraq jew jintemm għal ġod-​dinja ġdida hu dan it-​teżor tal-​ministeru mbierek, is-​servizz għal Alla Jehovah u għas-​Sultan glorjuż tiegħu, Ġesù Kristu. Il-​folla kbira se żżommu sod, billi “jagħtu [lil Alla] servizz sagru lejl u nhar fit-​tempju tiegħu.”−Rivelazzjoni 7:15.

18. (a) X’se jiġrilha dalwaqt il-​glorja falza taʼ din id-​dinja? (b) Liema “glorja” rrifjuta Ġesù, u billi għamel liema ħaġa akkwista glorja superjuri?

18 Dalwaqt, Alla se jtemm il-​glorja falza taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet mill-​agħar—“glorja” li kompliet minn mindu Satana x-​Xitan ħa lil Ġesù fuq il-​muntanja għolja u wrieh is-​saltniet kollha tad-​dinja u “l-​glorja tagħhom.” (Luqa 4:5, 6) Ġesù rrifjuta l-​offerta taʼ glorja minn sors bħal dak u baqaʼ jsegwi korsa taʼ azzjoni fuq l-​art approvata minn Alla. Talli għamel hekk, hu ġie nkurunat bi glorja superjuri saħansitra għall-​glorja li hu, l-​Iben uniġenitu t’Alla, kien gawda fis-​sema qabel ma daħal għall-​kariga tiegħu fuq l-​art kif mogħtija lilu minn Jehovah.—Ġwann 5:36; 17:5; Filippin 2:9-11.

19. Liema privileġġ taʼ servizz onorabbli qed joqrob lejn it-​twettieq sħiħ tiegħu, u x’inhi d-​determinazzjoni tagħna f’dan ir-​rigward?

19 It-​tmiem imbassar taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet dijabolika mhux se jiġi qabel ma tingħata x-​xiehda tas-​Saltna fl-​art kollha bħala final grandjuż għall-​attività tas-​segwaċi taʼ Ġesù Kristu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah. (Mattew 24:14) Ix-​xiehda tas-​Saltna ilha tingħata issa għal tliet kwarti taʼ seklu, u kif indikat mill-​iżviluppi tad-​dinja fi żmienna, dak it-​tmiem imbassar irid ikun viċin. Bħala konsegwenza, il-​privileġġ onorabbli taʼ li tieħu sehem fil-​ministeru tal-​gvern irjali u qaddis żgur qed joqrob lejn it-​twettieq sħiħ tiegħu. (Mattew, kapitli 24, 25; Mark, kapitlu 13; Luqa, kapitlu 21) Il-​privileġġ tagħna li nieħdu sehem f’li nagħtu x-​xiehda mal-​art kollha għas-​Saltna stabbilita hu tassew teżor glorjuż li x-​Xhieda taʼ Jehovah, bħala segwaċi taʼ Ibnu fuq it-​tron, Ġesù Kristu, jistmaw bil-​kbir. Huma bil-​ħeġġa kollha jixtiequ jżommuh sakemm ix-​xiehda tas-​Saltna tkun tlestiet u Jehovah, Alla li Jistaʼ Kollox, jinkuruna s-​sitwazzjoni universali bix-​xiehda persunali tiegħu stess għas-​sovranità universali tiegħu.—Sofonija 3:8.

X’Inhuma t-​Tweġibiet Tiegħek?

◻ Għala l-​ministeru tax-​Xhieda taʼ Jehovah hu wieħed glorjuż?

◻ L-​aħbar tajba għala hi moħbija qisu b’velu fost tant nies illum?

◻ X’inhu “dan it-​teżor f’reċipjenti tal-​fuħħar”?

◻ Alla għala uża reċipjenti fraġli tal-​fuħħar għas-​servizz tiegħu bħal teżor?

◻ Il-​poplu taʼ Jehovah kif jistma “dan it-​teżor,” u għala?

[Stampa f’paġna 13]

Il-​glorja t’Alla hi riflessa mill-​wiċċ taʼ Ġesù Kristu, Mosè Akbar. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma pprivileġġati li jaqbdu d-​dawl glorjuż t’Alla mill-​Bibbja u jirriflettuh lil oħrajn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja