LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 12/1 pp. 11-16
  • Tikkwalifika Int Biex Taqdi?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tikkwalifika Int Biex Taqdi?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kwalifiki li Japplikaw Għal Kulħadd
  • L-​Attenzjoni fuq Qaddejja Ministerjali
  • Niffokaw fuq il-​Kwalifiki tal-​Anzjani
  • Nissodisfaw il-​Kwalifiki
  • Aħwa Rġiel Qed Taħdmu Biex Issiru Anzjani?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Missier u Anzjan—Iwettaq iż-Żewġt Irwoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Il-qaddejja ministerjali jagħtu servizz siewi
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Anzjani Ħarrġu lil Oħrajn biex Iġorru t-Tagħbija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 12/1 pp. 11-16

Tikkwalifika Int Biex Taqdi?

“Li aħna kkwalifikati sewwa joħroġ minn Alla.”−2 KORINTIN 3:5.

1. Il-​kongregazzjoni Kristjana m’għandhiex wisgħa għal nies taʼ liema xorta?

ALLA JEHOVAH u Ġesù Kristu huma ħaddiema. Qal Ġesù: “Missieri baqaʼ jaħdem sa issa, u jien nibqaʼ naħdem.” (Ġwann 5:17) Alla ma japprovax lil nies li jirrifjutaw li jaħdmu; lanqas ma jitfaʼ l-​approvazzjoni tiegħu fuq dawk li jfittxu r-​responsabbiltà sabiex jakkwistaw poter fuq oħrajn. Il-​kongregazzjoni Kristjana m’għandhiex wisgħa għal nies għażżenin jew għal min hu ambizzjuz b’mod egoist.—Mattew 20:25-27; 2 Tessalonkin 3:10.

2. Issa għala hemm ħtieġa kbira għal irġiel biex jerfgħu r-​responsabbiltà fil-​kongregazzjoni Kristjana?

2 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom ‘ħafna x’jagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej,’ b’mod speċjali issa li tant nies deħlin bla ma jaqtgħu lejn “il-​muntanja” taʼ qima pura. (1 Korintin 15:58; Isaija 2:2-4) Hemm ħtieġa kbira għal irġiel ikkwalifikati spiritwalment biex jerfgħu r-​responsabbiltà fil-​kongregazzjoni. Mhux imbuttati minn ambizzjoni egoista, irġiel bħal dawn jeżaltaw lil Jehovah, mhux lilhom infushom. (Proverbji 8:13) Huma jafu li Alla jgħinhom biex jikkwalifikaw għal dmirijiet fil-​kongregazzjoni, saħansitra bħalma hu ‘jikkwalifika sewwa lil ministri tal-​patt ġdid.’—2 Korintin 3:4-6.

3. Bażikament, x’inhuma r-​responsabbiltajiet tal-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali?

3 Illum, bħalma kien fost Kristjani bikrin, irġiel jiġu maħtura mill-​ispirtu qaddis u permezz tal-​arranġament organizzazzjonali taʼ Jehovah biex jaqdu bħala anzjani u qaddejja ministerjali. (Atti 20:28; Filippin 1:1; Titus 1:5) L-​anzjani jirgħu l-​merħla t’Alla spiritwalment, billi jipprovdu superviżjoni protettiva. Huma mgħejjunin minn qaddejja ministerjali, li d-​dmirijiet tagħhom ma jinvolvux direttament indokrar spiritwali. (1 Pietru 5:2; qabbel Atti 6:l-6.) Bħall-​Iben t’Alla, li ġie biex jimministra, dawn l-​uħud maħtura jixtiequ jaqdu lil sħabhom fit-​twemmin. (Mark 10:45) Jekk int raġel Kristjan, għandek int dak l-​ispirtu?

Kwalifiki li Japplikaw Għal Kulħadd

4. Fejn b’mod partikulari nsibu mniżżlin il-​kwalifiki għal dawk fdati b’responsabbiltà tal-​kongregazzjoni?

4 B’mod partikulari l-​ħtiġijiet għal dawk fdati b’responsabbiltà tal-​kongregazzjoni huma mniżżlin mill-​appostlu Pawlu fl-​1 Timotew 3:l-10, 12, 13 u f’​Titus 1:5-9. Hekk kif nikkunsidraw dawn il-​kwalifiki, li biċċa minnhom japplikaw kemm għall-​anzjani kif ukoll għall-​qaddejja ministerjali, m’għandniex inħarsu lejhom skond il-​livelli tad-​dinja. Minflok, għandna narawhom fl-​isfond tagħhom fl-​ewwel seklu u bħala li japplikaw fost il-​poplu taʼ Jehovah. Li tilħaq dawn il-​ħtiġijiet ma jitlobx il-​perfezzjoni, għax f’dak il-​każ l-​ebda bniedem ma kien jikkwalifika. (1 Ġwann 1:8) Imma jekk int raġel Kristjan, sew jekk issa għandek dmirijiet fil-​kongregazzjoni u sew jekk le, għala ma tanalizzax il-​kwalifiki persunali tiegħek?

5. Xi jfisser li tkun bla ħtija?

5 Bla ħtija; għandu testimonjanza mill-​aħjar minn nies fuq barra; ħieles minn kull akkuża. (1 Timotew 3:2, 7, 8, 10; Titus 1:6, 7) Meta jinħatru u waqt li jaqdu, qaddejja ministerjali u anzjani jridu jkunu bla ħtija, jiġifieri, ħielsa minn xi nuqqas u minn xi bżonn biex jiġu mwiddba għal xi akkuża ġusta taʼ kondotta jew tagħlim żballjat. Akkużi foloz li jsiru minn “aħwa foloz” jew oħrajn ma jagħmlux lil raġel ħati. Biex tiskwalifika lil raġel milli jaqdi fil-​kongregazzjoni, akkuża trid tkun serja, u trid tiġi ppruvata fi qbil maʼ livelli Skritturali. (2 Korintin 11:26; 1 Timotew 5:19) Wieħed maħtur fil-​kongregazzjoni “għandu jkollu testimonjanza mill-​aħjar minn nies fuq barra, sabiex jistaʼ ma jaqax fi tkasbir u f’nassa tax-​Xitan.” Jekk raġel ikkommetta xi dnub serju fil-​passat, hu jistaʼ jiġi maħtur biss jekk ikun iffaċċja kwalunkwe tmaqdir u għamel isem tajjeb għalih innifsu.

6. Li tkun raġel taʼ mara waħda xi jfisser?

6 Raġel taʼ mara waħda. (1 Timotew 3:2, 12; Titus 1:6) Dan ma jfissirx li rġiel miżżewġin biss jistgħu jkunu qaddejja ministerjali u anzjani. Jekk miżżewweġ, iżda, raġel irid ikollu biss mara ħajja waħda u jkun lejali lejha. (Ebrej 13:4) Kuntrarju għal ħafna rġiel mhux Kristjani fl-​ewwel seklu, hu ma jistax ikun poligamista.a

7. (a) Hija l-​età fiżika li tikkwalifika lil raġel biex ikun anzjan? (b) X’inhu nvolut f’li tippresiedi fuq dawk taʼ darek b’manjiera mill-​aħjar?

7 Jippresiedi fuq dawk taʼ daru stess b’mod mill-​aħjar, b’ulied sottomessi. (1 Timotew 3:4, 5, 12; Titus 1:6) Xi wħud jistgħu jħossu li l-​anzjani jridu jkunu minn tal-​inqas taʼ 30 sena, imma l-​Bibbja ma tagħtix età minima. Madankollu, wieħed irid jaġixxi taʼ raġel ixjeħ f’sens spiritwali. Qaddejja ministerjali u anzjani għandhom ikunu kbar biżżejjed fl-​età li jistaʼ għandhom it-​tfal. Jekk miżżewweġ, raġel ma jikkwalifikax jekk jaġixxi b’mod taʼ tjieba bnadi oħra imma huwa tirann fid-​dar. Hu jrid ikun akkwista rispett għax jippresiedi fuq dawk taʼ daru skond il-​prinċipji tal-​Bibbja, u l-​oġġettiv tiegħu għandu jkun li jkollu suċċess spiritwali maʼ kull membru tal-​familja. Bħala regola ġenerali, anzjan li hu missier għandu jkollu tfal taħt l-​età taʼ mġieba tajba li “jemmnu.” Huma jew qed jipprogressaw lejn id-​dedikazzjoni lil Alla jew diġà mgħammdin bħala Xhieda taʼ Jehovah. Raġel li mhux kapaċi jibni fidi f’uliedu ma tantx hu probabbli li se jagħmel hekk f’oħrajn.

8. Qabel ma raġel tal-​familja jistaʼ jsir anzjan, x’irid jitgħallem jagħmel?

8 Qabel ma raġel tal-​familja jistaʼ jkun anzjan li kapaċi jipprovdi indokrar spiritwali f’kongregazzjoni, hu jrid jitgħallem kif jidderieġi lil dawk taʼ daru. ‘Jekk xi raġel ma jafx kif jippresiedi fuq dawk taʼ daru stess, kif se jieħu ħsieb tal-​kongregazzjoni t’Alla?’ (1 Timotew 3:5) Veru, raġel jistaʼ jkollu oppożizzjoni minn martu li ma temminx. (Mattew 10:36; Luqa 12:52) Jew wieħed minn uliedu jistaʼ jsir ħati taʼ dnub serju, għalkemm l-​oħrajn mexjin tajjeb spiritwalment. Xorta waħda, jekk ir-​raġel għamel kull ma tistaʼ tistenna, u b’mod speċjali jekk kellu suċċess spiritwali maʼ oħrajn f’daru, iċ-​ċaħda tad-​direzzjoni mill-​aħjar tiegħu minn membru wieħed tal-​familja mhix neċessarjament se tiskwalifikah milli jkun qaddej ministerjali jew anzjan.

9. Anzjan jew qaddej ministerjali x’attenzjoni jrid jeżerċita rigward xorb alkoħoloku?

9 Mhux xalatur fis-​sakra jew mogħti għal ħafna nbid. (1 Timotew 3:3, 8; Titus 1:7) Qaddej ministerjali jew anzjan ma jridx jabbuża fix-​xorb alkoħoliku. Vizzju bħal dan jistaʼ jirriżulta f’li jitlef il-​kontroll tal-​ħsibijiet u tal-​emozzjonijiet, li jwassal għal frattarija jew ġlied meta jkun fis-​sakra. M’għandux ikun ‘mogħti għal ħafna nbid’ jew ikollu r-​reputazzjoni li hu jħobb jixrob taʼ spiss jew ħafna. (Proverbji 23:20, 21, 29-35) Kemm tkun ħaġa traġika li kieku żjara pastorali kellha tkun imħassra b’nuqqas taʼ rażna fix-​xorb! Jekk hu jixrob, m’għandux jagħmel hekk meta jkun qed jieħu sehem fil-​laqgħat, fil-​ministeru, jew f’xi servizz sagru ieħor.—Levitiku 10:8-11; Eżekjel 44:21.

10. Dawk li jħobbu l-​flus u dawk rgħiba għal qliegħ diżonest għala ma jikkwalifikawx biex ikunu anzjani jew qaddejja ministerjali?

10 Mhux wieħed li jħobb il-​flus jew rgħib għal qliegħ diżonest. (1 Timotew 3:3, 8; Titus 1:7) Dawk li jħobbu l-​flus huma f’periklu spiritwali, u “persuni rgħiba” mhux se jirtu s-​Saltna t’Alla. Għaldaqstant, irġiel bħal dawn ma jikkwalifkawx biex ikunu anzjani jew qaddejja ministerjali. ( 1 Korintin 6:9, 10; 1 Timotew 6:9, 10) Il-​kelma tal-​għerq bil-​Grieg li tiġi tradotta “diżonest” bażikament tfisser “diżgrazzjat,” u dik tradotta “qliegħ” tirreferi għal kull xorta taʼ profitt jew vantaġġ. (Filippin 1:21; 3:4-8) Naturalment, raġel li d-​dispożizzjoni tiegħu tindika li se jittratta n-​“ngħaġ” t’Alla b’mod diżonest mhux ikkwalifikat għal responsabbiltà fil-​kongregazzjoni. (Eżekjel 34:7-10; Atti 20:33-35; Ġuda 16) Il-​ħtieġa għal attenzjoni f’li nagħmlu rakkomandazzjonijiet hija enfasizzata meta nirrealizzaw li raġel, ladarba maħtur, jistaʼ jiġi fdat b’fondi u jiġi ttantat biex jisraq xi ftit mill-​flus.—Ġwann 12:4-6.

11. Raġel li “m’ilux li kkonverta” għala m’għandux jiġi rrakkomandat għal responsabbiltà fil-​kongregazzjoni?

11 Mhux m’ilux li kkonverta; ittestjat dwar kemm jiflaħ. (1 Timotew 3:6, 10) Wieħed li għadu kif tgħammed għadu ma kellux żmien jagħti prova li hu bil-​fedeltà se jieħu ħsieb id-​dmirijiet fdati lilu. Forsi jkun nieqes minn simpatija għal dawk milqutin b’xi problema jew mill-​għerf meħtieġ biex igħin adoraturi sħabu u forsi saħansitra jitgħolla fuq oħrajn. Qabel ma jiġi rrakkomandat bħala qaddej ministerjali u b’mod speċjali bħala anzjan, għalhekk, raġel għandu jiġi ‘ippruvat l-​ewwel dwar kemm jiflaħ’ u għandu jagħti evidenza taʼ ġudizzju tajjeb u li tistaʼ tafda fuqu. M’hemmx xi żmien stipulat mogħti għal din il-​prova, u individwi jvarjaw fir-​rata taʼ kobor spiritwali. Imma anzjani m’għandhomx malajr jirrakkomandaw raġel ġdid “minħabba l-​biżaʼ li jistaʼ jintefaħ bil-​kburija u jaqaʼ fil-​ġudizzju li ngħata fuq ix-​Xitan.” Ir-​raġel ħalli l-​ewwel juri umiltà bħal taʼ Kristu.—Filippin 2:5-8.

L-​Attenzjoni fuq Qaddejja Ministerjali

12. Il-​ħtiġijiet imsemmija għall-​qaddejja ministerjali jridu jintlaħqu minnhom biss?

12 Xi ħtiġijiet huma mniżżlin għall-​qaddejja ministerjali. Madankollu, jekk dawn il-​ħtiġijiet ma jintlaħqux ukoll mill-​anzjani, huma ma jkunux ikkwalifikati biex jaqdu. Bħala raġel Kristjan, tikkwalifika int f’dawn l-​aspetti?

13. Xi jfisser li tkun serju?

13 Serju. (1 Timotew 3:8) Raġel li jikkwalifika biex jaqdi bħala qaddej ministerjali m’għandux jieħu r-​responsabbiltà ħafif ħafif. Hu għandu jġib ruħu b’manjiera dinjituża li tirbaħ ir-​rispett. Għalkemm taʼ kultant iċ-​ċajt hu aċċettabbli, hu ma jikkwalifikax jekk hu kontinwament jaġixxi b’mod iblah.

14. (a) Li ma tkunx b’ilsien doppju x’tifsir għandu? (b) Li jkollok kuxjenza nadifa x’jitlob?

14 Mhux b’ilsien doppju; għandu kuxjenza nadifa. (1 Timotew 3:8, 9) Qaddejja ministerjali (u anzjani) iridu jgħidu dejjem il-​verità, mhux qasqasa jew qarrieqa. Ladarba ma jridux ikunu b’ilsien doppju, huma ma jridux b’ipokrezija jgħidu ħaġa lil xi persuna u jgħidu l-​oppost lil xi persuna oħra. (Proverbji 3:32; Ġakbu 3:17) Dawn l-​irġiel iridu jkunu wkoll nies li jappoġġjaw bil-​lejaltà il-​verità rrivelata, “iżommu s-​sigriet sagru tal-​fidi b’kuxjenza nadifa.” Quddiem Alla, il-​kuxjenza taʼ raġel bħal dan għandha tixhed li hu rett u ma jipprattika xejn minn taħt jew li jniġġes. (Rumani 9:1; 2 Korintin 1:12; 4:2; 7:1) L-​ebda wieħed ma jikkwalifika biex jaqdi lill-​merħla t’Alla jekk hu ma jżommx sod mal-​verità u maʼ prinċipji taʼ tjieba.

Niffokaw fuq il-​Kwalifiki tal-​Anzjani

15. Il-​kwalifiki taʼ min qed jiġu eżaminati issa, u dawn x’jinvolvu b’mod speċjali?

15 Ċerti kwalifiki japplikaw b’mod partikulari għall-​anzjani u jittrattaw fil-​parti l-​kbira max-​xogħol tagħhom bħala ragħajja u għalliema. Bħala raġel Kristjan, tilħaq int dawn il-​ħtiġijiet?

16. (a) X’inhu meħtieġ biex tkun moderat fid-​drawwiet? (b) Anzjan kif jistaʼ juri rażna fuqu nnifsu?

16 Moderat fid-​drawwiet; jikkontrolla lilu nnifsu. (1 Timotew 3:2; Titus 1:8) Anzjan għandu jkun jaf jikkontrolla lilu nnifsu, mhux imjassar għal drawwiet ħżiena. Meta jiffaċċja xi provi, Alla se jgħinu biex iżomm il-​bilanċ jekk hu jitlob bħalma għamel is-​salmista: “Tnikkit taʼ qalbi immoltiplikaw; mill-​pressjonijiet taʼ fuqi O oħroġni.” (Salm 25:17) Indokratur għandu jitlob ukoll għall-​ispirtu t’Alla u juri l-​frott tiegħu, inkluża r-​rażna tiegħu nnifsu. (Luqa 11:13; Galatin 5:22, 23) Li jżomm ħsibijiet, kliem, u azzjonijiet ikkontrollati se jgħin lil anzjan jevita estremi hekk kif jipprovdi gwida spiritwali għall-​kongregazzjoni.

17. X’inhu involut f’li tkun taʼ moħħ f’loku?

17 Moħħu f’loku. (1 Timotew 3:2) Anzjan irid ikun sensibbli, għaqli, u prudenti. Għandu jkun determinat u jirraġuna fi kliemu u fl-​azzjonijiet tiegħu. Il-​ħsieb umli u bbilanċjat tiegħu huwa bbażat fuq għerf divin u fuq it-​tagħlim taʼ saħħa tal-​Kelma taʼ Jehovah, li tagħha hu għandu jkun student ħabrieki.—Rumani 12:3; Titus 2:1.

18. Li jkun taʼ ordni x’jirrikjedi minn anzjan?

18 Taʼ ordni. (1 Timotew 3:2) Il-​kelma Griega wżata hawn hija tradotta “irranġat tajjeb” fl-​1 Timotew 2:9. Mela anzjan għandu jkollu mudell taʼ ħajja diċenti u rranġat tajjeb. Per eżempju, għandu jkun puntwali. Kristjani tal-​ewwel seklu milli jidher ma kinux jagħtu importanza kbira fuq li jżommu l-​affarijiet bil-​miktub, u indokratur il-​lum m’għandux bżonn ikun espert bħala skrivan jew f’li jżomm il-​kontijiet. Qaddejja ministerjali jistgħu jieħdu ħsieb taʼ affarijiet meħtieġa f’dan ir-​rigward. Imma t-​termini Griega għal “taʼ ordni” tistaʼ tindika mġieba tajba, u raġel ċertament ma jikkwalifkax biex isir anzjan jekk hu jkun bla kontroll jew bla ordni.—1 Tessalonkin 5:14; 2 Tessalonkin 3:6-12; Titus 1:10.

19. Billi hu ospitabbli, x’jagħmel wieħed anzjan?

19 Ospitabbli. (1 Timotew 3:2; Titus 1:8) Anzjan ‘isegwi l-​korsa tal-​ospitalità.’ (Rumani 12:13; Ebrej 13:2) Il-​kelma Griega għal “ospitabbli” litteralment tfisser “jieħu pjaċir bl-​istranġieri.” B’hekk, l-​anzjan ospitabbli jilqaʼ wħud ġodda għal-​laqgħat Kristjani, billi juri l-​istess interess fil-​fqar bħalma juri f’dawk li huma materjalment prosperużi. Huwa ospitabbli maʼ dawk li jivvjaġġaw fl-​interess tal-​Kristjanità u jibgħathom fi triqithom “b’manjiera xierqa għal Alla.” (3 Ġwann 5-8) Tabilħaqq, anzjan juri ospitalità b’mod speċjali maʼ adoraturi sħabu skond il-​bżonn tagħhom u skond ma jippermettu ċ-​ċirkostanzi tiegħu.—Ġakbu 2:14-17.

20. Anzjan b’liema modi jrid ikun ikkwalifikat biex igħallem?

20 Ikkwalifikat biex igħallem. (1 Timotew 3:2) L-​abbiltà taʼ anzjan bħala għalliem spiritwali ma tirriżultax minn xi kapaċità mentali jew għerf dinji. (1 Korintin 2:l-5, 13) Tiġi għaliex hu qed “iżomm sod mal-​kelma fidila rigward is-​sengħa [jew, il-​manjiera] tat-​tagħlim, biex ikun jistaʼ kemm iħeġġeġ bit-​tagħlim mimli saħħa u kemm iwiddeb lil dawk li jikkontradixxu.” (Titus 1:9; qabbel Atti 20:18-21 26, 27.) Hu jrid ikun kapaċi ‘jgħallem bil-​ħlewwa lil dawk li m’humiex disposti favur.’ (2 Timotew 2:23-26) Saħansitra jekk anzjan mhux l-​aqwa kelliemi pubbliku fil-​kongregazzjoni, hu għandu jkun tant student mill-​aħjar tal-​Kelma t’Alla li jkun tas-​sengħa biżżejjed biex igħallem u jagħti pariri lil dawk li jemmnu, li wkoll jistudjaw il-​Bibbja. (2 Korintin 11:6) Hu jrid jikkwalifika biex jagħti “tagħlim mimli saħħa” li jgħin lil familji u lil individwi biex isegwu ħajjiet taʼ tjieba.—Titus 2:l-10.

21. (a) Għala jistaʼ jingħad li anzjan mhux wieħed li jsawwat? (b) Xi jfisser li tkun raġonevoli? (ċ) Li ma jkunx ġellied xi jfisser?

21 Mhux wieħed li jsawwat, imma li jirraġuna, mhux ġellied. (1 Timotew 3:3; Titus 1:7) Billi jkun iħobb il-​paċi, anzjan ma jaħbatx għan-​nies fiżikament jew isawwathom mentalment billi jagħmel rimarki taʼ abbuż jew li jweġġgħu. (Qabbel 2 Korintin 11:20.) (Il-kumment taʼ qabel li hu “mhux xalatur fis-​sakra” juri li hu jevita l-​abbuż alkoħoliku li taʼ spiss iwassal għal ġlied.) Billi jkun “raġonevoli” (jew, “iċedi”), mhux awtoritattiv u diffiċli biex togħġbu, hu ma jkabbarx daqs muntanja affarijiet żgħar. (1 Korintin 9:12; Filippin 4:5; 1 Pietru 2:18) Ladarba anzjan mhux ġellied, jew argumentuż, hu jevita t-​tilwim u “mhux li jitilgħulu malajr.”−Titus 3:2; Ġakbu 1:19, 20.

22. X’inhu indikat mill-​fatt li anzjan m’għandux ikun taʼ rasu?

22 Mhux taʼ rasu. (Titus 1:7) Litteralment, dan ifisser li “ma jogħġobx lilu nnifsu.” (Qabbel 2 Pietru 2:10.) Anzjan ma jridx ikun dommatiku imma għandu jkollu ħarsa umli dwar l-​abbiltajiet tiegħu. Billi ma jaħsibx li hu jaf jieħu ħsieb l-​affarijiet aħjar minn kulħadd, hu bl-​umiltà jaqsam ir-​responsabbiltà maʼ oħrajn u japprezza kotra taʼ kunsillieri.—Numri 11:26-29; Proverbji 11:14; Rumani 12:3, 16.

23. (a) Kif tiddefinixxi “wieħed li jħobb is-​sewwa”? (b) Li jkun twajjeb xi jfisser?

23 Wieħed li jħobb is-​sewwa; twajjeb. (Titus 1:8) Biex jikkwalifika bħala anzjan, raġel irid iħobb is-​sewwa u jkun twajjeb. Wieħed li jħobb is-​sewwa jħobb dak li hu tajjeb fil-​ħarsa taʼ Jehovah, iwettaq opri ħanina u taʼ għajnuna, u juri apprezzament għas-​sewwa taʼ oħrajn. (Luqa 6:35; qabbel Atti 9:36, 39; 1 Timotew 5:9, 10.) Li tkun twajjeb ifisser li tkun fi qbil mal-​liġijiet u l-​livelli t’Alla. Fost affarijiet oħra, raġel bħal dan hu imparzjali u jżomm affarijiet taʼ tjieba, puri, u taʼ virtù f’moħħu. (Luqa 1:6; Filippin 4:8, 9; Ġakbu 2:l-9) Ladarba s-​sewwa hija differenti mit-​tjieba f’li hija tagħmel iżjed milli tirrikjedi l-​ġustizzja, wieħed li jħobb is-​sewwa jagħmel iżjed għal oħrajn milli hu mitlub minnu.—Mattew 20:4, 13-15; Rumani 5:7.

24. Li jkun lejali x’jitlob?

24 Lejali. (Titus 1:8) Raġel ikkwalifikat bħala anzjan iżomm devozzjoni li ma tinkisirx lejn Alla u jżomm mal-​liġi divina, minkejja kif tiġi ppruvata l-​integrità tiegħu. Hu jagħmel dak li Jehovah jistenna minnu u dan jinkludi li jaqdi bħala xandâr lejali tas-​Saltna.—Mattew 24:14; Luqa 1:74, 75; Atti 5:29; 1 Tessalonkin 2:10.

Nissodisfaw il-​Kwalifiki

25. Il-​kwalifiki li għadna kif iddiskutejna huma meħtieġa minn min, u kif jistgħu dawn il-​kwalifiki jintlaħqu?

25 Il-​biċċa l-​kbira tal-​kwalifiki li għadna kif iddiskutejna jinvolvu affarijiet meħtieġa minn kull Xhud taʼ Jehovah u jintlaħqu permezz tal-​barka t’Alla fuq l-​istudju, l-​isforz, is-​sħubija tajba, u t-​talb tal-​individwi. Xi wħud jistgħu jkunu aħjar f’xi kwalifiki minn oħrajn. Imma daqs kemm hu possibbli, qaddejja ministerjali u anzjani jridu jissodisfaw il-​ħtiġijiet kollha għall-​privileġġ partikulari tagħhom.

26. Irġiel Kristjani għala jagħmlu lilhom infushom disponibbli għal responsabbiltà fil-​kongregazzjoni?

26 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kollha għandhom ikunu jridu jagħmlu kulma hu possibbli fis-​servizz t’Alla. Dan l-​ispirtu jqanqal irġiel Kristjani biex jagħmlu lilhom infushom disponibbli għal responsabbiltà fil-​kongregazzjoni. Int raġel iddedikat u mgħammed? Jekk iva, irsisti u agħmel kull sforz ħalli tikkwalifika biex taqdi!

[Nota taʼ taħt]

a Ara wkoll The Watchtower tal-​15 taʼ Marzu, 1983, paġna 29, taħt is-​sottitlu “Divorzju Skritturali.”

Kif Se Twieġeb?

◻ Għala hemm issa bżonn kbir għal irġiel imgħammdin biex jaċċettaw responsabbiltà fil-​kongregazzjoni?

◻ Liema huma xi kwalifiki li jridu jintlaħqu minn qaddejja ministerjali?

◻ Liema huma xi ħtiġijiet li jridu jilħqu l-​anzjani?

◻ Anzjan għala jrid ikun jaf kif jippresiedi sewwa fuq dawk taʼ daru?

◻ Xi jqanqal lil irġiel Kristjani biex jagħmlu lilhom infushom disponibbli għal dmirijiet fil-​kongregazzjoni?

[Stampa f’paġna 13]

Anzjani u qaddejja ministerjali għandhom jippresiedu fuq dawk taʼ djarhom skond il-​prinċipji tal-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja