LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 11/1 pp. 17-21
  • Missier u Anzjan—Iwettaq iż-Żewġt Irwoli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Missier u Anzjan—Iwettaq iż-Żewġt Irwoli
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Missier u Anzjan
  • ‘Ikollu Tfal Kredenti’
  • Miżżewweġ Lil ‘Mara Li Mhix Kredenta’
  • ‘Jippresiedi Fuq Dawk Taʼ Daru Stess B’mod Mill-​Aħjar’
  • Indokrar Ibbilanċjat
  • Missirijiet Tajbin Kif Ukoll Anzjani Tajbin
  • L-​Anzjani Tagħna Għandhom Ikunu Għeżież Għalina
  • Raġel Miżżewweġ u Anzjan—Jibbilanċja r-Responsabbiltajiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Tikkwalifika Int Biex Taqdi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Irgħa l-Merħla t’Alla Għax Trid
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Anzjani Għassu l-Prokura Tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 11/1 pp. 17-21

Missier u Anzjan—Iwettaq iż-​Żewġt Irwoli

“Jekk wieħed ma jkunx jaf imexxi ’l daru stess, kif jistaʼ jieħu ħsieb il-​Knisja [“kongregazzjoni,” NW] taʼ Alla?”—1 TIMOTJU 3:5.

1, 2. (a) Fl-​ewwel seklu, indokraturi ġuvintur u indokraturi miżżewġin bla tfal kif kienu kapaċi jaqdu lil ħuthom? (b) Akwila u Priska kif inhuma t’eżempju għal ħafna koppji miżżewġin illum?

INDOKRATURI fil-​kongregazzjoni Kristjana bikrija setgħu jkunu ġuvintur, jew irġiel miżżewġin bla tfal jew irġiel tal-​familja bit-​tfal. Bla dubju xi wħud minn dawn il-​Kristjani setgħu jsegwu l-​parir mogħti mill-​appostlu Pawlu fl-​ewwel ittra tiegħu lill-​Korintin, kapitlu 7, billi baqgħu ġuvintur. Ġesù kien stqarr: “Hemm ewnuki . . . li jsiru hekk minn rajhom minħabba s-​Saltna tas-​Smewwiet.” (Mattew 19:12) Dawn il-​ġuvintur, bħal Pawlu u forsi bħal xi wħud minn sħabu li kienu jivvjaġġaw miegħu, kienu se jkunu liberi li jivvjaġġaw biex jgħinu lil ħuthom.

2 Il-​Bibbja ma tgħidx jekk Barnabas, Mark, Silas, Luqa, Timotju, u Titus kinux ġuvintur. Jekk kienu miżżewġin, evidentement kienu liberi biżżejjed minn responsabbiltajiet tal-​familja li setgħu jivvjaġġaw ’l hemm u ’l hawn fuq diversi inkarigi. (Atti 13:2; 15:39-41; 2 Korintin 8:16, 17; 2 Timotju 4:9-11; Titu 1:5) Huma setgħu kienu akkumpanjati min-​nisa tagħhom, bħal Pietru, u “l-​appostli l-​oħra,” li milli jidher ħadu lin-​nisa tagħhom magħhom meta marru minn post għall-​ieħor. (1 Korintin 9:5) Akwila u Priska huma eżempju taʼ koppja miżżewġa li kienu lesti li jmorru minn post għall-​ieħor, u li segwew lil Pawlu minn Korintu sa Efesu, imbagħad telqu lejn Ruma, u reġgħu lura għal darb’oħra lejn Efesu. Il-​Bibbja ma tgħidx jekk kellhomx tfal. Is-​servizz devot tagħhom għal ħuthom wassal biex “il-​knejjes [“kongregazzjonijiet,” NW] kollha tal-​ġnus” juru l-​gratitudni tagħhom lejhom. (Rumani 16:3-5; Atti 18:2, 18; 2 Timotju 4:19) Illum, hemm bla dubju ħafna koppji miżżewġin li, bħal Akwila u Priska, jistgħu jaqdu f’kongregazzjonijiet oħrajn, forsi billi jmorru joqogħdu fejn il-​bżonn huwa akbar.

Missier u Anzjan

3. X’jissuġġerixxi li ħafna anzjani fl-​ewwel seklu kienu rġiel miżżewġin bil-​familja?

3 Jistaʼ jkun li fl-​ewwel seklu E.K., il-​maġġoranza taʼ l-​anzjani Kristjani kienu rġiel miżżewġin bit-​tfal. Meta Pawlu ta l-​kwalifiki meħtiġin għal raġel li “qiegħed jirsisti għal kariga taʼ indokratur,” hu stqarr li dan il-​Kristjan għandu jkun “raġel li qiegħed jippresiedi fuq dawk taʼ daru stess b’mod mill-​aħjar, billi għandu wlied sottomessi bis-​serjetà kollha.”—1 Timotju 3:1, 4, NW.

4. X’kien meħtieġ minn anzjani miżżewġin bit-​tfal?

4 Bħalma rajna, indokratur m’huwiex obbligat li jkollu t-​tfal, jew saħansitra jkun miżżewweġ. Imma jekk ikun miżżewweġ, biex jikkwalifika bħala anzjan jew qaddej ministerjali, Kristjan kellu jeżerċita l-​istat taʼ kap b’mod xieraq u b’imħabba fuq martu u juri kemm hu nnifsu kien kapaċi jżomm lil uliedu f’sottomissjoni xierqa. (1 Korintin 11:3; 1 Timotju 3:12, 13) Kwalunkwe dgħjufija serja fl-​immaniġġar tan-​nies taʼ daru kienet tiskwalifika lil ħu milli jkollu privileġġi speċjali fil-​kongregazzjoni. Għala? Pawlu jispjega: “Għax jekk wieħed ma jkunx jaf imexxi ’l daru stess, kif jistaʼ jieħu ħsieb il-​Knisja [“kongregazzjoni,” NW] taʼ Alla?” (1 Timotju 3:5) Jekk dawk tal-​familja tiegħu stess ma kinux lesti li jissottomettu ruħhom għall-​indokrar tiegħu, oħrajn kif kienu se jirreaġixxu?

‘Ikollu Tfal Kredenti’

5, 6. (a) Pawlu liema ħtieġa rigward it-​tfal semma lil Titus? (b) X’inhu mistenni minn anzjani li għandhom it-​tfal?

5 Meta istruwixxa lil Titus biex jaħtar indokraturi fil-​kongregazzjonijiet taʼ Kreta, Pawlu esiġa: “Jekk hemm kwalunkwe raġel li hu ħieles minn akkużi, raġel taʼ mara waħda, li għandu tfal kredenti li ma kinux taħt akkuża taʼ senswalità estrema u lanqas indixxiplinati. Għax indokratur irid ikun ħieles minn akkużi bħala l-​prokuratur t’Alla.” Preċiżament xi tfisser il-​ħtieġa “li għandu tfal kredenti”?—Titus 1:6, 7, NW.

6 It-​terminu “tfal kredenti” jirreferi għal żgħażagħ li diġà ddedikaw ħajjithom lil Jehovah u tgħammdu, jew għal żgħażagħ li mexjin ’il quddiem lejn id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Il-​membri tal-​kongregazzjoni jistennew li t-​tfal taʼ l-​anzjani ġeneralment ikollhom imġiba tajba u jkunu ubbidjenti.Għandu jidher ċar li anzjan qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jibni fidi fit-​tfal tiegħu. Is-​Sultan Salamun kiteb: “Ħarreġ tifel jimxi fit-​triq it-​tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.” (Proverbji 22:6) Imma xi ngħidu jekk xi persuna żagħżugħa li ħadet taħriġ bħal dan tirrifjuta li taqdi lil Jehovah jew saħansitra tikkommetti xi żball kbir?

7. (a) Għala huwa evidenti li Proverbji 22:6 ma jesprimix xi regola inflessibbli? (b) Jekk xi ħadd mit-​tfal t’anzjan jagħżel li ma jibqax jaqdi lil Jehovah, l-​anzjan għala ma jitlifx awtomatikament il-​privileġġi tiegħu?

7 Huwa evidenti li l-​proverbju kkwotat hawn fuq m’huwiex qiegħed jistqarr xi regola fissa. Ma jannullax il-​prinċipju taʼ rieda ħielsa. (Dewteronomju 30:15, 16, 19) Meta tifel jew tifla jilħqu l-​età taʼ responsabbiltà, iridu jagħmlu deċiżjoni persunali rigward id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Jekk anzjan b’mod evidenti ta l-​għajnuna, il-​gwida, u d-​dixxiplina spiritwali meħtiġin, u madankollu l-​persuna żagħżugħa ma tagħżilx li taqdi lil Jehovah, il-​missier ma jiġix awtomatikament skwalifikat milli jaqdi bħala indokratur. Mill-​banda l-​oħra, jekk anzjan li għandu diversi tfal żgħar li qegħdin jgħixu miegħu, u li wieħed wara l-​ieħor, jibdew jimirdu spiritwalment u jiġu fl-​inkwiet, għandu mnejn li ma jibqax iktar jiġi kkunsidrat bħala ‘raġel li jaf imexxi tajjeb id-​dar tiegħu.’ (1 Timotju 3:4) Il-​punt huwa, li għandu jkun evidenti li indokratur qiegħed jagħmel l-​almu tiegħu biex ikollu ‘tfal kredenti li m’humiex taħt akkuża taʼ senswalità estrema jew indixxiplinati.’a

Miżżewweġ Lil ‘Mara Li Mhix Kredenta’

8. Anzjan kif għandu jaġixxi maʼ martu li mhix kredenta?

8 Rigward irġiel Kristjani miżżewġin lil uħud mhux kredenti, Pawlu kiteb: “Jekk wieħed mill-​aħwa għandu martu ma temminx [“mhix kredenta,” NW], u li hi jogħġobha tgħammar miegħu, ma għandux iwarrabha . . . [I]l-mara li ma temminx titqaddes b’ħuha. Inkella wliedkom ikunu mniġġsa, iżda issa huma qaddisin. Tafx int, . . . raġel, jekk issalvax lil martek?” (1 Korintin 7:12-14, 16) Il-​kelma “mhix kredenta” hawnhekk ma tirreferix għal mara li m’għandha ebda twemmin reliġjuż imma għal waħda li m’hijiex iddedikata lil Jehovah. Setgħet kienet Lhudija, jew waħda li temmen f’allat pagani. Illum, anzjan għandu mnejn ikun miżżewweġ lil mara li tħaddan reliġjon differenti, li hija anjostika, jew saħansitra atea. Jekk hi lesta li tibqaʼ miegħu, hu m’għandux jitlaqha sempliċement minħabba twemmin differenti. Għandu xorta waħda ‘jgħammar bil-​għaqal mal-​mara tiegħu; jagħtiha l-​ġieh li ħaqqha, għax aktar dgħajfa minnu,’ billi jgħix bit-​tama li jsalvaha.—1 Pietru 3:7; Kolossin 3:19.

9. F’pajjiżi fejn il-​liġi tagħti d-​dritt kemm lir-​raġel u kemm lill-​mara biex jesponu lil uliedhom għat-​twemmin reliġjuż rispettiv tagħhom, anzjan kif għandu jaġixxi, u dan kif se jeffettwa l-​privileġġi tiegħu?

9 Jekk indokratur ikollu t-​tfal, se jeżerċita l-​istat taʼ kap xieraq bħala raġel u missier f’li jrabbihom “fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.” (Efesin 6:4) F’ħafna pajjiżi l-​liġi tagħti d-​dritt kemm lir-​raġel u kemm lill-​mara li jipprovdu istruzzjoni reliġjuża lit-​tfal tagħhom. F’dan il-​każ il-​mara għandha mnejn tesiġi li teżerċita d-​dritt tagħha li tesponi lit-​tfal għat-​twemmin u l-​prattiċi reliġjużi tagħha, u dan jistaʼ jinkludi li teħodhom il-​knisja magħha.b M’għandniex xi ngħidu, it-​tfal għandhom isegwu l-​kuxjenza tagħhom imħarrġa fuq il-​Bibbja inkwantu għal li ma jipparteċipawx f’ċerimonji reliġjużi foloz. Bħala l-​kap tal-​familja, il-​missier se jeżerċita d-​dritt tiegħu stess biex jistudja mat-​tfal u jeħodhom għal-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna meta jkun possibbli. Meta jaslu fl-​età li jkunu jistgħu jieħdu d-​deċiżjonijiet għalihom infushom, huma se jiddeċiedu għalihom infushom liema triq se jieħdu. (Ġożwè 24:15) Jekk sħabu l-​anzjani u l-​membri tal-​kongregazzjoni jistgħu jaraw li hu qiegħed jagħmel dak kollu li l-​liġi tippermettilu biex jgħallem lit-​tfal tiegħu kif jixraq fit-​triq tal-​verità, m’huwiex se jiġi skwalifikat bħala indokratur.

‘Jippresiedi Fuq Dawk Taʼ Daru Stess B’mod Mill-​Aħjar’

10. Jekk raġel tal-​familja hu anzjan, liema huwa d-​dmir primarju tiegħu?

10 Saħansitra għal anzjan li hu missier u li l-​mara tiegħu hija Kristjana bħalu, m’hijiex ħaġa faċli biex iqassam il-​ħin u l-​attenzjoni tiegħu b’mod xieraq bejn martu, uliedu, u r-​responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni. L-​Iskrittura hija ċara ħafna li missier Kristjan għandu obbligu li jieħu ħsieb martu u wliedu. Pawlu kiteb: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-​aktar dawk tal-​familja tiegħu, dan ċaħad il-​fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) F’dik l-​istess ittra Pawlu stqarr li biss dawk l-​irġiel miżżewġin li diġà wrew lilhom infushom bħala rġiel miżżewġin u missirijiet tajbin għandhom jiġu rrikmandati biex jaqdu bħala indokraturi.—1 Timotju 3:1-5, NW.

11. (a) Anzjan b’liema modi għandu ‘jieħu ħsieb niesu’? (b) Dan kif jistaʼ jgħin lil anzjan iwettaq ir-​responsabbiltajiet tiegħu fil-​kongregazzjoni?

11 Anzjan għandu ‘jieħu ħsieb’ taʼ niesu mhux biss materjalment imma wkoll spiritwalment u emozzjonalment. L-​għaref Sultan Salamun kiteb: “Ħejji xogħlok barra l-​bibien, u agħmlu lest għalik innifsek fl-​għalqa. Wara dan trid ukoll tibni lin-​nies taʼ darek.” (Proverbji 24:27, NW) Mela waqt li jipprovdi għall-​ħtiġijiet materjali, emozzjonali, u rikreattivi taʼ martu u wliedu, indokratur għandu wkoll jibnihom spiritwalment. Dan jieħu l-​ħin​—ħin li ma jkunx jistaʼ jiddedikah għal kwistjonijiet tal-​kongregazzjoni. Imma huwa ħin li jistaʼ jrodd ħafna ġid f’termini t’hena u spiritwalità tal-​familja. Eventwalment, jekk il-​familja tiegħu tkun b’saħħitha spiritwalment, l-​anzjan jistaʼ ma jkollux bżonn iqattaʼ daqshekk ħin f’li jittratta maʼ problemi tal-​familja. Dan se jħallilu moħħu iktar trankwill biex jieħu ħsieb taʼ kwistjonijiet tal-​kongregazzjoni. L-​eżempju tiegħu bħala raġel miżżewweġ tajjeb u missier tajjeb se jkun taʼ benefiċċju spiritwali għall-​kongregazzjoni.—1 Pietru 5:1-3.

12. Il-​missirijiet li huma anzjani f’liema kwistjoni tal-​familja għandhom jistabbilixxu eżempju mill-​aħjar?

12 Li wieħed jippresiedi fuq in-​nies taʼ daru b’manjiera mill-​aħjar jinkludi li jagħmel ħin biex jippresiedi fuq studju tal-​familja. Huwa partikolarment importanti li l-​anzjani jagħtu eżempju tajjeb f’dan ir-​rigward, għax familji b’saħħithom jagħmlu kongregazzjonijiet b’saħħithom. Il-​ħin taʼ indokratur m’għandux ikun regolarment tant okkupat bi privileġġi oħrajn taʼ servizz li ma jkollux ħin li jistudja maʼ martu u wliedu. Jekk dan kien il-​każ, għandu jeżamina mill-​ġdid l-​iskeda tiegħu. Għandu mnejn li jkollu jagħmel skeda ġdida jew inaqqas il-​ħin li jiddedika għall-​kwistjonijiet oħrajn, saħansitra billi kultant jirrifjuta ċerti privileġġi.

Indokrar Ibbilanċjat

13, 14. “L-​irsir leali u diskret” liema parir ta lill-​anzjani li huma rġiel tal-​familja?

13 Il-​parir biex ikun hemm bilanċ fir-​responsabbiltajiet tal-​familja u tal-​kongregazzjoni m’huwiex xi ħaġa ġdida. Għal snin sħaħ “l-​irsir leali u diskret” ilu jagħti pariri lill-​anzjani f’dan ir-​rigward. (Mattew 24:45, NW) Iktar minn 37 sena ilu, The Watchtower tal-​15 taʼ Settembru, 1959, paġni 553 u 554, ta parir: “Fil-​fatt, m’hijiex din kwistjoni taʼ li nibbilanċjaw dawn l-​esiġenzi kollha fuq il-​ħin tagħna? F’dan il-​bilanċ ħalli ssir enfasi xierqa fuq l-​interessi tal-​familja tiegħek stess. Ċertament li Alla Jehovah ma jistenniex lil xi raġel li juża l-​ħin kollu tiegħu f’attività tal-​kongregazzjoni, f’li jgħin lil ħutu u lill-​ġirien jiksbu s-​salvazzjoni, u madankollu ma jiħux ħsieb is-​salvazzjoni tan-​nies taʼ daru stess. Il-​mara u t-​tfal taʼ dak li jkun għandhom ikunu r-​responsabbiltà primarja tiegħu.”

14 The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1986, paġna 22, ta l-​parir: “Li tieħdu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa bħala familja se jqarribkom iktar lejn xulxin, madankollu l-​bżonnijiet uniċi tat-​tfal jeħtieġu l-​impenn tal-​ħin persunali u taʼ l-​enerġija emozzjonali tiegħek. Għalhekk hemm bżonn taʼ bilanċ biex tiddetermina kemm ħin tistaʼ tuża għal . . . dmirijiet tal-​kongregazzjoni waqt li wkoll tieħu ħsieb spiritwalment, emozzjonalment, u materjalment taʼ ‘niesek.’ [Kristjan] irid ‘jitgħallem l-​ewwel jagħmel dmiru billi jġib rispett lill-​familja [tiegħu].’ (1 Timotju 5:4, 8)”

15. Anzjan b’mara u tfal għala jeħtieġ għerf u dixxerniment?

15 Proverbju Skritturali jistqarr: “Id-​dar bil-​għerf tinbena u bid-​dehen [“dixxerniment,” NW] tissaħħaħ.” (Proverbji 24:3) Iva, biex indokratur iwettaq id-​dmirijiet teokratiċi tiegħu u fl-​istess ħin jibni lin-​nies taʼ daru, hu bla dubju jeħtieġ għerf u dixxerniment. Skritturalment, għandu iktar minn qasam wieħed taʼ indokrar. Il-​familja tiegħu u r-​responsabbiltajiet tiegħu fil-​kongregazzjoni huma involuti. Jeħtieġ id-​dixxerniment biex iżomm bilanċ bejn dawn. (Filippin 1:9, 10) Jeħtieġ l-​għerf biex jistabbilixxi l-​prijoritajiet tiegħu. (Proverbji 2:10, 11) Iħossu kemm iħossu responsabbli biex jieħu ħsieb tal-​privileġġi tiegħu fil-​kongregazzjoni, għandu jirrealizza li bħala raġel miżżewweġ u missier, ir-​responsabbiltà primarja mogħtija lilu minn Alla hija li jieħu ħsieb il-​familja u s-​salvazzjoni tagħha.

Missirijiet Tajbin Kif Ukoll Anzjani Tajbin

16. Jekk anzjan ikun missier ukoll liema vantaġġ għandu?

16 Anzjan li t-​tfal tiegħu jġibu ruħhom sewwa jistaʼ jkun verament taʼ vantaġġ. Jekk tgħallem jieħu ħsieb tajjeb tal-​familja tiegħu, ikun f’pożizzjoni li jgħin lil familji oħrajn fil-​kongregazzjoni. Hu jifhem il-​problemi tagħhom aħjar u jistaʼ jagħti parir li jirrifletti l-​esperjenza tiegħu stess. Nieħdu gost ngħidu li eluf t’anzjani madwar id-​dinja qegħdin jagħmlu biċċa xogħol mill-​aħjar bħala rġiel miżżewġin, missirijiet, u indokraturi.

17. (a) Raġel li hu kemm anzjan u kemm missier x’m’għandu qatt jinsa? (b) Membri oħrajn tal-​kongregazzjoni kif għandhom juru empatija?

17 Biex raġel bil-​familja jkun anzjan, irid ikun Kristjan matur li, waqt li jieħu ħsieb martu u wliedu, jistaʼ jorganizza l-​affarijiet tiegħu sabiex ikun jistaʼ jiddedika ħin u attenzjoni għal oħrajn fil-​kongregazzjoni. Qatt m’għandu jinsa li x-​xogħol pastorali tiegħu jibda d-​dar. Billi jafu li l-​anzjani b’mara u tfal għandhom ir-​responsabbiltà kemm tal-​familja tagħhom u kemm tad-​dmirijiet tagħhom fil-​kongregazzjoni, membri tal-​kongregazzjoni se jipprovaw li ma jagħmlux esiġenzi bla bżonn fuq il-​ħin tagħhom. Per eżempju, anzjan li għandu t-​tfal li jridu jmorru l-​iskola l-​għada fil-​għodu mhux dejjem ikun jistaʼ jibqaʼ għal xi ħin wara l-​laqgħat taʼ fil-​għaxija. Membri oħrajn tal-​kongregazzjoni għandhom jifhmuh dan u juru sentimenti taʼ mogħdrija.—Filippin 4:5.

L-​Anzjani Tagħna Għandhom Ikunu Għeżież Għalina

18, 19. (a) L-​eżaminar tagħna taʼ l-​1 Korintin kapitlu 7 x’għenna nirrealizzaw? (b) Kif għandna nqisuhom lil dawn l-​irġiel Kristjani?

18 L-​eżaminar tagħna taʼ kapitlu 7 taʼ l-​ewwel ittra taʼ Pawlu lill-​Korintin għenitna naraw li, billi segwew il-​parir taʼ Pawlu, hemm ħafna ġuvintur li qegħdin jużaw il-​libertà tagħhom biex jaqdu l-​interessi tas-​Saltna. Hemm ukoll eluf t’aħwa rġiel miżżewġin mingħajr tfal li, waqt li jagħtu l-​attenzjoni mistħoqqa lin-​nisa tagħhom, jaqdu bħala indokraturi mill-​aħjar f’distretti, circuits, kongregazzjonijiet, u fergħat tal-​Watch Tower, bil-​koperazzjoni taʼ min ifaħħarha tan-​nisa tagħhom. Fl-​aħħarnett, fi kważi t-​80,000 kongregazzjoni tan-​nies taʼ Jehovah, hemm ħafna missirijiet li mhux biss jieħdu ħsieb b’imħabba tan-​nisa u t-​tfal tagħhom imma wkoll jieħdu l-​ħin biex jaqdu lil ħuthom bħala ragħajja li jimpurtahom.—Atti 20:28.

19 L-​appostlu Pawlu kiteb: “Il-​presbiteri [“l-​irġiel ixjeħ,” NW], li jmexxu sewwa, ikun jistħoqqilhom ġieh għal darbtejn, l-​aktar dawk li jagħmlu x-​xogħol tax-​xandir tal-​kelma u tat-​tagħlim.” (1 Timotju 5:17) Iva, anzjani li jippresiedu b’mod mill-​aħjar fi djarhom u fil-​kongregazzjoni jixirqilhom l-​imħabba u r-​rispett tagħna. Għandna tabilħaqq ‘ngħożżuhom nies bħal dawn.’—Filippin 2:29. (w96 10/15)

[Noti taʼ taħt]

a Ara The Watchtower, taʼ l-​1 taʼ Frar, 1978, paġni 31-2.

b Ara The Watchtower, taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1960, paġni 735-6.

Bħala Reviżjoni

◻ Kif nafu li ħafna anzjani fl-​ewwel seklu E.K. kienu rġiel tal-​familja?

◻ X’inhu meħtieġ minn anzjani miżżewġin bit-​tfal, u għala?

◻ X’ifisser li wieħed ikollu “tfal kredenti,” imma x’jiġri jekk wieħed mit-​tfal t’anzjan ma jagħżilx li jaqdi lil Jehovah?

◻ Anzjan f’liema aspetti għandu ‘jieħu ħsieb niesu’?

[Stampa f’paġna 19]

Familji b’saħħithom jagħmlu kongregazzjonijiet b’saħħithom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja