Ibqaʼ Mqajjem fiż-“Żmien tat-Tmiem”
“Ibqgħu ħarsu, ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta ż-żmien maħtur hu.”—MARK 13:33.
1. Kif għandna nirreaġixxu hekk kif ġrajjiet eċċitanti jseħħu f’dan iż-“żmien tat-tmiem”?
HEKK kif ġrajjiet eċċitanti jseħħu f’dan iż-“żmien tat-tmiem,” il-Kristjani kif għandhom jirreaġixxu? (Danjel 12:4) Huma ma jitħallewx fid-dubju. Ġesù Kristu lissen il-profezija li fiha s-sinjal kompost li ġarrab twettieq f’dan is-seklu 20. Hu bassar il-ħafna fatturi li mmarkaw lil dan il-perijodu mill-1914 ’il hawn bħala uniku. Billi kien familjari mal-profezija taʼ Danjel rigward “iż-żmien tat-tmiem,” Ġesù kompla bil-profezija kbira tiegħu stess billi ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ‘jibqgħu mqajmin’.—Luqa 21:36.
2. Għala hemm ħtieġa kbira biex nibqgħu mqajmin spiritwalment?
2 Għala jibqgħu mqajmin? Għaliex dan huwa l-iktar żmien perikoluż fl-istorja umana. Jekk il-Kristjani jċedu għal ngħas spiritwali f’dan iż-żmien se jkun taʼ diżastru. Jekk insiru sodisfatti bina nfusna jew inħallu lil qlubna jitqalu bl-anzjetajiet tal-ħajja, se nkunu fil-periklu. F’Luqa 21:34, 35, Ġesù Kristu wissiena: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel żejjed u xorb żejjed u anzjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum ikun minnufih fuqkom bħal nassa. Għax se jiġi fuq dawk kollha li qegħdin igħammru fuq wiċċ l-art kollha”.
3, 4. (a) Ġesù x’ried ifisser meta qal li l-jum taʼ qilla t’Alla kien se jiġi f’daqqa fuq in-nies “bħal nassa”? (b) Ladarba Alla ma jonsobx in-nassa, għala dak il-jum se jaqbad lin-nies inġenerali għall-għarrieda?
3 Kien għal raġuni tajba li Ġesù qal li l-jum taʼ Jehovah se jkun ‘minnufih bħal nassa’. Nassa hija taʼ spiss imgħammra b’ingassa, u tintuża biex jinqabdu l-għasafar u l-annimali. In-nassa għandha grillu, u kulmin jidħol fiha jolqot il-grillu. In-nassa mbagħad tinġibed u tingħalaq, u l-vittma jinqabad. Dan kollu jiġri malajr malajr. Bl-istess mod, qal Ġesù, uħud inattivi spiritwalment se jittieħdu b’sorpriża u se jinqabdu f’“jum il-qilla” t’Alla.—Proverbji 11:4.
4 Huwa Alla Jehovah dak li jonsob in-nassa għan-nies? Le, m’huwiex qed jistenna biex jaqbad lin-nies għall-għarrieda biex jeqridhom. Imma dak il-jum se jaqbad lin-nies inġenerali għaliex huma ma jagħtux konsiderazzjoni primarja lis-Saltna t’Alla. Huma jitilqu għal rashom fil-ġiri tal-ħajja, waqt li jinjoraw it-tifsir tal-iżviluppi taʼ madwarhom. Dan, madankollu, ma jbiddilx l-iskeda t’Alla. Hu għandu ż-żmien iffissat tiegħu biex jagħmel il-kontijiet. U, bi ħniena, hu ma jħallix lill- bnedmin fil-għama dwar il-ġudizzju tiegħu li ġej.—Mark 13:10.
5, 6. (a) Minħabba l-ġudizzju li ġej, il-Ħallieq xi provvediment taʼ mħabba għamel għall-ħlejjaq umani, imma b’liema riżultat ġenerali? (b) X’se jiġi kkunsidrat biex igħinna nibqgħu mqajmin?
5 Din it-twissija minn qabel hija provvediment taʼ mħabba min-naħa tal-ħallieq il-Kbir, li huwa nteressat fil-benesseri taʼ ħlejjaq umani hawn fuq il-banketta simbolika tiegħu. (Isaija 66:1) Hu jgħożżhom lill-abitanti tal-post fejn riġlejh jintqal li qegħdin jistrieħu. Mela permezz tal-ambaxxaturi u tal-mibgħutin speċjali tiegħu fuq l-art, hu jwissihom dwar ġrajjiet li ġejjin fuqhom. (2 Korintin 5:20) Iżda, minkejja t-twissija kollha li tingħata, dawk il-ġrajjiet se jaslu fuq il-familja umana bla mistennijin daqs li kieku huma daħlu ġewwa nassa. Għala? Għaliex il-biċċa l-kbira tan-nies huma reqdin spiritwalment. (1 Tessalonkin 5:6) Għadd komparattivament żgħir biss jagħtu kas tat-twissija u se jsalvaw għal ġod-dinja ġdida t’Alla.—Mattew 7:13, 14.
6 Kif, allura, nistgħu nibqgħu mqajmin f’dan iż-żmien tat-tmiem sabiex niġu magħdudin fost dawk li se jsalvaw? Ejjew ninnotaw sebaʼ affarijiet li nistgħu nagħmlu.
Iġġieled id-Distrazzjoni
7. Ġesù liema twissija ta rigward id-distrazzjoni?
7 L-ewwel, irridu niġġieldu d-distrazzjoni. F’Mattew 24:42, 44, Ġesù qal: “Ibqgħu għassu, għalhekk, għaliex ma tafux f’liema jum ġej il-Mulej tagħkom. Minħabba f’dan intom ukoll uru li intom lesti, għaliex f’siegħa li ma taħsbux li hi, ġej Bin il-bniedem”. Il-lingwaġġ li Ġesù juża hawn jindika li f’dan iż-żmien kritiku, se jkun hawn ħafna distrazzjoni, u d-distrazzjoni tistaʼ twassal għal distruzzjoni, jew qerda› Fi żmien Noè n-nies kienu jitħassbu dwar ħafna affarijiet. Bħala riżultat, in-nies distratti “ma tawx kas” taʼ x’kien qed jiġri, u d-Dilluvju kinishom ilkoll. Għaldaqstant, Ġesù wissa: “Hekk se tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem”.—Mattew 24:37-39.
8, 9. (a) L-interessi ordinarji tal-ħajja kif jistgħu jkunu taʼ distrazzjoni għalina b’mod perikoluż? (b) Pawlu u Ġesù liema twissijiet jagħtuna?
8 Żomm f’moħħok, ukoll, li fit-twissija tiegħu f’Luqa 21:34, 35, Ġesù kien qed jiddiskuti l-fatturi ordinarji tal-ħajja, bħalma huma l-ikel, ix-xorb, u l-anzjetajiet dwar kif tikseb il-għixien. Dawn huma affarijiet komuni għal-bnedmin kollha, inklużi d-dixxipli tal-Mulej Ġesù. (Qabbel Mark 6:31) Dawn l-affarijiet jistgħu jkunu bla ħsara fihom infushom, imma jekk jitħallew, jistgħu jġagħluna niġu distratti, jippreokkupawna, u b’hekk iġibu ngħas spiritwali perikoluż fuqna.
9 Għalhekk, ejjew ma nittrasskurawx il-ħaġa taʼ l-ogħla importanza—li niksbu approvazzjoni divina. Minflok ma ningħataw għalkollox għall-affarijiet ordinarji tal-ħajja, ejjew nużawhom biss sal-punt limitat meħtieġ biex isostnuna. (Filippin 3:8) M’għandhomx jegħlbu l-interessi tas-Saltna. Kif igħid Rumani 14:17, “is-Saltna t’Alla ma tfissirx ikel u xorb, imma tfisser tjieba u paċi u ferħ bi spirtu qaddis”. Ftakar fil-kliem taʼ Ġesù meta qal: “Ibqgħu, allura, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħra kollha se jiżdidulkom”. (Mattew 6:33) Jerġaʼ, f’Luqa 9:62, Ġesù ddikjara: “Ebda bniedem li poġġa idu fuq moħriet u jħares lejn l-affarijiet taʼ warajh ma hu xieraq sewwa għas-saltna t’Alla”.
10. X’periklu jeżisti jekk ma nżommux għajnejna jħarsu dritt ’il quddiem lejn il-mira?
10 Ladarba nibdew naħartu, b’mod figurattiv, irridu nżomm f’linja dritta. Wieħed li x’ħin jaħrat iħares lura ma jaħratx radda dritta. Hu jiġi distratt u jistaʼ faċilment jiżżvija jew jieqaf minħabba xi ostaklu. Ħalli ma nkunux bħall-mara taʼ Lot, li ħarset lura u baqgħet ma salvatx. Hemm bżonn li nżommu għajnejna jħarsu dritt ’il quddiem lejn il-mira. Biex nagħmlu hekk irridu niġġieldu lid-distrazzjoni.—Ġenesi 19:17, 26; Luqa 17:32.
Itlob bil-Ħeġġa Kollha
11. Ġesù x’enfasizza wara li wissiena dwar il-periklu tad-distrazzjoni?
11 Hemm, madankollu, iktar x’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu mqajmin. It-tieni ħaġa importanti hi: Itlob bil-ħeġġa kollha. Wara li wissiena biex ma niġux distratti wara l-ġiri ordinarju tal-ħajja, Ġesù ta dan il-parir: “Ibqgħu mqajmin, allura, il-ħin kollu billi tagħmlu tħannin biex forsi jirnexxilkom taħarbu minn dawn l-affarijiet kollha li huma ddestinati li jseħħu, u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.—Luqa 21:36.
12. Liema xorta taʼ talb hu meħtieġ, u b’liema riżultat?
12 B’hekk, irridu nagħmlu tħannin kontinwu rigward i-periklu tas-sitwazzjoni tagħna u l-bżonn tagħna li noqogħdu attenti. Mela ejjew immorru għand Alla bit-talba b’petizzjonijiet ħerqana. Pawlu jgħid f’Rumani 12:12: “Ipperseveraw fit-talb”. U f’Efesin 6:18, naqraw: “B’kull għamla taʼ talb u tħannin..., ibqgħu itolbu f’kull okkażjoni fl-ispirtu. U għal dak il-għan ibqgħu mqajmin bla ma tieqfu”. Dan mhux sempliċement każ li toffri talb bħal li kieku kien xi ħaġa każwali taʼ ebda importanza. L-istess eżistenza tagħna hija fil-periklu. Aħna għalhekk irridu nappellaw bil-ħeġġa għal għajnuna divina. (Qabbel Ebrej 5:7) B’dak il-mod se nżommu lilna nfusna fuq in-naħa taʼ Jehovah. Xejn ma jkun iktar taʼ benefiċċju f’li jgħinna nwettqu dan milli li ‘l-ħin kollu nagħmlu tħannin’. Jehovah imbagħad se jżommna mqajmin u għassa. Kemm hu importanti, allura, li nippersistu fit-talb!
Żomm Qrib tal-Organizzazzjoni t’Alla u x-Xogħol Tagħha
13. Liema tip taʼ sħubija hi meħtieġa biex nibqgħu mqajmin?
13 Aħna rridu naħarbu dawn l-affarijiet kollha li se jiġu fuq id-dinja. Irridu nieqfu quddiem Bin il-bniedem, billi jkollna l-approvazzjoni tiegħu. Għal dan il-għan hemm it-tielet ħaġa li nistgħu nagħmlu: Inżommu bla ma nieqfu mal-organizzazzjoni teokratika taʼ Jehovah. Aħna rridu nassoċjaw bla riżerva maʼ dik l-organizzazzjoni u nieħdu sehem fl-attivitajiet tagħha. B’dan il-mod se nidentifikaw lilna nfusna b’mod ċar bħala Kristjani li qegħdin għassa.
14, 15. (a) Li nkunu attivi f’liema xogħol se jgħinna nibqgħu mqajmin? (b) Min jiddetermina meta x-xogħol tal-ippridkar ikun spiċċa, u kif għandna nħossuna dwaru? (ċ) Wara t-tribulazzjoni l-kbira, x’se naraw meta nħarsu lura lejn l-ippridkar tas-Saltna li sar?
14 Konnessa mill-qrib hi r-rabaʼ ħaġa li tistaʼ tgħinna nibqgħu mqajmin. Aħna rridu nkunu fost dawk li qegħdin iwissu lin-nies dwar it-tmiem li riesaq taʼ din is-sistema taʼ affarijiet. It-tmiem komplet taʼ din is-sistema qadima taʼ affarijiet ma jseħħx sakemm “din l-aħbar tajba tas-saltna” tiġi ppridkata sal-punt li Alla li Jistaʼ Kollox ippropona. (Mattew 24:14) Ix-Xhieda taʼ Jehovah m’humiex dawk li jiddeterminaw meta x-xogħol tal-ippridkar ġie mwettaq. Jehovah jirriżerva dak id-dritt għalih innifsu. (Mark 13:32, 33) Aħna, iżda, determinati li naħdmu iebes kemm hu possibbli u sakemm hu neċessarju f’li nippridkaw dwar l-aqwa gvern li l-umanità tistaʼ qatt ikollha, is-Saltna t’Alla.It-“tribulazzjoni kbira” se tfaqqaʼ waqt li nkunu għadna nieħdu sehem f’dan ix-xogħol. (Mattew 24:21) Għaż-żmien futur kollu, uħud salvati se jkunu jistgħu jħarsu lura u b’qalbhom kollha jikkonfermaw li Ġesù Kristu ma kienx profeta falz. (Rivelazzjoni 19:11) Ix-xogħol tal-ippridkar se jkun twettaq sa grad bil-wisq akbar milli kien mistenni mill-uħud li jipparteċipaw fih.
15 Għaldaqstant, fiż-żmien sinjifikanti meta dan ix-xogħol se jkun twettaq għas-sodisfazzjon t’Alla stess, iktar nies se jkunu wisq probabbli qegħdin jipparteċipaw fih milli fi kwalunkwe perijodu qabel dan. Kemm se nkunu grati li kellna sehem f’dan ix-xogħol grandjuż! L-appostlu Pietru jiżżgurana li Jehovah “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema”. (2 Pietru 3:9) Għaldaqstant, il-forza attiva t’Alla li Jistaʼ Kollox qiegħda topera llum b’mod iktar intensiv minn qatt qabel, u x-Xhieda taʼ Jehovah jixtiequ jkomplu f’din l-attività mqanqla mill-ispirtu. Għalhekk żomm qrib tal-organizzazzjoni taʼ Jehovah, u kun attiv fil-ministeru pubbliku tagħha. Dan se jkun għajnuna f’li int tibqaʼ mqajjem.
Nagħmlu Eżami Tagħna Nfusna
16. Għala għandna nagħmlu eżami tagħna nfusna dwar l-istat spiritwali preżenti tagħna?
16 Hemm il-ħames ħaġa li nistgħu nagħmlu sabiex nibqgħu mqajmin. Individwalment, aħna għandna nagħmlu eżami tagħna nfusna dwar l-istat preżenti tagħna. Dan huwa xieraq issa iżjed minn qatt qabel. Irridu nagħtu prova dwar fuq in-naħa taʼ min ninsabu weqfin b’mod reżolut. F’Galatin 6:4, Pawlu qal: “Ħalli kull wieħed jagħti prova taʼ x’inhu xogħlu stess”. Agħmel eżami tiegħek innifsek fi qbil mal-kliem taʼ Pawlu fl-1 Tessalonkin 5:6-8: “Ħalli ma nibqgħux reqdin bħalma jagħmlu l-bqija, imma ħalli noqogħdu mqajmin u nibqgħu f’sensina. Għax dawk li jorqdu mdorrijin jorqdu bil-lejl, u dawk li jiskru s-soltu jiskru bil-lejl. Imma nkwantu għalina li nappartjenu lill-jum, ħalli nibqgħu f’sensina u nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba u bħala elmu t-tama tas-salvazzjoni”.
17. Meta nagħmlu eżami tagħna nfusna, x’mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?
17 Xi ngħidu għalina? Meta neżaminaw lilna nfusna fid-dawl tal-Iskrittura, naraw li aħna qegħdin nibqgħu mqajmin, billi għandna bħala elmu t-tama tas-salvazzjoni? Aħna persuni li b’mod pożittiv isseparajna lilna nfusna mis-sistema qadima taʼ affarijiet u m’għadniex inżommu l-ideat tagħha? Għandna verament l-ispirtu tad-dinja ġdida t’Alla? Ninsabu konxji biżżejjed dwar fejn se tispiċċa din is-sistema? Jekk inhu hekk, il-jum taʼ Jehovah mhux se jaqbadna bħal li kieku konna ħallelin.—1 Tessalonkin 5:4.
18. Liema mistoqsijiet oħrajn nistgħu jkollna bżonn nistaqsu lilna nfusna, u b’liema riżultat?
18 Xi ngħidu, iżda, jekk l-eżami tagħna nfusna jirrivela li aħna qegħdin nistinkaw biex nistabbilixxu mod taʼ ħajja sabiħa, komda, komfortabbli, u rilassata? Xi ngħidu jekk niskopru li l-għajnejn spiritwali tagħna saru tqal bil-għeja u bin-ngħas? Qegħdin aħna qisna f’ħolma, niġru wara xi fantasija tad-dinja? Jekk inhu hekk, allura ejjew inqumu mill-irqad!—1 Korintin 15:34.
Immedita fuq Profeziji li Twettqu
19. Liema huma xi wħud mill-profeziji li rajna jitwettqu?
19 Issa niġu għas-sitt ħaġa li se tgħinna nibqgħu mqajmin: Immedita fuq il-ħafna profeziji li twettqu f’dan iż-żmien tat-tmiem. Diġà għaddejna is-77 sena minn mindu ntemmu ż-żminijiet maħtura tal-ġnus fl-1914. Hekk kif inħarsu lura lejn iktar minn tliet kwarti taʼ seklu, nistgħu naraw kif profezija wara l-oħra twettqet—ir-restawrazzjoni tal-qima vera; il-ħelsien tal-fdal midlukin, flimkien maʼ sħabhom, f’ġenna spiritwali; l-ippridkar tal-aħbar tajba tas-Saltna fuq skala globali; id-dehra taʼ folla kbira. (Isaija 2:2, 3; Kapitlu 35; Żakkarija 8:23; Mattew 24:14; Rivelazzjoni 7:9) U l-viżjonijiet taʼ l-appostlu Ġwanni fir-rakkont taʼ Rivelazzjoni qegħdin issa jersqu lejn il-quċċata tagħhom.
20. X’konvinzjoni għandhom ix-Xhieda taʼ Jehovah, u x’taw prova fil-fatt li huma?
20 Għalhekk, iktar minn qatt qabel, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma konvinti b’mod sod dwar kemm hi korretta l-fehma tagħhom tat-tifsir tal-kwistjonijiet dinjin mill 1914 ’il hawn. Billi għandhom din il-konvinzjoni, huma taw prova li huma l-istrumenti f’idejn Alla l-Iktar Għoli. Huma dawk li ġew fdati biex ixandru l-messaġġ divin f’dan iż-żmien sinjifikanti. (Rumani 10:15, 18) Iva, il-kliem taʼ Jehovah għaż-żmien tat-tmiem seħħ. (Isaija 55:11) Dan, mill-banda l-oħra, għandu jqanqalna biex inkomplu sakemm naraw it-twettieq finali tal-wegħdiet kollha t’Alla permezz taʼ Ġesù Kristu.
Is-Salvazzjoni iktar qrib minn dak iż-Żmien meta Sirna Nemmnu
21. X’inhi s-sebaʼ ħaġa li tgħinna biex nibqgħu mqajmin spiritwalment?
21 Fl-aħħar, is-sebaʼ għajnuna biex nibqgħu mqajmin: Żomm dejjem f’moħħok li s-salvazzjoni tagħna hi iktar qrib minn dak iż-żmien meta sirna nemmnu fil-bidu. Iktar importanti, l-ivvindikar tas-sovranità universali taʼ Jehovah u t-taqdis taʼ ismu huma ħafna iktar qrib. Mela l-ħtieġa li nibqgħu mqajmin hija iżjed urġenti minn qatt qabel. L-appostlu Pawlu jikteb: “Intom tafu l-istaġun, li diġà saret is-siegħa għalikom biex tistenbħu mir-raqda, għax issa s-salvazzjoni tagħna hi iktar qrib minn dak iż-żmien meta sirna nemmnu. Il-lejl daħal sewwa; il-jum qorob.”—Rumani 13:11, 12.
22. L-avviċinar tas-salvazzjoni tagħna kif għandu jeffettwana?
22 Bis-salvazzjoni tagħna tant iktar qrib, irridu bil-fors nibqgħu mqajmin! Ma rridux inħallu kwalunkwe interessi persunali jew dinjin jegħlbu lill-apprezzament tagħna għal dak li Jehovah qed jagħmel għall-poplu tiegħu matul dan iż-żmien tat-tmiem. (Danjel 12:3) Irridu nuru iżjed persistenza minn qatt qabel sabiex ma niġux żvijati mill-mogħdija li l-Kelma t’Alla b’mod ċar tordnalna. (Mattew 13:22) L-evidenza turi b’mod ċar li din id-dinja tinsab fl-aħħar jiem tagħha. Dalwaqt se titwarrab mill-eżistenza għal dejjem biex tagħmel il-wisaʼ għal dinja ġdida taʼ tjieba.—2 Pietru 3:13.
23. Jehovah b’liema mod se jgħinna, u b’liema riżultat imbierek?
23 Ejjew, allura, b’kull mezz nibqgħu mqajmin. Bħal qatt qabel, oqgħod attent dwar fejn ninsabu fil-mixja taż-żmien. Ftakar, Jehovah qatt ma jorqod f’din il-kwistjoni. Minflok, hu dejjem se jgħinna biex nibqgħu mqajmin f’dan iż-żmien tat-tmiem. Il-lejl kważi għadda. Il-jum qed joqrob. Mela ibqaʼ mqajjem! Dalwaqt se nġarrbu l-iktar jum sabiħ fosthom kollha, hekk kif is-Saltna Messjanika twettaq il-għan taʼ Jehovah għall-art!—Rivelazzjoni 21:4, 5.
X’Inhuma t-Tweġibiet Tiegħek?
◻ Ġesù x’ried ifisser meta qal li l-jum tal-qilla t’Alla se jiġi fuq in-nies “bħal nassa”?
◻ Għala għandna niġġieldu kontra d-distrazzjoni, u kif nistgħu nagħmlu dan?
◻ Liema xorta taʼ talb hu meħtieġ sabiex nibqgħu mqajmin?
◻ Għala nagħmlu eżami tagħna nfusna dwar l-istat spiritwali tagħna?
◻ X’parti tilgħab il-profezija f’li nibqgħu mqajmin?