Kunu Lesti għall-Jum taʼ Jehovah
“Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”—Mattew 24:44.
1. Għala għandu jinteressana mill-jum taʼ Jehovah?
SE JKUN jum taʼ gwerra u taʼ rabja, taʼ diqa u hemm kbir, taʼ dlam u ħerba. “Jum il-Mulej, kbir u tal-biżaʼ” se jiġi żgur fuq din is-sistema dinjija mill-agħar, bħalma ġie d-Dilluvju u għarraq lil dik id-dinja mill-agħar taʼ żmien Noè. Se jiġi żgur. Madankollu, “kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles.” (Ġoel 3:3-5 [2:30-32, NW ]; Għamos 5:18-20) Alla se jeqred lill-għedewwa u jeħles lin-nies tiegħu. B’sens t’urġenza, il-profeta Sofonija jiddikjara: “Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib! Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha!” (Sofonija 1:14) Iżda, meta se jiġi esegwit dan il-ġudizzju minn Alla?
2, 3. Għala huwa vitali li nippreparaw lilna nfusna għall-jum taʼ Jehovah?
2 “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf xejn la meta se jaslu, la l-anġli tas-sema u lanqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier waħdu.” (Mattew 24:36) Ladarba ma nafux il-ħin eżatt, huwa importanti ħafna li nagħtu attenzjoni kbira għall-kliem taʼ l-iskrittura tas-sena 2004: “Ibqgħu għassa . . . Kunu lesti.”—Mattew 24:42, 44, NW.
3 Sabiex juri kif dawk li huma lesti se jinġabru għas-sigurtà waqt li oħrajn jiġu abbandunati, Ġesù qal: “Mbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla.” (Mattew 24:40, 41) F’dak iż-żmien kritiku, x’se tkun is-sitwazzjoni persunali tagħna? Se nkunu lesti, jew inkella dak il-jum se jiġi fuqna għal għarrieda? Dan jiddependi ħafna mill-passi li nieħdu issa. Sabiex inkunu lesti għall-jum taʼ Jehovah, irridu nevitaw ċerta attitudni li hija komuni ħafna llum, irridu nagħmlu ħilitna biex ma naqgħux fi stat spiritwali partikulari, u rridu nevitaw ċerti stili taʼ ħajja.
Evita li Tkun Sodisfatt Bik Innifsek
4. Liema attitudni kellhom in-nies taʼ żmien Noè?
4 Ikkunsidra żmien Noè. “Kien minħabba fil-fidi tiegħu li Noè, mgħarraf minn Alla dwar ħwejjeġ li kienu għadhom ma jidhrux, mimli b’biżaʼ qaddis bena arka biex isalva l-familja tiegħu; u b’dik il-fidi kkundanna d-dinja u sar werriet tal-ġustizzja li tinkiseb bis-saħħa tal-fidi,” tistqarr il-Bibbja. (Lhud 11:7) L-arka ma kinitx xi ħaġa komuni u kienet tidher sew. Iktar minn hekk, Noè kien “ħabbâr tal-ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) La l-proġett tal-bini taʼ Noè u lanqas l-ippridkar tiegħu ma qanqal lin-nies taʼ żmienu biex jaġixxu. Għala? Għaliex huma “kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu.” Dawk in-nies li ppridkalhom Noè tant kienu mħassbin dwar kwistjonijiet persunali u dwar il-pjaċiri li “[“ma tawx kas,” NW ] sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd.”—Mattew 24:38, 39.
5. X’kienet il-ħarsa taʼ l-abitanti taʼ Sodoma fi żmien Lot?
5 L-istess ġara fi żmien Lot. L-Iskrittura tgħidilna: “Kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawwlu, jibnu, imma dak in-nhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla bagħat xita taʼ nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll.” (Luqa 17:28, 29) Wara li l-anġli wissew lil Lot dwar il-qerda li kienet ġejja, hu kellem lill-irġiel taʼ wliedu dwar dak li kien se jiġri. Però, f’għajnejhom “dehrilhom li qiegħed jiċċajta.”—Ġenesi 19:14.
6. Liema attitudni għandna nevitaw?
6 Bħalma ġara fi żmien Noè u Lot, “hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem,” qal Ġesù. (Mattew 24:39; Luqa 17:30) Fil-fatt, l-attitudni komuni taʼ ħafna llum hija li jkunu sodisfatti bihom infushom. Aħna rridu noqogħdu għassa biex ma niġux influwenzati minn ħarsa bħal din. M’hemm xejn ħażin billi tieħu gost bl-ikel tajjeb u x-xorb bil-moderazzjoni. L-istess iż-żwieġ, dan huwa arranġament t’Alla. Madankollu, jekk fatturi bħal dawn saru importanti żżejjed fil-ħajja tagħna tant li l-interessi spiritwali twarrbu fil-ġenb, nistgħu ngħidu li ninsabu lesti personalment għall-jum kbir u tal-biżaʼ taʼ Jehovah?
7. Liema mistoqsija vitali għandna nistaqsu qabel nidħlu għal xi ħaġa, u għala?
7 “Iż-żmien qsar,” qal l-appostlu Pawlu. “Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx.” (1 Korintin 7:29-31) Fadlilna biss żmien limitat biex illestu x-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna li Alla tana biex nagħmlu. (Mattew 24:14) Pawlu saħansitra wissa lil dawk li huma miżżewġin biex ma jkunux daqshekk medhijin fis-sieħeb jew is-sieħba tagħhom tant li jpoġġu l-interessi tas-Saltna fit-tieni post f’ħajjithom. Bla dubju, l-inklinazzjoni mentali li kien qed jissuġġerixxi Pawlu hija l-kuntrarju taʼ li tkun sodisfatt bik innifsek. Ġesù qal: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:33) Meta nieħdu xi deċiżjoni jew qabel niddeċiedu li nidħlu għal xi ħaġa, il-mistoqsija importanti li rridu nistaqsu hija, ‘Dan kif se jeffettwa jekk jien inżommx is-Saltna l-ewwel f’ħajti?’
8. Jekk ħsiebna l-iktar fl-attivitajiet normali taʼ kuljum, x’għandna bżonn nagħmlu?
8 Xi ngħidu jekk nindunaw li aħna diġà involuti fl-attivitajiet tal-ħajja normali taʼ kuljum tant li l-interessi spiritwali qed jitħallew barra? Hemm biss ftit differenza bejn il-mod taʼ ħajja tagħna u dik taʼ oħrajn madwarna li m’għandhomx għarfien eżatt mill-Iskrittura u li m’humiex proklamaturi tas-Saltna? Jekk qed jiġri hekk, għandna bżonn nitolbu dwar il-kwistjoni. Jehovah jistaʼ jgħinna biex ikollna l-attitudni mentali li suppost ikollna. (Rumani 15:5; Filippin 3:15) Hu jistaʼ jgħinna nżommu l-interessi tas-Saltna l-ewwel, nagħmlu dak li hu sewwa, u nwettqu l-obbligu tagħna lejh.—Rumani 12:2; 2 Korintin 13:7.
Iġġieled in-Ngħas Spiritwali
9. Skond Apokalissi 16:14-16, għala hu importanti li niġġieldu n-ngħas spiritwali?
9 Il-profezija li proprju titkellem dwar il-“gwerra taʼ nhar il-Jum il-kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox” f’Armageddon twissi li xi wħud għandhom mnejn ma jibqgħux imqajmin. “Arani ġej bħal ħalliel!” jgħid Sidna Ġesù Kristu. “Hieni min jishar u jieħu ħsieb l-ilbiesi tiegħu biex ma jimxix għarwien u jarawlu l-għera tiegħu.” (Apokalissi 16:14-16) L-ilbiesi li huma msemmija hawnhekk jirreferu għal dak li jidentifikana bħala Xhieda taʼ Jehovah Kristjani. Dan jinkludi x-xogħol li għandna bħala proklamaturi tas-Saltna u l-imġiba Kristjana tagħna. Jekk nispiċċaw inattivi bħallikieku reqdin, nistgħu nitilfu l-identità Kristjana tagħna. Din hija xi ħaġa taʼ mistħija kif ukoll perikoluża. Ma rridux inħallu lilna nfusna naqgħu fi stat taʼ ngħas jew ħedla spiritwali. Kif nistgħu niġġieldu inklinazzjoni bħal din?
10. Il-qari tal-Kelma t’Alla kuljum kif jgħinna nibqgħu mqajmin spiritwalment?
10 Il-Bibbja tenfasizza ripetutament il-bżonn biex nibqgħu mqajmin u f’sensina. Per eżempju, ir-rakkonti taʼ l-Evanġelji jfakkruna: “Ishru [“Ibqgħu għassa,” NW]” (Mattew 24:42; 25:13; Mark 13:35, 37); “kunu lesti” (Mattew 24:44); “kunu għajnejkom miftuħa, ishru” (Mark 13:33); “kunu dejjem għal-lest”(Luqa 12:40, NW ). Wara li jistqarr li l-jum taʼ Jehovah ġej bla mistenni fuq din id-dinja, l-appostlu Pawlu jħeġġeġ lil sħabu l-Kristjani: “Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies.” (1 Tessalonikin 5:6) Fl-aħħar ktieb tal-Bibbja, Ġesù Kristu glorifikat jisħaq dwar kemm ġej għal għarrieda, billi jgħid: “Arani ġej minnufih.” (Apokalissi 3:11; 22:7, 12, 20) Ħafna mill-profeti Lhud ukoll iddeskrivew u wissew dwar il-jum il-kbir tal-ġudizzju taʼ Jehovah. (Isaija 2:12, 17; Ġeremija 30:7; Ġoel 2:11; Sofonija 3:8) Jekk naqraw il-Bibbja, il-Kelma t’Alla, kuljum u nirriflettu fuq dak li naqraw niġu megħjunin nibqgħu mqajmin spiritwalment.
11. L-istudju persunali tal-Bibbja għala huwa essenzjali biex nibqgħu mqajmin spiritwalment?
11 Iva, kemm iħeġġiġna biex nibqgħu mqajmin spiritwalment l-istudju persunali bir-reqqa taʼ l-Iskrittura permezz tal-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja li huma provduti mill-“ilsir leali u diskret”! (Mattew 24:45-47, NW ) Madankollu, sabiex l-istudju persunali jkun taʼ benefiċċju, dan irid ikun progressiv u konsistenti. (Lhud 5:14–6:3) Aħna rridu nieklu ikel spiritwali solidu regolarment. Illum il-ġurnata tistaʼ tkun sfida biex issib il-ħin. (Efesin 5:15, 16) Xorta waħda, li taqra l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet Skritturali meta jkun konvenjenti biss m’huwiex biżżejjed. Studju persunali regulari huwa essenzjali jekk irridu ‘nżommu sħiħ fil-fidi’ u nibqgħu mqajmin.—Titu 1:13.
12. Il-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet Kristjani kif jgħinuna biex niġġieldu n-ngħas spiritwali?
12 Il-laqgħat Kristjani, l-assembleat, u lkonvenzjonijiet ukoll jgħinuna biex niġġieldu n-ngħas spiritwali. Kif? Permezz taʼ l-istruzzjoni li nirċievu. F’dawn il-laqgħat, ma niġux aħna mfakkrin regolarment dwar kemm qed joqrob il-jum taʼ Jehovah? Il-laqgħat Kristjani taʼ kull ġimgħa wkoll jipprovdu opportunitajiet biex “inħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb.” Meta nħajru, jew nagħmlu l-qalb lil xulxin, inkunu qed ngħinu lil xulxin biex nibqgħu mqajmin spiritwalment. Mhux taʼ b’xejn li aħna niġu kmandati biex niltaqgħu regolarment ‘aktar ma naraw li qiegħed joqrob il-Jum.’—Lhud 10:24, 25.
13. Il-ministeru Kristjan kif jgħinna nibqgħu mqajmin spiritwalment?
13 Għajnuna oħra biex nibqgħu mqajmin tiġi meta nagħtu sehemna b’qalbna kollha fil-ministeru Kristjan. X’hemm aħjar biex inżommu f’moħħna s-sinjali taż-żminijiet u t-tifsira tagħhom milli nitkellmu m’oħrajn dwarhom? U meta naraw lil dawk li nistudjaw il-Bibbja magħhom jagħmlu progress u jibdew jaġixxu fuq dak li qed jitgħallmu, is-sens t’urġenza tagħna jikber. “Ħejju moħħkom għax-xogħol,” qal l-appostlu Pietru, “ibqgħu f’sensikom għalkollox.” (1 Pietru 1:13, NW ) Rimedju tajjeb għall-ħedla spiritwali hu li ‘nħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej.’—1 Korintin 15:58.
Evita Stili taʼ Ħajja li Jagħmlu Ħsara Spiritwali
14. Bħalma hu deskritt f’Luqa 21:34-36, Ġesù kontra liema stili taʼ ħajja jwissi?
14 Fil-profezija importanti tiegħu dwar is-sinjali tal-preżenza tiegħu, Ġesù ta wkoll twissija oħra. Hu qal: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqaʼ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.” (Luqa 21:34-36) Ġesù ddeskriva bl-eżatt l-istili tal-ħajja li jfittxu n-nies in ġenerali: ikel żejjed, sokor, u mod taʼ ħajja li jġib miegħu l-ansjetajiet.
15. Għalfejn għandna nevitaw l-ikel u x-xorb żejjed?
15 L-ikel u x-xorb żejjed m’humiex fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja u jridu jiġu evitati. Il-Bibbja tistqarr: “Tagħmilhiex maʼ dawk li jlegilgu l-inbid, u maʼ dawk li għandhom kilba għal-laħam.” (Proverbji 23:20) Però, l-ikel u x-xorb xorta jistgħu jkunu taʼ periklu avolja ma jilħqux dan il-punt. Dawn jistgħu jqabbdu n-ngħas u jgħażżnu lil dak li jkun ħafna qabel ma jkun wasal f’dan l-istat. “Ix-xewqa taʼ l-għażżien tibqaʼ bla temma,” jgħid proverbju mill-Bibbja. (Proverbji 13:4) Bniedem bħal dan forsi jkun jixtieq jagħmel ir-rieda t’Alla, imma x-xewqa tiegħu tibqaʼ ma titwettaqx minħabba t-traskuraġni.
16. Kif nistgħu nevitaw li nħallu l-ansjetajiet tal-familja jtaqqluna?
16 X’inhuma l-ansjetajiet tal-ħajja li Ġesù wissiena dwarhom? Dawn jinvolvu li wieħed irid jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, tal-familja, u affarijiet simili. Kemm ma jkunx għaqli li nħallu dawn l-affarijiet itaqqluna! “Min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed biss?” staqsa Ġesù. Hu ħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu: “Toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh.” Jekk inpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjitna u jkollna fiduċja li Jehovah se jipprovdilna dak li għandna bżonn m’aħniex se nħallu l-ansjetajiet itaqqluna, u dan se jgħinna nibqgħu mqajmin.—Mattew 6:25-34.
17. Il-ġiri wara affarijiet materjali kif jistaʼ jġib lansjetà?
17 L-ansjetà tistaʼ tiġi wkoll billi jkun moħħna fil-materjaliżmu. Per eżempju, xi wħud jikkomplikaw ħajjithom billi jgħixu ħajja lussuża iktar milli jkunu jaffordjaw. Oħrajn tħajru minn skemi li bihom jistgħu jirbħu ħafna flus malajr u minn investimenti finanzjarji riskjużi. Għal oħrajn, l-edukazzjoni sekulari bħala mezz biex jiksbu suċċess finanzjarju tistaʼ tkun nasba. Ovvjament, ċertu livell taʼ skola jistaʼ jkun utli biex issib xogħol. Madankollu, il-verità hi li huma u jinvestu dak il-ħin kollu f’edukazzjoni għolja, xi wħud waslu biex ġarrbu ħsara spiritwali. Żgur li ma tridx tkun f’sitwazzjoni perikoluża bħal din hekk kif joqrob il-jum taʼ Jehovah! Il-Bibbja twissi: “Dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien.”—1 Timotju 6:9.
18. Liema abbiltà għandna nikkultivaw jekk irridu nevitaw li ninġibdu lejn ħajja materjalistika?
18 Xi ħaġa li hija essenzjali biex ma ninġibdux lejn ħajja materjalistika hija li nikkultivaw l-abbiltà li nagħrfu d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin meta nieħdu deċiżjonijiet. Din l-abbiltà tiġi żviluppata billi regolarment nieħdu mill-“ikel solidu [li] hu tan-nies maturi” u billi ‘bl-użu jkollna s-sensi tagħna mħarrġin.’ (Lhud 5:13, 14, NW ) Jekk ‘nagħrfu nagħżlu l-aħjar’ meta nistabbilixxu l-prijoritajiet, dan se jipproteġina milli nagħmlu għażliet ħżiena.—Filippin 1:10.
19. Jekk naraw li għandna verament ftit ħin għal affarijiet spiritwali, x’għandna nagħmlu?
19 Ħajja materjalistika tistaʼ tagħmina u tħallilna ftit jew xejn ħin x’niddedikaw għall-affarijiet spiritwali. Kif nistgħu neżaminaw lilna nfusna u nevitaw li ninqabdu f’dan il-mod taʼ ħajja? Għandna bżonn nikkunsidraw bit-talb kif u sa liema punt nistgħu nissimplifikaw ħajjitna. Is-sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem qal: “Il-ħaddiem, jiekol ftit jew jiekol wisq, jiġih ħelu l-irqad, imma l-għani x-xabaʼ ma jħallihx jieħu nagħsa.” (Koħèlet 5:11 [5:12, NW ]) Qiegħed il-fatt li nieħdu ħsieb l-affarijiet materjali li m’humiex bżonnjużi jiħdilna ħafna mill-ħin u l-enerġija tagħna? Iktar ma jkollna affarijiet, iktar se jkollna x’nieħdu ħsieb, x’nipproteġu, u xi nħallsu bħala assigurazzjoni. Jistaʼ jkun taʼ vantaġġ għalina li nissimplifikaw ħajjitna billi neħilsu minn ċerti affarijiet li għandna?
Akkost taʼ Kollox, Kun Lest
20, 21. (a) Liema assiguranza jagħtina l-appostlu Pietru dwar jum Jehovah? (b) Liema atti u għemejjel għandna nibqgħu nagħmlu hekk kif inkunu lesti għall-jum taʼ Jehovah?
20 Iż-żmien skada għad-dinja taʼ żmien Noè, u se jiskadi wkoll għas-sistema dinjija preżenti. L-appostlu Pietru jassigurana: “Jasal, tabilħaqq, jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b’kull ma fiha tkun maħruqa min-nar.” La s-smewwiet simboliċi—il-gvernijiet mill-agħar—u lanqas l-art simbolika—l-umanità ’l bogħod minn Alla—ma se jaħarbu mill-qilla tar-rabja taħraq taʼ Jehovah. Biex juri kif nistgħu nkunu lesti għal dak il-jum, Pietru jgħid: “Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, [“f’atti qaddisin taʼ kondotta u f’għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla,” NW ] waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum taʼ Alla.”—2 Pietru 3:10-12.
21 L-attendenza regulari għal-laqgħat Kristjani u s-sehem tagħna fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba huma fost dawn l-atti u l-għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla. Jalla nagħmluhom b’devozzjoni mill-qalb lejn Alla waqt li nistennew bil-paċenzja għall-jum il-kbir taʼ Jehovah. Ejja ‘nagħmlu ħilitna biex fl-aħħar inkunu misjubin minn [Alla] fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub.’—2 Pietru 3:14, NW.
Tiftakar Int?
• Għala għandna nkunu lesti għall-jum taʼ Jehovah?
• Jekk ħsiebna l-iktar fl-affarijiet normali tal-ħajja, x’għandna nagħmlu?
• X’se jgħinna niġġieldu n-ngħas spiritwali?
• Liema stili taʼ ħajja li jagħmlu ħsara għandna nevitaw u kif?
[Stampi f’paġna 21]
In-nies taʼ żmien Noè ma tawx kas il-ġudizzju li kien ġej—int tagħti kas?
[Stampa f’paġna 23]
Tistaʼ tissimplifika ħajtek biex ikollok iktar ħin għal affarijiet spiritwali?