Jehovah, Dak li Jagħmel Affarijiet tal-Għaġeb
“Inti kbir u qiegħed tagħmel affarijiet tal-għaġeb; inti Alla, inti waħdek”—SALM 86:10
1, 2. (a) L-invenzjonijiet tal-bniedem kif effettwaw lid-dinja? (b) Fejn nistgħu nsibu tama taʼ affarijiet aħjar?
IL-BNIEDEM modern jistaʼ jiftaħar li l-invenzjonijiet tiegħu huma tal-għaġeb—id-dawl bajdani, it-telekomunikazzjonijiet, il-video, il-karozza, l-ivvjaġġar bl-ajruplani tal-jet, u t-teknoloġija komputerizzata. Dawn dawru lid-dinja f’komunità waħda. Imma x’komunità! Minflok il-paċi, ir-riżq, u l-abbundanza għal kulħadd, l-umanità hi kkastigata bi gwerer qattiela, bi kriminalità, bit-terroriżmu, bit-tinġis, bil-mard u bil-faqar. U l-armi nukleari mxerrdin madwar id-dinja, għalkemm imnaqqsin fin-numru, xorta waħda jistgħu jeqirdu lill-umanità għal diversi drabi. Iktar minn hekk, waqt li l-politikanti jsiru iktar u iktar korrotti, is-sinjuri jsiru iktar sinjuri, u l-foqra iktar foqra. Jistaʼ xi ħadd isib soluzzjoni?
2 Iva! Għax hemm Xi Ħadd li jiggarantixxi ħelsien, “wieħed li hu ogħla mill-wieħed għoli”, Alla Jehovah. (Ekkleżjasti 5:8) Hu nebbaħ il-kitba tas-salmi, li jipprovdu ħafna faraġ u parir għaqli fi żminijiet taʼ hemm. David kiteb iktar minn 70 salm. Fosthom hemm Salm 86, li għandu l-iskrizzjoni sempliċi taʼ fuq: “Talba taʼ David”. Hija talba li tistaʼ tagħmilha tiegħek.
Milqut imma Leali
3. F’dawn iż-żminijiet, David jipprovdi liema eżempju nkuraġġanti għalina?
3 David kiteb dan is-salm meta kien milqut. Aħna llum, li qegħdin ingħixu matul “l-aħħar jiem” tas-sistema taʼ Satana, dawn iż-“żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom”, niffaċċjaw provi simili. (2 Timotew 3:1; ara wkoll Mattew 24:9-13.) Bħalna, David sofra anzjetajiet u dipressjoni minħabba l-problemi li kienu qegħdin jeffettwawh. Imma hu qatt ma ħalla lil dawk il-provi jdajfu l-fiduċja leali tiegħu fil-Ħallieq tiegħu. Hu għajjat: “mejjel, O Jehovah, widintek. Weġibni, għax jien milqut u fqir. O tassew għasses lil ruħi, għax jien leali. Salva lill-qaddej tiegħek—inti Alla tiegħi—li qiegħed jafda fik”.—Salm 86:1, 2.
4. Kif għandna nuru l-fiduċja tagħna?
4 Aħna nistgħu nkunu fiduċjużi, bħalma kien David, li “dak Alla tal-faraġ kollu”, Jehovah, se jdawwar widintu lejn din l-art u jismaʼ t-talb umli tagħna. (2 Korintin 1:3, 4) Billi nafdaw b’għajnejna magħluqin f’Alla tagħna, nistgħu nsegwu l-parir taʼ David: “Ixħet it-tagħbija tiegħek fuq Jehovah innifsu, u hu nnifsu se jsostnik. Hu qatt ma se jħalli lit-twajjeb jixxengel”.—Salm 55:22.
Intimità maʼ Jehovah
5. (a) Xi traduzzjonijiet bil-għaqal kif irranġaw l-iżballji taʼ skribi Lhud? (b) Salm 85 u 86 b’liema mod ikabbru lil Jehovah? (Ara nota taʼ taħt.)
5 F’Salm 86, David juża l-espressjoni “O Jehovah” 11-il darba. Kemm hi ferventi t-talba taʼ David, u kemm hi mill-qrib l-intimità tiegħu maʼ Jehovah! Iktar tard, użu intimu bħal dan tal-isem t’Alla sar taʼ togħma ħażina għal xi skribi Lhud, b’mod partikulari s-Soferim. Huma rabbew biżaʼ superstizzjuż taʼ li jagħmlu użu ħażin mill-isem. Billi ttraskuraw il-fatt li l-bniedem kien ġie maħluq fix-xbiha t’Alla, huma għaġġlu biex jattribwixxu lil Alla attributi li l-bnedmin għandhom ukoll. Mela f’7 mill-11-il darba li l-isem divin jinstab fit-test Ebrajk taʼ dan is-salm wieħed, huma poġġew it-titlu ’Adho-nai’ (Mulej) flok l-isem YHWH (Jehovah). Aħna nistgħu nkunu grati ferm li n-New World Translation of the Holy Scriptures, kif ukoll għadd taʼ traduzzjonijiet oħra bir-reqqa, irrestawraw l-isem divin għall-post xieraq tiegħu fil-Kelma t’Alla. Bħala riżultat, ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah hija enfasizzata kif għandha tkun.a
6. B’liema modi nistgħu nuru li l-isem taʼ Jehovah huwa prezzjuż għalina?
6 It-talba taʼ David tkompli: “Urini favur, O Jehovah, għax lilek nibqaʼ nsejjaħ il-jum kollu. Agħmel lil ruħ il-qaddej tiegħek tifraħ, għax lejk, O Jehovah,jien ingħolli lill-istess ruħi”. (Salm 86:3, 4) Innota li David baqaʼ jsejjaħ lil Jehovah “il-jum kollu”. Tabilħaqq, hu spiss talab matul il-lejl, bħal meta kien maħrub fix-xagħri. (Salm 63:6, 7) Bl-istess mod illum, xi Xhieda meta kienu mheddin bi stupru jew assalt kriminali ieħor għajtu lil Jehovah. Kultant huma ssorprendew ruħhom bir-riżultat hieni.b L-isem taʼ Jehovah huwa prezzjuż għalina, saħansitra bħalma kien għal “Ġesù Kristu, bin David” meta kien fuq l-art. Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu għat-taqdis tal-isem taʼ Jehovah u għarrafhom x’jirrappreżenta dak l-isem.—Mattew 1:1; 6:9; Ġwann 17:6, 25, 26.
7. Liema eżempji għandna taʼ li Jehovah jerfaʼ ’l fuq lill-istess ruħ tal-qaddejja tiegħu, u kif għandna nwieġbu?
7 David għolla lil ruħu, lilu nnifsu kollu kemm hu, lejn Jehovah. Hu jinkuraġġina biex nagħmlu l-istess ħaġa, billi qal f’Salm 37:5: “Gerbeb fuq Jehovah il-mogħdija tiegħek, u oqgħod fuqu, u hu nnifsu se jaġixxi”. B’hekk it-talba tagħna lil Jehovah biex hu jagħmel lil ruħna tifraħ se tiġi mwieġba. Ħafna qaddejja taʼ Jehovah li jżommu l-integrità jkomplu jsibu ferħ kbir fis-servizz tiegħu—minkejja tbatijiet, persekuzzjonijiet, u mard. Ħutna f’inħawi mfarrkin bil-gwerra fl-Afrika, bħalma huma l-Angola, il-Liberja, il-Mozambique, u ż-Zaire, komplew ipoġġu s-servizz taʼ Jehovah l-ewwel fil-ħajjiet tagħhom.c Hu verament ġagħalhom jifirħu bi ħsad spiritwali kotran. Bħalma ssaportew huma, hekk irridu nagħmlu aħna. (Rumani 5:3-5) U hekk kif nissaportu, niġu assigurati: “Il-viżjoni hi għad għal żmien maħtur, u tibqaʼ tilheġ lejn it-tmiem. . . Mhix se tkun tard”. (Ħabakkuk 2:3) B’fiduċja sħiħa f’Jehovah, jalla aħna wkoll inkomplu ‘nilhġu lejn it-tmiem’.
It-Tjubija taʼ Jehovah
8. Liema intimità jistaʼ jkollna maʼ Jehovah, u kif wera hu t-tjubija tiegħu?
8 David jagħmel iktar talb imqanqal: “Int, O Jehovah, tajjeb u lest li taħfer; u l-qalb tajba bl-imħabba lejn dawk kollha li qegħdin isejħulek hi abbundanti. Tassew agħti widen, O Jehovah, lit-talba tiegħi; u tassew oqgħod attent għal-leħen tat-tħannin tiegħi. Fil-jum tal-hemm tiegħi jien se nsejjaħ lilek, għax int se tweġibni”. (Salm 86:5-7) “O Jehovah”—darba wara l-oħra aħna niġu mqanqlin mill-intimità taʼ din l-espressjoni! Hija intimità li tistaʼ tiġi kkultivata l-ħin kollu permezz tat-talb. David talab f’okkażjoni oħra: “Id-dnubiet taʼ żgħożiti u l-irvellijiet tiegħi O tiftakarhomx. Skond il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek ftakarni int innifsek, minħabba fit-tjubija tiegħek, O Jehovah”. (Salm 25:7) Jehovah huwa l-istess personifikazzjoni tat-tjubija —f’li jipprovdi r-rahan taʼ Ġesù, f’li juri ħniena lil midinbin li jindmu, u f’li jixħet qalb tajba bl-imħabba fuq ix-Xhieda leali tiegħu li japprezzaw.—Salm 100:3-5; Malakija 3:10.
9. Midinbin li jindmu liema assigurazzjoni għandhom jikkunsidraw bis-serjetà?
9 Għandna aħna nitnikktu minħabba żballji tal-passat? Jekk qegħdin issa nagħmlu passaġġi dritti għal saqajna, niġu nkuraġġiti meta niftakru l-assigurazzjoni tal-appostlu Pietru lil dawk li jindmu li “staġuni taʼ serħan” se jiġu mingħand Jehovah. (Atti 3:19) Ejjew nibqgħu qrib lejn Jehovah fit-talb permezz tal-Feddej tagħna, Ġesù, li b’imħabba qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li qegħdin taħdmu iebes u mgħobbijin wisq, u jien se nserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien kalm u umli fil-qalb, u intom se ssibu serħan għal erwieħkom”. Hekk kif Xhieda leali jitolbu lil Jehovah illum fl-isem prezzjuż taʼ Ġesù, huma tabilħaqq isibu serħan.—Mattew 11:28, 29; Ġwann 15:16.
10. Il-ktieb taʼ Salmi jagħti liema prominenza lill-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah?
10 Il-ktieb taʼ Salmi jirreferi għall-“qalb tajba bl-imħabba” taʼ Jehovah iktar minn mitt darba. Qalb tajba bl-imħabba bħal din żgur li hi abbundanti! Fl-ewwel erbaʼ versi tiegħu, Salm 118 jappella lill-qaddejja t’Alla biex jiżżu ħajr lil Jehovah, billi jirrepetu erbaʼ darbiet, “għax il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu hi għal żmien indefinit”. Salm 136 jenfasizza l-kwalità apprezzata tal-“qalb tajba bl-imħabba tiegħu” 26 darba. Niżżballjaw kif niżżballjaw—u bħalma jgħid Ġakbu 3:2, “aħna lkoll nieħdu gambetta ħafna drabi”—jalla nkunu lesti li nfittxu l-maħfra taʼ Jehovah, fiduċjużi fil-ħniena u l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu. Il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu hija espressjoni tal-imħabba leali tiegħu lejna. Jekk aħna lealment inkomplu nagħmlu r-rieda t’Alla, hu se juri l-imħabba leali tiegħu f’li jsaħħaħna biex inlaħħqu maʼ kull prova.—1 Korintin 10:13.
11. Azzjoni mill-anzjani kif tistaʼ tgħin biex jitneħħew sentimenti taʼ ħtija?
11 Jistaʼ jkun hemm drabi meta niġu mogħtijin gambetta minn oħrajn. Abbuż emozzjonali jew fiżiku waqt it-tfulija ħalla lil xi wħud b’sentimenti taʼ ħtija jew taʼ li ma jiswew għalxejn. Vittma bħal dan jistaʼ jsejjaħ lil Jehovah, fiduċjuż li hu se jwieġeb. (Salm 55:16, 17) Anzjan b’qalb tajba jistaʼ jieħu interess f’li jgħin lil wieħed bħal dan biex jaċċetta l-fatt li ma kinetx il-ħtija tal-vittma. Wara da, telefonata kordjali minn żmien għal żmien mill-anzjan tistaʼ tgħin lil dak il-wieħed sakemm hu (jew hi) jkollu l-ħila sa fl-aħħar ‘iġorr it-tagħbija’—Galatin 6:2, 5.
12. Il-hemmijiet kif immoltiplikaw, imma kif nistgħu aħna nlaħħqu magħhom b’suċċess?
12 Hemm ħafna cirkostanzi oħrajn taʼ hemm li n-nies taʼ Jehovah iridu jitqabdu magħhom illum. Billi bdew bl-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914, gwajiet kbar bdew jolqtu lil din l-art. Bħalma ġie mbassar minn Ġesù, dawn kienu “bidu taʼ weġgħat taʼ hemm”. Il-hemmijiet immoltiplikaw hekk kif imxejna ’l quddiem iktar fil-fond fil-“konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet”. (Mattew 24:3, 8) Il-“perijodu qasir taʼ żmien” tax-Xitan qiegħed jiqsar lejn it-tmiem taʼ quċċata tiegħu. (Rivelazzjoni 12:12) “Bħal iljun igħajjat” ifittex il-priża, dak l-Avversarju l-kbir qiegħed juża kull qerq disponibbli biex jifridna mill-merħla t’Alla u jeqridna. (1 Pietru 5:8) Imma mhux se jirnexxilu! Għax, bħal David, aħna nankraw il-fiduċja tagħna kompletament f’dak Alla wieħed tagħna, Jehovah.
13. Ġenituri u t-tfal tagħhom kif jistgħu jagħmlu użu tajjeb mit-tjubija taʼ Jehovah?
13 Bla dubju, David naqqax f’qalb ibnu Salamun il-ħtieġa li jistrieħ fuq it-tjubija taʼ Jehovah. B’hekk, Salamun setaʼ jistruwixxi lil ibnu stess: “Afda f’Jehovah b’qalbek kollha u tistrieħx fuq il-fehma tiegħek stess. Fil-mogħdijiet kollha tiegħek agħti kas tiegħu, u hu nnifsu se jiddritta l-passaġġi tiegħek. Issirx għaref f’għajnejk stess. Ibżaʼ minn Jehovah u dur lil hinn mill-ħażen.” (Proverbji 3:5-7) Il-ġenituri llum għandhom bl-istess mod igħallmu liċ-ċkejknin tagħhom kif jitolbu b’fiduċja lil Jehovah u kif ilaħħqu mal-assalti taʼ dinja bla qalb—bħall-pressjoni biex jagħmlu bħat-tfal taʼ mparhom fl-iskola u t-tentazzjonijiet biex jikkommettu l-immoralità. Li tipprattika prinċipji tal-Bibbja maʼ wliedek kuljum jistaʼ jimpressjona fuq il-qlub żgħażagħ tagħhom imħabba vera lejn Jehovah u dipendenza bit-talb fuqu.—Dewteronomju 6:4-9; 11:18, 19.
Ix-Xogħlijiet taʼ Jehovah li Xejn ma Jistaʼ Jitqabbel Magħhom
14, 15. X’inhuma xi ftit mix-xogħlijiet taʼ Jehovah li xejn ma jistaʼ jitqabbel magħhom?
14 B’konvinzjoni profonda David igħid: “M’hemm ħadd bħalek fost l-allat, O Jehovah, lanqas ma hemm xi xogħlijiet bħal tiegħek.” (Salm 86:8) Ix-xogħlijiet taʼ Jehovah huma akbar, iktar grandjużi, iktar maestużi, milli kwalunkwe bniedem jistaʼ saħansitra jimmaġina. Bħalma rat ix-xjenza moderna, l-univers maħluq—l-immensità tiegħu, l-armonija tiegħu, il-ġmiel tiegħu—ta prova li hu bil-wisq iktar stupend minn dak kollu li David kien jaf bih. Madankollu, saħansitra hu kien imqanqal biex igħid: “Is-smewwiet qegħdin jiddikjaraw il-glorja t’Alla; u dwar ix-xogħol taʼ jdejh il-firxa qiegħda tgħid.”—Salm 19:1.
15 Ix-xogħlijiet taʼ Jehovah jidhru b’mod tal-għaġeb, ukoll, fil-mod kif hu ppożizzjona u ħejja l-art biex tipprovdi l-lejl u n-nhar, l-istaġuni, żmien iż-żrigħ u l-ħsad, u kotra taʼ affarijiet tal-għaxqa għat-tgawdija futura tal-bniedem.U aħna nfusna kemm aħna magħmulin u mgħammrin b’mod tal-għaġeb, biex b’hekk nistgħu ngawdu x-xogħlijiet taʼ Jehovah li hawn madwarna!—Ġenesi 2:7-9; 8:22; Salm 139:14.
16. Liema hi l-akbar espressjoni tat-tjubija taʼ Jehovah, u din wasslet għal liema xogħlijiet oħrajn li xejn ma jistaʼ jitqabbel magħhom?
16 Wara li l-ewwel ġenituri tagħna kienu m’obdewx lil Alla, u b’hekk taw bidu għall-hemmijiet li jikkastigaw lill-umanità sal-lum, Jehovah mill-imħabba tiegħu nkariga lil Ibnu, li sar il-“bniedem Ġesù Kristu,” biex jifdi lill-umanità fuq l-art u mbagħad biex isaltan mis-sema bħala Sultan twajjeb. Minn fost il-bnedmin leali Alla saħansitra għażel “ħolqien ġdid” li se jaħkem maʼ Kristu bħala “sema ġdid” benevolenti fuq soċjetà taʼ “art ġdida” li se tinkludi biljuni taʼ bnedmin irxoxtati. (Rumani 5:15; 2 Korintin 5:17; Rivelazzjoni 21:1, 5-7; 1 Korintin 15:22-26) Ix-xogħlijiet taʼ Jehovah b’hekk se jimxu ’l quddiem lejn quċċata glorjuża! Verament, aħna nistgħu nesklamaw: “O Jehovah,. . . Kemm hi abbundanti t-tjubija tiegħek, li int żammejtha bħal teżor għal dawk li qegħdin jibżgħu minnek!”—Salm 31:17-19.
17. Inkwantu għax-xogħlijiet taʼ Jehovah, Salm 86:9 kif qed jiġi mwettaq issa?
17 Ix-xogħlijiet taʼ Jehovah li qegħdin isiru llum jinkludu dak li David jiddeskrivi f’Salm 86:9: “Il-ġnus kollha li lilhom int għamilt se jiġu huma nfushom, u se jmilu quddiemek, O Jehovah, u se jagħtu glorja lil ismek.” Wara li sejjaħ minn fost l-umanità lil dawk li baqaʼ mill-ħolqien ġdid tiegħu, il-“merħla ċkejkna” taʼ werrieta tas-Saltna, Jehovah issokta jiġbor minn fost il-“ġnus kollha” “folla kbira” taʼ “ngħaġ oħra”, miljuni li wkoll jeżerċitaw fidi fid-demm imxerred taʼ Ġesù. Lil dawn hu bniehom f’organizzazzjoni dinamika, l-unika soċjetà globali taʼ dawk li jħobbu l-paċi fuq l-art illum. Billi josservaw dan, il-qtajja tas-sema jinxteħtu quddiem Jehovah, billi jiddikjaraw: ‘Il-barka u l-glorja u l-għerf u r-radd il-ħajr u l-unur u l-qawwa u s-saħħa jkunu għal dejjem taʼ dejjem.’ Il-folla kbira wkoll tigglorifika lill-isem taʼ Jehovah, billi taqdih “lejl u nhar”, bit-tama li tibqaʼ ħajja wara t-tmiem taʼ din id-dinja u tgħix għal dejjem fuq art magħmula ġenna.—Luqa 12:32; Rivelazzjoni 7:9-17; Ġwann 10:16.
Il-Kobor taʼ Jehovah
18. Jehovah kif wera li hu ‘Alla waħdu’?
18 David wara da jiġbed l-attenzjoni lejn l-istat taʼ Jehovah bħala Alla, billi jgħid: “Inti kbir u qiegħed tagħmel affarijiet tal-għaġeb; inti Alla, inti waħdek.” (Salm 86:10) Mill-qedem, Jehovah kien qiegħed juri li huwa, tabilħaqq, ‘Alla waħdu’. Kien it-tirann Farawni tal-Eġittu li sfida b’arroganza lil Mosè: “Min hu Jehovah, biex għandi nobdi lil leħnu u nibgħat lil Iżrael lil hinn? Jien lanqas xejn ma nafu lil Jehovah.” Imma malajr sar jaf kemm hu kbir Jehovah! Alla li Jistaʼ kollox umilja lill-allat u lill-qassisin li jipprattikaw is-seħer tal-Eġittu billi bagħat kastigi katastrofiċi, billi ħanxar lill-ulied subien imweldin l-ewwel tal-Eġittu, u billi qered għalkollox lil Farawni u lill-armata magħżula tiegħu fil-Baħar l-Aħmar.Verament, m’hemm ebda wieħed bħal Jehovah fost l-allat!—Eżodu 5:2; 15:11, 12.
19, 20. (a) Il-għanja taʼ Rivelazzjoni 15:3, 4 meta se jkollha l-akbar espressjoni tagħha? (b) Kif nistgħu aħna saħansitra issa nieħdu sehem fix-xogħol taʼ Jehovah?
19 Bħala Alla waħdu, Jehovah issokta jagħmel affarijiet tal-għaġeb fi tħejjija biex jeħles lill-adoraturi ubbidjenti tiegħu mill-Eġittu tal-lum—id-dinja taʼ Satana. Hu ġiegħel li l-ġudizzji divini tiegħu jiġu pproklamati fl-art kollha bħala xhieda permezz tal-kampanja taʼ ppridkar l-iktar estensiva fl-istorja kollha, u b’hekk wettaq il-profezija taʼ Ġesù f’Mattew 24:14. Fi żmien qasir, “[i]t-tmiem” irid jiġi, meta Jehovah se juri l-kobor tiegħu fuq skala li qatt ma kien hemm hawn bħalha qabel billi ma jħalli ebda traċċa taʼ ħażen fuq l-art. (Salm 145:20) Imbagħad il-għanja taʼ Mosè u l-għanja tal-Ħaruf se jilħqu l-ogħla grad: “Kbar u tal-għaġeb huma ix-xogħlijiet tiegħek, Alla Jehovah, li Tistaʼ Kollox. Ta tjieba u veri huma mogħdijietek, Sultan tal-eternità. Min mhux tassew se jibżaʼ minnek, Jehovah, u jigglorifika lil ismek, għaliex int waħdek inti leali?”—Rivelazzjoni 15:3, 4.
20 Jalla aħna min-naħa tagħna nkunu żelużi f’li nitkellmu maʼ oħrajn dwar dawn il-għanijiet tal-għaġeb t’Alla. (Qabbel Atti 2:11.) Jehovah se jkompli jagħmel affarijiet kbar u tal-għaġeb fi żmienna u fil-futur, kif l-artiklu li jmiss tagħna se jiddeskrivi.
[Noti taʼ taħt]
a Kummentarju tal-Bibbja tal-1874 jikkwota lil Andrew A. Bonar bħala li qal: “Kien hemm ħafna, bosta, mill-karattru distint t’Alla, l-isem glorjuż tiegħu, irrivelat fil-għeluq tal-aħħar Salm [85]. Din tistaʼ tkun ir-raġuni għala ġie segwit minn ieħor, ‘Talba taʼ David’, kważi daqstant mimli bil-karattru taʼ Jehovah. Il-punt prinċipali taʼ dan is-Salm [86] huwa l-isem taʼ Jehovah.”
b Ara paġna 28 tal-ħarġa tat-22 taʼ Ġunju, 1984, tal-Awake! ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
c Għal dettalji, ara t-tabella “1992 Service Year Report of Jehovah’s Witnesses Worldwide,” li se tidher fil-ħarġa tal-1 taʼ Jannar, 1993, taʼ The Watchtower.
Tiftakar
◻ It-talba taʼ Salm 86 għala għandna nagħmluha t-talba persunali tagħna?
◻ Kif nistgħu nsibu l-intimità maʼ Jehovah?
◻ Jehovah kif jesprimi t-tjubija tiegħu lejna?
◻ X’inhuma xi ftit mix-xogħlijiet taʼ Jehovah li xejn ma jistaʼ jitqabbel magħhom?
◻ Jehovah kif inhu ‘Alla waħdu’ f’dak li hu kobor?
[Stampa f’paġna 8]
Fl-“art ġdida” li ġejja, ix-xogħlijiet tal-għaġeb taʼ Jehovah se jixhdu favur il-glorja u t-tjubija tiegħu