Jehovah—L-Akbar Eżempju taʼ Tjubija
“Faħħru lill-Mulej taʼ l-eżerċti, għax tajjeb il-Mulej.”—ĠEREMIJA 33:11.
1. Għala għandna nitqanqlu biex infaħħru lil Alla għat-tjubija tiegħu?
ALLA JEHOVAH huwa tajjeb f’sens assolut. “Kemm hi kbira [“t-tjubija,” NW] tiegħu!” esklama l-profeta Żakkarija. (Żakkarija 9:17, Karm Żammit) Tabilħaqq, it-tjubija hija riflessa f’kulma għamel Alla biex jipprepara l-art għat-tgawdija tagħna. (Ġenesi 1:31) Qatt ma nistgħu nifhmu l-liġijiet komplikati kollha li Alla uża meta ħalaq l-univers. (Koħèlet 3:11; 8:17) Imma l-ftit li nafu jqanqalna biex infaħħru lil Alla għat-tjubija tiegħu.
2. X’inhi t-tjubija?
2 X’inhi t-tjubija? Hija eċċellenza morali, jew virtù. madankollu, m’hijiex biss in-nuqqas taʼ kull ħażen. It-tjubija, waħda mill-frott taʼ l-ispirtu, hija kwalità pożittiva. (Galatin 5:22, 23, Saydon) Aħna nuru t-tjubija meta nagħmlu għemejjel tajbin u li huma taʼ benefiċċju għal oħrajn. F’din is-sistema t’affarijiet, dak li hu meqjus bħala tajjeb għal xi wħud jistaʼ jitqies bħala ħażin għal oħrajn. Madankollu, jekk irridu ngawdu l-paċi u l-hena, għandu jkun hemm biss livell wieħed taʼ tjubija. Min għandu d-dritt jistabbilixxi dan il-livell?
3. X’juri Ġenesi 2:16, 17 dwar il-livell tat-tjubija?
3 Alla huwa dak li jistabbilixxi l-livell tat-tjubija. Fil-bidu taʼ l-istorja tal-bniedem, kien Jehovah li kkmanda lill-ewwel bniedem: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tistaʼ tiekol, imma mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Iva, il-bnedmin għandhom jirrikorru għand il-Ħallieq tagħhom biex ikunu jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
Turija Mhix Mistħoqqa taʼ Tjubija
4. Alla x’għamel għall-umanità mindu dineb Adam?
4 Il-prospett tal-bniedem li jgħix fil-perfezzjoni għall-eternità kien mhedded meta Adam dineb u rrifjuta li jirrikonoxxi d-dritt t’Alla li jistabbilixxi l-livelli tat-tjubija. (Ġenesi 3:1-6) Madankollu, qabel ma Adam tweldulu t-tfal li wirtu d-dnub u l-mewt, Alla bassar li kellu jiġi Nisel perfett. Filwaqt li indirizza lis-“Serp tal-qedem,” Satana x-Xitan, Jehovah iddikjara: “Inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Apokalissi 12:9; Ġenesi 3:15) L-iskop taʼ Jehovah kien li jifdi l-umanità midinba. F’turija taʼ tjubija mhix mistħoqqa, Jehovah għamel tabilħaqq arranġament biex dawk li juru fidi b’mod attiv fis-sagrifiċċju taʼ fidwa li offra Ibnu l-għażiż ikunu jistgħu jsalvaw.—Mattew 20:28; Rumani 5:8, 12.
5. Għalkemm qalbna hi miġbuda lejn il-ħażen, għala nistgħu nuru xi ftit tat-tjubija?
5 M’għandniex xi ngħidu, minħabba d-dnub taʼ Adam, aħna writna qalb miġbuda lejn il-ħażen. (Ġenesi 8:21) B’ferħ, iżda, Jehovah jgħinna nuru xi ftit tat-tjubija. Il-fatt li nkomplu nagħmlu dak li tgħallimna mill-kitbiet imqaddsa u prezzjużi tiegħu mhux biss se ‘jagħtina l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni’ u ‘jħejjina għal kull ħidma tajba’ imma wkoll jgħinna nagħmlu dak li hu tajjeb f’għajnejh. (2 Timotju 3:14-17) Iżda, sabiex nibbenefikaw mit-tagħlim Skritturali u nuru t-tjubija, irid ikollna l-attitudni tas-salmista li kanta: “Twajjeb int [Jehovah], u l-ġid tagħmel; għallimni l-kmandamenti tiegħek.”—Salm 119:68.
It-Tjubija taʼ Jehovah Glorifikata
6. Wara li s-Sultan David ġiegħel li tinġieb l-arka tal-patt f’Ġerusalemm, il-Leviti kantaw għanja li kien fiha liema espressjoni?
6 Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem għaraf it-tjubija t’Alla u fittex il-gwida Tiegħu. “Tajjeb u sewwa l-Mulej,” qal David. “Għalhekk juri triqtu lill-ħatja.” (Salm 25:8) L-istruzzjoni divina li ngħatat lill-Iżraelin kienet tinkludi għaxar liġijiet importanti—l-Għaxar Kmandamenti—miktubin fuq żewġ twavel tal-ġebel u miżmumin f’kaxxa sagra msejħa l-arka tal-patt. Wara li David ġiegħel li l-Arka tinġieb f’Ġerusalemm, il-belt kapitali taʼ Iżrael, il-Leviti kantaw għanja li kien fiha din l-espressjoni: “Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, għax għal dejjem [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] tiegħu.” (1 Kronaki 16:34, 37-41) Min jaf kemm kien pjaċevoli li tismaʼ dan il-kliem ħiereġ minn fomm il-kantanti Leviti!
7. X’ġara wara li l-Arka tpoġġiet fil-post l-Iktar Qaddis u Salamun għamel it-talba tad-dedikazzjoni?
7 L-istess kliem taʼ tifħir kien enfasizzat matul id-dedikazzjoni tat-tempju taʼ Jehovah li nbena minn Salamun, bin David. Wara li l-arka tal-patt tpoġġiet fil-post l-Iktar Qaddis tat-tempju li kien għadu kemm inbena, il-Leviti bdew ifaħħru lil Jehovah, “għax hu tajjeb, għax għal dejjem [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] tiegħu.” F’dik l-okkażjoni, it-tempju mtela mirakolożament bi sħaba li ssimbolizzat il-preżenza glorjuża taʼ Jehovah. (2 Kronaki 5:13, 14) Wara t-talba taʼ dedikazzjoni li għamel Salamun, “niżel nar mis-sema u kkonsma s-sagrifiċċju tal-ħruq u l-vittmi.” Meta raw dan, “ulied Iżrael . . . inxteħtu lkoll wiċċhom għall-qiegħa taʼ l-art, qiemu u faħħru lill-Mulej: ‘Għax hu tajjeb u għal dejjem [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] tiegħu.’” (2 Kronaki 7:1-3) Wara festa li damet sejra 14-il ġurnata, l-Iżraelin marru lura lejn djarhom “kollhom ferħana u qalbhom hienja għall-ġid kollu li kien għamel il-Mulej maʼ David u maʼ Salamun u maʼ Iżrael, il-poplu tiegħu.”—2 Kronaki 7:10.
8, 9. (a) Għalkemm l-Iżraelin faħħru lil Jehovah għat-tjubija tiegħu, liema triq qabdu maż-żmien? (b) X’kien imbassar dwar Ġerusalemm permezz taʼ Ġeremija, u kif twettqet dik il-profezija?
8 B’sogħba, l-Iżraelin ma komplewx jgħixu fi qbil maʼ l-għanjiet taʼ tifħir tagħhom lil Alla. Maż-żmien, in-nies taʼ Ġuda gglorifikaw lil Jehovah b’xofftejhom biss. (Isaija 29:13) Minflok ma għexu fi qbil mal-livelli taʼ tjubija t’Alla, huma bdew jagħmlu dak li hu ħażin. U fiex kien jikkonsisti l-ħażen tagħhom? Huma saru ħatja taʼ idolatrija, immoralità, moħqrija lejn il-fqar, u dnubiet gravi oħra! B’riżultat taʼ dan, fis-sena 607 Q.E.K., Ġerusalemm inqerdet u l-abitanti taʼ Ġuda ttieħdu fil-jasar f’Babilonja.
9 B’dan il-mod Alla ddixxiplina l-poplu tiegħu. Minkejja dan, permezz tal-profeta tiegħu Ġeremija, hu bassar li f’Ġerusalemm kellu jerġaʼ jinstemaʼ l-leħen taʼ dawk li jgħidu: “Faħħru lill-Mulej taʼ l-eżerċti, għax tajjeb il-Mulej, u [“l-qalb tajba bl-imħabba,” NW] tiegħu għal dejjem.” (Ġeremija 33:10, 11) U hekk ġara tabilħaqq. Wara li l-art kienet ilha 70 sena ħerba, fis-sena 537 Q.E.K., kien hemm fdal Lhudi li reġaʼ lura lejn Ġerusalemm. (Ġeremija 25:11; Danjel 9:1, 2) Huma reġgħu bnew artal fil-lok fejn kien hemm it-tempju fuq l-għolja taʼ Morija u hemmhekk bdew joffru s-sagrifiċċji. Il-pedament tat-tempju tqiegħed wara li kienu ilhom sentejn li ġew lura. Xi żmien eċċitanti! Esdra qal: “Meta l-bennejja qiegħdu s-sisien tat-tempju tal-Mulej, il-qassisin, libsin l-ilbies sagru, resqu bit-trombi, u l-Leviti, ulied Asaf, resqu biċ-ċimbali, biex ifaħħru lill-Mulej skond l-ordnijiet taʼ David, sultan taʼ Iżrael. U kantaw għanjiet taʼ tifħir u taʼ radd il-ħajr lill-Mulej ‘għax hu tajjeb, għax għal dejjem [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] tiegħu’ għal Iżrael.”—Esdra 3:1-11.
10. B’liema kliem sinifikanti jibda u jispiċċa Salm 118?
10 Espressjoni simili taʼ tifħir dwar it-tjubija taʼ Jehovah tidher f’għadd taʼ salmi. Fosthom insibu Salm 118, li l-familji Iżraelin kienu jkantawh biex jagħlqu bih iċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż. Dak is-salm jibda u jispiċċa bil-kliem: “Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb, għax għal dejjem [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] tiegħu!” (Salm 118:1, 29) X’aktarx li dan kien l-aħħar kliem taʼ tifħir li Ġesù Kristu kanta maʼ l-appostli leali tiegħu fil-lejl qabel ma miet fis-sena 33 E.K.—Mattew 26:30.
“Ħallini, Nitolbok, Nara l-Glorja Tiegħek”
11, 12. Liema dikjarazzjoni semaʼ Mosè meta ngħata ħjiel dwar il-glorja t’Alla?
11 L-ewwel darba li saret konnessjoni bejn it-tjubija taʼ Jehovah u l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu kien sekli sħaħ qabel Esdra. Dan ġara ftit taż-żmien wara li l-Iżraelin kienu qiemu l-għoġol tad-deheb fid-deżert u dawk li għamlu l-ħażen inqatlu. Mosè talab bil-ħrara lil Jehovah: “Ħallini, nitolbok, nara l-glorja tiegħek.” Billi għaraf li Mosè ma setax jara wiċċ Alla u jibqaʼ ħaj, Jehovah qal: “Jiena ngħaddi tjubiti kollha minn quddiemek.”—Eżodu 33:13-20.
12 It-tjubija taʼ Jehovah għaddiet minn quddiem Mosè l-għada fuq il-Muntanja Sinaj. Dak il-ħin Mosè ngħata ħjiel tal-glorja t’Alla u semaʼ din id-dikjarazzjoni: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn [“mimli ħniena u grazzjuż,” NW]; tqil biex jagħdab u kbir [“fil-qalb tajba bl-imħabba u l-verità,” NW]. Iħares [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija; imma ma jħalli xejn għaddej; jikkastiga l-ħażen tal-missirijiet f’uliedhom u f’ulied uliedhom sat-tielet u r-rabaʼ ġenerazzjoni.” (Eżodu 34:6, 7) Dan il-kliem jindika li t-tjubija taʼ Jehovah hi marbuta mal-qalb tajba bl-imħabba u aspetti oħra tal-personalità tiegħu. Li nikkunsidraw dawn l-aspetti se jgħinna nuru t-tjubija. L-ewwel, ejja nikkunsidraw il-kwalità li hi msemmija darbtejn f’din id-dikjarazzjoni meraviljuża dwar it-tjubija t’Alla.
Alla Abbundanti fil-Qalb Tajba bl-Imħabba
13. Fid-dikjarazzjoni dwar it-tjubija t’Alla, liema kwalità hija msemmija darbtejn, u dan għala huwa xieraq?
13 ‘Jehovah hu Alla kbir fil-qalb tajba bl-imħabba, . . . iħares il-qalb tajba bl-imħabba għal elf ġenerazzjoni.’ Il-kelma Ebrajka tradotta “qalb tajba bl-imħabba” tfisser ukoll “imħabba leali.” Din hija l-unika kwalità li hi mniżżla darbtejn fid-dikjarazzjoni li Alla għamel lil Mosè. Kemm hu xieraq dan, ladarba l-imħabba hija l-kwalità li tispikka taʼ Jehovah! (1 Ġwann 4:8) L-espressjoni magħrufa sew taʼ tifħir lil Jehovah “għax hu tajjeb u għal dejjem [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] tiegħu” tenfasizza din il-kwalità.
14. Min se jgawdi b’mod speċjali t-tjubija t’Alla u l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu?
14 Wieħed mill-modi kif Jehovah juri t-tjubija tiegħu huwa permezz taʼ l-abbundanza tal-qalb tajba bl-imħabba tiegħu. Dan jidher speċjalment fil-mod teneru li bih jieħu ħsieb il-qaddejja dedikati u leali tiegħu. (1 Pietru 5:6, 7) Bħalma jistgħu jixhdu x-Xhieda taʼ Jehovah, hu qed jippreserva l-qalb tajba bl-imħabba għal dawk li jħobbuh u jaqduh. (Eżodu 20:6) Il-ġens taʼ Iżrael naturali ma baqax jesperjenza il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah, jew l-imħabba leali, għaliex dan il-ġens ċaħad lil Ibnu. Imma t-tjubija t’Alla u l-imħabba leali tiegħu lejn il-Kristjani leali minn kull nazzjon se tibqaʼ għal dejjem.—Ġwann 3:36.
Jehovah—Ħanin u Grazzjuż
15. (a) B’liema kliem bdiet id-dikjarazzjoni li semaʼ Mosè fuq il-Muntanja Sinaj? (b) Il-ħniena x’’tinvolvi?
15 Id-dikjarazzjoni li Mosè semaʼ fuq il-Muntanja Sinaj bdiet b’din l-espressjoni: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn [“mimli ħniena u grazzjuż,” “NW”].” Il-kelma Ebrajka tradotta “ħniena” tistaʼ tirreferi għall-“imsaren” u hija marbuta ħafna mal-kelma “ġuf.” Għalhekk, il-ħniena tinvolvi s-sentimenti taʼ mogħdrija tenera li wieħed ikollu fil-fond taʼ qalbu. Imma l-ħniena m’hijiex biss dispjaċir ġenwin. Din għandha tqanqalna biex nagħmlu xi ħaġa biex intaffu t-tbatija taʼ ħaddieħor. Per eżempju, l-anzjani Kristjani kollhom imħabba jaraw il-bżonn li juru ħniena lejn sħabhom fit-twemmin, u meta jkun xieraq ‘jagħmlu dan bil-ferħ.’—Rumani 12:8; Ġakbu 2:13; Ġuda 22, 23.
16. Għala nistgħu ngħidu li Jehovah huwa grazzjuż?
16 It-tjubija t’Alla tintwera wkoll fil-ħlewwa tiegħu. Wieħed li jkun ħelu, jew grazzjuż, juri li verament jagħti kas is-sentimenti t’oħrajn, u juri qalb tajba speċjalment maʼ wħud inferjuri b’mod li jġagħlek tħobbu. Jehovah jagħti l-aqwa eżempju taʼ ħlewwa meta jittratta mal-qaddejja leali tiegħu. Per eżempju, permezz taʼ l-anġli tiegħu, Alla bil-ħlewwa kollha saħħaħ lill-profeta xwejjaħ Danjel u informa lit-tfajla verġni Marija dwar il-privileġġ li kien se jkollha li tiled lil Ġesù. (Danjel 10:19; Luqa 1:26-38) Bħala l-poplu taʼ Jehovah, aħna żgur li rridu napprezzaw il-mod grazzjuż li bih ikellimna permezz tal-paġni tal-Bibbja. Aħna nfaħħruh għal din it-turija taʼ tjubitu u nħabirku biex inkunu grazzjużi meta nittrattaw maʼ oħrajn. Meta dawk li għandhom kwalifiki spiritwali jipprovaw jgħinu lil xi ħadd taʼ l-istess twemmin “bi spirtu taʼ ħlewwa,” huma jipprovaw ikunu ġentili, u grazzjużi.—Galatin 6:1.
Alla Tqil biex Jagħdab
17. Għala aħna grati għall-fatt li Jehovah hu “tqil biex jagħdab”?
17 “Alla . . . tqil biex jagħdab.” Dan il-kliem jenfasizza aspett ieħor tat-tjubija taʼ Jehovah. Jehovah bil-paċenzja kollha jissaporti n-nuqqasijiet tagħna u jagħtina ċ-ċans biex negħlbu dgħjufijiet serji u nimxu ’l quddiem spiritwalment. (Lhud 5:12–6:3; Ġakbu 5:14, 15) Il-paċenzja t’Alla hija taʼ benefiċċju wkoll għal dawk li għadhom ma sarux adoraturi tiegħu. Huma għad għandhom iċ-ċans li jwieġbu għall-messaġġ tas-Saltna u jindmu. (Rumani 2:4) Madankollu, għalkemm Jehovah hu paċenzjuż, kultant it-tjubija tiegħu tqanqlu biex jesprimi r-rabja tiegħu, bħalma għamel meta l-Iżraelin qiemu l-għoġol tad-deheb biswit il-Muntanja Sinaj. Ir-rabja t’Alla dalwaqt se tintwera b’mod saħansitra akbar meta jġib fit-tmiem is-sistema mill-agħar taʼ Satana.—Eżekjel 38:19, 21-23.
18. Rigward il-verità, x’kuntrast hemm bejn Jehovah u l-mexxejja umani?
18 ‘Jehovah huwa kbir fil-verità.’ Kemm huwa differenti Jehovah mill-mexxejja umani! Dawn iwiegħdu ħafna affarijiet u mbagħad jonqsu li jwettquhom. Għall-kuntrarju, l-adoraturi taʼ Jehovah jistgħu joqogħdu fuq kulma jintqal fil-Kelma ispirata tiegħu. Ladarba Alla huwa kbir, jew abbundanti, fil-verità, jistaʼ dejjem ikollna fiduċja f’dak li jwiegħed. Fit-tjubija tiegħu, Missierna tas-sema ma jonqosx li jwieġeb it-talb tagħna għall-verità spiritwali u jipprovdilna dan b’mod abbundanti.—Salm 43:3; 65:3 (65:2, NW).
19. Liema turija taʼ tjubija li tispikka wera Jehovah lejn il-midinbin li jindmu?
19 ‘Jehovah hu Alla li jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija.’ Fit-tjubija tiegħu, Jehovah hu lest li jaħfer lill-midinbin li juru ndiema. Aħna żgur li grati ħafna li Missierna tas-sema kollu mħabba għamel provvediment għall-maħfra permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. (1 Ġwann 2:1, 2) Aħna tabilħaqq ferħanin li dawk kollha li juru fidi b’mod attiv fil-fidwa jistgħu jgawdu relazzjoni approvata maʼ Jehovah, bit-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida li wiegħed. Kemm għandna għalfejn infaħħru lil Jehovah għall-mod kif juri t-tjubija tiegħu mal-bnedmin!—2 Pietru 3:13.
20. Xi prova għandna li Alla ma jagħlaqx għajnejh għall-ħażen?
20 “Ma jħalli xejn għaddej.” Din fil-fatt hi raġuni oħra għala nfaħħru lil Jehovah għat-tjubija tiegħu. Għala? Għax aspett vitali tat-tjubija huwa li din bl-ebda mod ma tagħlaq għajnejha għall-ħażen. Iktar minn hekk, “dak in-nhar li l-Mulej Ġesù jfeġġ mis-smewwiet imdawwar bl-anġli tal-qawwa tiegħu,” se ssir vendetta fuq “dawk li ma jagħrfux lil Alla, u . . . dawk li ma jobdux l-Evanġelju.” Dawn se “jitħallsu bil-piena tat-telfien taʼ dejjem.” (2 Tessalonikin 1:6-9) Imbagħad, l-adoraturi taʼ Jehovah li jibqgħu ħajjin se jgawdu l-ħajja bis-sħiħ mingħajr ma jiġu mfixkla mill-bnedmin li ma jimpurtahomx minn Alla u li m’għandhomx “imħabba għat-tajjeb.”—2 Timotju 3:1-3.
Imita t-Tjubija taʼ Jehovah
21. Għala għandna nuru t-tjubija?
21 Bla dubju, għandna ħafna raġunijiet biex infaħħru u nirringrazzjaw lil Jehovah għat-tjubija tiegħu. Bħala l-qaddejja tiegħu, m’għandniex aħna nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nuru din il-kwalità? Iva, għax l-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba.” (Efesin 5:1) Missierna tas-sema juri t-tjubija l-ħin kollu, u hekk għandna nagħmlu aħna.
22. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
22 Jekk aħna dedikati b’qalbna kollha lil Jehovah, bla dubju nixtiequ li nimitaw it-tjubija tiegħu bil-ħeġġa kollha. Ladarba aħna d-dixxendenti tal-midneb Adam, m’huwiex faċli li nagħmlu dak li hu tajjeb. Madankollu, fl-artiklu li jmiss, se naraw kif inhu possibbli li aħna nuru t-tjubija. Se nikkunsidraw ukoll diversi modi kif nistgħu nimitaw lil Jehovah—l-aqwa eżempju taʼ tjubija—u kif għandna nagħmlu dan.
Int Kif Twieġeb?
• X’inhi t-tjubija?
• Liema espressjoni Skritturali tenfasizza t-tjubija taʼ Jehovah?
• X’inhuma xi modi kif tintwera t-tjubija taʼ Jehovah?
• Għala għandna nimitaw l-eżempju taʼ Jehovah f’dik li hi tjubija?
[Stampa f’paġna 12]
Jehovah iddixxiplina ’l-poplu tiegħu tal-qedem għaliex huma m’għexux fi qbil maʼ l-espressjonijiet taʼ tifħir tagħhom
[Stampa f’paġna 12]
Fdal leali reġaʼ lura lejn Ġerusalemm
[Stampa f’paġna 13]
Mosè semaʼ dikjarazzjoni taʼ l-għaġeb dwar it-tjubija taʼ Jehovah
[Stampa f’paġna 15]
It-tjubija taʼ Jehovah tidher fil-mod kif hu jkellimna permezz tal-paġni tal-Bibbja