LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 8/1 pp. 21-26
  • Jehovah Hu Raġonevoli!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Hu Raġonevoli!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah​—L-​Iktar Esseri Addattabbli Fl-​Univers
  • Ir-​Raġonevolezza​—Marka Taʼ Għerf Divin
  • ‘Lest Li Jaħfer’
  • Ibiddel Il-​Korsa Hekk Kif Jinqalgħu Ċirkostanzi Ġodda
  • Ir-​Raġonevolezza Fl-​Eżerċitar Taʼ L-​Awtorità
  • “Għaref f’qalbu”—Imma umli
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Ikkultiva r-Raġonevolezza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Imita lil Ġeħova—Kun Raġonevoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Apprezza l-Ġenerożità u r-Raġunevolezza ta’ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 8/1 pp. 21-26

Jehovah Hu Raġonevoli!

“L-​għerf minn fuq huwa . . . raġonevoli.”—ĠAKBU 3:17.

1. Xi wħud kif taw stampa t’Alla bħala li mhux raġonevoli, u kif tħossok int dwar opinjoni bħal din dwar Alla?

LIEMA xorta taʼ Alla tqim int? Temmen int li hu Alla taʼ ġustizzja stretta u inflessibbli, aħrax u riġidu fit-​temperament tiegħu? Għar-​riformista Protestant John Calvin, bil-​fors li Alla kien jidher b’dak il-​mod. Calvin sostna li Alla għandu “pjan etern u li ma jitbiddilx” rigward kull individwu, billi jaħtar bil-​quddiem għal kull wieħed jekk huwiex se jgħix għal dejjem fl-​hena jew jekk jiġix itturmentat għall-​eternità fin-​nar taʼ l-​infern. Immaġina: Li kieku dan kien veru, tagħmel x’tagħmel, u tipprova kemm tipprova b’mod iebes, qatt ma jkun jistaʼ jbiddel il-​pjan riġidu u li jibqaʼ għal dejjem t’Alla dwarek u dwar il-​futur tiegħek. Kont tinġibed int lejn Alla bħal dan li mhux raġonevoli?—Qabbel Ġakbu 4:8.

2, 3. (a) Kif nistgħu nagħtu eżempju taʼ l-​irraġonevolezza taʼ l-​istituzzjonijiet u l-​organizzazzjonijiet umani? (b) Il-​viżjoni taʼ Eżekjel dwar il-​karru ċelestjali taʼ Jehovah kif tirrivela l-​kapaċità Tiegħu li jaddatta ruħu?

2 Kemm aħna sollevati li nitgħallmu li Alla tal-​Bibbja hu raġonevoli b’mod eminenti! Mhux Alla imma l-​bnedmin li għandhom it-​tendenza li jkunu riġidi u inflessibbli, illimitati mill-​imperfezzjonijiet tagħhom stess. Organizzazzjonijiet umani jistgħu ma jkunux faċli biex wieħed jimmaniġġahom bħall-​ferroviji tal-​merkanzija. Meta ferrovija ġganteska tal-​merkanzija tkun qed tavviċina xi intopp fuq il-​linji, li ddur huwa impossibbli, u li tieqaf m’huwiex daqstant faċli. Xi ferroviji tant ikunu għaddejjin b’ħeffa li jieħdu iktar minn mil biex jieqfu wara li jiġu applikati l-​brejkijiet! Bl-​istess mod, tanker kbir ħafna jistaʼ jibqaʼ għaddej għal xi ħames mili matul il-​kosta wara li jkunu ntfew il-​magni. Avolja jitħaddmu bil-​kontra, jistaʼ xorta waħda jibqaʼ għaddej għal żewġ mili! Imma issa ikkunsidra vettura bil-​wisq iktar impressjonanti minn dawn it-​tnejn, waħda li tirrappreżenta l-​organizzazzjoni t’Alla.

3 Iktar minn 2,600 sena ilu, Jehovah ta lill-​profeta Eżekjel viżjoni li tat stampa taʼ l-​organizzazzjoni Tiegħu tas-​sema taʼ ħlejjaq spirti. Kien karru taʼ proporzjonijiet li jqanqlu stagħġib profond, il-​“vettura” taʼ Jehovah innifsu dejjem taħt il-​kontroll tiegħu. Ferm interessanti kien il-​mod kif tħarrek. Ir-​roti ġganteski kellhom erbaʼ naħat u kienu mimlijin bl-​għajnejn, sabiex ikunu jistgħu jaraw kullimkien u jkunu jistgħu jbiddlu d-​direzzjoni fil-​pront, mingħajr ma jieqfu jew iduru. U din il-​vettura ġganteska ma kellhiex għalfejn tibqaʼ titkaxkar bħal tanker kbir ħafna jew ferrovija tal-​merkanzija. Setgħet tiċċaqlaq bil-​veloċità taʼ sajjetta, saħansitra billi tagħmel dawrien taʼ disgħin grad! (Eżekjel 1:1, 14-28) Jehovah hu daqstant differenti minn dak Alla li Calvin ippriedka dwaru daqskemm huwa differenti l-​karru Tiegħu mill-​inġenji bla grazzja magħmulin mill-​bniedem. Hu perfettament addattabbli. Li napprezzaw dan l-​aspett tal-​personalità taʼ Jehovah għandu jgħinna biex nibqgħu addattabbli u nevitaw in-​nasba taʼ li ma nkunux raġonevoli.

Jehovah​—L-​Iktar Esseri Addattabbli Fl-​Univers

4. (a) L-​istess isem taʼ Jehovah b’liema mod jirrivelah li hu Alla addattabbli? (b) X’inhuma xi wħud mit-​titli applikati lil Alla Jehovah, u għala tant jixirqu?

4 L-​isem innifsu taʼ Jehovah jagħti indikazzjoni taʼ kemm hu addattabbli. “Jehovah” litteralment tfisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” Dan b’mod evidenti jfisser li Jehovah jikkaġuna lilu nnifsu biex isir Dak li Jwettaq il-​wegħdi tiegħu kollha. Meta Mosè staqsa lil Alla għal ismu, Jehovah elabora dwar it-​tifsira tiegħu b’dan il-​mod: “Jien se nagħti prova li nkun dak li se nagħti prova li nkun.” (Eżodu 3:14) It-​traduzzjoni taʼ Rotherham tpoġġiha b’mod li jispikka: “Jien Se Nsir dak kollu li jogħġobni.” Jehovah jagħti prova li jkun, jew jagħżel li jsir, kwalunkwe ħaġa meħtieġa biex iwettaq l-​iskopijiet u l-​wegħdi tiegħu taʼ tjieba. B’hekk, hu jippossjedi varjetà impressjonanti taʼ titli, bħal Ħallieq, Missier, Mulej Sovran, Ragħaj, Jehovah taʼ l-​armati, Semmiegħ it-​talb, Imħallef, Għalliem Grandjuż, Xerrej Mill-​Ġdid. Hu kkaġuna lilu nnifsu li jsir dawn kollha u iktar sabiex iwettaq l-​iskopijiet taʼ mħabba tiegħu.—Isaija 8:13; 30:20; 40:28; 41:14; Salm 23:1; 65:2; 73:28; 89:26; Imħallfin 11:27; ara wkoll in-​New World Translation, Appendiċi 1J.

5. Għala m’għandniex nikkonkludu li l-​kapaċità taʼ Jehovah li jaddatta ruħu tagħti indikazzjoni li n-​natura jew il-​livelli tiegħu jinbiddlu?

5 Ifisser dan, allura, li n-​natura jew il-​livelli t’Alla jinbiddlu? Le; kif ipoġġiha Ġakbu 1:17, “miegħu m’hemmx varjazzjoni tad-​dawrien tad-​dell.” Hemm xi kontradizzjoni f’dan? Xejn affattu. Per eżempju, liema ġenitur li jħobb ma jbiddilx lir-​rwol biex jibbenefika lit-​tfal? Matul ġurnata waħda, ġenitur jistaʼ jkun wieħed li jagħti l-​pariri, kok, seftur, għalliem, dixxiplinarju, ħabib, mekkanik, u infermier​—il-​lista tkompli u tkompli. Il-​ġenitur ma jbiddilx il-​personalità meta jassumi dawn lir-​rwol; hu (hi) sempliċement jaddatta għall-​ħtiġijiet kurrenti. Hekk ukoll jagħmel Jehovah imma fuq skala bil-​wisq iktar grandjuża. M’hemmx limitu għal dak li jistaʼ jikkaġuna lilu nnifsu li jsir biex jibbenefika lill-​ħlejjaq tiegħu. Il-​fond taʼ l-​għerf tiegħu huwa tabilħaqq bla limiti!—Rumani 11:33.

Ir-​Raġonevolezza​—Marka Taʼ Għerf Divin

6. X’inhuma t-​tifsir u l-​implikazzjonijiet litterali tal-​kelma Griega li Ġakbu uża f’li jiddeskrivi l-​għerf divin?

6 Id-​dixxiplu Ġakbu uża kelma interessanti biex jiddeskrivi l-​għerf taʼ dan Alla li hu addattabbli b’mod suprem. Hu kiteb: “L-​għerf minn fuq huwa . . . raġonevoli.” (Ġakbu 3:17) Il-​kelma Griega li uża hawn (e·pi·ei·kesʹ) hija diffiċli biex tittraduċi. It-​tradutturi użaw kliem bħal “ġentili,” “tolleranti,” “iżomm lura,” u “juri konsiderazzjoni.” In-​New World Translation tagħtiha bħala “raġonevoli,” b’nota taʼ taħt li tindika illi t-​tifsira litterali hija “li ċċedi.”a Il-​kelma ġġorr ukoll is-​sens taʼ li wieħed ma jinsistix fuq kull ittra tal-​liġi, li ma jkunx strett jew iebes iżżejjed. L-​istudjuż William Barclay jikkummenta fin-​New Testament Words: “Il-​ħaġa bażika u fundamentali dwar epieikeia hi li din toriġina m’Alla. Li kieku Alla waqaf għad-​drittijiet tiegħu, li kieku Alla ma applikax għalina xejn ħlief il-​livelli riġidi tal-​liġi, fejn konna nkunu aħna? Alla hu l-​eżempju suprem taʼ wieħed li hu epieikēs u li jittratta m’oħrajn b’epieikeia.”

7. Jehovah kif wera raġonevolezza fil-​ġnien taʼ Għeden?

7 Ikkunsidra ż-​żmien meta l-​umanità rribellat kontra s-​sovranità taʼ Jehovah. Kemm kien ikun faċli għal Alla li jgħaddi esekuzzjoni fuq dawk it-​tliet ribelli ingrati​—Adam, Eva, u Satana! Kemm uġigħ taʼ qalb setaʼ b’hekk iffranka lilu nnifsu! U min setaʼ jargumenta li ma kellu ebda dritt li jesiġi ġustizzja daqstant stretta? Xorta waħda, Jehovah qatt ma jkollu lill-​organizzazzjoni tiegħu bħal karru ċelestjali ristretta f’xi livell riġidu u mhux addattabbli taʼ ġustizzja. Mela dak il-​karru ma nqalibx u għaffeġ taħtu lill-​familja umana u l-​prospetti kollha għall-​futur hieni taʼ l-​umanità. Għall-kuntrarju, Jehovah immanuvra l-​karru tiegħu b’ħeffa bħal dik taʼ sajjetta. Immedjatament wara l-​irvell, Alla Jehovah wera skop li jwassal fit-​tul u li offra ħniena u tama lid-​dixxendenti kollha taʼ Adam.—Ġenesi 3:15.

8. (a) L-​opinjoni żbaljata tal-​Kristjaneżmu dwar ir-​raġonevolezza kif inhi f’kuntrast mar-​raġonevolezza ġenwina taʼ Jehovah? (b) Għala nistgħu ngħidu li r-​raġonevolezza taʼ Jehovah ma tagħtix indikazzjoni li hu jistaʼ jagħmel kompromess fejn jidħlu prinċipji divini?

8 Ir-​raġonevolezza taʼ Jehovah, madankollu, ma tagħtix indikazzjoni li jistaʼ jagħmel kompromess fejn jidħlu prinċipji divini. Il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu taʼ żmienna forsi jaħsbu li qegħdin ikunu raġonevoli meta jagħlqu għajn waħda għall-​immoralità sempliċement biex jinħabbu mal-​merħliet żvijati tagħhom. (Qabbel 2 Timotew 4:3.) Jehovah qatt ma jikser il-​liġijiet tiegħu stess, lanqas ma jagħmel kompromess fejn jidħlu l-​prinċipji tiegħu. Minflok, hu juri rieda li jċedi, li jaddatta għaċ-​ċirkostanzi, sabiex dawk il-​prinċipji jistgħu jiġu applikati kemm b’ġustizzja kif ukoll bi ħniena. Hu dejjem attent li jibbilanċja l-​eżerċitar tiegħu taʼ ġustizzja u qawwa maʼ l-​imħabba u l-​għerf raġonevoli tiegħu. Ejjew nikkunsidraw tliet modi li fihom Jehovah juri r-​raġonevolezza.

‘Lest Li Jaħfer’

9, 10. (a) Li wieħed ikun ‘lest li jaħfer’ x’għandu x’jaqsam mar-​raġonevolezza? (b) David kif ibbenefika mill-​fatt li Jehovah kien lest li jaħfer, u għala?

9 David kiteb: “Għax int, O Jehovah, tajjeb u lest li taħfer; u l-​qalb tajba bl-​imħabba lejn dawk kollha li qegħdin jirrikorru għandek hi abbundanti.” (Salm 86:5) Meta ġiet tradotta l-​Iskrittura Ebrajka għall-​Grieg, il-​kelma għal “lest li taħfer” ġiet maqluba e·pi·ei·kesʹ, jew “raġonevoli.” Tabilħaqq, li tkun lest li taħfer u turi ħniena huwa forsi l-​mod prinċipali biex turi r-​raġonevolezza.

10 David innifsu kien jaf tajjeb dwar kemm Jehovah hu raġonevoli f’dan ir-​rigward. Meta David ikkommetta l-​adulterju maʼ Batxeba u rranġa sabiex żewġha jiġi maqtul, kemm hu kif ukoll Batxeba kien ħaqqhom il-​piena tal-​mewt. (Dewteronomju 22:22; 2 Samwel 11:2-27) Li kieku mħallfin umani riġidi kienu ttrattaw il-​każ, it-​tnejn li huma setgħu tilfu ħajjiethom. Imma Jehovah wera raġonevolezza (e·pi·ei·kesʹ), li, kif ipoġġiha Vine’s Expository Dictionary of Biblical Words, “tesprimi dik il-​konsiderezza li tħares ‘b’mod umanitarju u raġonevoli lejn il-​fatti taʼ xi każ.’” Il-​fatti li influwenzaw lid-​deċiżjoni kollha ħniena taʼ Jehovah x’aktarx li inkludew l-​indiema sinċiera taʼ dawk li għamlu l-​ħażen u l-​ħniena li David innifsu kien qabel wera maʼ oħrajn. (1 Samwel 24:4-6; 25:32-35; 26:7-11; Mattew 5:7; Ġakbu 2:13) Madankollu, fi qbil mad-​deskrizzjoni taʼ Jehovah tiegħu innifsu f’​Eżodu 34:4-7, kien raġonevoli li Jehovah kellu jagħti korrezzjoni lil David. Hu bagħat lill-​profeta Natan għand David b’messaġġ iebes, billi impressjona fuq David il-​fatt li hu kien stmerr il-​kelma taʼ Jehovah. David nidem u għalhekk ma mietx minħabba d-​dnub tiegħu.—2 Samwel 12:1-14.

11. Jehovah kif wera li kien lest li jaħfer fil-​każ taʼ Manasse?

11 L-​eżempju tas-​Sultan Manasse taʼ Ġuda huwa iktar straordinarju f’dan ir-​rigward, ladarba Manasse, kuntrarju għal David, kien għalkollox mill-​agħar għal żmien twil. Manasse ppromwova prattiċi reliġjużi moqżieża fil-​pajjiż, inkluż is-​sagrifiċċju uman. Hu setaʼ kien responsabbli wkoll għal li ġiegħel li l-​profeta Isaija jiġi “sserrat min-​nofs.” (Ebrej 11:37) Biex jikkastiga lil Manasse, Jehovah ħallieh jiġi meħud bħala rsir lejn Babilonja. Madankollu, Manasse nidem fil-​ħabs u talab għal ħniena. B’risposta għal din l-​indiema sinċiera, Jehovah kien ‘lest li jaħfer’​—saħansitra f’dan il-​każ estrem.—2 Kronaki 33:9-13.

Ibiddel Il-​Korsa Hekk Kif Jinqalgħu Ċirkostanzi Ġodda

12, 13. (a) Fil-​każ taʼ Nineve, liema bidla fiċ-​ċirkostanzi qanqlet lil Jehovah biex ibiddel il-​korsa? (b) Ġona kif ta prova li kien inqas raġonevoli minn Alla Jehovah?

12 Ir-​raġonevolezza taʼ Jehovah tidher ukoll fir-​rieda tiegħu li jbiddel korsa taʼ azzjoni kkontemplata minnu hekk kif jinqalgħu ċirkostanzi ġodda. Per eżempju, meta l-​profeta Ġona mmarċja minn ġot-​toroq taʼ Nineve l-​antika, il-​messaġġ imnebbaħ tiegħu kien sempliċi għall-​aħħar: Il-​belt setgħana kienet se tiġi meqruda fi żmien 40 jum. Madankollu, iċ-​ċirkostanzi nbiddlu​—b’mod drammatiku! In-​Nineviti nidmu.​—Ġona, kapitlu 3.

13 Huwa istruttiv li tagħmel kuntrast bejn kif irreaġixxew Jehovah u Ġona għal din il-​bidla fil-​ġrajjiet. Jehovah fil-​fatt biddel il-​korsa tal-​karru ċelestjali tiegħu. F’din iċ-​ċirkostanza hu addatta ruħu, billi kkaġuna lilu nnifsu li jsir wieħed li jaħfer id-​dnubiet minflok “persuna vigoruża tal-​gwerra.” (Eżodu 15:3) Ġona, mill-​banda l-​oħra, kien ferm inqas flessibbli. Minflok ma żamm il-​pass mal-​karru taʼ Jehovah, aġixxa iktar bħall-​ferrovija tal-​merkanzija jew it-​tanker il-​kbir li ssemmew qabel. Kien ipproklama kundanna, mela kundanna trid tkun! Forsi ħass li xi tibdil fil-​korsa kien se jħammarlu wiċċu f’għajnejn in-​Nineviti. Bil-​paċenzja kollha, iżda, Jehovah għallem lill-​profeta stinat tiegħu lezzjoni memorabbli dwar ir-​raġonevolezza u l-​ħniena.—Ġona, kapitlu 4.

14. Jehovah għala biddel il-​korsa taʼ azzjoni tiegħu rigward il-​profeta tiegħu Eżekjel?

14 Jehovah biddel il-​korsa f’okkażjonijiet oħrajn​—saħansitra minħabba kwistjonijiet relattivament żgħar. Per eżempju, darba meta ħatar lill-​profeta Eżekjel biex jirreċta drama profetika, l-​istruzzjonijiet taʼ Jehovah inkludew direttiva biex Eżekjel isajjar l-​ikel tiegħu fuq nar imkebbes mill-​ħmieġ tal-​bniedem. Dan kien sempliċement iżżejjed għall-​profeta li għajjat, “Jaħasra, O Sovran Mulej Jehovah!” u ttallab biex ma jiġix mitlub jagħmel xi ħaġa li kienet tant moqżieża għalih. Jehovah ma warrabx is-​sentimenti tal-​profeta bħala li ma kinux razzjonali; minflok, Hu ħalla lil Eżekjel juża l-​ħmieġ taʼ l-​annimali, sors komuni għat-​tkebbis tan-​nar f’ħafna artijiet sal-​lum.—Eżekjel 4:12-15.

15. (a) Liema eżempji juru li Jehovah dejjem ried li jismaʼ u jirrispondi lill-​bnedmin? (b) Liema lezzjoni jistaʼ dan jgħallimna?

15 Ma jqanqalx il-​qalb li nikkontemplaw dwar l-​umiltà t’Alla tagħna Jehovah? (Salm 18:35) Hu bil-​wisq ogħla minna; madankollu jismaʼ bil-​paċenzja lill-​bnedmin imperfetti u saħansitra jbiddel il-​korsa tiegħu kif ikun xi drabi meħtieġ. Hu ħalla lil Abraham jappella miegħu fit-​tul dwar il-​qerda taʼ Sodom u Gomorra. (Ġenesi 18:23-33) U ħalla lil Mosè jqajjem oġġezzjonijiet għall-​proposta Tiegħu biex jeqred lill-​Iżraeliti ribellużi u minflok jagħmel ġens setgħan minn Mosè. (Eżodu 32:7-14; Dewteronomju 9:14, 19; qabbel Amos 7:1-6.) Hu b’hekk waqqaf eżempju perfett għall-​qaddejja umani tiegħu, li għandhom juru prontezza simili biex jisimgħu lil oħrajn meta huwa raġonevoli u possibbli li jagħmlu hekk.—Qabbel Ġakbu 1:19.

Ir-​Raġonevolezza Fl-​Eżerċitar Taʼ L-​Awtorità

16. Jehovah kif inhu differenti minn ħafna bnedmin fil-​mod kif jeżerċita l-​awtorità tiegħu?

16 Qatt innotajt li hekk kif individwi jakkwistaw iktar awtorità, ħafna jidhru li qegħdin isiru inqas raġonevoli? Jehovah, f’kuntrast, għandu l-​ogħla pożizzjoni taʼ awtorità fl-​univers, u madankollu hu l-​eżempju aħħari tar-​raġonevolezza. Hu jeżerċita l-​awtorità tiegħu b’mod raġonevoli li ma jistax ifalli. Kuntrarju għal ħafna bnedmin, Jehovah mhux indeċiż dwar l-​awtorità tiegħu, u għalhekk ma jħossux imġiegħel li jħarisha b’ġelosija kbira​—bħal li kieku jekk jagħti naqra mill-​awtorità lil oħrajn jistaʼ b’xi mod jhedded lil dik tiegħu stess. Fil-​fatt, meta kien hemm biss esseri wieħed ieħor fl-​univers, Jehovah ta awtorità estensiva lil dak il-​wieħed. Hu għamel lil Logos l-​“[i]mgħallem” tiegħu, billi minn dak in-​nhar ’il quddiem ġab l-​affarijiet kollha f’eżistenza permezz taʼ dan Ibnu l-​maħbub. (Proverbji 8:22, 29-31; Ġwann 1:1-3, 14; Kolossin 1:15-17) Iktar tard iddelegalu “kull awtorità . . . fis-​sema u fuq l-​art.”—Mattew 28:18; Ġwann 5:22.

17, 18. (a) Jehovah għala bagħat l-​anġli f’Sodom u Gomorra? (b) Jehovah għala staqsa lill-​anġli għal suġġerimenti dwar kif setgħu jidħqu b’Aħab?

17 Bl-​istess mod, Jehovah jafda lil ħafna mill-​ħlejjaq tiegħu b’inkarigi li hu nnifsu setaʼ jimmaniġġa saħansitra aħjar. Per eżempju, meta qal lil Abraham, “Jien determinat għalkollox li ninżel [lejn Sodom u Gomorra] biex inkun nistaʼ nara jekk jaġixxux għalkollox skond l-​għajta minħabba fih li ġiet għandi,” ma riedx ifisser li kellu jmur hemm personalment. Minflok, Jehovah għażel li jiddelega awtorità, billi ħatar anġli biex jiġbru informazzjoni bħal din għalih. Hu tahom l-​awtorità biex imexxu din il-​missjoni sabiex isibu l-​fatti u jirrapportaw lura għandu.—Ġenesi 18:1-3, 20-22.

18 F’okkażjoni oħra, meta Jehovah iddeċieda li jesegwixxi s-​sentenza fuq is-​Sultan mill-​agħar Aħab, Hu stieden lill-​anġli f’assemblea tas-​sema biex joffru suġġerimenti dwar kif “jidħqu” b’dak is-​sultan apostata biex jissieħeb fil-​battalja li kellha ttemm lil ħajtu. Żgur li, Jehovah, is-​Sors taʼ kull għerf, ma kellux bżonn taʼ għajnuna biex joħroġ bl-​aħjar korsa taʼ azzjoni! Madankollu, hu ta d-​dinjità lill-​anġli permezz tal-​privileġġ taʼ li jipproponu soluzzjonijiet u l-​awtorità biex jaġixxu fuq il-​waħda li hu jkun għażel.—1 Slaten 22:19-22.

19. (a) Jehovah għala jillimita n-​numru taʼ liġijiet li jagħmel? (b) Jehovah kif juri lilu nnifsu raġonevoli rigward dak li jistenna minna?

19 Jehovah ma jużax l-​awtorità tiegħu biex jeżerċita kontroll iżżejjed fuq oħrajn. F’dan ukoll juri r-​raġonevolezza li m’hawnx bħalha. Hu bir-​reqqa jillimita n-​numru taʼ liġijiet li jagħmel u jipprojbixxi lill-​qaddejja tiegħu milli ‘jmorru lil hinn mill-​affarijiet miktubin’ billi jżidu liġijiet li jtaqqlu vvintati minnhom stess. (1 Korintin 4:6; Atti 15:28; agħmel kuntrast maʼ Mattew 23:4.) Hu qatt ma jirrikjedi ubbidjenza għamja mill-​ħlejjaq tiegħu, imma ġeneralment jipprovdi informazzjoni suffiċjenti biex tiggwidahom u jpoġġi l-​għażla quddiemhom, billi jħallihom ikunu jafu l-​benefiċċji jekk jobdu u l-​konsegwenzi jekk ma jobdux. (Dewteronomju 30:19, 20) Minflok ma jġiegħel lin-​nies jobdu minħabba l-​ħtija, l-​għajb, jew il-​biżaʼ, hu jfittex li jilħaq il-​qlub; irid lin-​nies jaqduh b’imħabba ġenwina minflok taʼ bil-​fors. (2 Korintin 9:7) Dan is-​servizz kollu li jsir b’ruħhom kollha jferraħ qalb Alla, u għalhekk mhux b’mod irraġonevoli xi wieħed li ‘diffiċli biex togħġbu.’—1 Pietru 2:18; Proverbji 27:11; qabbel Mikea 6:8.

20. Ir-​raġonevolezza taʼ Jehovah kif teffettwak?

20 M’huwiex straordinarju li Alla Jehovah, li għandu iktar poter minn kwalunkwe esseri ieħor fil-​ħolqien, qatt ma jeżerċita dak il-poter b’mod irraġonevoli, qatt ma jużah biex jintimida lil oħrajn? Madankollu, il-​bnedmin, li tant m’huma xejn meta mqabblin miegħu, għandhom storja taʼ dominanza fuq xulxin. (Ekkleżjasti 8:9) B’mod ċar, ir-​raġonevolezza hija kwalità prezzjuża, waħda li tqanqalna biex inħobbu lil Jehovah dejjem iktar. Dak, mill-​banda l-​oħra jistaʼ jqanqalna biex nikkultivaw din il-​kwalità aħna nfusna. Kif nistgħu nagħmlu hekk? L-​artiklu li jmiss se jittratta din il-​kwistjoni. (w94 8/1)

[Nota taʼ taħt]

a Lura fis-​sena 1769, il-​lessikografu John Parkhurst iddefinixxa l-​kelma bħala “li ċċedi, taʼ dispożizzjoni li ċċedi, ġentili, ħelu, paċenzjuż.” Studjużi oħrajn ukoll offrew “li ċċedi” bħala definizzjoni.

Kif Twieġeb Int?

◻ L-​isem taʼ Jehovah u l-​viżjoni tal-​karru ċelestjali tiegħu kif jenfasizzaw il-​kapaċità tiegħu li jaddatta ruħu?

◻ X’inhi r-​raġonevolezza, u għala hija marka taʼ għerf divin?

◻ Jehovah b’liema modi wera li hu ‘lest li jaħfer’?

◻ Jehovah għala għażel li jbiddel korsa kkontemplata taʼ azzjoni f’ċerti każi?

◻ Jehovah kif juri r-​raġonevolezza bil-​mod li bih jeżerċita l-​awtorità?

[Stampa f’paġna 22]

Jehovah għala ħafer lis-​Sultan mill-​agħar Manasse?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja