Ħajja Aħjar—Dalwaqt!
IMMAĠINA wieħed li jbassar it-temp u li t-tbassiriet tiegħu kważi dejjem iseħħu. Jekk hu jbassar waqt l-aħbarijiet taʼ fil-għaxija li se tagħmel ix-xita l-ġurnata taʼ wara, ma toqgħodx taħsibha biex tieħu l-umbrella miegħek meta titlaq mid-dar l-għada fil-għodu. Ir-rekord tal-passat tiegħu rebaħ il-fiduċja tiegħek. Int taġixxi fuq dak li jgħid hu.
Issa, kemm hija taʼ min joqgħod fuqha l-wegħda taʼ Jehovah taʼ ħajja aħjar fuq art magħmula ġenna? Sewwa, x’jindika r-rekord tal-passat tiegħu? It-twettieq taʼ profeziji tal-Bibbja jistabbilixxi b’mod ċar ir-rekord taʼ Jehovah. Hu Alla t’ eżattezza li ma tfallix u taʼ verità. (Ġożwe 23:14; Isaija 55:11) Tant huma taʼ min joqgħod fuqhom il-wegħdiet t’Alla Jehovah li xi drabi hu fil-fatt jitkellem dwar avvenimenti futuri mwegħdin bħal li kieku diġà seħħew. Per eżempju, wara l-wegħda tiegħu taʼ dinja ġdida fejn fiha l-mewt u l-vistu m’humiex se jkunu iktar, naqraw: “Magħmula huma [l-barkiet imwegħdin].” Fi kliem ieħor, “Huma Fatt!”—Apokalissi 21:5, 6.
Iva, it-twettieq tal-wegħdiet tal-passat taʼ Jehovah jagħtina fiduċja fit-twettieq tal-wegħda tiegħu taʼ ħajja aħjar għall-umanità. Imma meta se tiġi din il-ħajja aħjar?
Ħajja Aħjar—Meta?
Ħajja ħafna aħjar se tiġi dalwaqt! Nistgħu nibqgħu ċerti minn dak għax il-Bibbja tgħid li ħafna affarijiet ħżiena kellhom iseħħu fuq l-art eżatt qabel ma l-Ġenna kellha tintroduċi ħajja aħjar. Dawk l-affarijiet ħżiena qegħdin iseħħu issa.
Per eżempju, Ġesù Kristu bassar li kien se jkun hemm gwerer kbar. Hu qal: “Iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:7) Din il-profezija seħħet. Matul is-snin 1914 sa l-1945, kien hemm żewġ gwerer dinjin, u dawn ġew segwiti minn numru kbir taʼ gwerer oħrajn li fihom nazzjonijiet iġġieldu maʼ xulxin. “Fuq bażi taʼ medja kull sena, in-numru taʼ mwiet kaġun tal-gwerra f’dan il-perijodu [mit-II Gwerra Dinjija ’l hawn] kien iktar mid-doppju taʼ l-imwiet fis-seklu 19 u sebaʼ darbiet iktar milli fis-seklu 18.”—World Military and Social Expenditures 1993.
It-tixrid taʼ mard huwa evidenza oħra taʼ kemm ħajja aħjar fil-Ġenna hija qrib. Ġesù bassar li kien se jkun hemm ‘mard li jittieħed f’ħafna bnadi.’ (Luqa 21:11) Seħħet din il-profezija? Iva. Wara l-ewwel gwerra dinjija, l-influwenza Spanjola qatlet ’il fuq minn 20 miljun ruħ. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-kanċer, il-mard tal-qalb, il-malarja, l-AIDS, u mardiet oħrajn qatlu miljuni taʼ nies. F’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, mard li ġej minn ilma kkontaminat (inkluż dijarrea u infezzjonijiet taʼ dud fl-imsaren) jaħsdu miljuni taʼ ħajjiet kull sena.
Ġesù qal ukoll li kellu: “[I]kun hawn ġuħ kbir.” (Mattew 24:7) Bħalma ġie nnotat fl-artiklu taʼ qabel, il-foqra tad-dinja m’għandhomx biżżejjed x’jieklu. Din hija parti oħra mill-evidenza li ħajja ħafna aħjar fil-Ġenna dalwaqt tiġi.
“L-art titheżheż bil-kbir,” qal Ġesù. (Luqa 21:11) Dan ukoll twettaq fi żmienna. Mill-1914 ’l hawn qerda minn terremoti devastanti ħasdet mijiet t’eluf taʼ ħajjiet.
Il-Bibbja tkompli tgħid li “l-aħħar tad-dinja” kellu jkun immarkat minn bidla fin-nies. Kellhom “jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus,” u t-tfal kellhom “ma jisimgħux mill-ġenituri.” In-nies inġenerali kellhom ikunu “[j]ħobbu aktar il-pjaċiri milli ’l Alla.” (2 Timotju 3:1-5) Ma taqbilx int li ħafna toqgħodilhom din id-deskrizzjoni?
Waqt li iktar u iktar nies jipprattikaw affarijiet ħżiena, hemm żjieda fl-illegalità. Dan ukoll kien imbassar. Skond Mattew 24:12, Ġesù tkellem dwar li kellu “joktor il-ħażen.” X’aktarx li int se taqbel li l-kriminalità hija agħar issa milli kienet snin ilu. In-nies kullimkien huma beżgħanin li se jiġu misruqin, imbroljati, jew imweġġgħin b’xi mod.
Il-gwerer, il-mard maʼ kullimkien, in-nuqqas taʼ ikel, it-terremoti, iż-żjieda fil-kriminalità, u bidla għall-agħar fir-relazzjonijiet umani—dawn kollha huma evidenti llum, eżatt bħalma bassret il-Bibbja. ‘Imma dawn il-ħwejjeġ ma ġrawx tul l-istorja taʼ l-umanità kollha?’ tistaʼ tistaqsi. ‘X’inhu differenti rigward żmienna?’
Hemm xi aspetti sinjifikanti ferm taʼ dak li qiegħed jiġri llum. Il-Bibbja ma tgħidx li kwalunkwe fattur, bħalma huwa n-nuqqas taʼ ikel, kellu għalih waħdu jkun prova li qegħdin fiż-żmien tat-tmiem u li ħajja aħjar hija qrib. Il-profeziji tal-Bibbja rigward iż-żmien tat-tmiem kellhom jiġu mwettqin fuq ġenerazzjoni taʼ mingħajr Alla.—Mattew 24:34-39; Luqa 17:26, 27.
Iktar minn hekk, hija ħaġa stramba ġmielha li xi fatturi tal-profezija taʼ Ġesù—speċjalment dawk rigward in-nuqqas taʼ ikel u l-mard maʼ kullimkien—qegħdin iseħħu llum. Għala? Għaliex il-kisbiet xjentifiċi qatt ma kienu akbar. L-għarfien mediku u l-forom taʼ kura qatt ma kienu iktar avanzati jew mifruxin. Alla biss setaʼ jbassar fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, li waqt żmien bħal dan, il-mard u l-ġuħ kellhom imorru għall-agħar, mhux għall-aħjar.
Ladarba l-profeziji tal-Bibbja kollha dwar iż-żmien tat-tmiem, jew “l-aħħar tad-dinja,” qegħdin iseħħu, x’nistgħu nikkonkludu? Li ħajja aħjar hija qrib! Imma kif se tiġi mwettqa?
Ħajja Aħjar—Kif?
Taħseb int li l-bnedmin jistgħu jġibu l-Ġenna? Matul l-istorja sa dan il-jum stess, kien hemm bosta tipi taʼ gvern uman. Xi wħud minnhom ipprovaw iebes ħafna biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-poplu. Madankollu, ħafna problemi qegħdin imorru għall-agħar. Kemm f’pajjiżi sinjuri u kemm f’artijiet foqra, il-gvernijiet jitħabtu maʼ l-abbuż mid-droga, abitazzjonijiet inferjuri, faqar, kriminalità, qagħad, u gwerer.
Saħansitra jekk il-gvernijiet jistgħu jsolvu xi wħud minn dawn il-problemi, qatt ma jistgħu jipprovdu ħelsien komplet min-nuqqas taʼ saħħa; lanqas ma jistgħu jġibu fi tmiem ix-xjuħija u l-mewt. B’mod ċar, il-bnedmin qatt ma se jġibu Ġenna fuq din l-art.
Il-Bibbja tgħid b’mod għaqli: “La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx.” F’min, allura, għandna nafdaw? Il-Bibbja twieġeb: “Hieni min f’Alla taʼ Ġakobb isib il-għajnuna tiegħu, min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu.” (Salm 146:3, 5) Jekk inpoġġu t-tama tagħna f’Alla Jehovah, qatt ma se nkunu diżappuntati.
Żgur li l-Wieħed li għandu l-għerf u l-qawwa biex joħloq l-art, ix-xemx, u l-kwiekeb jistaʼ wkoll jagħmel l-art ġenna. Hu jistaʼ jagħmilha possibbli għall-bnedmin li jgawdu ħajja aħjar. Hu x’inhu dak li Alla Jehovah għandu l-intenzjoni li jagħmel, hu jistaʼ u sejjer iwettqu. Il-Kelma tiegħu tgħid: “Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” (Luqa 1:37) Imma Alla kif se jġib ħajja aħjar?
Jehovah se jġib ħajja ferm aħjar għall-umanità permezz tas-Saltna tiegħu. U x’inhi s-Saltna t’Alla? Hija gvern reali b’Ħakkiem maħtur-minn-Alla, Ġesù Kristu. Is-Saltna t’Alla tinsab fis-sema, imma dalwaqt se ġġib barkiet meraviljużi u ħajja ferm aħjar għar-residenti taʼ l-art magħmula Ġenna.—Isaija 9:6, 7.
Jistaʼ jkun li int diġà familjari mat-talba mudell taʼ Ġesù, li tinsab fil-Bibbja f’Mattew 6:9-13. Parti minn dik it-talba ’l Alla tgħid: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekka fl-art.” F’armonija maʼ dik it-talba, is-Saltna t’Alla se “tiġi” biex twettaq l-iskop t’Alla Jehovah għall-art. U huwa l-iskop tiegħu li l-art issir ġenna.
Tqum mistoqsija waħda taʼ l-aħħar: Xi trid tagħmel int biex tgawdi ħajja aħjar fil-Ġenna li ġejja?
Dak Li Għandek Bżonn Tagħmel
Alla Jehovah b’imħabba jestendi l-prospett taʼ ħajja aħjar fil-Ġenna lil kull min jagħmel ir-rieda tiegħu. Il-Bibbja tgħidilna: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Imma liema ħaġa tagħmel lil persuna twajba f’għajnejn Alla?
Biex nogħoġbu lil Jehovah għandna bżonn nitgħallmu iktar dwar x’iridna nagħmlu. Jekk nieħdu l-għarfien dwar Alla u napplikawh f’ħajjietna, nistgħu ngħixu għal dejjem. F’talba ’l Alla, Ġesù qal: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem: li jagħarfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.”—Ġwann 17:3.
Il-ktieb li jgħidilna dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu huwa l-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Din hija waħda mir-rigali l-iktar prezzjużi taʼ Jehovah. Il-Bibbja qisha ittra mingħand missier taʼ mħabba lil uliedu. Din tgħidilna dwar il-wegħda t’Alla li jġib ħajja aħjar għall-umanità u turina kif nistgħu niksbuha. Il-Bibbja tgħarrafna x’għamel Alla fil-passat u x’se jagħmel fil-futur. Tagħtina wkoll parir prattiku dwar kif nittrattaw b’suċċess mal-problemi tagħna issa. Tabilħaqq, il-Kelma t’Alla tgħallimna kif insibu xi ftit taʼ l-hena saħansitra f’din id-dinja mħawda.—2 Timotju 3:16, 17.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jieħdu pjaċir jirranġawlek għal studju tal-Bibbja f’darek mingħajr ħlas. Tgħallem kif int jistaʼ jkollok ħajja iktar hienja issa, bil-prospett taʼ ħajja ferm aħjar fil-futur qarib. (w95 11/15)
[Stampa f’paġna 5]
Il-profeziji tal-Bibbja jindikaw li ħajja aħjar hija qrib
[Stampa f’paġna 7]
Is-Saltna t’Alla se tintroduċi ħajja aħjar għall-umanità