Sabu l-Paċi f’Dinja taʼ Taqlib
L-ISTAMPA fuq il-qoxra taʼ din ir-rivista turi xena taʼ battalja bl-armi mill-Bożnja u l-Erżegovina. Tistaʼ l-paċi teżisti f’post bħal dan? B’sorpriża, it-tweġiba hija iva. Waqt li komunitajiet Kattoliċi Rumani, Ortodossi tal-Lvant, u Musulmani f’dik l-art traġika jiġġieldu għat-territorju, ħafna individwi jixxennqu għall-paċi, u xi wħud sabuha.
Il-familja Djorem kienu residenti f’Sarajevo, u kienu Xhieda taʼ Jehovah. F’nofs it-taqlib kollu f’dik il-belt, huma żammew id-drawwa li jżuru lill-ġirien biex jaqsmu magħhom l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Għala? Għaliex il-familja Djorem kienu jafu li din is-Saltna hija reali, li diġà hija stabbilita fis-smewwiet, u li hija l-aqwa u l-unika tama għall-paċi taʼ l-umanità. Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom fiduċja sħiħa f’dik li l-appostlu Pawlu sejjaħ ‘aħbar taʼ sliem.’ (Efesin 2:17) Grazzi għal nies bħal Bozo u Hena Djorem, ħafna qegħdin isibu l-paċi fil-Bożnja u fl-Erżegovina.
Paċi Vera Trid Tiġi
Hemm iktar xi tgħid dwar il-familja Djorem. L-ewwel, iżda, ħalli nitkellmu dwar koppja oħra li kisbet fiduċja fis-Saltna t’Alla. Jisimhom Artur u Arina. Huma u t-tfal żgħar tagħhom kienu jgħixu f’repubblika fit-territorju taʼ dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika. Meta faqqgħet gwerra ċivili, Artur iġġieled għal naħa minnhom. Malajr, iżda, staqsa lilu nnifsu, ‘Għala qiegħed niġġieled kontra dawn in-nies li qabel kienu l-ġirien tiegħi?’ Hu telaq mill-pajjiż u, wara ħafna diffikultajiet, wasal bil-familja żagħżugħa tiegħu fl-Estonja.
Waqt żjara f’St. Petersburg, Artur iltaqaʼ max-Xhieda taʼ Jehovah u kien impressjonat b’dak li tgħallem dwar is-Saltna t’Alla. Ir-rieda taʼ Jehovah hija li dalwaqt ferm is-Saltna t’Alla se tkun l-uniku stat taʼ ħakkiem fuq l-umanità. (Danjel 2:44) Imbagħad l-art se tkun post taʼ sliem, mingħajr iktar gwerer ċivili jew konflitti internazzjonali. Isaija pprofetizza dwar dak iż-żmien: “Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bil-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”—Isaija 11:9.
Waqt li nnota l-istampa taʼ dik l-art futura mimlija paċi fi ktieb li jgħin biex tiġi studjata l-Bibbja li wieħed Xhud urieh, Artur irrimarka li hu qabel kien jgħix f’post li kien jixbah lil dak. Issa, iżda, dan kien qed jiġi rrovinat bil-gwerra ċivili. Lura fl-Estonja, Artur u l-familja tiegħu qegħdin jitgħallmu iktar dwar is-Saltna t’Alla permezz taʼ Studju tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah.
Paċi F’Nofs It-Taqlib
Salm 37:37 jgħid: “Ħares lejn min hu tajjeb, ara l-bniedem sewwa; għax ulied iħalli min iħobb is-sliem.” Fil-fatt, il-paċi taʼ wieħed li hu bla ħtija u rett f’għajnejn Alla m’hijiex limitata għall-futur tiegħu. Hu jgawdiha issa stess. Dan kif inhu possibbli? Ikkunsidra l-esperjenza taʼ raġel jismu Paul.
Paul jgħix f’kamp tar-refuġjati mwarrab fil-Lbiċ taʼ l-Etjopja, għalkemm fil-fatt ġej minn pajjiż ġar. F’art twelidu, hu ltaqaʼ maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah li kien jaħdem maʼ kumpanija taż-żejt, u dan ir-raġel tah ktieb li jgħin biex tiġi studjata l-Bibbja, Il-Verità Li Twassal Għal Ħajja Eterna.a Paul qatt ma ltaqaʼ max-Xhud iktar imma studja l-ktieb bir-reqqa. Il-gwerra ċivili ġagħlitu jmur f’kamp tar-refuġjati fl-Etjopja, u hemmhekk tkellem m’oħrajn dwar dak li kien tgħallem. Grupp żgħir aċċetta dan bħala l-verità. Ibbażat fuq dak li kienu tgħallmu, huma ma damux ma bdew jippridkaw lil oħrajn fil-kamp.
Paul kiteb lill-kwartieri ġenerali tal-Watch Tower Society fejn talabhom l-għajnuna. Ministru mibgħut minn Addis Ababa stagħġeb meta sab 35 ruħ jistennewh, lesti li jitgħallmu iktar dwar is-Saltna t’Alla. Arranġamenti ġew magħmulin biex tingħata għajnuna fuq bażi regulari.
Kif jistaʼ jingħad li nies bħal Paul igawdu l-paċi? Ħajjiethom m’humiex faċli, imma għandhom fidi f’Alla. Meta jiġu effettwati mit-taqlib taʼ din id-dinja, huma japplikaw il-parir tal-Bibbja: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, iżżuh ħajr.” Bħala riżultat, huma għandhom kuntentizza li hija rari llum. Il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu lill-kongregazzjoni taʼ Filippi japplika għalihom: “U s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu.” Tabilħaqq, huma jħossu relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah, dak “Alla tas-sliem.”—Filippin 4:6, 7, 9.
Paċi Tal-Preżent
Is-Sultan inkurunat tas-Saltna t’Alla hu Ġesù Kristu, imsejjaħ fil-Bibbja il-“Prinċep tas-sliem.” (Isaija 9:5 [Isaija 9:6, NW]) Dwaru l-profeta tal-qedem qal: “Hu jxandar il-paċi lill-ġnus, il-ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar, u mix-xmara taʼ l-Ewfrat sat-trufijiet.” (Żakkarija 9:10) Kliem ispirat bħal dan kellu effett profond fuq il-ħajja taʼ raġel jismu José.
Darba waħda José kien il-ħabs. Kien terrorista u kien ġie arrestat waqt li kien qiegħed jagħmel preparazzjonijiet biex jisplodi kwartieri tal-pulizija. Ħaseb li l-vjolenza biss kienet tistaʼ ġġiegħel lill-gvern itejjeb il-kundizzjonijiet f’pajjiżu. Waqt li kien il-ħabs, ix-Xhieda taʼ Jehovah bdew jistudjaw il-Bibbja mal-mara tiegħu.
Wara li José ġie meħlus, hu wkoll studja l-Bibbja, u malajr il-kliem f’Salm 85:9; [Salm 85:8, NW] beda japplika għalih: “Ħa nismaʼ xi jgħid Alla: il-Mulej is-sliem ixandar, għall-poplu u l-ħbieb tiegħu.” Madankollu, dak il-vers jikkonkludi bi twissija biex “jafdaw fih.” Għaldaqstant, wieħed li jfittex il-paċi taʼ Jehovah mhux se jaqbad u jaġixxi b’mod indipendenti jew f’oppożizzjoni lejn ir-rieda Tiegħu.
Illum, José u martu huma ministri Kristjani. Jidderieġu lil oħrajn lejn is-Saltna taʼ Jehovah bħala s-soluzzjoni għal problemi li José qabel ipprova jsolvi b’bombi magħmulin id-dar. Lesti li jafdaw il-Bibbja li tgħid: “Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu.” (Salm 85:13 [Salm 85:12, NW]) Tabilħaqq, José dan l-aħħar żar il-kwartieri li kien ippjana li jeqred. Għala? Sabiex ikellem lill-familji hemmhekk dwar is-Saltna t’Alla.
Poplu Paċifiku
F’Salm 37:10,11, il-Bibbja tgħid: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; għad tħares fejn kien, u ma ssibux. Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” Xi prospett glorjuż!
Innota, iżda, li l-paċi taʼ Jehovah hija biss għall-“ġwejdin.” Dawk li jħobbu l-paċi jistgħu jkollhom bżonn jitgħallmu jkunu ġwejdin. Dan kien minnu fil-każ taʼ Kieth, li jgħix fi New Zealand. Kieth kien deskritt bħala “mibni sod u b’personalità qawwija, aggressiv, u jħobb jargumenta.” Kien membru taʼ gajj u kien jgħix f’dar li kienet qisha fortizza, b’ġonna mħarsin minn tlett iklieb taʼ l-għassa biex ma jħallu ’l ħadd jidħol. Martu, omm is-sitt itfal tiegħu, kienet iddivorzjatu.
Meta Kieth iltaqaʼ max-Xhieda taʼ Jehovah, l-aħbar tajba kellha effett profond fuqu. Malajr hu u wliedu kienu qegħdin jattendu l-laqgħat max-Xhieda. Qataʼ xagħaru li kien twil sa qaddu u beda jitkellem dwar is-Saltna t’Alla maʼ dawk li kien jassoċja magħhom qabel. Xi wħud minn dawn ukoll bdew jistudjaw il-Bibbja.
Bħal miljuni oħrajn taʼ qalb twajba madwar id-dinja, Kieth kien beda japplika l-kliem taʼ l-appostlu Pietru: “Min irid iħobb ’il ħajtu u jara jiem hienja, . . . ħa jaħrab il-ħażen u jagħmel it-tajjeb, ifittex is-sliem u jqis li jiksbu.” (1 Pietru 3:10, 11) Il-mara li Kieth kellu qabel aċċettat li terġaʼ tiżżewġu, u issa qiegħed jitgħallem “ifittex is-sliem u jqis li jiksbu.”
Il-paċi taʼ Jehovah kienet mezz taʼ salvataġġ għal bosta, inkluż wieħed li darba kien atleta mwieled fl-ex U.S.S.R. Dan ir-raġel rebaħ il-midalji fl-Olimpjadi, imma sar diżilluż u dar għad-drogi u l-alkoħol. Wara 19-il sena kollhom ġrajjiet li kienu jinkludu sentenza taʼ tliet snin f’kamp tax-xogħol fis-Siberja, vjaġġ klandestin mistoħbi fuq vapur għall-Kanada, u darbtejn jilgħabha mal-mewt minħabba l-vizzju tad-drogi, talab ’l Alla għall-għajnuna biex isib skop ġenwin fil-ħajja. Studju tal-Bibbja maʼ Xhieda taʼ Jehovah li jitkellmu bir-Russu għenu jsib it-tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħu. Illum dan ir-raġel, bħal miljuni oħrajn, sab paċi m’Alla u miegħu nnifsu.
It-Tama Taʼ L-Irxoxt
Finalment, ħalli nirritornaw għal Bozo u Hena Djorem f’Sarajevo. Din il-koppja kellhom tifla taʼ ħames snin, Magdalena. F’Lulju li għadda, it-tlieta li huma kienu telqu mid-dar biex għal darb’oħra jieħdu sehem fl-attività tagħhom taʼ ppridkar meta lkoll kemm huma safaw maqtulin minn splużjoni taʼ bomba. Xi ngħidu dwar il-paċi li ppridkaw lil oħrajn dwarha? Uriet il-bomba li ħasditilhom ħajjiethom li din ma kenitx paċi vera?
Bl-ebda mod! F’din is-sistema t’affarijiet, traġedji jsiru. Nies jinqatlu minn bombi jew balal. Oħrajn imutu b’mard jew f’aċċidenti. Ħafna jmutu kaġun tax-xjuħija. Dawk li jgawdu l-paċi t’Alla m’humiex eżentati, imma l-possibiltà taʼ ġrajjiet bħal dawn ma tħallihomx bla tama.
Ġesù wiegħed lill-ħabiba tiegħu Marta: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, wkoll jekk imut, igħix.” (Ġwann 11:25) Il-familja Djorem dan emmnuh, bħalma jagħmlu x-Xhieda taʼ Jehovah kollha. U l-familja Djorem kellhom fidi illi jekk imutu, kienu se jiġu rxoxtati f’dinja li mbagħad tkun verament post taʼ paċi. Alla Jehovah se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew agħjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:4.
Ftit qabel miet, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Jiena nagħtikom is-sliem. . . . Tħallux qalbkom titħawwad.” (Ġwann 14:27) Aħna nithennew mal-familja Djorem li kellhom dik il-paċi u li żgur se jgawduha iktar bis-sħiħ fl-irxoxt. Aħna henjin għal dawk kollha li jqimu lil Jehovah, dak Alla taʼ paċi. Uħud bħal dawn għandhom paċi tal-moħħ. Igawdu paċi m’Alla. Jikkultivaw il-paċi m’oħrajn. U għandhom fiduċja għal futur mimli paċi. Iva, sabu l-paċi, għalkemm jgħixu f’dinja taʼ taqlib. Tabilħaqq, dawk kollha li jqimu ’l Alla bl-ispirtu u l-verità jgawdu l-paċi. Jalla int ukoll issib paċi bħal din. (w96 1/1)
[Nota taʼ taħt]
a Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampi f’paġna 7]
Sabu l-paċi minkejja li jgħixu f’dinja taʼ taqlib