LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 2/1 pp. 16-21
  • L-Edukazzjoni—Użaha Biex Tfaħħar lil Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Edukazzjoni—Użaha Biex Tfaħħar lil Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nitgħallmu Naqraw Sew
  • Nitgħallmu Niktbu Ċar
  • Niżviluppaw Mentalment, Moralment, u Spiritwalment
  • Taħriġ Prattiku Għal Għixien Minn Jum Għal Jum
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Kif Iħarsu Lejn l-Edukazzjoni?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • L-Edukazzjoni fi Żminijiet Bibliċi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Edukazzjoni bi Skop
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Għandhom Uliedi Jmorru l-Iskola?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 2/1 pp. 16-21

L-​Edukazzjoni​—Użaha Biex Tfaħħar lil Jehovah

“Min igħid xi ħaġa minn moħħu jkun qiegħed ifittex il-​glorja tiegħu nnifsu. Iżda min ifittex il-​glorja taʼ min ikun bagħtu, dan ikun igħid is-​sewwa.”—ĠWANN 7:18.

1. Il-​proċess taʼ l-​edukazzjoni meta u kif kellu l-​bidu tiegħu?

L-​EDUKAZZJONI bdiet żmien twil ilu. Kien dlonk wara li Alla Jehovah, l-​Edukatur u l-​Istruttur il-​Kbir, ħalaq lill-​ewwel Iben imwieled tiegħu li l-​proċess taʼ l-​edukazzjoni kellu l-​bidu tiegħu. (Isaija 30:20; Kolossin 1:15) Hawnhekk kien hawn Wieħed li setaʼ jitgħallem mingħand l-​Edukatur il-​Kbir innifsu! Matul il-​millennji bla għadd taʼ sħubija intima mal-​Missier, dak l-​Iben​—li ġie li jkun magħruf bħala Ġesù Kristu—​irċieva edukazzjoni imprezzabbli rigward il-​kwalitajiet, ix-​xogħlijiet, u l-​iskopijiet t’Alla Jehovah. Iktar tard, bħala bniedem fuq l-​art, Ġesù setaʼ jgħid: “Minn rajja ma nagħmel xejn, imma li nitkellem skond ma għallimni l-​Missier.”—Ġwann 8:28.

2-4. (a) Skond Ġwann kapitlu 7, x’kienu ċ-​ċirkostanzi li kellhom x’jaqsmu maʼ l-​attendenza taʼ Ġesù għall-​Festa tat-​Tabernakli fis-​sena 32 E.K.? (b) Il-​Lhud għala tħawdu minħabba l-​abbiltà li Ġesù kellu biex jgħallem?

2 Ġesù kif użaha l-​edukazzjoni li kien irċieva? Matul it-​tliet snin u nofs tal-​ministeru tiegħu fuq l-​art, hu bla ma qatt għejja qasam m’oħrajn dak li kien tgħallem. Dan, madankollu, kien bi skop primarju f’moħħu. U x’kien dak l-​iskop? Ejjew neżaminaw il-​kliem taʼ Ġesù fi Ġwann kapitlu 7, fejn spjega kemm l-​oriġini u kemm l-​iskop tat-​tagħlim tiegħu.

3 Ikkunsidra l-​isfond. Kienet il-ħarifa tas-​sena 32 E.K., kważi tliet snin wara l-​magħmudija taʼ Ġesù. Il-​Lhud kienu miġburin f’Ġerusalemm għall-​Festa tat-​Tabernakli. Matul l-​ewwel ftit jiem tal-​festa, kien sar ħafna diskors dwar Ġesù. Meta kienet għaddiet nofs il-​festa, Ġesù mar fit-​tempju u beda jgħallem. (Ġwann 7:2, 10-14) Bħalma għamel dejjem, ta prova tiegħu nnifsu li hu Għalliem kbir.—Mattew 13:54; Luqa 4:22.

4 Vers 15 taʼ Ġwann kapitlu 7 jgħid: “Il-​Lhud stagħġbu bih u qalu: ‘Dan kif jaf daqshekk bla ma tgħallem?’” Tifhem int għala tħawdu? Ġesù ma kien attenda ebda waħda mill-​iskejjel rabbiniċi, u għalhekk ma kienx taʼ skola​—mingħalihom! Madankollu, Ġesù setaʼ faċilment isib u jaqra sezzjonijiet fil-​Kitbiet Sagri. (Luqa 4:16-21) Iva, dan il-​mastrudaxxa Galilew saħansitra struwihom fil-​Liġi taʼ Mosè! (Ġwann 7:19-23) Dan kif kien possibbli?

5, 6. (a) Ġesù kif spjega s-​sors tat-​tagħlim tiegħu? (b) Ġesù b’liema mod użaha l-​edukazzjoni tiegħu?

5 Ġesù spjega, bħalma naqraw fil-​versi 16 u 17: “It-​tagħlim tiegħi m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni. Min irid jagħmel ir-​rieda tiegħu jaf jekk dan it-​tagħlim huwiex minn Alla jew jekk iniex ngħid xi ħaġa minn tiegħi.” Huma riedu jkunu jafu min kien li għallem lil Ġesù, u hu qalilhom ċar u tond li l-​edukazzjoni tiegħu kienet mingħand Alla!—Ġwann 12:49; 14:10.

6 Ġesù kif użaha l-​edukazzjoni tiegħu? Bħalma huwa ddokumentat fi Ġwann 7:18, Ġesù qal: “Min igħid xi ħaġa minn moħħu jkun qiegħed ifittex il-​glorja tiegħu nnifsu. Iżda min ifittex il-​glorja taʼ min ikun bagħtu, dan ikun igħid is-​sewwa, u fih ma jkun hemm ebda qerq.” [Korsiv tagħna] Kemm kien xieraq li Ġesù uża l-​edukazzjoni tiegħu biex iġib glorja lil Jehovah, “Dak li għerfu perfett”!—Ġob 37:16.

7, 8. (a) L-​edukazzjoni kif għandha tintuża? (b) X’inhuma erbaʼ oġġettivi bażiċi t’edukazzjoni bbilanċjata?

7 Aħna b’hekk nitgħallmu lezzjoni taʼ valur minn Ġesù​—l-​edukazzjoni għandha tintuża, mhux biex nigglorifikaw lilna nfusna, imma biex inġibu tifħir lil Jehovah. M’hemm ebda mod aħjar kif nutilizzaw l-​edukazzjoni. Kif, allura, tistaʼ int tuża l-​edukazzjoni biex iġġib tifħir lil Jehovah?

8 Li teduka jfisser “li tħarreġ permezz taʼ struzzjoni formali u prattika taħt superviżjoni speċ[jalment] f’sengħa, mestier, jew professjoni.” Ejjew issa nikkunsidraw erbaʼ oġġettivi bażiċi t’edukazzjoni bbilanċjata u kif kull wieħed minn dawn jistaʼ jintuża biex ifaħħar lil Jehovah. Edukazzjoni bbilanċjata għandha tgħinna (1) biex naqraw sew, (2) biex niktbu ċar, (3) biex niżviluppaw mentalment u moralment, u (4) biex niksbu t-​taħriġ prattiku meħtieġ għall-​għixien taʼ kuljum.

Nitgħallmu Naqraw Sew

9. Għala huwa importanti li wieħed ikun qarrej tajjeb?

9 Imniżżel l-​ewwel hemm li nitgħallmu naqraw sew. Għala huwa daqshekk importanti li tkun qarrej tajjeb? The World Book Encyclopedia tispjega: “Il-​qari . . . huwa bażiku għat-​tagħlim u waħda mis-​snajja l-​iktar importanti fil-​ħajja taʼ kuljum. . . . Qarrejja tas-​sengħa jikkontribwixxu f’li joħolqu soċjetà prosperuża, u produttiva. Fl-​istess waqt, huma nfushom igawdu ħajjiet iktar mimlijin b’esperjenza, u iktar sodisfaċenti.”

10. Li naqraw il-​Kelma t’Alla kif jgħinna biex ingawdu ħajjiet iktar mimlijin b’esperjenza, u iktar sodisfaċenti?

10 Jekk il-​qari inġenerali jistaʼ jgħinna biex ingawdu “ħajjiet iktar mimlijin b’esperjenza, u iktar sodisfaċenti,” kemm iktar japplika dan dwar il-​qari tal-​Kelma t’Alla! Qari bħal dan jesponi lil imħuħna u lil qlubna għall-​ħsibijiet u l-​iskopijiet taʼ Jehovah, u fehma ċara taʼ dawn tagħti tifsira lil ħajjietna. Iżjed minn hekk, “il-​kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija,” jgħid Lhud 4:12. Hekk kif naqraw il-​Kelma t’Alla u nimmeditaw fuqha, aħna ninġibdu lejn l-​Awtur tagħha, u niġu mqanqlin biex nagħmlu bidliet fil-​ħajjiet tagħna biex iktar insiru nogħġbu lilu. (Galatin 5:22, 23; Efesin 4:22-24) Niġu wkoll imħeġġin biex naqsmu m’oħrajn il-​veritajiet prezzjużi li naqraw. Dan kollu jġib tifħir lill-​Edukatur il-​Kbir, Alla Jehovah. Żgur li m’hemm ebda mod aħjar biex nużaw l-​abbiltà tagħna li naqraw!

11. X’għandu jiġi inkluż fi programm ibbilanċjat taʼ studju persunali?

11 Kemm jekk żgħar u kemm jekk kbar, aħna inkuraġġiti biex nitgħallmu naqraw sew, għax il-​qari għandu parti importanti fil-​ħajja Kristjana tagħna. Minbarra l-​qari regulari tal-​Kelma t’Alla, programm ibbilanċjat taʼ studju persunali jkun jinkludi li nikkunsidraw it-​test tal-​Bibbja mill-​Examining the Scriptures Daily, li niflu bir-​reqqa It-​Torri Taʼ L-​Għassa u l-​Awake!, u li nippreparaw għal-​laqgħat Kristjani. U xi ngħidu dwar il-​ministeru Kristjan? Jidher ċar illi li nippridkaw pubblikament, li nagħmlu żjajjar lura għand persuni interessati, u li nikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar jeħtieġu kollha l-​abbiltà taʼ qari tajjeb.

Nitgħallmu Niktbu Ċar

12. (a) Għala huwa importanti li nitgħallmu niktbu ċar? (b) X’kienet l-​akbar kitba li qatt saret?

12 It-​tieni oġġettiv huwa li edukazzjoni bbilanċjata għandha tgħinna biex niktbu ċar. Il-​kitba mhux biss twassal għand oħrajn il-​kliem u l-​ideat tagħna imma wkoll tippreservahom. Bosta u bosta sekli ilu, xi 40 raġel Lhudi kitbu fuq il-​papirus jew parċmina l-​kliem li spiċċa biex jifforma l-​Iskrittura mnebbħa. (2 Timotju 3:16) Żgur li din kienet l-​akbar kitba li qatt saret! Jehovah bla dubju ggwida l-​ikkopjar għal darba wara l-​oħra taʼ dak il-​kliem sagru matul is-​sekli, biex b’hekk dan wasal għandna f’għamla taʼ min joqgħod fuqha. M’aħniex grati aħna li Jehovah ikkommetta kliemu għall-​kitba, minflok ma straħ fuq it-​trasmissjoni minn fomm għal fomm?—Qabbel Eżodu 34:27, 28.

13. X’jindika li l-​Iżraeliti kienu jafu jiktbu?

13 Fl-​antik, ċerti klassijiet ipprivileġġjati biss, bħalma kienu l-​iskribi fil-​Mesopotamja u l-​Eġittu, kienu jafu jaqraw u jiktbu. B’kuntrast qawwi mal-​ġnus, f’Iżrael kulħadd kien inkuraġġit biex jitgħallem jaqra u jikteb. Il-​kmand f’Dewteronomju 6:​8, 9 biex l-​Iżraeliti jiktbu fuq il-​koxox tal-​bibien taʼ djarhom, għalkemm milli jidher kien b’mod figurattiv, jimplika li huma kienu jafu jiktbu. Minn età żgħira, it-​tfal kienu jiġu mgħallmin jiktbu. Il-​Kalendarju Geżer, wieħed mill-​eqdem eżempji taʼ kitba Ebrajka antika, huwa maħsub minn xi studjużi li huwa eżerċizzju biex tifel taʼ l-​iskola jitgħallem bl-​amment.

14, 15. Liema huma xi modi pożittivi u bnini kif wieħed juża l-​abbiltà tal-​kitba?

14 Imma kif nistgħu aħna b’mod pożittiv u bnin nużaw l-​abbiltà li niktbu? Ċertament billi nieħdu noti fil-​laqgħat, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet Kristjani. Ittra, saħansitra jekk miktuba fi “ftit kliem,” tistaʼ toffri inkuraġġiment lil wieħed li jkun marid jew tistaʼ tgħid grazzi lil ħu jew oħt spiritwali li wrew qalb tajba jew ospitalità magħna. (1 Pietru 5:12) Jekk xi ħadd fil-​kongregazzjoni mietlu xi ħadd li jħobb, ittra qasira jew kartolina tistaʼ ‘tagħmel il-​qalb’ lil dik il-​persuna għalina. (1 Tessalonkin 5:14) Oħt Kristjana li tilfet lil ommha minħabba l-​kanċer spjegat: “Waħda ħabiba kitbitli ittra sabiħa. Dik verament għenitni għaliex stajt naqraha ripetutament.”

15 Mod eċċellenti kif nużaw l-​abbiltà li niktbu huwa biex inġibu tifħir lil Jehovah billi niktbu ittra biex nagħtu xiehda dwar is-​Saltna. Kultant jistaʼ jkun neċessarju li nżommu kuntatt maʼ nies li bdew juru interess u li jgħixu f’inħawi iżolati. Il-​mard għandu mnejn jagħmilha temporanjament diffiċli għalik biex tmur minn dar għal dar. Forsi ittra tistaʼ tgħid bil-​miktub dak li normalment kont tgħid bil-​fomm.

16, 17. (a) Liema esperjenza turi l-​valur taʼ li wieħed jikteb ittra biex jagħti xiehda dwar is-​Saltna? (b) Tistaʼ tirrakkonta xi esperjenza simili?

16 Ikkunsidra esperjenza waħda. Ħafna snin ilu oħt kitbet ittra billi tat xiehda dwar is-​Saltna lill-​armla taʼ raġel li l-​mewt tiegħu kienet ġiet imħabbra fil-​gazzetta lokali. Ma kienx hemm risposta. Imbagħad, f’Novembru taʼ l-​1994, iktar minn 21 sena wara, ix-​Xhud irċeviet ittra mingħand bint il-​mara li lilha kienet kitbet snin qabel. Il-​bint kitbet:

17 “F’April taʼ l-​1973, int ktibt lil ommi biex tfarraġha wara l-​mewt taʼ missieri. Kelli disaʼ snin dak iż-​żmien. Ommi fil-​fatt studjatha l-​Bibbja, imma għad m’hijiex qaddejja taʼ Jehovah. Madankollu, l-​istudju tagħha eventwalment wassal għas-​sħubija tiegħi mal-​verità. Fl-​1988, bdejt l-​istudju tiegħi tal-​Bibbja​—15-il sena wara li rċevejna l-​ittra tiegħek. Fid-​9 taʼ Marzu, 1990, tgħammidt. Tassew jien grata għall-​ittra tiegħek taʼ ħafna snin ilu u tant inħossni hienja li ninformak li dawk iż-​żrieragħ li int żrajt fil-​fatt kibru, bil-​għajnuna taʼ Jehovah. Ommi tatni l-​ittra tiegħek biex inżommha jien, u nixtieq inkun naf min int. Tassew nittama li din l-​ittra tasallek.” L-​ittra tal-​bint, li fiha inkludiet l-​indirizz u n-​numru tat-​telefon tagħha, tabilħaqq li waslet għand ix-​Xhud li kienet kitbet l-​ittra tant snin qabel. Immaġina s-​sorpriża tal-​mara żagħżugħa meta rċeviet telefonata mingħand ix-​Xhud​—li għadha tikteb l-​ittri biex taqsam it-​tama tas-​Saltna m’oħrajn!

Niżviluppaw Mentalment, Moralment, u Spiritwalment

18. Fiż-​żminijiet Bibliċi, il-​ġenituri kif ħadu ħsieb l-​edukazzjoni mentali u morali taʼ wliedhom?

18 It-​tielet oġġettiv huwa li edukazzjoni bbilanċjata għandha tgħinna niżviluppaw mentalment u moralment. Fiż-​żminijiet Bibliċi l-​edukazzjoni mentali u morali tat-​tfal kienet meqjusa bħala waħda mid-​dmirijiet primarji tal-​ġenituri. It-​tfal ma ġewx mgħallmin biss kif jaqraw u jiktbu imma, iktar importanti, ġew edukati fil-​Liġi t’Alla, li involviet l-​attivitajiet kollha tagħhom tal-​ħajja. B’hekk, l-​edukazzjoni inkludiet struzzjoni dwar l-​obbligi reliġjużi tagħhom u l-​prinċipji li jiggvernaw iż-​żwieġ, ir-​relazzjonijiet fil-​familja, u l-​moralità sesswali, kif ukoll l-​obbligi tagħhom lejn sħabhom il-​bnedmin. Edukazzjoni bħal din għenithom jiżviluppaw mhux biss mentalment u moralment imma spiritwalment ukoll.—Dewteronomju 6:4-9, 20, 21; 11:18-21.

19. Fejn nistgħu nsibu edukazzjoni li turina l-​aqwa valuri morali li għandna ngħixu fi qbil magħhom u li jgħinuna niżviluppaw spiritwalment?

19 Xi ngħidu għal-​lum? Edukazzjoni sekulari tajba hija importanti. Tgħinna niżviluppaw mentalment. Imma fejn nistgħu nduru għal edukazzjoni li se turina l-​aqwa valuri morali li nistgħu ngħixu fi qbil magħhom u li se tgħinna niżviluppaw spiritwalment? Ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana, għandna aċċess għal programm t’edukazzjoni teokratika li m’huwiex disponibbli xi mkien ieħor fuq l-​art. Permezz taʼ l-​istudju persunali tagħna tal-​Bibbja u taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja kif ukoll l-​istruzzjoni pprovduta fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet, aħna nistgħu nirċievu din l-​edukazzjoni imprezzabbli u kontinwa​—edukazzjoni divina—​mingħajr ħlas! Din x’tgħallimna?

20. L-​edukazzjoni divina x’tgħallimna, u x’jirriżulta minnha?

20 Meta nibdew nistudjaw il-​Bibbja, nitgħallmu tagħlim bażiku Skritturali, l-​“ewwel elementi tat-​tagħlim.” (Lhud 6:1) Hekk kif inkomplu, aħna ndaħħlu fina “ikel sħiħ”​—jiġifieri, veritajiet iktar profondi. (Lhud 5:14) Iktar minn hekk, iżda, nitgħallmu prinċipji divini li jgħallmuna kif ngħixu bħalma Alla jridna li ngħixu. Per eżempju, nitgħallmu nevitaw drawwiet u prattiċi li ‘jdennsu l-​ġisem’ u biex ikollna rispett lejn l-​awtorità u lejn il-​persuna u l-​propjetà t’oħrajn. (2 Korintin 7:1; Titu 3:1, 2; Lhud 13:4) Iżjed minn hekk, nibdew napprezzaw l-​importanza taʼ li nkunu onesti u ħabrieka fix-​xogħol tagħna u l-​valur taʼ li ngħixu fi qbil mal-​kmandi tal-​Bibbja dwar moralità sesswali. (1 Korintin 6:9, 10; Efesin 4:28) Hekk kif nagħmlu progress f’li napplikaw dawn il-​prinċipji fil-​ħajjiet tagħna, nikbru spiritwalment, u r-​relazzjoni tagħna m’Alla ssir iktar profonda. Iktar minn hekk, il-​kondotta devota tagħna tagħmilna ċittadini tajbin, ngħixu fejn ngħixu. U dan għandu mnejn iqanqal lil oħrajn biex jigglorifikaw lis-​Sors t’edukazzjoni divina​—Alla Jehovah.—1 Pietru 2:12.

Taħriġ Prattiku Għal Għixien Minn Jum Għal Jum

21. Liema taħriġ prattiku rċevew it-​tfal fiż-​żminijiet Bibliċi?

21 Ir-​rabaʼ mira t’edukazzjoni bbilanċjata hija biex tipprovdi lil persuna bit-​taħriġ prattiku meħtieġ għal għixien minn jum għal jum. L-​edukazzjoni mill-​ġenituri fiż-​żminijiet Bibliċi inkludiet taħriġ prattiku. Il-​bniet kienu mgħallmin snajja domestiċi. L-​aħħar kapitlu taʼ Proverbji juri li dawn bil-​fors li kienu ħafna u varjati. B’hekk, it-​tfajliet saru mħarrġin f’li jagħmlu l-​ħajt, jinsġu, u jsajru u jieħdu ħsieb fl-​immaniġġar ġenerali tad-​dar, jinnegozjaw, u jbigħu u jixtru l-​propjetà. Is-​subjien kienu ġeneralment mgħallmin ix-​xogħol sekulari taʼ missierhom, jew xogħol tar-​rabaʼ jew xi sengħa jew mestier. Ġesù tgħallem is-​sengħa taʼ mastrudaxxa mingħand il-​missier adottiv tiegħu, Ġużeppi; b’hekk, ma kienx imsejjaħ biss “bin il-​mastrudaxxa” imma wkoll “il-​mastrudaxxa.”—Mattew 13:55; Mark 6:3.

22, 23. (a) L-​edukazzjoni għal liema ħaġa għandha tippreparahom lit-​tfal? (b) X’għandu jkun il-​motiv tagħna f’li nagħżlu iktar edukazzjoni meta dan jistaʼ jidher neċessarju?

22 Illum, ukoll, edukazzjoni bbilanċjata tajjeb tinkludi preparazzjoni biex wieħed jieħu ħsieb il-​ħtiġijiet tal-​familja meta jkun il-​waqt. Il-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu misjub fl-​1 Timotew 5:8 jindika illi li wieħed jipprovdi għall-​familja tiegħu huwa obbligu sagru. Hu kiteb: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-​aktar dawk tal-​familja tiegħu, dan ċaħad il-​fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” L-​edukazzjoni, allura, għandha tipprepara lit-​tfal għar-​responsabbiltajiet li huma se jassumu fil-​ħajja kif ukoll tarmahom biex isiru membri biżlin tal-​komunità.

23 Kemm għandna ndumu nieħdu edukazzjoni sekulari? Dan jistaʼ jvarja minn pajjiż għall-​ieħor. Imma jekk l-​impjiegi disponibbli jkunu jeħtieġu taħriġ apparti mill-​minimu meħtieġ mil-​liġi, huwa d-​dmir tal-​ġenituri li jiggwidaw lil uliedhom biex jagħmlu deċiżjoni dwar edukazzjoni jew taħriġ supplimentari, billi jiżnu kemm il-​benefiċċji potenzjali u kemm l-​iżvantaġġi taʼ studji addizzjonali bħal dawn. X’għandu, iżda, ikun il-​motiv taʼ dak li jkun f’li jagħżel iktar edukazzjoni meta dak jistaʼ jidher neċessarju? Ċertament mhux ir-​rikkezzi, il-​glorja tiegħek innifsek, jew it-​tifħir. (Proverbji 15:25; 1 Timotju 6:17) Ftakar fil-​lezzjoni li tgħallimna mill-​eżempju taʼ Ġesù​—l-​edukazzjoni għandha tintuża biex iġġib tifħir lil Jehovah. Jekk nagħżlu li nkomplu bl-​edukazzjoni, il-​motivazzjoni tagħna għandha tkun ix-​xewqa li mmantnu lilna nfusna adegwatament sabiex inkunu nistgħu naqdu lil Jehovah bis-​sħiħ kemm jistaʼ jkun fil-​ministeru Kristjan.​—Kolossin 3:​23, 24.

24. Liema edukazzjoni li tgħallimna mingħand Ġesù m’għandna qatt ninsew?

24 Ejjew, għalhekk, inkunu ħabrieka fl-​isforzi tagħna biex niksbu edukazzjoni sekulari bbilanċjata. Jalla nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​programm kontinwu t’edukazzjoni divina li huwa pprovdut ġewwa l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. U jalla qatt ma ninsew il-​lezzjoni taʼ valur li tgħallimna mingħand Ġesù Kristu, il-​bniedem bl-​aqwa edukazzjoni li qatt mexa fuq din l-​art​—l-​edukazzjoni għandha tintuża, mhux biex nigglorifikaw lilna nfusna, imma biex inġibu tifħir lill-​akbar Edukatur minnhom ilkoll, Alla Jehovah! (w96 2/1)

X’Inhi T-​Tweġiba Tiegħek?

◻ Ġesù kif użaha l-​edukazzjoni tiegħu?

◻ Għala huwa importanti li wieħed jitgħallem jaqra tajjeb?

◻ Kif nistgħu nużaw l-​abbiltà tal-​kitba biex inġibu tifħir lil Jehovah?

◻ L-​edukazzjoni divina kif tgħinna niżviluppaw kemm moralment u kemm spiritwalment?

◻ L-​edukazzjoni liema taħriġ prattiku għandha tinkludi?

[Kaxxa f’paġna 20]

Għajnuna Prattika għall-​Edukaturi

Fil-​Konvenzjonijiet Distrettwali “Uħud Li Jfaħħru Ferħanin” matul l-​1995/96, il-​Watch Tower Society ħarġet ktejjeb ġdid intitolat Jehovah’s Witnesses and Education. Dan il-​ktejjeb bi 32 paġna u bil-​kulur ġie ppubblikat speċjalment għall-​edukaturi. S’issa ġie tradott fi 58 lingwa.

Għala ktejjeb bħal dan għall-​edukaturi? Biex jgħinhom jifhmu aħjar it-​twemmin taʼ studenti li huma tfal tax-​Xhieda taʼ Jehovah. X’fih il-​ktejjeb? B’ton ċar u pożittiv, dan jispjega l-​fehmiet tagħna dwar kwistjonijiet bħalma huma l-​edukazzjoni supplimentarja, għeluq is-​snin u l-​Milied, u t-​tislim lill-​bandiera. Il-​ktejjeb jassigura lill-​edukaturi li aħna rridu li t-​tfal tagħna jieħdu kulma jistgħu mill-​iskola u li aħna rridu sinċerament li nikkoperaw maʼ l-​edukaturi, billi nieħdu interess attiv fl-​edukazzjoni tat-​tfal tagħna.

Kif jistaʼ jiġi wżat il-​ktejjeb Education? Ladarba ġie ppreparat għall-​edukaturi, ejjew inqassmuh lil għalliema, kapijiet taʼ l-​iskejjel, u uffiċjali oħrajn taʼ l-​iskola. Jalla dan il-​ktejjeb ġdid jgħin lil edukaturi bħal dawn biex jifhmu l-​fehmiet u t-​twemmin tagħna u għala aħna xi kultant insostnu d-​dritt tagħna li nkunu differenti. Il-​ġenituri huma inkuraġġiti biex jużaw dan il-​ktejjeb bħala bażi għal diskussjoni persunali maʼ l-​edukaturi tat-​tfal tagħhom. (w96 2/1)

[Stampa f’paġna 17]

F’Iżrael tal-​qedem l-​edukazzjoni kienet stmata ħafna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja