LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 3/15 pp. 10-14
  • Għandhom Uliedi Jmorru l-Iskola?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandhom Uliedi Jmorru l-Iskola?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nies fil-​Bibbja li Kienu Jafu Jaqraw u Jiktbu
  • L-​Edukazzjoni Hija Importanti għall-​Kristjani
  • Privileġġi fil-​Kongregazzjoni
  • Il-​Faqar u s-​Superstizzjoni
  • L-​Edukazzjoni M’hijiex biex Issib Xogħol Biss
  • Anki l-​Bniet Għandhom Jitgħallmu l-​Iskola?
  • Huma l-​Klassijiet għall-​Qari u l-​Kitba Biżżejjed?
  • Responsabbiltà tal-​Ġenituri
  • Edukazzjoni bi Skop
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Kif Iħarsu Lejn l-Edukazzjoni?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • L-Edukazzjoni—Użaha Biex Tfaħħar lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • L-Edukazzjoni fi Żminijiet Bibliċi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 3/15 pp. 10-14

Għandhom Uliedi Jmorru l-​Iskola?

TISTAʼ timmaġina li int ma tkunx taf taqra l-​kliem f’din il-​paġna? Xi ngħidu jekk ma tkunx taf issib pajjiżek fuq il-​mappa tad-​dinja? Għadd bla tarf taʼ tfal se jikbru f’din is-​sitwazzjoni. Xi ngħidu għal uliedek?

Għandhom uliedek imorru l-​iskola? F’ħafna pajjiżi l-​edukazzjoni primarja u sekondarja hija obbligatorja u ħafna drabi bla ħlas. Il-​Konvenzjoni dwar id-​Drittijiet tat-​Tfal tqis l-​edukazzjoni bħala dritt fundamentali. L-​istess jgħodd għad-​Dikjarazzjoni Universali tad-​Drittijiet tal-​Bniedem. Madankollu, f’xi pajjiżi, l-​iskola għandha mnejn ma tkunx bla ħlas, u b’hekk tistaʼ tkun taʼ piż finanzjarju għall-​ġenituri. Ejja nħarsu lejn din is-​sitwazzjoni mil-​lenti taʼ ġenituri Kristjani li jixtiequ li wliedhom ikunu jafu jaqraw u jiktbu, permezz taʼ tagħlim fl-​iskola jew inkella b’xi mod ieħor.

Nies fil-​Bibbja li Kienu Jafu Jaqraw u Jiktbu

Il-​maġġorparti mill-​qaddejja t’Alla mniżżlin fil-​Bibbja kienu kapaċi jaqraw u jiktbu. Għalkemm l-​appostli taʼ Ġesù, Pietru u Ġwanni, kienu sajjieda Lhud, il-​kotba tal-​Bibbja kitbuhom bil-​Grieg u mhux bid-​djalett Galilew tagħhom.a Milli jidher, il-​ġenituri tagħhom ħadu ħsieb li wliedhom jingħataw edukazzjoni bażika. Kittieba oħra tal-​Bibbja f’sitwazzjoni simili kienu jinkludu lir-​ragħaj David, Għamos li kien jaħdem fir-​rabaʼ, u Ġuda, ħu Ġesù mill-​omm, li probabbilment kien mastrudaxxa.

Ir-raġel Ġob kien jaf jaqra u jikteb, u l-​ktieb tal-​Bibbja li jġorr ismu juri li xi ftit jew wisq hu kien jifhem fix-​xjenza. Setaʼ kellu wkoll abbiltà letterarja, għax l-​istqarrijiet tiegħu kwotati fil-​ktieb taʼ Ġob huma miktubin b’mod poetiku. U aħna nafu li l-​Kristjani tal-​bidu kienu jafu jaqraw u jiktbu għaliex dawk li x’aktarx kienu n-​noti li kienu jieħdu mill-​Iskrittura nstabu miktuba fuq biċċiet taċ-​ċaqquf.

L-​Edukazzjoni Hija Importanti għall-​Kristjani

Il-​Kristjani kollha għandhom bżonn jikbru fl-​għarfien tal-​Bibbja jekk iridu jogħġbu lil Alla. (Filippin 1:​9-11; 1 Tessalonikin 4:1) Jekk inħabirku biex nużaw l-​Iskrittura u għajnuniet oħrajn ibbażati fuq il-​Bibbja, dan se jgħinna nagħmlu progress spiritwali. Ladarba Alla pprovda l-​Kelma miktuba tiegħu, hu jistenna li dawk li jaqduh ikunu jafu jaqraw u jiktbu kemm jistaʼ jkun tajjeb. Qari tal-​Bibbja b’mod li jinftiehem se jagħmilha iktar faċli biex il-​parir jiġi applikat. Ovvjament, ġieli jkollna bżonn naqraw xi silta iktar minn darba biex inkunu nistgħu nifhmu ċerti punti u nimmeditaw fuqhom.​—Salm 119:104; 143:5; Proverbji 4:7.

Kull sena, il-​poplu taʼ Jehovah jirċievi mijiet taʼ paġni taʼ letteratura bħala għajnuna preparati taħt id-​direzzjoni taʼ “l-​ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:​45-​47, NW) Letteratura bħal din tittratta dwar il-​ħajja tal-​familja, użanzi, reliġjon, xjenza, u ħafna suġġetti oħra. L-​iktar importanti, din fiha pariri bbażati fuq l-​Iskrittura dwar affarijiet spiritwali. Jekk uliedek ma jkunux jafu jaqraw, se jiċċaħħdu minn ħafna informazzjoni tant bżonnjuża.

Tagħlim dwar l-​istorja tal-​bniedem huwa importanti għaliex jgħinna nifhmu għalfejn hemm bżonn is-​Saltna t’Alla. Għarfien bażiku tal-​ġeografija huwa importanti wkoll. Il-​Bibbja titkellem dwar ħafna postijiet bħalma huma l-​Iżrael, l-​Eġittu, u l-​Greċja. Uliedek jafu jsibuhom fuq il-​mappa tad-​dinja? Jistgħu jsibu pajjiżhom stess? Min ma jkunx kapaċi jaqra mappa, jistaʼ anki jsibha diffiċli li jwettaq sew l-​inkarigu tiegħu fil-​ministeru f’xi territorju assenjat lilu.​—2 Timotju 4:5.

Privileġġi fil-​Kongregazzjoni

L-​anzjani Kristjani u l-​qaddejja ministerjali għandhom ħafna responsabbiltajiet li jinvolvu l-​qari. Per eżempju, hemm ċerti partijiet li jridu jiġu preparati għal-​laqgħat. Hemm il-​bżonn li jinżamm rekord dwar il-​provvisti taʼ letteratura u d-​donazzjonijiet. Mingħajr edukazzjoni bażika, persuna tistaʼ ssibha diffiċli ħafna biex tieħu ħsieb dawn ir-​responsabbiltajiet b’effiċjenza.

Madwar id-​dinja, ħaddiema volontiera jaqdu fi djar taʼ Betel. Sabiex dawn il-​volontieri jikkomunikaw tajjeb u jwettqu l-​inkarigi tagħhom, bħat-​traduzzjoni tal-​letteratura u t-​tiswija tal-​makkinarju, huma jridu jkunu jafu jaqraw u jiktbu tajjeb. Biex uliedek igawdu privileġġi bħal dawn, ħafna drabi tkun meħtieġa edukazzjoni bażika. X’inhuma xi raġunijiet prattiċi għala wliedek għandhom imorru l-​iskola?

Il-​Faqar u s-​Superstizzjoni

Nies li jgħixu fil-​faqar forsi ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn f’ċerti sitwazzjonijiet. Madankollu, f’każi oħrajn, edukazzjoni raġunevoli tistaʼ tgħin lilna u lil uliedna nevitaw tbatija bla bżonn. F’xi pajjiżi, ħafna nies illetterati bilkemm jirnexxilhom jgħixu. Xi tfal, kif ukoll xi ġenituri, kultant imutu minħabba li bil-​paga miżera li jkollhom ikun impossibbli li jirċievu għajnuna medika. Ħafna drabi, nies li ftit jew xejn ma marru skola jispiċċaw biex la jkollhom x’jieklu u lanqas ikollhom djar deċenti. L-​edukazzjoni jew minn taʼ l-​inqas ftit abbiltà fil-​qari u l-​kitba jistgħu jkunu t’għajnuna f’dawn is-​sitwazzjonijiet.

Li tkun taf tikteb u taqra jnaqqas ukoll it-​tendenza li tkun superstizzjuż. Ovvjament, is-​superstizzjonijiet tistaʼ ssibhom kemm fost nies taʼ skola kif ukoll qalb nies li m’humiex taʼ skola. Imma se jkun iktar faċli li n-​nies iqarrqu b’dawk li ma tgħallmux skola u jieħdu vantaġġ minnhom, ladarba dawn ma jistgħux jaqraw materjal li jikxef makakkeriji bħal dawn. Għalhekk, dawn jispiċċaw ikunu iktar superstizzjużi u jkunu jemmnu li persuna li tfejjaq permezz taʼ l-​ispiritiżmu tistaʼ tfejjaq b’mod mirakoluż.​—Dewteronomju 18:​10-​12; Apokalissi 21:8.

L-​Edukazzjoni M’hijiex biex Issib Xogħol Biss

Ħafna jaħsbu li l-​iskop prinċipali taʼ l-​edukazzjoni huwa biex taqlaʼ l-​flus. Madankollu, xi nies li għandhom l-​edukazzjoni lanqas biss għandhom xogħol jew ma jaqilgħux biżżejjed biex ilaħħqu mal-​bżonnijiet taʼ kuljum. Minħabba f’hekk, xi ġenituri jistgħu jaħsbu li ma jiswielhom xejn li jibagħtu lil uliedhom l-​iskola. Imma l-​iskola tagħmel iktar milli sempliċement tipprepara lit-​tfal biex jaqilgħu l-​flus; din tħejjihom għall-​ħajja in ġenerali. (Koħèlet 7:​12) Jekk xi ħadd ikollu edukazzjoni tajba, meta jiġi biex jitkellem maʼ tobba, awtoritajiet ċivili, jew impjegati tal-​bank se jħossha iktar faċli, u dan se jsir parti mill-​ħajja taʼ kuljum u mhux xi ħaġa tal-​biżaʼ.

F’xi pajjiżi, tfal li m’humiex taʼ skola jistgħu jingħataw f’idejn ħaddieħor bħala apprendisti fis-​sengħa tal-​ġebel, sajd, ħjata, jew xi snajjaʼ oħra. Huwa tajjeb li titgħallem xi sengħa, imma jekk dawn it-​tfal qatt ma jattendu l-​iskola, wisq probabbli m’humiex se jitgħallmu jaqraw u jiktbu tajjeb. Bla dubju, li kieku l-​ewwel jieħdu edukazzjoni bażika u mbagħad jitgħallmu xi sengħa, dawn se jkunu iktar kapaċi jevitaw li jiġu sfruttati u wkoll ħajjithom se tkun iktar sodisfaċenti.

Ġesù taʼ Nazaret kien mastrudaxxa u milli jidher kellu xi tip taʼ taħriġ mill-​missier adottiv tiegħu, Ġużeppi. (Mattew 13:55; Mark 6:3) Ġesù kien jaf jaqra u jikteb ukoll, għaliex anki taʼ 12-il sena kien kapaċi jkollu diskussjonijiet bis-​sens maʼ rġiel taʼ ċerta edukazzjoni fit-​tempju. (Luqa 2:​46, 47) Fil-​każ taʼ Ġesù, il-​fatt li tgħallem sengħa ma fixklux milli jieħu tipi oħra taʼ edukazzjoni.

Anki l-​Bniet Għandhom Jitgħallmu l-​Iskola?

Il-​ġenituri kultant jibagħtu lil uliedhom subien l-​iskola imma lil uliedhom bniet le. Forsi xi ġenituri jaħsbu li biex teduka lill-​bniet jiswa ħafna flus u jemmnu li l-​bniet ikunu iktar utli għal ommijiethom jekk jibqgħu d-​dar il-​ġurnata kollha. Però, se jkun ferm taʼ żvantaġġ għall-​bint jekk din ma tkunx taf taqra u tikteb. Pubblikazzjoni tal-​Fond tal-​Ġnus Magħquda għat-​Tfal (UNICEF) tgħid: “Studju wara studju wera li l-​edukazzjoni tal-​bniet hija waħda mill-​aħjar strateġiji għall-​ħelsien mill-​faqar.” (Poverty and Children: Lessons of the 90s for Least Developed Countries) Bniet li jkunu ngħataw edukazzjoni jkunu armati aħjar għall-​ħajja u jagħmlu deċiżjonijiet iktar għaqlin, u b’hekk tibbenefika l-​familja kollha.

Studju dwar il-​mewt taʼ tfal żgħar f’Benin, fil-​Punent taʼ l-​Afrika, juri li ommijiet illetterati bħala grupp jitilfu tfal taħt il-​ħames snin b’rata taʼ 167 għal kull 1,000, waqt li nisa b’edukazzjoni taʼ skola sekondarja jitilfu 38 wieħed. L-​UNICEF tikkonkludi: “B’hekk, il-​livell taʼ edukazzjoni huwa fattur li jiddetermina r-​rata taʼ l-​imwiet tat-​tfal f’Benin, kif ukoll madwar id-​dinja kollha.” Għalhekk, mela, li teduka lill-​bniet jistaʼ jkollu bosta benefiċċji.

Huma l-​Klassijiet għall-​Qari u l-​Kitba Biżżejjed?

Fejn ikun hemm bżonn, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu klassijiet għall-​qari u l-​kitba għall-​membri tal-​kongregazzjoni li ma jafux jaqraw.b Dan il-​provvediment utli jgħin lin-​nies jitgħallmu jaqraw, normalment fil-​lingwa lokali tagħhom. Hija din xi ħaġa li tistaʼ tieħu post l-​edukazzjoni formali? Għandha l-​kongregazzjoni tipprovdi edukazzjoni għal uliedek anki jekk ikun hemm l-​iskejjel formali?

Għalkemm il-​klassijiet għall-​qari u l-​kitba huma arranġament li jsir b’qalb tajba mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah, dawn huma maħsuba għal nies adulti li qatt ma marru skola meta kienu tfal. X’aktarx, il-​ġenituri taʼ dawn in-​nies ma rawx l-​importanza li wliedhom jitgħallmu jaqraw u jiktbu, jew inkella fi żmienhom ma kinux jeżistu skejjel. Nies bħal dawn jistgħu jingħataw għajnuna billi jattendu klassijiet għall-​qari u l-​kitba mmexxija mill-​kongregazzjonijiet. Imma dawn il-​klassijiet ma jiħdux post l-​iskola regulari u m’humiex magħmulin biex jipprovdu edukazzjoni primarja. Suġġetti bħalma huma x-​xjenza, il-​matematika, u l-​istorja ma jiġux mgħallmin f’dawn il-​klassijiet. Però jistgħu jsiru fil-​kurrikulu regulari taʼ l-​iskola.

Fl-Afrika, il-​biċċa l-​kbira minn dawn il-​klassijiet jiġu mmexxija bil-​lingwi tat-​tribujiet u rari bil-​lingwa uffiċjali tal-​pajjiż. Iżda, l-​iskejjel ġenerali tal-​pajjiż normalment jiġu mmexxija bil-​lingwa uffiċjali. Dan ikun iktar taʼ benefiċċju għat-​tfal għaliex hemm iktar kotba u materjal ieħor tal-​qari disponibbli bil-​lingwa uffiċjali. Filwaqt li l-​klassijiet għall-​qari u l-​kitba jistgħu jkomplu jibnu fuq l-​edukazzjoni formali tat-​tfal, dawn ma jistgħux jiħdulha postha. Għalhekk, jekk huwa prattiku, m’għandhomx it-​tfal jingħataw edukazzjoni formali?

Responsabbiltà tal-​Ġenituri

Irġiel li jieħdu t-​tmexxija biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali tal-​kongregazzjoni għandhom ikunu Kristjani eżemplari. Huma għandhom imexxu lil taʼ darhom u lil uliedhom “sewwa.” (1 Timotju 3:​4, 12) Biex tmexxija tkun “sewwa” dak li jkun irid jagħmel dak kollu li hu possibbli biex jgħin lit-​tfal jevitaw żvantaġġi oħrajn iktar ’il quddiem.

Lill-ġenituri Kristjani, Alla tahom responsabbiltà kbira. Huma għandhom irabbu lil uliedhom skond il-​Kelma tiegħu u jgħinuhom isiru ‘jħobbu t-​tagħlim.’ (Proverbji 12:1; 22:6; Efesin 6:4) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-​aktar dawk tal-​familja tiegħu, dan ċaħad il-​fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) Il-​ġenituri għandhom jieħdu ħsieb ukoll li t-​tfal jingħataw edukazzjoni xierqa.

Is-sistema taʼ xi skola kultant ma tilħaqx il-​livelli edukattivi li jkollhom bżonn it-​tfal. Dan jistaʼ jkun minħabba li l-​klassijiet ikunu ffollati żżejjed, ma jkunx hemm fondi biżżejjed, jew forsi minħabba li l-​għalliema ma jkunux ferħanin għax ma jkunux imħallsin tajjeb. Għalhekk, huwa importanti li l-​ġenituri jkomplu jieħdu interess f’dak kollu li t-​tfal tagħhom qegħdin jitgħallmu l-​iskola. Huwa tajjeb li l-​ġenituri jiltaqgħu maʼ l-​għalliema, speċjalment fil-​bidu taʼ kull term, u anki jitolbu l-​parir tagħhom dwar kif it-​tfal jistgħu jsiru studenti aħjar. B’hekk, l-​għalliema jistgħu jħossuhom apprezzati u jkunu motivati biex jagħmlu sforz akbar sabiex jilħqu l-​livelli edukattivi li jkollhom bżonn it-​tfal.

L-edukazzjoni hija parti importanti ħafna mill-​iżvilupp tat-​tfal. “In-​nies bil-​għaqal jaħżnu l-​għerf,” jgħid Proverbji 10:14. Dan japplika b’mod speċjali għall-​għarfien mill-​Bibbja. In-​nies taʼ Jehovah​—kemm kbar kif ukoll żgħar​—irid ikollhom kemm jistaʼ jkun għarfien sabiex jgħinu lil oħrajn spiritwalment u ‘biex iġibu ruħhom quddiem Alla, bħala bnedmin li għaddew mill-​prova, bħala ħaddiema li m’għandhomx mniex jistħu, li jxandru bir-​reqqa l-​kelma tal-​verità.’ (2 Timotju 2:​15; 1 Timotju 4:​15) Mela allura għandhom uliedek imorru l-​iskola? Bla dubju għandek tasal għall-​konklużjoni li hekk għandhom jagħmlu, għalkemm dan jiddependi ħafna minn kemm hu prattiku f’pajjiżek. Imma l-​ġenituri Kristjani għandhom iwieġbu din il-​mistoqsija iktar importanti, ‘Għandhom uliedi jingħataw edukazzjoni?’ Toqgħod fejn toqgħod, ma taħsibx li r-​risposta għandha assolutament tkun iva?

[Noti taʼ taħt]

a Ilsien pajjiżhom kien jew djalett Galilew taʼ l-​Aramajk jew xi forma taʼ djalett Lhudi. Ara l-​Ewwel Volum, paġni 144-6, taʼ l-​Insight on the Scriptures, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

b Ara l-​Awake! tat-​22 taʼ Diċembru, 2000, paġni 8 u 9.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 12, 13]

JEKK IKUN IMPOSSIBBLI LI JATTENDU L-​ISKOLA

F’ċerti sitwazzjonijiet ikun impossibbli li xi wħud jattendu l-​iskola. Per eżempju, ir-​rivista Refugees irrapportat li tifel wieħed minn kull ħamsa biss jintgħażel biex imur l-​iskola fil-​kampijiet tar-​refuġjati. F’xi pajjiżi, l-​iskejjel lokali jingħalqu għal perijodu twil taʼ żmien minħabba l-​istrajkijiet. L-​iskejjel għandhom mnejn ikunu ’l bogħod ħafna jew forsi lanqas biss ikunu jeżistu f’ċerti postijiet. Il-​persekuzzjoni tal-​Kristjani tistaʼ wkoll twassal għat-​tkeċċija tat-​tfal mill-​iskola.

Kif tistaʼ tgħin lil uliedek f’ċirkustanzi bħal dawn? X’jistaʼ jsir jekk għandek ħafna tfal u tgħix f’post fejn minħabba problemi finanzjarji ikun impossibbli li tibgħat lit-​tfal kollha l-​iskola? Tistaʼ forsi tibgħat wieħed jew tnejn minnhom mingħajr ma tpoġġihom f’periklu spiritwali? Jekk tistaʼ, dawn ikunu jistgħu jgħallmu lil ħuthom l-​oħra dak li tgħallmu huma stess l-​iskola.

F’xi pajjiżi teżisti sistema fejn it-​tfal jistgħu jingħataw l-​edukazzjoni d-​dar tagħhom stess.c F’dan l-​arranġament, wieħed mill-​ġenituri ġeneralment iqattaʼ ftit sigħat kuljum jgħallem lit-​tifel jew tifla tiegħu. Fi żmien il-​patrijarki, il-​ġenituri kellhom suċċess mhux ħażin f’li jgħallmu lil uliedhom. Milli jidher, Ġużeppi bin Ġakobb kien kapaċi jmexxi lil ħaddieħor sa minn mindu kien żagħżugħ minħabba t-​taħriġ tajjeb li tawh il-​ġenituri tiegħu.

Il-​kurrikulu formali, jew aħjar il-​programm taʼ tagħlim, jistaʼ jkun diffiċli biex jinkiseb f’postijiet bħal xi kamp tar-​refuġjati, imma l-​ġenituri jistgħu jkunu kapaċi jużaw il-​letteratura pubblikata mix-​Xhieda taʼ Jehovah bħala bażi biex jgħallmu lil uliedhom. Per eżempju, Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja jistaʼ jkun utli biex jgħallem lil tfal ċkejknin. Ir-​rivista Stenbaħ! fiha għażla vasta t’artikli dwar ħafna suġġetti differenti. Il-​ktieb Life​—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? jistaʼ jintuża biex jiġu mgħallma suġġetti xjentifiċi. Il-​Yearbook of Jehovah’s Witnesses għandu mappa żgħira tad-​dinja u jitkellem dwar il-​ħajja u l-​ippridkar f’diversi pajjiżi.

Jistaʼ jsir ħafna ġid jekk it-​tagħlim ikun preparat tajjeb u addattat għal-​livell xieraq li jistgħu jifhmuh it-​tfal. Jekk ikomplu jaqraw u jitgħallmu, huma se jkunu jistgħu jmorru aħjar jekk iktar tard ikunu jistgħu jattendu l-​iskola. Bi ftit inizjattiva u sforz, int tistaʼ tgħin lil uliedek jieħdu edukazzjoni tajba, u dan jistaʼ jkun verament premjanti!

[Nota taʼ taħt]

c Ara l-​artiklu “Home Schooling​—Is It for You?” (L-Edukazzjoni d-​Dar—Tgħodd Għalik?) fil-​ħarġa taʼ lAwake! tat-​8 t’April, 1993, paġni 9-​12.

[Stampa]

X’jistaʼ jsir meta tkun toqgħod f’post fejn it-​tfal ma jkunux jistgħu jattendu l-​iskola?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja