Nilqgħu l-Isfida tal-Lealtà
‘Ilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija [“lealtà,” NW] ġejja mill-verità.’—EFESIN 4:24.
1. Aħna għala obbligati li nuru lealtà lil Alla Jehovah?
LI TILQAʼ l-isfida tal-lealtà għandu ħafna aspetti. L-iktar importanti huwa li tilqaʼ l-isfida tal-lealtà lejn Alla Jehovah. Verament, meta nqisu min hu Jehovah u x’għamel għalina, u minħabba li aħna ddedikati lilu, aħna obbligati li nagħtuh lealtà. Kif nuru lealtà lejn Alla Jehovah? Mod primarju huwa billi nkunu leali lejn il-prinċipji taʼ tjieba taʼ Jehovah.
2, 3. Liema relazzjoni hemm bejn il-lealtà u t-tjieba?
2 Biex nilqgħu dik l-isfida, irridu nagħtu kas tal-kliem misjub fl-1 Pietru 1:15, 16: “Bħalma qaddis hu dak li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-imġiba tagħkom kollha, għax hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax qaddis jien.’” Lealtà lejn Alla Jehovah se ġġegħelna nobduh f’kull ħin, billi nġibu l-ħsibijiet, il-kliem, u l-azzjonijiet tagħna f’armonija mar-rieda qaddisa tiegħu. Dan ifisser li nżommu kuxjenza tajba, bħalma niġu kkmandati fl-1 Timotju 1:3-5: “Issa l-iskop taʼ din it-twissija [biex ma tiġix mgħallma duttrina differenti jew tingħata attenzjoni għal stejjer foloz] hi l-imħabba li toħroġ minn qalb safja, minn kuxjenza tajba u minn fidi sinċiera.” Veru, ħadd minna m’hu perfett, imma għandna nkunu qegħdin nipprovaw nagħmlu l-aħjar li nistgħu, hux tassew?
3 Lealtà lejn Jehovah se żżommna milli b’mod egoist nagħmlu kompromess fi prinċipji taʼ tjieba. Tabilħaqq, il-lealtà se żżommna milli nkunu minn ġewwa mod u minn barra ieħor. Il-lealtà hija dak li kellu f’moħħu s-salmista meta kanta: “Urini, Mulej, triqatek, biex nimxi fis-sewwa tiegħek; tini qalb waħda, biex ikolli l-biżaʼ taʼ ismek.” (Salm 86:11) Il-lealtà tirrikjedi dak li ġie deskritt b’mod xieraq bħala “ubbidjenza lejn dak li ma jistax jiġi inforzat.”
4, 5. Il-lealtà se ġġegħelna noqogħdu attenti, li ma mmorrux nagħmlu liema ħaġa?
4 Lealtà lejn Alla Jehovah se żżommna wkoll milli nagħmlu kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ġġib tmaqdir fuq ismu u fuq is-Saltna tiegħu. Per eżempju, żewġ Kristjani darba tant ġew f’diffikultà bejniethom li b’mod mhux xieraq irrikorrew għal qorti tad-dinja. L-imħallef staqsa, ‘Intom it-tnejn Xhieda taʼ Jehovah?’ Evidentement ma setax jifhem x’kienu qegħdin jagħmlu fil-qorti. Xi tmaqdir kien dak! Lealtà lejn Alla Jehovah kellha ġġiegħel lil dawk l-aħwa jagħtu kas tal-parir taʼ l-appostlu Pawlu: “Mhux ġa nuqqas għalikom li jkollkom kawżi bejnietkom? Il-għala ma issofrux l-inġustizzja? Il-għala ma tagħżlux li tħallu min iqarraq bikom?” (1 Korintin 6:7) Ċertament, il-korsa taʼ lealtà lejn Alla Jehovah hija li ssofri telf persunali iktar milli ġġib tmaqdir fuq Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu.
5 Lealtà lejn Alla Jehovah tinvolvi wkoll li wieħed ma jċedix għall-biżaʼ mill-bniedem. “Min jibżaʼ mill-bniedem jaqaʼ fi xkiel; imma min jittama fil-Mulej ikun fil-kenn.” (Proverbji 29:25) B’hekk, aħna ma nagħmlux kompromess meta niġu ffaċċjati minn persekuzzjoni, imma nsegwu l-eżempju mħolli minn Xhieda taʼ Jehovah f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, fil-Malawi, fl-Etjopja, u f’tant u tant pajjiżi oħrajn.
6. Il-lealtà żżommna lura milli nassoċjaw maʼ min?
6 Jekk aħna leali lejn Alla Jehovah, se nevitaw li nagħmlu ħbieb maʼ dawk kollha li huma l-għedewwa tiegħu. Huwa għalhekk li d-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Nisa adulteri! Ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu taʼ Alla? Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu taʼ Alla.” (Ġakbu 4:4) Aħna rridu li jkollna l-lealtà li s-Sultan David wera meta qal: “Kemm nobgħodhom, Mulej, lil dawk li jobogħduk, kemm nistmellhom lil dawk li jqumu kontrik! B’mibegħda mill-akbar nobgħodhom, għalija huma egħdewwa tiegħi.” (Salm 139:21, 22) Ma rridux li nissieħbu soċjalment maʼ min jidneb apposta, għax m’għandna xejn inkomuni magħhom. M’għandhiex il-lealtà lejn Alla żżommna lura milli nissieħbu soċjalment m’għedewwa taʼ Jehovah bħal dawn, kemm jekk personalment jew permezz tal-medju tat-televixin?
Niddefendu Lil Jehovah
7. Il-lealtà se tgħinna biex nagħmlu liema ħaġa rigward Jehovah, u Eliħu kif għamel dan?
7 Il-lealtà se tqanqalna biex niddefendu lil Alla Jehovah. X’eżempju mill-aħjar taʼ dan għandna f’Eliħu! Ġob 32:2, 3 jgħidilna: “Hawn xegħlet il-korla taʼ Eliħu. . . . Inkorla għal Ġob għax baqaʼ jżomm li għandu raġun fil-kawża tiegħu maʼ Alla; inkorla wkoll għat-tlitt iħbieb tiegħu għax ma sabux xi jweġbuh u hekk jiġi li taw tort lil Alla.” F’Ġob kapitli 32 sa 37, Eliħu jiddefendi lil Jehovah. Per eżempju, qal: “Stenna, Ġob, ftit ieħor ħalli nurik, raġunijiet oħra favur Alla. . . . Ħa nagħti raġun lill-Ħallieq tiegħi. . . . Ma jwarrabx għajnejh minn fuq il-ġusti.”—Ġob 36:2-7.
8. Għala għandna bżonn niddefendu lil Jehovah?
8 Għala hemm bżonn li niddefendu lil Jehovah? Illum, Alla tagħna Jehovah jiġi offiż b’ħafna u ħafna modi. Hemm min isostni li ma jeżistix, li hu parti minn Trinità, li jitturmenta lin-nies eternament f’infern jaqbad, li b’mod dgħajjef qiegħed jipprova jikkonverti lid-dinja, li ma jimpurtahx mill-umanità, u affarijiet bħal dawn. Aħna nuru l-lealtà tagħna lejh billi niddefenduh u nagħtu prova li Jehovah tassew jeżisti; li hu Alla għaref, ġust, jistaʼ kollox, u taʼ mħabba; li għandu ħin stipulat għal kollox; u li meta jasal iż-żmien stipulat tiegħu, se jtemm il-ħażen kollu u jagħmel l-art kollha ġenna. (Koħelet 3:1) Dan jirrikjedi li nużaw kull opportunità biex nagħtu xiehda għall-isem u s-Saltna taʼ Jehovah.
Lealtà Lejn L-Organizzazzjoni Taʼ Jehovah
9. Xi wħud dwar liema kwistjonijiet kixfu n-nuqqas taʼ lealtà tagħhom?
9 Issa niġu għall-kwistjoni taʼ li nkunu leali lejn l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah. Ċertament, aħna obbligati li nuruha lealtà, inkluż “l-irsir leali u diskret,” li permezz tiegħu l-kongregazzjoni Kristjana hija mitmugħa spiritwalment. (Mattew 24:45-47, NW) Nassumu li tidher xi ħaġa fil-pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower li ma nifhmux jew ma naqblux magħha fil-preżent. X’se nagħmlu? Nieħdu għalina u nitilqu l-organizzazzjoni? Dak huwa li xi wħud għamlu meta It-Torri Taʼ L-Għassa, ħafna snin ilu, applika l-patt il-ġdid għall-Millennju. Oħrajn ħadu għalihom għal dak li It-Torri Taʼ L-Għassa darba qal fuq il-kwistjoni tan-newtralità. Li kieku dawk li tfixklu fuq dawn il-kwistjonijiet kienu leali lejn l-organizzazzjoni u lejn ħuthom, huma kienu jistennew sakemm Jehovah jikkjarifika dawn il-kwistjonijiet, bħalma għamel fiż-żmien stipulat tiegħu. B’hekk, il-lealtà tinkludi li wieħed jistenna bil-paċenzja sakemm fehma aġġornata tiġi ppubblikata mill-irsir leali u diskret.
10. Il-lealtà se żżommna lura milli nkunu kurjużi dwar liema ħaġa?
10 Lealtà lejn l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah tfisser ukoll li wieħed ma jkollu x’jaqsam xejn maʼ l-apostati. Kristjani leali m’humiex se jkunu kurjużi dwar x’għandhom x’jgħidu nies bħal dawn. Veru, dawk li qegħdin jintużaw minn Alla Jehovah biex jidderieġu x-xogħol tiegħu fuq l-art m’humiex perfetti. Imma l-Kelma t’Alla x’tgħidilna biex nagħmlu? Nitilqu l-organizzazzjoni t’Alla? Le. L-affezzjoni taʼ l-aħwa għandha żżommna leali lejha, u għandna nkomplu ‘nħobbu ’l xulxin b’qalbna kollha u bil-qawwa kollha.’—1 Pietru 1:22.
Lealtà Lejn Anzjani Leali
11. Il-lealtà se tgħinna biex ngħassu kontra liema ħsieb negattiv?
11 Meta fil-kongregazzjoni tintqal jew issir xi ħaġa li nsibuha diffiċli biex nifhmu, il-lealtà se żżommna milli niġġudikaw il-motivi u se tgħinna biex nieħdu l-pożizzjoni li forsi din hija kwistjoni taʼ ġudizzju. M’huwiex ferm aħjar li tikkonċentra fuq il-kwalitajiet tajbin taʼ l-anzjani maħturin u kredenti oħrajn sħabna milli tikkonċentra fuq in-nuqqasijiet tagħhom? Iva, irridu noqogħdu għassa kontra kull ħsieb negattiv bħal dan, għaliex dan għandu x’jaqsam maʼ li wieħed ikun żleali! Il-lealtà se tgħinna wkoll biex nobdu d-direttiva taʼ Pawlu ‘biex ma nkasbru ’l ħadd.’—Titu 3:1, 2.
12, 13. L-anzjani liema sfidi partikulari jridu jiffaċċjaw?
12 Il-lealtà tippreżenta sfidi partikulari lill-anzjani. Waħda minn dawn l-isfidi hija l-kwistjoni tal-konfidenzjalità. Membru taʼ kongregazzjoni għandu mnejn jiftaħ qalbu m’anzjan. Lealtà lejn dak li jkun se żżomm lura lill-anzjan milli jikser il-prinċipju tal-konfidenzjalità. Hu se jagħti kas tal-parir fi Proverbji 25:9: “Tikxifx dak li taf [“kliem konfidenzjali,” NW] fuq ħaddieħor.” Dak ifisser lanqas saħansitra lil martu stess!
13 L-anzjani għandhom ukoll testijiet oħrajn taʼ lealtà x’jilqgħu. Se jkunu huma wħud li jridu jintgħoġbu, jew se jgħinu bil-kuraġġ u bil-ħlewwa lil dawk li jeħtieġu korrezzjoni, saħansitra jekk dawn huma qraba jew ħbieb intimi tagħhom? Lealtà lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah se ġġiegħel lil dawk minna li huma anzjani biex nipprovaw ngħinu lil kulmin jeħtieġ għajnuna spiritwali. (Galatin 6:1, 2) Għalkemm se nkunu qalbna tajba, il-lealtà se tagħmilna sinċieri m’anzjan seħibna, sewwa sew bħalma Pawlu tkellem maʼ l-appostlu Pietru apertament. (Galatin 2:11-14) Mill-banda l-oħra, l-indokraturi jridu joqogħdu attenti, li ma jmorrux jaġixxu b’mod mhux għaqli jew juru parzjalità jew b’xi mod ieħor jabbużaw mill-awtorità tagħhom, u b’hekk jagħmluha diffiċli għal dawk taħt il-ħarsien tagħhom li jkunu leali lejn l-organizzazzjoni t’Alla.—Filippin 4:5.
14, 15. Liema fatturi jistgħu jittestjaw il-lealtà taʼ membri tal-kongregazzjoni?
14 Hemm aspetti oħrajn fil-kwistjoni taʼ li wieħed jilqaʼ l-isfida tal-lealtà lejn il-kongregazzjoni u l-anzjani tagħha. Jekk ikun hemm xi ftit tat-taħwid fil-kongregazzjoni, dan jagħtina opportunità biex nuru lealtà lejn Jehovah u lejn dawk li jirrappreżentawh. (Ara It-Torri Taʼ L-Għassa, tal-15 taʼ Settembru, 1987, paġni 15-17.) Meta jkun sar qtugħ mis-sħubija, il-lealtà tirrikjedi li aħna nappoġġjaw lill-anzjani, mhux nipprovaw nispekulaw jekk kienx hemm raġunijiet suffiċjenti għall-azzjoni li tkun ittieħdet.
15 Lealtà lejn il-kongregazzjoni titlob minna wkoll li nappoġġjaw il-ħames laqgħat kollha taʼ kull ġimgħa sal-punt li jippermettu ċ-ċirkostanzi u l-abbiltajiet tagħna. Il-lealtà tirrikjedi mhux biss li aħna nattenduhom regolarment imma wkoll li nippreparaw għalihom u nagħmlu kummenti li jibnu meta jkollna ċ-ċans.—Lhud 10:24, 25.
Lealtà Fiż-Żwieġ
16, 17. Kristjani miżżewġin liema sfidi taʼ lealtà jridu jiffaċċjaw?
16 Lejn min iktar obbligati nuru lealtà? Jekk aħna miżżewġin, minħabba l-wegħdi tagħna taż-żwieġ, irridu nilqgħu l-isfida taʼ li nkunu leali lejn is-sieħba jew is-sieħeb tagħna. Lealtà lejn is-sieħba jew is-sieħeb tagħna se żżommna lura milli nagħmlu l-iżball li nkunu iżjed ħelwin maʼ nisa jew irġiel oħrajn milli nkunu mal-mara jew ir-raġel tagħna stess. Lealtà lejn is-sieħba jew is-sieħeb tagħna tirrikjedi wkoll li ma nikxfux maʼ barranin id-dgħjufijiet jew in-nuqqasijiet tas-sieħba jew sieħeb tagħna. Huwa eħfef li nilmentaw m’oħrajn milli li naħdmu iebes biex inżommu l-linji taʼ komunikazzjoni miftuħin mal-mara jew ir-raġel tagħna, li huwa dak li għandna nagħmlu fi qbil mar-Regola tad-Deheb. (Mattew 7:12) Fil-fatt, l-istat taż-żwieġ tassew jippreżenta sfida għal-lealtà Kristjana tagħna.
17 Biex nilqgħu din l-isfida taʼ lealtà, mhux biss irridu nevitaw li nkunu ħatjin taʼ kondotta ħażina serja imma rridu ngħassu wkoll lill-istess ħsibijiet u sentimenti tagħna. (Salm 19:15 [Salm 19:14, NW]) Per eżempju, jekk il-qlub qarreqin tagħna huma rgħibin għal pjaċir u eċċitament, ikun faċli ferm għalina li b’mod egoistiku navvanzaw mill-punt taʼ li nammiraw xi ħaġa għal li nixtiequha. Billi jħeġġeġ il-fedeltà fiż-żwieġ, is-Sultan Salamun iwissi lill-irġiel miżżewġin b’mod figurattiv biex ‘jixorbu l-ilma mill-bir tagħhom stess.’ (Proverbji 5:15) U Ġesù qal: “Kull min iħares lejn mara u jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Irġiel miżżewġin li darrew lilhom infushom jaraw materjal pornografiku jissograw li jiġu mħajrin jikkommettu adulterju, billi b’hekk iqarrqu bin-nisa tagħhom u jkunu żleali lejhom. Għall-istess raġuni, mara miżżewġa li tinħakem mill-ispirtu taʼ soap operas li jittrattaw dwar episodji adulterużi tistaʼ tiġi ttantata li ssir żleali lejn żewġha. Billi nkunu verament leali lejn is-sieħba jew is-sieħeb tagħna, madankollu, insaħħu r-rabta taż-żwieġ, u ngħinu lil xulxin fl-isforzi tagħna biex nogħġbu lil Alla Jehovah.
Għajnuniet Biex Inżommu Leali
18. Apprezzament għal liema ħaġa se jgħinna nkunu leali?
18 X’se jgħinna nilqgħu l-isfida tal-lealtà f’dawn l-erbaʼ oqsma: lealtà lejn Jehovah, lejn l-organizzazzjoni tiegħu, lejn il-kongregazzjoni, u lejn is-sieħba jew is-sieħeb tagħna fiż-żwieġ? Għajnuna waħda hija li napprezzaw li l-fatt li nilqgħu l-isfida tal-lealtà huwa marbut maʼ l-ivvindikar tas-sovranità taʼ Jehovah. Iva, billi nibqgħu leali aħna nuru li nqisu lil Jehovah bħala Sovran Universali. B’hekk nistgħu wkoll ikollna rispett għalina nfusna u t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fid-dinja ġdida taʼ Jehovah. Nistgħu ngħinu lilna nfusna biex nibqgħu leali billi nikkunsidraw eżempji mill-aħjar taʼ lealtà, billi nibdew minn Jehovah u nibqgħu sejrin sa dawk imsemmijin fil-Bibbja u fil-pubblikazzjonijiet tagħna tal-Watch Tower, inklużi rakkonti fil-Yearbook.
19. Il-fidi liema rwol għandha f’li nkunu leali?
19 Fidi qawwija f’Alla Jehovah u biżaʼ li ma nogħġbuhx se jgħinuna nilqgħu l-isfida tal-lealtà. Aħna nsaħħu l-fidi tagħna f’Jehovah u l-biżaʼ tagħna minnu billi nistudjaw b’mod diliġenti l-Kelma t’Alla u billi nieħdu sehem fil-ministeru Kristjan. Dan se jgħinna biex naġixxu fi qbil mal-parir taʼ Pawlu mniżżel f’Efesin 4:23, 24: “Għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija [“lealtà,” NW] ġejja mill-verità.”
20. Fuq kollox, liema kwalità se tgħinna nkunu leali lejn Jehovah u lejn dawk kollha li lilhom aħna obbligati nuru lealtà?
20 Apprezzament għall-kwalitajiet taʼ Jehovah jgħinna nkunu leali. Fuq kollox, imħabba mhix egoista għal Missierna tas-sema u gratitudni għal dak kollu li għamel għalina, billi nħobbuh b’qalbna u b’ruħna u b’moħħna u b’saħħitna kollha se jgħinuna nkunu leali lejh. Barra minn hekk, li jkollna l-imħabba li Ġesù qal kellha tidentifika lis-segwaċi tiegħu se jgħinna nkunu leali lejn il-Kristjani kollha fil-kongregazzjoni u fil-familja tagħna. Fi kliem ieħor, hija attwalment kwistjoni taʼ li tkun jew egoist jew mhux egoist. Nuqqas taʼ lealtà jfisser li tkun egoist. Il-lealtà tfisser li ma tkunx egoist.—Mark 12:30, 31; Ġwann 13:34, 35.
21. Il-kwistjoni taʼ li nilqgħu l-isfida tal-lealtà kif tistaʼ tinġabar fil-qosor?
21 Fil-qosor: Il-lealtà hija l-kwalità ġenwina murija minn Alla Jehovah, minn Ġesù Kristu, u mill-qaddejja veri kollha taʼ Jehovah. Biex ikollna relazzjoni tajba m’Alla Jehovah, irridu nilqgħu l-isfida taʼ lealtà lejh billi ngħixu fi qbil mal-ħtiġijiet taʼ tjieba tiegħu, billi ma jkollna xejn x’naqsmu maʼ l-għedewwa tiegħu, u billi niddefendu lil Jehovah b’għoti taʼ xiehda formali u informali. Irridu nilqgħu wkoll l-isfida taʼ li nkunu leali lejn l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah. Irridu nkunu leali lejn il-kongregazzjonijiet tagħna u leali lejn is-sieħba jew is-sieħeb tagħna fiż-żwieġ. Billi nilqgħu b’suċċess l-isfida tal-lealtà, se nkunu qegħdin nieħdu sehem fl-ivvindikar tas-sovranità taʼ Jehovah, u se nkunu qegħdin inżommu miegħu fil-kwistjoni. B’dan il-mod se niksbu l-favur tiegħu u se nirċievu l-premju taʼ ħajja taʼ dejjem. Dak li l-appostlu Pawlu qal dwar id-devozzjoni lejn Alla jistaʼ jingħad ukoll dwar li aħna nilqgħu l-isfida tal-lealtà. Huwa taʼ benefiċċju kemm għall-ħajja issa u kemm għal dik li għad trid tiġi.—Salm 18:26 [Salm 18:25, NW]; 1 Timotju 4:8. (w96 3/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ B’liema modi nistgħu nilqgħu l-isfida tal-lealtà lejn Alla?
◻ Lealtà lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah x’tirrikjedi minna?
◻ L-anzjani kif jistgħu jilqgħu l-isfida tal-lealtà?
◻ Kristjani miżżewġin liema sfida li tinvolvi l-lealtà jridu jilqgħu?
◻ Liema kwalitajiet se jgħinuna nilqgħu l-isfida tal-lealtà?
[Stampa f’paġna 14]
Lealtà lejn membri tal-kongregazzjoni se żżomm lura lill-anzjani milli jikxfu affarijiet kunfidenzjali
[Stampi f’paġna 15]
Lealtà lejn is-sieħba jew is-sieħeb issaħħaħ ir-rabta taż-żwieġ