Ara l-Leali!
“Min ma jibżax minnek, Mulej, u ma jsebbaħx lil ismek? Għax int waħdek qaddis [“leali,” NW].”—APOKALISSI 15:4.
1. J. F. Rutherford liema testimonjanza ta rigward il-lealtà tal-predeċessur tiegħu, C. T. Russell?
JOSEPH F. RUTHERFORD, li ħa l-post taʼ C. T. Russell bħala president tal-Watch Tower Society fl-1917, beda r-rimarki tiegħu fis-servizz tad-difna taʼ Russell billi qal: “Charles Taze Russell kien leali lejn Alla, leali lejn Kristu Ġesù, leali lejn il-kawża tas-saltna tal-Messija. Kien leali għall-aħħar—iva, leali saħansitra sal-mewt.” Verament, dak kien att taʼ rispett mill-aħjar li ntwera lil qaddej leali t’Alla Jehovah. Ma nistgħux nuru att akbar taʼ rispett lil kwalunkwe individwu milli ngħidu li laqaʼ l-isfida tal-lealtà, li kien leali—leali għall-aħħar.
2, 3. (a) Il-lealtà għala tippreżenta sfida? (b) Min huma lesti għall-attakk kontra Kristjani veri fl-isforzi tagħhom biex ikunu leali?
2 Il-lealtà tippreżenta sfida. Għala? Għaliex il-lealtà tmur kontra l-interessi persunali. Ewlenin fost dawk mhux leali lejn Alla hemm il-kleru tal-Kristjaneżmu. Imbagħad, ukoll, qatt ma kien hemm nuqqas taʼ lealtà daqstant mifrux daqs kemm huwa llum fir-relazzjoni taż-żwieġ. L-adulterju huwa komuni. In-nuqqas taʼ lealtà huwa wkoll abbundanti fid-dinja tan-negozju. Rigward dan, jintqalilna: “Ħafna managers u professjonisti . . . jemmnu li l-boloh u l-lagħqin biss huma leali lejn il-kumpaniji tagħhom illum.” Nies li huma “leali żżejjed” huma ddisprezzati. “L-ewwel u l-unika lealtà tiegħek għandha tkun lejk stess” huwa l-mod kif poġġieha president taʼ ditta taʼ kkonsultar dwar immaniġġar u tiftix taʼ persuni esekuttivi. Li titkellem dwar lealtà lejk innifsek tkun qiegħed tikkorrompi t-tifsira tal-kelma. Dan ifakkarna f’dak li huwa mistqarr f’Mikea 7:2: “Għab il-bniedem twajjeb [“leali,” NW] mill-pajjiż.”
3 Fuq skala bil-wisq iżjed sinjifikanti, Satana u d-demonji tiegħu huma lesti għall-attakk kontrina, iddeterminati li jġagħluna nkunu żleali lejn Alla. Huwa għalhekk li lill-Kristjani jintqalilhom f’Efesin 6:12: “Il-ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawwiet, kontra l-Prinċpijiet taʼ din id-dinja taʼ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisaʼ tas-smewwiet.” Iva, għandna bżonn nagħtu kas tat-twissija: “Kunu meqjusa u għassu. L-għadu tagħkom ix-xitan qisu ljun igħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ.”—1 Pietru 5:8.
4. Liema tendenzi jagħmlu li tkun leali tant diffiċli?
4 It-tendenzi egoistiċi li writna mingħand il-ġenituri tagħna wkoll jagħmlu l-lealtà diffiċli, bħalma jissemma f’Ġenesi 8:21: “Qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen”—u egoista—“sa minn ċkunitu.” Ilkoll kemm aħna għandna l-problema li l-appostlu Pawlu ammetta li kellu: “M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx.”—Rumani 7:19.
Il-Lealtà Hija Xi Ħaġa Speċjali
5, 6. X’jistaʼ jingħad dwar x’inhi l-lealtà, u kif ġiet iddefinita?
5 “Lealtà” hija kelma speċjali ħafna. B’hekk l-Insight on the Scriptures jistqarr: “Ma jidher li hemm ebda kelmiet Ingliżi li jesprimu eżattament it-tifsira sħiħa tal-kelmiet Ebrajċi u Griegi, imma ‘lealtà,’ li tinkludi, il-ħsieb taʼ devozzjoni u fedeltà, meta tintuża f’konnessjoni m’Alla u s-servizz tiegħu, taqdi biex tagħti tifsira simili.”a Rigward “lealtà” It-Torri Taʼ L-Għassa darba stqarr: “Fedeltà, dmir, imħabba, obbligu, ubbidjenza. Dawn il-kelmiet x’għandhom inkomuni? Huma aspetti differenti tal-lealtà.” Iva, hemm ħafna virtujiet li realment huma aspetti differenti taʼ lealtà. Huwa tabilħaqq notevoli kemm taʼ spiss il-lealtà u t-tjieba huma marbutin flimkien fl-Iskrittura.
6 T’għajnuna wkoll huma d-definizzjonijiet li ġejjin: ‘Lealtà tistaʼ tindika fedeltà u ubbidjenza kontinwi u taʼ min joqgħod fuqhom, sodi kontra l-inċertezza u t-tentazzjoni.’ ‘Lealtà timplika fedeltà lejn il-kelma li wieħed ikun ta jew ubbidjenza kontinwa lejn l-istituzzjoni jew il-prinċipji li magħhom iħoss lilu nnifsu marbut moralment; it-terminu jissuġġerixxi mhux biss li tħaddan imma li tirreżisti milli tiġi mħajjar u pperswadut ’il bogħod minn dak li tħaddan.’ B’hekk, nies li jżommu l-fedeltà minkejja testijiet, oppożizzjoni, u persekuzzjoni jixirqilhom jissejħu “leali.”
7. Liema distinzjoni tistaʼ ssir bejn lealtà u fedeltà?
7 F’konnessjoni maʼ dan, madankollu, għandu mnejn ikun tajjeb li nuru b’tixbieha distinzjoni li tistaʼ ssir bejn lealtà u fedeltà. Fil-Punent taʼ l-Istati Uniti, hemm fawwara taʼ ilma sħun li ttellaʼ l-ilma bejn wieħed u ieħor kull siegħa. Tant huwa regulari li ġie msejjaħ Old Faithful (Fidil Xiħ). Il-Bibbja titkellem dwar affarijiet bla ħajja bħall-qamar bħala li huwa fidil, għaliex tistaʼ toqgħod fuqu. Salm 89:37 [KŻ] jitkellem dwar il-qamar bħala “xhud fidil fis-sema.” Il-kliem t’Alla jintqal li huwa fidil. Apokalissi 21:5 jgħid: “Dak li hu bilqiegħda fuq it-tron qal: ‘Ara, se nġedded kollox.’ Qalli: ‘Ikteb, għax dawn il-kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom [“fidili,” NW].’” Dawn kollha huma fidili, taʼ min joqgħod fuqhom, imma ma jistgħux juru kwalunkwe ġibda b’imħabba jew kwalitajiet morali, bħalma hija l-lealtà.
Jehovah, Il-Wieħed Leali B’Mod Li Jispikka
8. Liema testimonjanza Skritturali tidentifika lill-aqwa eżempju taʼ lealtà?
8 Mingħajr l-ebda dubju, Alla Jehovah hu l-aqwa eżempju taʼ lealtà. Jehovah kien u għadu leali lejn ir-razza umana, saħansitra billi pprovda lil Ibnu sabiex il-bnedmin jistgħu jirċievu l-ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 3:16) F’Ġeremija 3:12, naqraw: “‘Erġaʼ lura, ja Israel stinata,—Oraklu tal-Mulej—Ma nħarisx aktar b’wiċċ imqarras lejk, għax jien ħanin [“leali,” NW].’” Jixhed iktar għal-lealtà taʼ Jehovah hemm il-kliem imniżżel f’Apokalissi 16:5: “Ġust int, int li hu u li kien, ja Qaddis [“Wieħed leali,” NW].” Imbagħad jerġaʼ, f’Salm 145:17, jintqalilna: “Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, twajjeb [“leali,” NW] f’dak kollu li jagħmel.” Fil-fatt, Jehovah tant jispikka fil-lealtà tiegħu li Apokalissi 15:4 jistqarr: “Min ma jibżax minnek, Mulej, u ma jsebbaħx lil ismek? Għax int waħdek qaddis [“leali,” NW].” Alla Jehovah hu leali sal-grad superlattiv.
9, 10. Jehovah liema rekord taʼ lealtà għamel fl-ittrattar tiegħu mal-ġens taʼ Israel?
9 L-istorja tal-ġens taʼ Israel b’mod partikulari fiha testimonjanza abbundanti dwar il-lealtà taʼ Jehovah lejn il-poplu tiegħu. Fi żmien l-Imħallfin, Israel żvija mill-vera qima darba wara l-oħra, imma Jehovah ripetutament ħass sogħba u salvahom. (Imħallfin 2:15-22) Matul il-ħames sekli li Israel kellu s-slaten, Jehovah wera l-lealtà tiegħu lejn dak il-ġens.
10 Il-lealtà taʼ Jehovah ġagħlitu jkun paċenzjuż mal-poplu tiegħu, kif inhu nnotat fit-2 Kronaki 36:15, 16: “Billi ġietu ħasra mill-poplu tiegħu u mill-għamara tiegħu, il-Mulej, Alla taʼ missirijiethom, kien taʼ sikwit jibgħat iwiddibhom bil-messaġġiera tiegħu. Iżda huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.”
11. Il-lealtà taʼ Jehovah liema assiguranza jew faraġ tagħtina?
11 Minħabba li Jehovah hu leali b’mod suprem, l-appostlu Pawlu setaʼ jikteb, bħalma huwa mniżżel f’Rumani 8:38, 39: “Jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la taʼ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba taʼ Alla għalina li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.” Iva, Jehovah jiżgurana: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.” (Lhud 13:5) Verament, huwa taʼ faraġ li tkun taf li Alla Jehovah hu dejjem leali!
Ġesù Kristu, L-Iben Leali
12, 13. Liema testimonjanza għandna rigward il-lealtà taʼ l-Iben t’Alla?
12 Jimita perfettament lil Jehovah f’li jilqaʼ l-isfida tal-lealtà kien u għad hemm Ġesù Kristu. Bix-xieraq setaʼ l-appostlu Pietru jikkwota Salm 16:10 u japplikah għal Ġesù Kristu f’Atti 2:27: “Inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi, u ma tħallix il-Qaddis [“wieħed leali,” NW] tiegħek jara t-taħsir.” Ġesù Kristu jistħoqqlu jissejjaħ il-“wieħed leali.” B’kull mod, hu leali lejn Missieru u lejn is-Saltna mwiegħda t’Alla. Satana l-ewwel ipprova jkisser l-integrità taʼ Ġesù billi uża tentazzjonijiet, appelli lejn interessi persunali. Billi falla f’dak, ix-Xitan irrikorra għall-persekuzzjoni, billi finalment ikkaġuna l-mewt taʼ Ġesù fuq l-għuda t’esekuzzjoni. Ġesù qatt ma naqas mil-lealtà tiegħu lejn Missieru tas-sema, Alla Jehovah.—Mattew 4:1-11.
13 Ġesù Kristu kien u għadu leali lejn is-segwaċi tiegħu fi qbil mal-wegħda mniżżla f’Mattew 28:20: “Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” Bi twettiq taʼ dik il-wegħda, hu kien u għadu jeżerċita lealment tmexxija fuq il-kongregazzjoni tiegħu minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. saż-żmien preżenti.
Bnedmin Imperfetti Li Kienu Leali
14. Ġob liema eżempju taʼ lealtà stabbilixxa?
14 Issa, xi ngħidu dwar bnedmin imperfetti? Jistgħu huma jkunu leali lejn Alla? Għandna l-każ notevoli taʼ Ġob. Satana għamel il-kwistjoni ċara u tonda fil-każ tiegħu. Kien Ġob leali lejn Alla Jehovah, jew kien qiegħed jaqdih biss minħabba interessi persunali? Satana ftaħar li hu setaʼ jdawwar lil Ġob lil hinn minn Jehovah billi jaqlaʼ l-inkwiet lil Ġob. Meta Ġob kien tilef kulma kellu, lit-tfal tiegħu kollha, u saħansitra saħħtu, martu ħeġġitu: “Isħet ’l Alla u mut!” Imma Ġob kien leali, għaliex qalilha: “‘Qiegħda titkellem taʼ waħda belha. Nilqgħu t-tajjeb minn għand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx?’ F’dan kollu Ġob ma dinibx b’xofftejh.” (Ġob 2:9, 10) Fil-fatt, lit-taparsi farraġa tiegħu, Ġob qalilhom: “Għalkemm joqtolni [Alla], nittama fih.” (Ġob 13:15, KŻ) Mhux taʼ b’xejn li Ġob irċieva l-approvazzjoni taʼ Jehovah! Għalhekk, Jehovah qal lil Elifaż it-Temanit: “Jiena nkurlat għalik u għaż-żewġt iħbieb tiegħek, għax intom ma għidtux is-sewwa fuqi bħalma għamel Ġob.”—Ġob 42:7, 10-16; Ġakbu 5:11.
15. Liema testimonjanza Skritturali għandna dwar il-lealtà taʼ ħafna qaddejja t’Alla Jehovah?
15 L-irġiel u n-nisa kollha taʼ fidi deskritti f’Lhud kapitlu 11 jistgħu jissejħu wħud leali. Huma mhux biss urew fedeltà imma wkoll lealtà meta kienu ffaċċjati minn pressjonijiet. B’hekk, naqraw dwar dawk li “bil-qawwa tal-fidi . . . saddew ħalq l-iljuni, tfew il-qawwa tan-nar, ħelsu minn xifer is-sejf . . . Oħrajn sofrew żebliħ u swat u saħansitra ktajjen u ħabs. Kienu mħaġġra, imħanxra minn nofshom, maqtula bis-sejf; ħarġu jiġġerrew imlibbsin bi ġlud tan-ngħaġ u tal-mogħoż, neqsin minn kollox, imħabbtin u maħqurin.”—Lhud 11:33-37.
16. L-appostlu Pawlu liema eżempju taʼ lealtà forna?
16 L-Iskrittura Griega Kristjana tipprovdi wkoll l-eżempju impressjonanti taʼ l-appostlu Pawlu. Setaʼ jgħid bix-xieraq lill-Kristjani Tessalonkin rigward il-ministeru tiegħu: “Tixhdu intom u Alla wkoll, kemm kienet qaddisa [“leali,” NW], ġusta u bla għajb l-imġiba tagħna magħkom li emmintu.” (1 Tessalonkin 2:10) Għandna prova iżjed tal-lealtà taʼ Pawlu fil-kliem tiegħu mniżżel fit-2 Korintin 6:4, 5, fejn naqraw: “F’kollox inqisu ruħna bħala ministri taʼ Alla, bis-sabar kollu fil-hemm, fit-tiġrib, fit-tbatija, fid-djieqa, fis-swat, fil-ħabsijiet, fit-tixwix, fit-taħbit, fis-sahriet bla rqad, fis-sawm.” Dan kollu jixhed li l-appostlu Pawlu kellu rispett għalih innifsu minħabba li kien leali.
Uħud Leali Fiż-Żminijiet Moderni
17. Liema kliem taʼ J. F. Rutherford wera d-determinazzjoni tiegħu li jkun leali?
17 Jekk niġu għaż-żminijiet moderni, għandna l-eżempju mill-aħjar li diġà kkunsidrajna fl-introduzzjoni tagħna. Innota dak li huwa mistqarr fil-ktieb Worldwide Security Under the “Prince of Peace,” f’paġna 146 taħt is-sottitlu “Loyalty During Time of Imprisonment” (Lealtà Matul Żmien Taʼ Priġunerija). Hemmhekk jintqal: “Billi wera l-lealtà tiegħu lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah matul iż-żmien taʼ priġunerija tiegħu, il-president tal-Watch Tower Society, Joseph F. Rutherford, fil-25 taʼ Diċembru, 1918, kiteb dan li ġej: ‘Minħabba li rrifjutajt li nagħmel kompromess maʼ Babilonja, imma bil-fedeltà pprovajt naqdi lill-Mulej tiegħi, ninsab il-ħabs, u taʼ dan jien grat. . . . Nippreferi bil-bosta li jkolli l-approvazzjoni u t-tbissima Tiegħu u nkun il-ħabs, milli nagħmel kompromess mal-Bhima jew inċedi għaliha u nkun ħieles u jkolli l-applawsi tad-dinja kollha.’”b
18, 19. Liema eżempji ġenwini taʼ lealtà għandna fiż-żminijiet moderni?
18 Għandna eżempji eċċellenti taʼ lealtà f’ħafna Kristjani oħrajn li ssaportew persekuzzjoni. Fost individwi leali bħal dawn hemm Xhieda taʼ Jehovah Ġermaniżi matul ir-reġim Nażista, bħalma huwa muri fil-vidjo Purple Triangles, imqassam f’ħafna pajjiżi bil-lingwa Ingliża. Notevoli wkoll huma ħafna Xhieda Afrikani taʼ Jehovah leali, bħalma huma dawk fil-Malawi. Hemmhekk, wieħed gwardjan tal-ħabs xehed dwar il-lealtà tax-Xhieda, billi qal: “Qatt ma se jagħmlu kompromess. Sempliċement jiżdiedu.”
19 Wieħed ma jistax jaqra l-Yearbooks of Jehovah’s Witnesses riċenti mingħajr ma jiġi impressjonat mil-lealtà murija minn Kristjani veri, bħal dawk fil-Greċja, il-Możambik, u l-Polonja. Ħafna minnhom sofrew torturi taʼ moħqrija kbira; oħrajn ġew maqtulin. Paġna 177 tan-1992 Yearbook turi ritratti taʼ disaʼ rġiel Kristjani fl-Etjopja li laqgħu l-isfida tal-lealtà sal-punt taʼ li ġew maqtulin. Bħala Xhieda taʼ Jehovah, m’aħniex aħna henjin li għandna tant eżempji mill-aħjar biex iqanqluna ħalli nilqgħu l-isfida tal-lealtà?
20. X’jiġri bħala konsegwenza jekk nibqgħu leali?
20 Billi nirreżistu lealment tentazzjonijiet u pressjonijiet, aħna nibnu r-rispett tagħna nfusna. Mela, allura, fuq in-naħa taʼ min irridu li ninstabu fil-kwistjoni tal-lealtà? Billi nilqgħu l-isfida tal-lealtà, aħna nżommu man-naħa t’Alla Jehovah fil-kwistjoni u noħorġu lil Satana x-Xitan bħala l-giddieb baxx u vulgari li huwa! Aħna b’hekk niksbu l-approvazzjoni tal-Ħallieq tagħna, Alla Jehovah, u l-premju taʼ ħajja taʼ dejjem fl-hena. (Salm 37:29; 144:15b) Dak li huwa meħtieġ biex nilqgħu l-isfida tal-lealtà se jiġi kkunsidrat fl-artiklu li jmiss. (w96 3/15)
[Noti taʼ taħt]
a Enċiklopedija tal-Bibbja f’żewġ volumi ppubblikata mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Kif Twieġeb Int?
◻ Li tkun leali għala jippreżenta sfida?
◻ Għala jistaʼ jingħad li “lealtà” hija kelma speċjali ħafna?
◻ Liema eżempji Skritturali għandna taʼ bnedmin imperfetti li kienu leali?
◻ Fiż-żmien modern liema eżempji mill-aħjar taʼ lealtà għandna?
[Stampa f’paġna 8]
Charles Taze Russell
[Stampa f’paġna 9]
Ġesù kien verament il-“wieħed leali” taʼ Jehovah
[Stampa f’paġna 10]
Ġob, għalkemm imperfett, ta prova li kien leali lejn Alla
[Stampa f’paġna 11]
Pawlu stabbilixxa eżempju mill-aħjar taʼ lealtà lejn Jehovah