LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 8/1 pp. 20-24
  • ‘Kunu Qaddisin, Għax Qaddis Jien’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Kunu Qaddisin, Għax Qaddis Jien’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Israel Kien Relatat Mas-​Sors Taʼ Qdusija
  • Għala Jehovah Iddenunzja Lil Israel
  • Qlub Puri Jwasslu Għal Qima Pura
  • L-​Isfida​—Li Niffaċċjaw Id-​Dgħjufijiet Tagħna
  • Kif Nistgħu Nibqgħu Qaddisin?
  • “Kunu Intom Ukoll Qaddisin fl-Imġiba Tagħkom Kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • “Qaddis, qaddis, qaddis” hu Ġeħova
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • “Kunu Qaddisin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Xi tfisser il-​kelma “qaddis”?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 8/1 pp. 20-24

‘Kunu Qaddisin, Għax Qaddis Jien’

“Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-​Mulej Alla tagħkom.”—LEVITIKU 19:2.

1. Min huma xi nies li d-​dinja tikkunsidrahom bħala qaddisin?

IL-​BIĊĊA l-​kbira tar-​reliġjonijiet ewlenin tad-​dinja għandhom lil dawk li jqisuhom bħala qaddisin. Mother Teresa taʼ fama fl-​Indja hija taʼ spiss meqjusa bħala qaddisa minħabba d-​dedikazzjoni tagħha għall-​fqar. Il-​papa jissejjaħ il-​“Missier Qaddis.” José María Escrivá, il-​fundatur tal-​moviment Kattoliku modern Opus Dei, huwa meqjus minn xi Kattoliċi bħala “mudell għall-​qdusija.” L-​Induiżmu għandu s-​swamis, jew l-​irġiel qaddisin tiegħu. Gandhi kien meqjum bħala raġel qaddis. Il-​Buddiżmu għandu l-​patrijiet qaddisin tiegħu, u l-​Islam il-​profeta qaddis tiegħu. Imma x’ifisser eżattament li tkun qaddis?

2, 3. (a) X’ifissru l-​kelmiet “qaddis” u “qdusija”? (b) Liema huma xi mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba?

2 Il-​kelma “qaddis” ġiet definita bħala li tkun “1. . . . assoċjat maʼ qawwa divina; sagru. 2. Meqjus b’qima jew venerazzjoni jew denju tagħha . . . 3. Li tgħix fi qbil maʼ sistema spiritwali jew reliġjuża stretta jew morali ħafna . . . 4. Speċifikat jew miżmum separat għal skop reliġjuż.” Fil-​kuntest Bibliku, qdusija tfisser “indafa jew purità reliġjuża; stat sagru.” Skond il-​pubblikazzjoni taʼ referenza tal-​Bibbja Insight on the Scriptures, “[il-kelma] oriġinali Ebrajka qoʹdhesh iġġorr il-​ħsieb taʼ separatezza, esklussività, jew santifikazzjoni għal Alla, . . . stat taʼ li tkun miżmum separat għas-​servizz t’Alla.”a

3 Il-​ġens taʼ Israel kien ikkmandat biex ikun qaddis. Il-​Liġi t’Alla stqarret: “Jiena l-​Mulej Alla tagħkom, għalhekk għandkom titqaddsu, u tkunu qaddisin, għax jien qaddis.” Min kien is-​Sors taʼ qdusija? Kif setgħu Israeliti imperfetti jsiru qaddisin? U x’lezzjonijiet nistgħu nsibu għalina nfusna llum fis-​sejħa taʼ Jehovah għall-​qdusija?—Levitiku 11:44.

Kif Israel Kien Relatat Mas-​Sors Taʼ Qdusija

4. Il-​qdusija taʼ Jehovah kif kienet eżemplifikata f’Israel?

4 Kull ħaġa li kienet relatata mal-​qima taʼ Israel lejn Alla Jehovah kellha tiġi meqjusa bħala qaddisa u tiġi trattata hekk. Dak għala? Għaliex Jehovah innifsu hu l-​oriġini u s-​sors taʼ qdusija. Ir-​rakkont taʼ Mosè dwar it-​tħejjija tat-​tabernaklu qaddis u tal-​ħwejjeġ u dekorazzjonijiet tikkonkludi bil-​kliem: “Għamlu wkoll l-​istrixxa rqiqa tad-​deheb fin għall-​kuruna mqaddsa, u naqqxu u kitbu fuqha: ‘Qaddis lill-​Mulej.’” Din l-​istrixxa tleqq taʼ deheb pur kienet imwaħħla mat-​turbant tal-​qassis il-​kbir, u kienet tissinjifika li hu kien miżmum separat għal servizz taʼ qdusija speċjali. Hekk kif kienu jaraw dan is-​sinjal imnaqqax ileqq fid-​dawl tax-​xemx, l-​Israeliti kienu jiġu mfakkrin regolarment dwar il-​qdusija taʼ Jehovah.—Eżodu 28:36; 29:6; 39:30.

5. Israeliti imperfetti kif setgħu jitqiesu bħala qaddisin?

5 Imma l-​Israeliti kif setgħu jsiru qaddisin? Kien biss permezz tar-​relazzjoni mill-​qrib tagħhom maʼ Jehovah u l-​qima pura tagħhom lejh. Kienu jinħtieġu għarfien eżatt dwar ‘l-​Iktar Wieħed Qaddis’ sabiex iqimuh bi qdusija, bi ndafa fiżika u spiritwali. (Proverbji 2:1-6; 9:10) L-​Israeliti għalhekk kellhom iqimu lil Alla b’motiv pur u qalb pura. Kwalunkwe għamla taʼ qima ipokrita kienet mistmerra minn Jehovah.—Proverbji 21:27.

Għala Jehovah Iddenunzja Lil Israel

6. Il-​Lhud fi żmien Malakija kif stmaw il-​mejda taʼ Jehovah?

6 Dan ġie muri ċar meta l-​Israeliti kienu b’nofs qalb qegħdin iġibu fit-​tempju sagrifiċċji inferjuri u difettużi. Permezz tal-​profeta tiegħu Malakija, Jehovah iddenunzja l-​offerti inferjuri tagħhom: “ ‘Ma għandix pjaċir bikom,’ igħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti, ‘u minn idejkom ma nilqax offerti.’ . . . ‘Imma intom tipprofanawh meta tgħidu li l-​mejda tas-​Sid hija mniġġsa u l-​ikel taʼ fuqha hu taʼ min imaqdru. U intom tgħidu: “Ara, xi dwejjaq!”, u taqbdu tonfħu,’ igħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti. ‘Intom iġġibu vittmi misruqa u dak li hu magħtub u dak li hu marid, u dan iġġibuh bħala offerta. U jien se nilqagħha minn idejkom?’ igħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti.”—Malakija 1:10, 12, 13.

7. Il-​Lhud liema azzjonijiet mhux qaddisin kienu qegħdin jagħmlu fil-​ħames seklu Q.E.K.?

7 Malakija kien użat minn Alla biex jiddenunzja l-​prattiċi foloz tal-​Lhud, probabbilment matul il-​ħames seklu Q.E.K. Il-​qassisin kienu qegħdin jagħtu eżempju ħażin, u l-​kondotta tagħhom ċertament li ma kenitx qaddisa. In-​nies, billi segwew dik it-​tmexxija, kienu laxki fil-​prinċipji tagħhom, saħansitra sal-​punt li jiddivorzjaw lin-​nisa tagħhom, possibilment sabiex setgħu jieħdu nisa iżgħar pagani. Malakija kiteb: “Għax bejnek u bejn il-​mara taʼ żgħożitek hemm xhud il-​Mulej li int qarraqt biha,b għad li hi s-​sieħba tiegħek u l-​mara li magħha ntrabatt. . . . Ħarsu rwieħkom, mela, u qisu li ħadd ma jqarraq bil-​mara taʼ żgħożitu. ‘Għax jiena d-​divorzju nobogħdu,’ igħid il-​Mulej, Alla taʼ Israel.”—Malakija 2:14-16.

8. Xi wħud fil-​kongregazzjoni Kristjana kif ġew effettwati mill-​ħarsa moderna dwar id-​divorzju?

8 Fiż-​żminijiet moderni, f’ħafna pajjiżi fejn id-​divorzju jinkiseb faċilment, ir-​rata taʼ divorzji telgħet mas-​sema. Saħansitra l-​kongregazzjoni Kristjana ġiet effettwata. Minflok ma jfittxu l-​għajnuna taʼ l-​anzjani biex jegħlbu l-​ostakli u jipprovaw iġagħlu liż-​żwieġ tagħhom jirnexxi, xi wħud għaġġlu wisq biex warrbuh fil-​ġenb. Taʼ spiss it-​tfal ikollhom iħallsu prezz emozzjonali għoli.—Mattew 19:8, 9.

9, 10. Kif għandna nirriflettu dwar il-​qima tagħna lejn Jehovah?

9 Bħalma rajna hawn fuq, minħabba l-​kundizzjoni spiritwali tal-​biki fi żmien Malakija, Jehovah ikkundanna ċar u tond il-​qima degradanti taʼ Ġuda u wera li hu kien se jaċċetta biss qima pura. M’għandux dan iġagħalna nirriflettu fuq il-​kwalità tal-​qima tagħna lejn Alla Jehovah, il-​Mulej Sovran taʼ l-​univers, is-​Sors taʼ qdusija vera? Qegħdin aħna verament noffru lil Alla servizz qaddis? Inżommu aħna lilna nfusna f’kundizzjoni spiritwali nadifa?

10 Dan ma jfissirx li rridu nkunu perfetti, li huwa impossibbli, jew li għandna nqabblu lilna nfusna m’oħrajn. Imma jfisser li kull Kristjan għandu jagħti lil Alla qima li hija l-​aqwa tiegħu jew tagħha fiċ-​ċirkostanzi taʼ l-​individwu. Dan jirreferi għall-​kwalità tal-​qima tagħna. Is-​servizz sagru tagħna għandu jkun l-​aqwa li nistgħu nagħtu​—servizz qaddis. Dan kif jitwettaq?—Luqa 16:10; Galatin 6:3, 4.

Qlub Puri Jwasslu Għal Qima Pura

11, 12. Minn fejn titnissel kondotta mhix qaddisa?

11 Ġesù għallem biċ-​ċar li dak li hemm fil-​qalb se jsir evidenti b’dak li wieħed jgħid u jagħmel. Ġesù qal lill-​Fariżej li kienu tajbin f’għajnejhom infushom, u madankollu mhux qaddisin: “Ja nisel il-​lifgħat, kif tistgħu titkellmu tajjeb meta intom ħżiena? Għax mill-​milja tal-​qalb jitkellem il-​fomm.” Iktar tard hu wera li azzjonijiet mill-​agħar joħorġu minn ħsibijiet mill-​agħar fil-​qalb, jew il-​bniedem ġewwieni. Hu qal: “Imma dak li joħroġ mill-​fomm joħroġ mill-​qalb, u dan hu li jtebbaʼ lill-​bniedem. Għax mill-​qalb joħorġu ħsibijiet ħżiena, qtil, adulterji, żina, serq, xhieda qarrieqa, dagħa. Dawn huma li jtebbgħu lill-​bniedem.”—Mattew 12:34; 15:18-20.

12 Dan jgħinna nifhmu li azzjonijiet mhux qaddisin m’humiex sempliċement spontanji jew mingħajr bażi minn qabel. Huma r-​riżultat taʼ ħsibijiet li jniġġsu li kienu qegħdin jitlajjaw fil-​qalb​—xewqat sigrieti u forsi fantasiji. Hu għalhekk li Ġesù setaʼ jgħid: “Smajtu xi ntqal, ‘La tagħmilx adulterju.’ Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara u jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.” Fi kliem ieħor, il-​fornikazzjoni u l-​adulterju jkunu diġà rabbew l-​għeruq fil-​qalb qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni. Imbagħad, taħt ċirkostanzi addattati, il-​ħsibijiet mhux qaddisin isiru kondotta mhix qaddisa. Fornikazzjoni, adulterju, sodomija, serq, dagħa, u apostasija jsiru xi ftit mir-​riżultati evidenti.—Mattew 5:27, 28; Galatin 5:19-21.

13. Liema huma xi eżempji dwar kif ħsibijiet mhux qaddisin jistgħu jwasslu għal atti mhux qaddisin?

13 Dan jistaʼ jintwera b’diversi modi. F’xi pajjiżi, postijiet tal-​logħob qegħdin jinbtu bħall-​ħaxix ħażin, u b’hekk iżidu l-​opportunità għal-​logħob taʼ l-​azzard. Wieħed jistaʼ jiġi ttantat biex jagħtiha għal din it-​taparsi soluzzjoni biex jipprova jsolvi l-​problemi finanzjarji tiegħu. Raġunar qarrieq jistaʼ jqanqal lil xi ħu biex jirrofta jew idgħajjef il-​prinċipji Bibliċi tiegħu.c F’każ ieħor, aċċess faċli għall-​pornografija, kemm jekk permezz tat-​televiżjoni, videos, kompjuters, jew kotba, jistaʼ jwassal lil Kristjan għal kondotta mhix qaddisa. Kulma jkun irid huwa li jittraskura l-​armar spiritwali tiegħu, u qabel ma jinduna, ikun waqaʼ fl-​immoralità. Imma fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi t-​tkaxkira għal ġod-​dnub tibda fil-​moħħ. Iva, f’sitwazzjonijiet bħal dawn, jitwettaq il-​kliem taʼ Ġakbu: “Kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-​passjoni tiegħu stess. Imbagħad il-​passjoni, meta tnissel, twelled id-​dnub.”—Ġakbu 1:14, 15; Efesin 6:11-18.

14. Ħafna kif fiequ mill-​kondotta mhix qaddisa tagħhom?

14 B’ferħ, ħafna Kristjani li jidinbu bi dgħjufija juru ndiema vera, u l-​anzjani jkunu jistgħu jġeddu lil uħud bħal dawn spiritwalment. Saħansitra ħafna li jiġu maqtugħin mis-​sħubija minħabba nuqqas taʼ ndiema eventwalment jiġu f’sensihom u jiġu stabbiliti mill-​ġdid fil-​kongregazzjoni. Huma jaslu biex jirrealizzaw kemm Satana għelibhom faċilment meta ħallew ħsibijiet mhux qaddisin irabbu l-​għeruq fil-​qalb.—Galatin 6:1; 2 Timotju 2:24-26; 1 Pietru 5:8, 9.

L-​Isfida​—Li Niffaċċjaw Id-​Dgħjufijiet Tagħna

15. (a) Għala għandna niffaċċjaw id-​dgħjufijiet tagħna? (b) X’jistaʼ jgħinna nirrikonoxxu d-​dgħjufijiet tagħna?

15 Aħna rridu nagħmlu sforz biex inkunu nafu lil qalbna stess oġġettivament. Lesti aħna li niffaċċjaw id-​dgħjufijiet tagħna, nammettuhom, u mbagħad naħdmu biex negħlbuhom? Lesti li nistaqsu lil xi ħabib onest kif nistgħu nitjiebu, u mbagħad nieħdu l-​parir? Biex nibqgħu qaddisin irridu negħlbu n-​nuqqasijiet tagħna. Għala? Għaliex Satana jafhom id-​dgħjufijiet tagħna. Hu se juża l-​makakkeriji sottili tiegħu biex jipprovokana għad-​dnub u kondotta mhix qaddisa. Bl-​atti makakki tiegħu, hu jipprova jisseparana mill-​imħabba t’Alla biex b’hekk ma nkunux iżjed imqaddsin u utli għall-​qima taʼ Jehovah.—Ġeremija 17:9; Efesin 6:11; Ġakbu 1:19.

16. Pawlu liema konflitt kellu?

16 L-​appostlu Pawlu kellu l-​provi u t-​testijiet tiegħu stess, bħalma xehed fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani: “Naf li t-​tajjeb ma jgħammarx fija, jiġifieri f’ġismi. Ir-​rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-​tajjeb mhux hemm. M’iniex nagħmel it-​tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-​ħażin li ma rridx. . . . Skond il-​bniedem taʼ ġewwa togħġobni l-​liġi taʼ Alla; iżda nilmaħ fil-​membri taʼ ġismi, liġi oħra titqabad kontra l-​liġi taʼ moħħi u tjassarni taħt il-​liġi tad-​dnub li hemm ġo ġismi.”—Rumani 7:18-23.

17. Pawlu kif ħareġ rebbieħ fit-​taqbida tiegħu mad-​dgħjufijiet?

17 Issa l-​punt vitali fil-​każ taʼ Pawlu huwa li rrikonoxxa d-​dgħjufijiet tiegħu. Minkejja dawn, hu setaʼ jgħid: “Skond il-​bniedem [spiritwali] taʼ ġewwa togħġobni l-​liġi taʼ Alla.” Pawlu ħabb dak li kien tajjeb u bagħad dak li kien ħażin. Imma xorta waħda kellu ġlieda x’jikkumbatti, l-​istess ġlieda li għandna lkoll kemm aħna​—kontra Satana, id-​dinja, u l-​laħam. Allura kif nistgħu nirbħu l-​battalja biex nibqgħu qaddisin, isseparati minn din id-​dinja u l-​mod kif taħsibha?—2 Korintin 4:4; Efesin 6:12.

Kif Nistgħu Nibqgħu Qaddisin?

18. Kif nistgħu aħna nibqgħu qaddisin?

18 Il-​qdusija ma tinkisibx billi nieħdu l-​eħfef triq jew billi nċedu għalina nfusna. Dak it-​tip taʼ bniedem dejjem se jsib skużi għall-​kondotta tiegħu u jipprova jitfaʼ l-​ħtija x’imkien ieħor. Forsi għandna bżonn nitgħallmu nsiru responsabbli għall-​azzjonijiet tagħna u ma nkunux bħal xi wħud li jallegaw li d-​destin hu kontrihom minħabba l-​isfond tal-​familja jew il-​ġenetika tagħhom. L-​għerq tal-​kwistjoni jinsab fil-​qalb taʼ l-​individwu. Iħobb hu t-​tjieba? jixxennaq għall-​qdusija? jixtieq il-​barka t’Alla? Is-​salmista għamel ċar il-​bżonn għall-​qdusija meta qal: “Tbiegħed mill-​ħażen u agħmel it-​tajjeb, fittex is-​sliem u imxi warajh.” L-​appostlu Pawlu kiteb: “Qisu li l-​imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor; taħmlux il-​ħażen; żommu mat-​tajjeb.”—Salm 34:15 [Salm 34:14, NW]; 97:10; Rumani 12:9.

19, 20. (a) Kif nistgħu nibnu l-​moħħ tagħna? (b) Studju persunali effettiv x’jinvolvi?

19 Aħna nistgħu ‘nżommu mat-​tajjeb’ jekk nikkunsidraw l-​affarijiet mill-​ħarsa taʼ Jehovah u jekk ikollna l-​moħħ taʼ Kristu. (1 Korintin 2:16) Dan kif jitwettaq? Bi studju regulari u meditazzjoni fuq il-​Kelma t’Alla. Min jaf kemm-il darba ngħata dan il-​parir! Imma neħduh aħna bis-​serjetà biżżejjed? Per eżempju, tistudja int verament din ir-​rivista, billi tiċċekkja t-​testi Bibliċi, qabel ma tiġi għal-​laqgħa? Bi studju ma rridux infissru sempliċement li timmarka xi ftit frażijiet f’kull paragrafu. Artiklu taʼ studju jistaʼ jiġi mgħoddi u mmarkat f’madwar 15-il minuta. Ifisser dak li nkunu studjajna l-​artiklu? Attwalment, dan jistaʼ jeħodlok xi siegħa jew tnejn biex tistudja u tassorbi l-​benefiċċju spiritwali li kull artiklu jippreżenta.

20 Forsi għandna bżonn niddixxiplinaw lilna nfusna biex inwarrbu t-​televiżjoni għal ftit sigħat kull ġimgħa u nikkonċentraw verament fuq il-​qdusija persunali tagħna. L-​istudju regulari tagħna jibnina spiritwalment, billi jattiva l-​moħħ biex jieħu deċiżjonijiet tajbin​—deċiżjonijiet li jwasslu għal ‘atti taʼ kondotta qaddisa.’—2 Pietru 3:11; Efesin 4:23; 5:15, 16.

21. Liema mistoqsija jibqgħalna nwieġbu?

21 Il-​mistoqsija issa hi, F’liema oqsma oħrajn t’attività u kondotta nistgħu aħna bħala Kristjani nkunu qaddisin, saħansitra bħalma Jehovah hu qaddis? L-​artiklu li jmiss se jippreżenta materjal fuq xiex nixtarru. (w96 8/1)

[Noti taʼ taħt]

a Din il-​pubblikazzjoni taʼ referenza b’żewġ volumi hija ppubblikata mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

b Għal konsiderazzjoni iktar kompleta taʼ x’ifisser “qarraqt biha,” ara l-​Awake! tat-​8 taʼ Frar, 1994, paġna 21, “What Kind of Divorcing Does God Hate?” (Liema Xorta Taʼ Divorzjar Jobgħod Alla?)

c Għal iktar informazzjoni dwar għala l-​logħob taʼ l-​azzard huwa kondotta mhix qaddisa, ara l-​Awake! tat-​8 t’Awissu, 1994, paġni 14-​15, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Tiftakar Int?

◻ Is-​Sors taʼ qdusija kif kien identifikat f’Israel?

◻ Il-​qima taʼ l-​Israeliti b’liema modi ma kenitx qaddisa fi żmien Malakija?

◻ Fejn tibda kondotta mhix qaddisa?

◻ Biex inkunu qaddisin, x’irridu nirrikonoxxu?

◻ Kif nistgħu nibqgħu qaddisin?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja