LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 8/1 pp. 25-30
  • “Kunu Intom Ukoll Qaddisin fl-Imġiba Tagħkom Kollha”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Kunu Intom Ukoll Qaddisin fl-Imġiba Tagħkom Kollha”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħajja Qaddisa, Prezz Qaddis
  • Kondotta Qaddisa Fil-​Familja
  • Il-​Qdusija u L-​Membri Mhux Kredenti Tal-​Familja Tagħna
  • Kif Nistgħu Nkunu Qaddisin Fil-​Kongregazzjoni?
  • Tidher Il-​Qdusija Tagħna Mal-​Ġirien Tagħna?
  • Qdusija Fuq Ix-​Xogħol u L-​Iskola
  • ‘Kunu Qaddisin, Għax Qaddis Jien’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • “Qaddis, qaddis, qaddis” hu Ġeħova
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • “Kunu Qaddisin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Fittex “il-Qdusija fil-Biżaʼ t’Alla”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 8/1 pp. 25-30

“Kunu Intom Ukoll Qaddisin fl-​Imġiba Tagħkom Kollha”

“Bħalma qaddis hu dak li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-​imġiba tagħkom kollha, għax hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax qaddis jien.’”—1 PIETRU 1:15, 16.

1. Pietru għala talab lill-​Kristjani biex ikunu qaddisin?

L-​APPOSTLU Pietru għala ta l-​parir t’hawn fuq? Għaliex hu ra l-​bżonn li kull Kristjan jgħasses il-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet tiegħu sabiex iżommhom f’linja mal-​qdusija taʼ Jehovah. B’hekk, hu ppreċeda l-​kliem t’hawn fuq billi qal: “Kunu mħażżmin fir-​ruħ u rżina f’kollox . . . Bħala wlied ubbidjenti, tgħixux skond il-​ġibdiet taʼ qabel, meta kontu għadkom tgħixu fl-​injoranza tagħkom.”—1 Pietru 1:13, 14.

2. Ix-​xewqat tagħna għala ma kinux qaddisin qabel ma tgħallimna l-​verità?

2 Ix-​xewqat tagħna taʼ qabel ma kinux qaddisin. Għala? Għaliex ħafna minna konna nsegwu korsa t’azzjoni dinjija qabel m’aċċettajna l-​verità Kristjana. Pietru kien jafu dan meta kiteb b’mod ċar: “Biżżejjed li fl-​imgħoddi kontu tagħmlu r-​rieda tal-​pagani u tgħixu ħajja żienja f’passjoni bla lġiem, f’sokor, fi tbahrid sfrenat, f’xorb żejjed u fl-idolatrija moqżieża taʼ l-​allat.” M’għandniex xi ngħidu, Pietru ma semmiex atti mhux qaddisin assoċjati b’mod partikulari mad-​dinja moderna tagħna, ladarba dak iż-żmien ma kinux magħrufin.—1 Pietru 4:3, 4.

3, 4. (a) Kif nistgħu naġixxu kontra x-​xewqat ħżiena? (b) Il-​Kristjani m’għandhomx juru emozzjonijiet? Spjega.

3 Innotajt int li dawn ix-​xewqat huma dawk li jappellaw għal-​laħam, għas-​sensi, u għall-​emozzjonijiet? Meta nħallu lil dawn jirkbuna, imbagħad il-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet tagħna malajr isiru mhux qaddisin. Dan juri l-​ħtieġa li nħallu l-​qawwa tar-​raġuni tikkontrolla l-​azzjonijiet tagħna. Pawlu esprimieha b’dan il-​mod: “Għaldaqstant nitlobkom bil-​ħrara permezz tal-​mogħdrijiet t’Alla, l-​aħwa, biex tippreżentaw l-​iġsma tagħkom sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, servizz sagru bil-​qawwa tar-​raġuni tagħkom.”—Rumani 12:1, 2, NW.

4 Biex nippreżentaw lil Alla sagrifiċċju qaddis, irridu nħallu l-​qawwa tar-​raġuni, mhux l-​emozzjonijiet, tiddomina. Kemm kienu dawk li ġew imkaxkrin fl-​immoralità għaliex ħallew is-​sentimenti tagħhom jikkontrollaw il-​kondotta tagħhom! Dak ma jfissirx li l-​emozzjonijiet tagħna jridu jiġu miżmumin; altrimenti, kif nistgħu nesprimu ferħ fis-​servizz taʼ Jehovah? Madankollu, jekk irridu nipproduċu l-​frott taʼ l-​ispirtu minflok ix-​xogħlijiet tal-​laħam, allura rridu nbiddlu lill-​imħuħ tagħna għall-​mod taʼ kif jaħsibha Kristu.—Galatin 5:22, 23; Filippin 2:5.

Ħajja Qaddisa, Prezz Qaddis

5. Pietru għala kien konxju dwar il-​bżonn għall-​qdusija?

5 Pietru għala kien tant konxju dwar il-​ħtieġa għal qdusija Kristjana? Għaliex kien jaf tajjeb dwar il-​prezz qaddis li tħallas biex jifdi lill-​umanità ubbidjenti. Hu kiteb: “Kunu afu li intom kontu mifdija mill-​ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-​fidda jew id-​deheb, imma bid-​demm għażiż taʼ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.” (1 Pietru 1:18, 19) Iva, is-​Sors tal-​qdusija, Alla Jehovah, kien bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu, “[i]l-Qaddis,” fuq l-​art biex iħallas il-​fidwa li kellha tippermetti lin-​nies li jkollhom relazzjoni tajba m’Alla.—Ġwann 3:16; 6:69; Eżodu 28:36; Mattew 20:28.

6. (a) Għala m’huwiex faċli għalina li nsegwu kondotta qaddisa? (b) X’jistaʼ jgħinna nżommu l-​kondotta tagħna qaddisa?

6 Madankollu, irridu nirrikonoxxu li m’huwiex faċli li tgħaddi ħajja qaddisa fil-​waqt li tkun fost id-​dinja korrotta taʼ Satana. Huwa jpoġġi nasbiet għall-​veri Kristjani, li qegħdin jipprovaw jibqgħu ħajjin fis-​sistema t’affarijiet tiegħu. (Efesin 6:12; 1 Timotju 6:9, 10) Il-​pressjonijiet taʼ xogħol sekulari, t’oppożizzjoni mill-​familja, taʼ redikolar fl-​iskola, u taʼ pressjoni minn dawk taʼ mparek jagħmlu essenzjali spiritwalità qawwija biex wieħed iżomm il-​qdusija. Dan jenfasizza l-​irwol vitali taʼ l-​istudju persunali tagħna u l-​attendenza regulari tagħna għal-laqgħat Kristjani. Pawlu wissa lil Timotju: “Żomm quddiem għajnejk l-​eżempju tat-​tagħlim sħiħ li smajt mingħandi, fil-​fidi u fl-​imħabba li huma fi Kristu Ġesù.” (2 Timotju 1:13) Aħna nisimgħu dak il-​kliem li jagħti s-​saħħa fis-​Sala tas-​Saltna tagħna u fl-​istudju privat tagħna tal-​Bibbja. Dan jistaʼ jgħinna nkunu qaddisin fil-​kondotta tagħna minn jum għal jum f’ħafna sfondi differenti.

Kondotta Qaddisa Fil-​Familja

7. Il-​qdusija kif għandha teffettwa l-​ħajja tal-​familja tagħna?

7 Meta Pietru kkwota Levitiku 11:44, uża l-​kelma Griega haʹgi·os, li tfisser “isseparat mid-​dnub u għalhekk ikkonsagrat lil Alla, sagru.” (An Expository Dictionary of New Testament Words, minn W. E. Vine) Dan kif għandu jeffettwana fil-​ħajja Kristjana tagħna tal-​familja? Ċertament li jrid ifisser li l-​ħajja tagħna tal-​familja għandha tkun ibbażata fuq l-​imħabba, għaliex “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Imħabba li tissagrifika lilha nfisha hija ż-​żejt li jservi taʼ lubrikant fir-​relazzjonijiet bejn il-​miżżewġin u bejn il-​ġenituri u l-​ulied.—1 Korintin 13:4-8; Efesin 5:28, 29, 33; 6:4; Kolossin 3:18, 21.

8, 9. (a) Xi drabi liema sitwazzjoni tiżviluppa f’dar Kristjana? (b) Il-​Bibbja liema parir għaqli tagħti fuq din il-​kwistjoni?

8 Għandna mnejn naħsbu li t-​turija taʼ mħabba bħal din se tiġi awtomatikament ġo familja Kristjana. Madankollu, irridu nammettu li l-​imħabba mhux dejjem tirrenja sal-​punt li għandha tirrenja f’xi djar Kristjani. Għandu mnejn li hekk jidher fis-​Sala tas-​Saltna, imma kemm tistaʼ tmajna faċilment il-​qdusija tagħna fl-​isfond domestiku. Imbagħad nistgħu f’daqqa waħda ninsew li l-​mara għadha oħtna Kristjana jew li r-​raġel għadu l-​istess ħu (u forsi qaddej ministerjali jew anzjan) li deher li hu rrispettat fis-​Sala tas-​Saltna. In-​nervi jagħmlu tagħhom, u jistgħu jiżviluppaw argumenti jaħarqu. Livell doppju jistaʼ saħansitra jidħol baxx baxx fil-ħajjiet tagħna. M’għadhiex iktar relazzjoni bħal taʼ Kristu bejn il-​miżżewġin imma saru sempliċement raġel u mara f’taqbida. Jinsew li għandu jkun hemm atmosfera qaddisa fid-​dar. Forsi jibdew jinstemgħu qishom nies tad-​dinja. Kemm huwa faċli li rimarka ħarxa u li tweġġaʼ mbagħad toħroġ mill-​fomm!—Proverbji 12:18; qabbel Atti 15:37-39.

9 Madankollu, Pawlu jwissi: “Ebda kelma mhux xierqa [Grieg, loʹgos sa·prosʹ, “kliem li jniġġes,” u għalhekk mhux qaddis] m’għand[h]a toħroġ minn fommkom, imma kliem sewwa li jedifika skond il-​ħtieġa, kliem li jagħmel il-​ġid lil min jisimgħu.” U dak jirreferi għas-​semmiegħa kollha fid-​dar, inklużi t-​tfal.—Efesin 4:9; Ġakbu 3:8-10.

10. Il-​parir fuq il-​qdusija kif japplika għat-​tfal?

10 Issa din il-​linja taʼ gwida fuq il-​qdusija tapplika bl-​istess mod għat-​tfal ġo familja Kristjana. Kemm huwa faċli għalihom li jiġu d-​dar mill-​iskola u jibdew jimitaw il-​kliem ribelluż u bla rispett taʼ dawk taʼ mparhom dinjin! Tfal, ixxaqilbux lejn l-​attitudnijiet murija mit-​tfal subjien psataż li insolentaw lill-​profeta taʼ Jehovah u li għandhom il-​paralleli insolenti u midgħajja tagħhom illum. (2 Slaten 2:23, 24) Kliemkom m’għandux ikun imniġġes mil-​lingwaġġ goff tat-​toroq taʼ nies li huma għażżenin jew arroganti wisq biex jużaw kliem diċenti. Bħala Kristjani, kliemna għandu jkun qaddis, pjaċevoli, edifikanti, ħelu, u ‘mħawwar bil-​melħ.’ Għandu jiddistingwina bħala differenti min-​nies oħrajn.—Kolossin 3:8-10; 4:6.

Il-​Qdusija u L-​Membri Mhux Kredenti Tal-​Familja Tagħna

11. Li tkun qaddis għala ma jfissirx li tkun twajjeb f’għajnejk stess?

11 Fil-​waqt li nipprovaw nipprattikaw kuxjenzjożament il-​qdusija, m’għandniex nidhru li aħna superjuri u iktar twajbin f’għajnejna stess, speċjalment meta nittrattaw maʼ membri mhux kredenti tal-​familja. Il-​kondotta Kristjana ħelwa tagħna għandha minn taʼ l-​inqas tgħinhom jaraw li aħna differenti b’mod pożittiv, li aħna tabilħaqq nafu kif nuru mħabba u mogħdrija, saħansitra bħalma għamel is-​Samaritan it-​tajjeb fit-​tixbieha taʼ Ġesù.—Luqa 10:30-37.

12. Il-​miżżewġin Kristjani kif jistgħu jagħmlu l-​verità iktar attraenti għall-​imseħbin tagħhom?

12 Pietru enfasizza l-​importanza t’attitudni xierqa lejn il-​membri mhux kredenti tal-​familja tagħna meta kiteb lin-​nisa Kristjani: “Hekk ukoll, intom in-​nisa oqogħdu għas-​setgħa taʼ żwieġkom biex, jekk ikunu minn dawk li għadhom ma semgħux mill-​kelma taʼ l-​Evanġelju, jintrebħu, mhux bil-​kliem, imma bl-​imġiba tan-​nisa tagħhom, xħin jarawkom iġġibu ruħkom kif jixraq magħhom u bir-​rispett.” Mara miżżewġa Kristjana (jew raġel miżżewweġ jekk niġu f’dan) tistaʼ tagħmel il-​verità iktar attraenti għal sieħeb mhux kredent jekk il-​kondotta tagħha tkun safja, turi konsiderazzjoni u rispett. Dan ifisser li għandu jkun hemm flessibiltà fl-​iskeda teokratika sabiex is-​sieħeb mhux kredent ma jiġix maqtugħ jew imħolli barra.a—1 Pietru 3:1, 2.

13. Xi drabi anzjani u qaddejja ministerjali kif jistgħu jgħinu rġiel miżżewġin mhux kredenti biex japprezzaw il-​verità?

13 Anzjani u qaddejja ministerjali xi drabi jistgħu jgħinu billi jagħmlu konoxxenza tar-​raġel mhux kredent taʼ xi oħt fuq livell soċjali. B’dan il-​mod għandu mnejn jara li x-​Xhieda huma nies normali u diċenti b’għadd ġmielu taʼ diversi interessi, inklużi suġġetti oħrajn minbarra l-​Bibbja. F’każ minnhom, wieħed anzjan ħa interess fil-​passatemp tas-​sajd taʼ raġel taʼ waħda oħt. Kien biżżejjed biex inbdiet ħbiberija. Dak ir-​raġel eventwalment sar ħu mgħammed. F’każ ieħor, raġel mhux kredent taʼ waħda oħt kien interessat ħafna fil-​kanarini. L-​anzjani ma qatgħux qalbhom. Wieħed minnhom studja dwar is-​suġġett sabiex meta reġaʼ ltaqaʼ mar-​raġel, hu setaʼ jibda konversazzjoni fuq is-​suġġett favorit taʼ dak ir-​raġel! Li nkunu qaddisin, għalhekk, ma jfissirx li nkunu riġidi jew moħħna magħluq.—1 Korintin 9:20-23.

Kif Nistgħu Nkunu Qaddisin Fil-​Kongregazzjoni?

14. (a) Liema huwa wieħed mill-​metodi taʼ Satana biex jherri l-​kongregazzjoni? (b) Kif nistgħu nirreżistu n-​nasba taʼ Satana?

14 Satana x-​Xitan hu kalunnjatur, għaliex l-​isem Grieg għal Xitan, di·aʹbo·los, ifisser “wieħed li jakkuża” jew “kalunnjatur.” L-​ikkalunnjar huwa waħda mill-​ispeċjalitajiet tiegħu, u jipprova jużah fil-​kongregazzjoni. Il-​metodu favorit tiegħu huwa t-​tqasqis. Inħallu aħna lilna nfusna nkunu l-​pupazzi tiegħu f’din il-​kondotta mhix qaddisa? Dan kif jistaʼ jsir? Billi nagħtu bidu għal xi tqasqis, billi nirrepetuh, jew billi noqogħdu nisimgħuh. Il-​proverbju għaref jistqarr: “Min iħobb l-​inkwiet iġib il-​ġlied, u min ifesfes jifred il-​ħbieb.” (Proverbji 16:28) X’inhi l-​mediċina kontra t-​tqasqis u l-​ikkalunnjar? Għandna nkunu żguri li kliemna jkun dejjem edifikanti u bbażat fuq l-​imħabba. Jekk infittxu l-​virtujiet minflok il-​vizzji immaġinarji taʼ ħutna, il-​konversazzjoni tagħna dejjem se tkun pjaċevoli u spiritwali. Ftakar li faċli tikkritika. U l-​persuna li tqasqas miegħek dwar oħrajn tistaʼ tqasqas ukoll m’oħrajn fuqek!—1 Timotju 5:13; Titu 2:3.

15. Liema kwalitajiet bħal taʼ Kristu se jgħinu biex iżommu lil kull wieħed fil-​kongregazzjoni qaddis?

15 Sabiex inżommu l-​kongregazzjoni qaddisa, ilkoll kemm aħna neħtieġu li jkollna l-​moħħ taʼ Kristu, u aħna nafu li l-​kwalità dominanti tiegħu hija l-​imħabba. B’hekk Pawlu wissa lill-​Kolossin biex juru mogħdrija bħalma għamel Kristu: “Intom il-​magħżulin taʼ Alla, il-​qaddisin u l-​maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar . . . , aħfru lil xulxin . . . U fuq kollox ilbsu l-​imħabba, li hi l-​qofol tal-​perfezzjoni.” Imbagħad żied: “Ħalli s-​sliem taʼ Kristu jsaltan fi qlubkom.” Ċertament b’dan l-​ispirtu taʼ maħfra, aħna nistgħu nżommu l-​unità u l-​qdusija tal-​kongregazzjoni.—Kolossin 3:12-15.

Tidher Il-​Qdusija Tagħna Mal-​Ġirien Tagħna?

16. Il-​qima qaddisa tagħna għala għandha tkun qima hienja?

16 Xi ngħidu dwar il-​ġirien tagħna? Kif jarawna? Niddu aħna bil-​ferħ tal-​verità, jew inġagħluha tidher bħala piż? Jekk aħna qaddisin saħansitra bħalma Jehovah hu qaddis, allura dan għandu jkun evidenti fi kliemna u fil-​kondotta tagħna. Għandu jkun ċar li l-​qima qaddisa tagħna hija qima hienja. Dan għala? Għaliex Jehovah Alla tagħna hu Alla hieni, li jrid lill-​adoraturi tiegħu li jkunu mimlijin ferħ. B’hekk, is-​salmista setaʼ jgħid dwar in-​nies taʼ Jehovah fl-​antik: “Hieni l-​poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!” Nirriflettu aħna dak l-​hena? Juru t-​tfal tagħna wkoll kuntentizza f’li jkunu fost in-​nies taʼ Jehovah fis-​Sala tas-​Saltna u fl-​assembleat?—Salm 89:15, 16; 144:15b.

17. X’nistgħu nagħmlu b’mod prattiku biex nuru qdusija bbilanċjata?

17 Aħna nistgħu nuru wkoll il-​qdusija bbilanċjata tagħna bl-​ispirtu tagħna taʼ koperazzjoni u qalb tajba mal-​ġirien. Xi drabi jkun meħtieġ li l-​ġirien jingħaqdu flimkien, forsi biex inaddfu l-​inħawi fejn joqogħdu jew, bħal f’xi pajjiżi, biex jgħinu jsewwu t-​toroq. F’dan ir-​rigward, il-​qdusija tagħna tistaʼ tkun evidenti mill-​mod kif nieħdu ħsieb tal-​ġonna, btieħi, jew xi propjetà oħra tagħna. Jekk inħallu żibel fin-​nofs jew għandna bitħa ttraskurata u mimlija mbarazz, forsi saħansitra b’xi inġenji qodma u mkissrin fejn jistaʼ jarahom kulħadd, nistgħu aħna ngħidu li qegħdin nittrattaw lill-​ġirien tagħna b’rispett?—Apokalissi 11:18.

Qdusija Fuq Ix-​Xogħol u L-​Iskola

18. (a) Il-​Kristjani liema problema għandhom illum? (b) Kif nistgħu nkunu differenti mid-​dinja?

18 L-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani fil-​belt mhix qaddisa taʼ Korintu: “Ktibtilkom fl-​ittra li ma tagħmluhiex maż-​żienja; mhux li ma jkollkom xejn x’taqsmu maż-​żienja taʼ din id-​dinja, mar-​rgħiba, jew ħallelin, jew idolatri; għax inkella jkollkom toħorġu mid-​dinja.” (1 Korintin 5:9, 10) Dan jippreżenta problema għall-​Kristjani, li jridu jitħalltu fuq bażi taʼ kuljum maʼ nies immorali jew li m’humiex konxji taʼ morali. Dan huwa test kbir taʼ integrità, speċjalment f’kulturi fejn inbix sesswali, korruzzjoni, u diżonestà huma inkuraġġiti jew aċċettati. F’dan l-​isfond ma nistgħux naffordjaw li nbaxxu l-​livelli tagħna sabiex nidhru “normali” għal dawk taʼ madwarna. Minflok, il-​kondotta Kristjana ħelwa imma differenti tagħna għandha tagħmilna nispikkaw għal nies taʼ dixxerniment, għal dawk li jirrikonoxxu l-​bżonn spiritwali tagħhom u li qegħdin ifittxu xi ħaġa aħjar.—Mattew 5:3; 1 Pietru 3:16, 17.

19. (a) It-​tfal tiegħek liema testijiet għandhom l-​iskola? (b) Il-​ġenituri x’jistgħu jagħmlu biex jappoġġjaw lit-​tfal tagħhom u l-​kondotta qaddisa tagħhom?

19 Bl-​istess mod, hemm ħafna testijiet li t-​tfal tagħna qegħdin jiffaċċjaw l-​iskola. Iżżuru intom il-​ġenituri l-​iskola li jattendu wliedkom? Tafu liema xorta t’atmosfera hija prevalenti hemmhekk? Għandkom relazzjoni tajba maʼ l-​għalliema? Dawn il-​mistoqsijiet għala huma importanti? Għaliex f’ħafna bliet tad-​dinja, l-​iskejjel saru ġungli taʼ vjolenza, drogi, u sess. Kif jistgħu t-​tfal tagħkom iżommu l-​integrità tagħhom u l-​kondotta qaddisa tagħhom jekk ma jkollhomx l-​appoġġ simpatetiku sħiħ tal-​ġenituri tagħhom? Bix-​xieraq Pawlu wissa lill-​ġenituri: “Intom, missirijiet, la ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.” (Kolossin 3:21) Mod wieħed kif iddejjaq lit-​tfal huwa billi tonqos li tifhem il-​problemi u t-​testijiet tagħhom taʼ kuljum. Preparazzjoni għat-​tentazzjonijiet fl-​iskola tibda fl-​atmosfera spiritwali taʼ dar Kristjana.—Dewteronomju 6:6-9; Proverbji 22:6.

20. Il-​qdusija għala hija essenzjali għalina lkoll?

20 Bħala konklużjoni, għala hija l-​qdusija essenzjali għalina lkoll? Għaliex isservi taʼ protezzjoni kontra l-​invażjonijiet tad-​dinja u tal-​ħsieb taʼ Satana. Hija barka issa u se tkun fil-​futur. Tgħin biex tiggarantilna l-​ħajja li se tkun il-​vera ħajja fid-​dinja ġdida taʼ tjieba. Tgħinna nkunu Kristjani bbilanċjati, avviċinabbli u komunikattivi​—mhux fanatiċi riġidi. Fi kliem ieħor, tagħmilna bħal Kristu.—1 Timotju 6:19. (w96 8/1)

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar relazzjonijiet tattikużi maʼ mseħbin mhux kredenti, ara The Watchtower tal-​15 t’Awissu, 1990, “Do Not Neglect Your Mate!” (Tittraskurax Lis-​Sieħeb/Sieħba Tiegħek!) paġni 20-2 u It-​Torri Taʼ L-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Frar, 1989, paġna 11, paragrafi 20-2.​

Tiftakar Int?

◻ Pietru għala ra l-​ħtieġa li jwissi lill-​Kristjani dwar il-​qdusija?

◻ Għala m’huwiex faċli li tgħaddi ħajja qaddisa?

◻ X’nistgħu nagħmlu lkoll kemm aħna biex intejbu l-​qdusija fil-​familja?

◻ Biex il-​kongregazzjoni tibqaʼ qaddisa, liema kondotta mhix qaddisa għandna nevitaw?

◻ Kif nistgħu nibqgħu qaddisin fuq ix-​xogħol u l-​iskola?

[Stampi f’paġni 26, 27]

Bħala Xhieda taʼ Jehovah, għandna nkunu mimlijin ferħ f’li naqdu ’l Alla u f’attivitajiet oħrajn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja