L-Ospitalità Kristjana f’Dinja Mifruda
“Mela, nies bħal dawn aħna fid-dmir li nilqgħuhom [“b’mod ospitabbli,” NW], ħalli b’hekk nissieħbu magħhom fil-ħidma għat-tixrid tal-verità.”—3 ĠWANN 8.
1. Il-Ħallieq liema għotjiet l-iktar mixtiqin ta lill-umanità?
“IL-BNIEDEM ma għandux ħaġ’oħra hienja taħt ix-xemx ħlief li jiekol u jixrob, u jkun ferħan; ħa jkunu dawn sħabu fit-taħbit li jkollu tul il-għomor li Alla jagħtih taħt ix-xemx.” (Koħelet 8:15) B’dak il-kliem il-kongregatur Ebrew tal-qedem jgħidilna li Alla Jehovah mhux biss irid li l-ħolqien uman tiegħu jkun ferħan u hieni imma wkoll jipprovdilu mezz biex jagħmel dan. Matul l-istorja tal-bniedem xewqa komuni waħda fost in-nies kullimkien tidher li hija li jieħdu gost u jiddevertu.
2. (a) L-umanità kif abbużaw mill-iskop li Jehovah kellu għalihom? (b) X’inhu r-riżultat?
2 Illum ngħixu f’soċjetà edonistika li fiha n-nies huma preokkupati bil-ġiri wara l-pjaċiri u d-divertiment. Il-biċċa l-kbira tan-nies saru wħud li “jingħataw għal l-imħabba tagħhom infushom . . . iħobbu aktar il-pjaċiri milli ’l Alla,” bħalma bassret il-Bibbja. (2 Timotju 3:1-4) Dan, m’għandniex xi ngħidu, huwa tgħawwiġ sfaċċat taʼ l-iskop t’Alla Jehovah. Meta l-ġiri wara d-divertiment isir il-mira prinċipali, jew meta li wieħed jogħġob lilu nnifsu jsir l-uniku objettiv, m’hemm ebda sodisfazzjon veru, u ‘kollox isir frugħa u ġiri wara r-riħ.’ (Koħelet 1:14; 2:11) Minħabba f’hekk id-dinja hija mimlija b’nies li jħossuhom waħedhom u frustrati, li, mill-banda l-oħra, iwassal għal ħafna mill-problemi fis-soċjetà. (Proverbji 18:1) In-nies jibdew jissuspettaw f’xulxin u jsiru mifrudin b’mod razzjali, etniku, soċjali, u ekonomiku.
3. Kif nistgħu nsibu l-ferħ u s-sodisfazzjon veri?
3 Kemm kien ikun differenti kieku n-nies imitaw il-mod li bih Jehovah jittratta m’oħrajn—billi jkunu qalbhom tajba, ġenerużi, ospitabbli! Hu għamilha ċara li s-sigriet tal-veru hena ma jinsabx f’li aħna nipprovaw nissodisfaw ix-xewqat tagħna stess. Minflok, din hija ċ-ċavetta: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Biex insibu ferħ u sodisfazzjon veri, irridu negħlbu l-ostakli u l-firdiet li jistgħu jillimitawna. U rridu nitwessgħu lejn dawk li qegħdin jaqdu lil Jehovah flimkien magħna. Huwa essenzjali li nagħtu kas il-parir: “Mela nies bħal dawn aħna fid-dmir li nilqgħuhom [“b’mod ospitabbli,” NW], ħalli b’hekk nissieħbu magħhom fil-ħidma għat-tixrid tal-verità.” (3 Ġwann 8) Li nuru ospitalità lejn uħud denji, sal-punt li jippermettulna ċ-ċirkostanzi tagħna, ikun vantaġġuż b’żewġ modi—dan jibbenefika kemm lil min jagħti u kemm lil min jirċievi. Min, allura, huma fost dawk li jixirqilhom li lilhom għandna ‘nilqgħu b’mod ospitabbli’?
‘Ħudu Ħsieb L-Iltiema u R-Romol’
4. Liema bidla fir-relazzjonijiet tal-familja tidher saħansitra fost xi wħud min-nies taʼ Jehovah?
4 Familji stabbli u żwiġijiet henjin huma xi ħaġa rari llum. Ir-rati li dejjem jogħlew taʼ divorzju u n-numru li dejjem jiżdied t’ommijiet mhux miżżewġin madwar id-dinja bidlu drastikament il-familja tradizzjonali. Bħala riżultat, ħafna li saru Xhieda taʼ Jehovah fis-snin riċenti ġejjin minn familji mkissrin. Jew huma divorzjati jew separati mill-imseħbin tagħhom, jew jgħixu ġewwa familji b’ġenitur wieħed. Barra minn hekk, bħalma bassar Ġesù, il-verità li għallem irriżultat fi frid f’ħafna familji.—Mattew 10:34-37; Luqa 12:51-53.
5. Ġesù x’qal li jistaʼ jkun sors taʼ inkuraġġiment għal dawk ġewwa familji mifrudin?
5 Iqawwilna qlubna li naraw uħud ġodda jieħdu waqfa soda għall-verità, u taʼ spiss infarrġuhom bil-wegħda inkuraġġanti taʼ Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Bxara t-tajba jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-egħlieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar u aħwa u ommijiet u wlied u egħlieqi flimkien maʼ persekuzzjonijiet, u l-ħajja taʼ dejjem fiż-żmien li ġej.”—Mark 10:29, 30.
6. Kif nistgħu nsiru ‘aħwa, ommijiet, u tfal’ għall-“iltiema u r-romol” fostna?
6 Min, iżda, huma dawn ‘l-aħwa u ommijiet u wlied’? Sempliċement billi wieħed jara xi numru kbir taʼ nies f’Sala tas-Saltna, spiss taʼ xi mija jew ftit iktar, li jsejħu lilhom infushom aħwa ma jġagħalx awtomatikament lil dak li jkun iħoss li dawn huma l-aħwa, l-ommijiet u t-tfal tiegħu. Ikkunsidra dan il-punt: Id-dixxiplu Ġakbu jfakkarna li sabiex il-qima tagħna tkun aċċettabbli għal Jehovah, aħna rridu ‘nżuru [‘nieħdu ħsieb,’ NW] l-iltiema u r-romol fil-hemm tagħhom u nżommu ruħna bla tinġis ’il bogħod mid-dinja.’ (Ġakbu 1:27) Dan ifisser li ma rridux inħallu l-attitudnijiet tad-dinja taʼ kburija minħabba l-qagħda ekonomika u taʼ superjorità fil-klassi soċjali jġagħluna ma nurux mogħdrija lejn dawn “l-iltiema u r-romol.” Minflok, irridu nieħdu l-inizjattiva biex nestendu s-sħubija u l-ospitalità tagħna lejhom.
7. (a) X’inhu l-veru skop taʼ li wieħed ikun ospitabbli lejn l-“iltiema u r-romol”? (b) Min ukoll għandu mnejn ikun jistaʼ jkollu sehem f’li juri ospitalità Kristjana?
7 Li nuru ospitalità lejn l-“iltiema u r-romol” mhux dejjem jinvolvi li nagħmlu tajjeb għal dak li jistaʼ jonqoshom materjalment. Familji b’ġenitur wieħed jew djar mifrudin reliġjożament m’humiex neċessarjament imqaxqxin finanzjarjament. Madankollu, is-sħubija bnina, l-atmosfera tal-familja, is-sħubija maʼ persuni taʼ etajiet differenti, u l-qsim t’affarijiet spiritwali tajbin—dawn huma aspetti taʼ ħajja li wieħed għandu jgħożż. B’hekk, li wieħed jiftakar li, mhux kemm hija elaborata dik l-okkażjoni, imma l-ispirtu taʼ mħabba u unità li jgħodd, kemm tkun ħaġa sabiħa li, xi kultant, saħansitra l-“iltiema u r-romol” jistgħu jieħdu sehem f’li juru l-ospitalità lejn Kristjani sħabhom!—Qabbel 1 Slaten 17:8-16.
Hemm Xi Barranin Fostna?
8. Liema bidla tidher f’ħafna kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah?
8 Aħna qegħdin ngħixu fi żmien taʼ ċaqliq enormi taʼ popolazzjonijiet. “Iktar minn 100 miljun ruħ madwar id-dinja qegħdin jgħixu f’pajjiżi li tagħhom m’humiex ċittadini, u 23 miljun ruħ jiġu mġegħlin jitilqu minn djarhom fil-pajjiżi tagħhom stess,” jgħid il-World Press Review. Riżultat dirett taʼ dan kien li f’ħafna nħawi, speċjalment fi bliet akbar, il-kongregazzjonijiet tan-nies taʼ Jehovah li darba kienu komposti fil-biċċa l-kbira minn nies taʼ razza jew nazzjonalità waħda issa fihom nies minn partijiet differenti tad-dinja. Forsi hekk hu fejn toqgħod int. Kif, iżda, għandna nqisu lil dawn “l-għorba” u “barranin,” bħalma għandu mnejn issejħilhom id-dinja, li l-lingwa, id-drawwiet, u l-mod taʼ ħajja tagħhom jistgħu jkunu differenti minn tagħna?
9. Liema nasba serja tistaʼ tonsobna rigward il-ħarsa tagħna dwar l-“għorba” u l-“barranin” li deħlin fil-kongregazzjoni Kristjana?
9 Fi kliem sempliċi, ma rridux inħallu kwalunkwe tendenzi xenofobiċi jġagħluna nħossu li aħna b’xi mod jew ieħor jixirqilna iktar il-privileġġ li nkunu nafu l-verità minn dawk li ġew minn pajjiż barrani jew hekk-imsejjaħ pagan; lanqas m’għandna nħossu li donnhom dawn in-nies ġodda qegħdin jiddeffsu f’li jużaw is-Sala tas-Saltna jew propjetajiet oħrajn. L-appostlu Pawlu kellu jfakkar lil xi Kristjani Lhud fl-ewwel seklu, li kellhom opinjonijiet bħal dawn, li verament ħadd ma kien jixraqlu; kienet il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li għamlitha possibbli għal xi ħadd, kien min kien, li jikseb is-salvazzjoni. (Rumani 3:9-12, 23, 24) Aħna għandna nithennew li l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla qiegħda issa tilħaq tant nies li kienu, b’xi mod jew ieħor, ġew imċaħħdin l-opportunità li jisimgħu l-aħbar tajba. (1 Timotju 2:4) Kif nistgħu nuru li aħna ngħożżuhom b’mod ġenwin?
10. Kif nistgħu nuru li aħna ospitabbli b’mod ġenwin lejn il-“barranin” fostna?
10 Nistgħu nsegwu t-twissija taʼ Pawlu: “Ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqaʼ lilkom, għall-glorja taʼ Alla.” (Rumani 15:7) Billi aħna konxji li nies minn pajjiżi jew sfondi oħrajn taʼ spiss huma fi żvantaġġ, għandna nuruhom qalb tajba u tħassib meta dan inkunu nistgħu nagħmluh. Għandna nilqgħuhom f’nofsna, nittrattaw lil kull wieħed minnhom “bħal wieħed taʼ ġewwa,” u ‘nħobbuhom bħalna nfusna.’ (Levitiku 19:34) Dan għandu mnejn ma jkunx faċli li nagħmluh, imma se jirnexxilna jekk niftakru l-parir: “Timxux max-xejra taʼ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħarfu xinhi r-rieda taʼ Alla, xinhu li jogħġbu, xinhu perfett.”—Rumani 12:2.
Aqsam Mal-Qaddisin
11, 12. Liema konsiderazzjoni speċjali ġiet murija lil ċerti qaddejja taʼ Jehovah f’(a) Israel tal-qedem (b) l-ewwel seklu?
11 Fost dawk li verament jixirqilhom il-konsiderazzjoni u l-ospitalità tagħna hemm il-Kristjani maturi li jaħdmu iebes għall-ġid spiritwali tagħna. Jehovah għamel provvedimenti speċjali għall-qassisin u l-Leviti f’Israel tal-qedem. (Numri 18:25-29) Fl-ewwel seklu, il-Kristjani kienu mħeġġin ukoll biex jieħdu ħsieb taʼ dawk li kienu jaqduhom f’inkarigi speċjali. Ir-rakkont fit-3 Ġwann 5-8 jagħtina ħjiel tar-rabta mill-qrib taʼ mħabba li eżistiet fost il-Kristjani bikrin.
12 Ix-xwejjaħ appostlu Ġwanni stmaha ħafna l-qalb tajba u l-ospitalità li Gajju kien wera lejn ċerti aħwa li jivvjaġġaw u li ntbagħtu biex iżuru lill-kongregazzjoni. Dawn l-aħwa—inkluż Demetrijus, x’aktarx dak li wassal l-ittra—kienu kollha stranġieri jew li Gajju ma kienx jafhom qabel. Imma ġew milqugħin b’mod ospitabbli minħabba li “dan għamluh għall-isem [t’Alla].” Ġwanni poġġieha b’dan il-mod: “Mela nies bħal dawn aħna fid-dmir li nilqgħuhom [“b’mod ospitabbli,” NW], ħalli b’hekk nissieħbu magħhom fil-ħidma għat-tixrid tal-verità.” —3 Ġwann 1, 7, 8.
13. Min fostna llum speċjalment jixraqlu li jiġi ‘milqugħ b’mod ospitabbli’?
13 Illum, ġewwa l-organizzazzjoni taʼ Jehovah, hemm ħafna li qegħdin jitħabtu b’mod vigoruż għan-nom tas-sħubija kollha kemm hi taʼ l-aħwa. Dawn jinkludu l-indokraturi li jivvjaġġaw, li jużaw il-ħin u l-enerġija tagħhom ġimgħa wara l-oħra f’li jibnu l-kongregazzjonijiet; il-missjunarji, li jħallu lill-familji u lill-ħbieb warajhom biex jippridkaw f’pajjiżi barranin; dawk li jaqdu fi djar taʼ Betel jew fl-uffiċċji tal-fergħat, li joffru s-servizzi tagħhom volontarjament biex jappoġġjaw ix-xogħol tax-xandir taʼ madwar id-dinja; u dawk fis-servizz taʼ pijunier, li jqattgħu l-maġġor parti tal-ħin u taʼ l-enerġija tagħhom fil-ministeru taʼ l-għalqa. Bażikament, dawn ilkoll jaħdmu iebes, mhux għal xi glorja jew gwadann persunali, imma sforz l-imħabba għall-fratellanza Kristjana u għal Jehovah. Huma jixirqilhom li nimitawhom minħabba d-devozzjoni tagħhom b’ruħhom kollha u jixirqilhom li jiġu ‘milqugħin b’mod ospitabbli.’
14. (a) Kif inhu li nsiru Kristjani aħjar meta nuru l-ospitalità lejn uħud leali? (b) Ġesù għala qal li Marija għażlet “l-aħjar sehem”?
14 Meta ‘nilqgħu persuni bħal dawn b’mod ospitabbli,’ bħalma wera l-appostlu Ġwanni, aħna “nissieħbu magħhom fil-ħidma għat-tixrid tal-verità.” F’ċertu sens bħala riżultat insiru Kristjani aħjar. Dan huwa għaliex ix-xogħlijiet Kristjani jinkludu li nagħmlu l-ġid lill-kredenti sħabna. (Proverbji 3:27, 28; 1 Ġwann 3:18) Niġu ppremjati b’mod ieħor ukoll. Meta Marija u Marta laqgħu lil Ġesù f’darhom, Marta riedet tilqaʼ lil Ġesù kif jixraq billi ppreparatlu “ħafna ħwejjeġ [“affarijiet,” NW].” Marija wriet ospitalità b’mod differenti. Hi “niżlet bil-qiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed igħid,” u Ġesù faħħarha talli kienet għażlet “l-aħjar sehem.” (Luqa 10:38-42) Konversazzjonijiet u diskussjonijiet maʼ dawk bi snin twal taʼ esperjenza taʼ spiss ikunu l-iktar ħaġa sinjifikanti f’xi lejla fil-kumpanija tagħhom.—Rumani 1:11, 12.
F’Okkażjonijiet Speċjali
15. Liema okkażjonijiet speċjali jistgħu jkunu żminijiet henjin għan-nies taʼ Jehovah?
15 Għalkemm il-veri Kristjani ma jiħdux sehem fi drawwiet popolari jew josservaw btajjel u festi dinjin, hemm okkażjonijiet fejn jiltaqgħu flimkien biex igawdu l-kumpanija taʼ xulxin. Per eżempju, Ġesù attenda għall-festa taʼ tieġ f’Kana u kkontribwixxa għall-ferħ taʼ dik l-okkażjoni billi wettaq l-ewwel miraklu tiegħu hemmhekk. (Ġwann 2:1-11) Bl-istess mod illum, in-nies taʼ Jehovah iqattgħu ħinijiet henjin flimkien f’okkażjonijiet speċjali simili, u ċelebrar u festeġġjar xierqa isebbħu dawn l-okkażjonijiet. X’inhu, iżda, xieraq?
16. Liema linji taʼ gwida għandna dwar kondotta xierqa saħansitra f’okkażjonijiet speċjali?
16 Mill-istudju tagħna tal-Bibbja, nitgħallmu x’inhi l-kondotta xierqa għall-Kristjani, u dan aħna nattwawh f’kull ħin. (Rumani 13:12-14; Galatin 5:19-21; Efesin 5:3-5) Okkażjonijiet soċjali, sew f’konnessjoni maʼ tiġijiet u sew għal xi raġuni oħra, ma jagħtuniex il-liċenzja biex nabbandunaw il-livelli Kristjani tagħna jew biex nagħmlu xi ħaġa li s-soltu ma nagħmluhiex; lanqas m’aħna obbligati nsegwu d-drawwiet kollha tal-pajjiż li ngħixu fih. Ħafna minn dawn huma bbażati fuq prattiċi reliġjużi foloz jew superstizzjonijiet, u oħrajn jinvolvu kondotta li b’mod ċar m’hijiex aċċettabbli għall-Kristjani.—1 Pietru 4:3, 4.
17. (a) Liema fatturi juru li l-festa tat-tieġ taʼ Kana kienet organizzata tajjeb u li kien hemm superviżjoni xierqa? (b) Liema ħaġa tindika li Ġesù approva dik l-okkażjoni?
17 Meta naqraw Ġwann 2:1-11, m’huwiex diffiċli biex naraw li din kienet okkażjoni elaborata u li kien hemm numru ġmielu taʼ mistednin. Madankollu, Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu “mistednin” formalment; huma ma qabdux u marru hemmhekk, avolja minn taʼ l-anqas xi wħud minnhom x’aktarx li kienu jiġu minn dak li stieden għall-festa. Ninnotaw ukoll li kien hemm dawk li kienu “qaddejja” kif ukoll “direttur, [NW]” li kellu jagħti direzzjonijiet inkwantu x’kellu jiġi servut u x’kellu jsir. Dan kollu jindika li l-ħaġa kienet organizzata tajjeb u kien hemm superviżjoni xierqa. Ir-rakkont jikkonkludi billi jistqarr li Ġesù, b’dak li għamel fit-tieġ “wera l-glorja tiegħu.” Kien hu se jagħżel dik l-okkażjoni biex jagħmel hekk kieku dan kien xi festin mimli frattarija u bla kontroll? Bla dubju li le.
18. X’irid jiġi kkunsidrat bis-serjetà inkwantu għal kwalunkwe okkażjoni soċjali?
18 Xi ngħidu, allura, dwar kwalunkwe okkażjoni speċjali li għandna mnejn norganizzaw? Irridu niftakru li l-iskop li nilqgħu lil oħrajn b’ospitalità huwa biex inkunu nistgħu lkoll “nissieħbu magħhom fil-ħidma għat-tixrid tal-verità.” B’hekk, m’huwiex biżżejjed li taqbad u tittimbra lil xi okkażjoni bħala tax-“Xhieda.” Tistaʼ tistaqsi l-mistoqsija, Hija din fil-fatt xiehda li turi x’aħna u x’nemmnu? Qatt m’għandna nqisu okkażjonijiet bħal dawn bħala opportunitajiet biex naraw sa fejn nistgħu naslu f’li nimpikaw mad-dinja fil-modi tagħha, f’li nagħtuha għall-“ġibda tal-ġisem u l-ġibda tal-għajnejn u l-kburija tal-ħajja.” (1 Ġwann 2:15, 16) Minflok, dawn l-okkażjonijiet iridu jirriflettu kif jixraq l-irwol tagħna bħala Xhieda taʼ Jehovah, u għandna nkunu ċerti li dak li nagħmlu jġib glorja u unur lil Jehovah.—Mattew 5:16; 1 Korintin 10:31-33.
‘Kunu Ospitabbli Mingħajr Tgergir’
19. Għala jeħtieġ li “nkunu ospitabbli lejn xulxin mingħajr tgergir”?
19 Hekk kif il-kundizzjonijiet tad-dinja jkomplu jiddeterjoraw u n-nies isiru iktar u iktar mifrudin, jeħtieġ li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insaħħu l-għaqda soda li teżisti fost il-veri Kristjani. (Kolossin 3:14) Għal dan l-għan irid ikollna “mħabba sħiħa lejn xulxin,” bħalma ħeġġiġna Pietru. Imbagħad, f’termini prattiċi, hu żied: “Kunu ospitabbli lejn xulxin mingħajr tgergir.”(1 Pietru 4:7-9, NW) Lesti aħna li nieħdu l-inizjattiva biex nuru ospitalità lejn ħutna, biex noħorġu barra minn triqitna biex nuru qalb tajba u nkunu t’għajnuna? Jew ingergru meta tiġi opportunità bħal din? Jekk nagħmlu hekk, aħna nġibu fix-xejn il-ferħ li jistaʼ jkollna u nitilfu wkoll il-premju taʼ hena talli nagħmlu l-ġid.—Proverbji 3:27; Atti 20:35.
20. Liema barkiet hemm lesti għalina jekk nipprattikaw li nkunu ospitabbli fid-dinja mifruda tal-lum?
20 Li naħdmu id f’id maʼ Kristjani sħabna, u li nkunu qalbna tajba u ospitabbli lejn xulxin, se jġib barkiet bla tarf. (Mattew 10:40-42) Lil uħud bħal dawn Jehovah wegħedhom li kellu ‘jeħodhom igħammru fil-kenn tiegħu. Ma [kellhomx] ibatu iktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom iktar.’ Li wieħed ikun fil-kenn taʼ Jehovah ifisser li jgawdi l-protezzjoni u l-ospitalità tiegħu. (Apokalissi 7:15, 16; Isaija 25:6) Iva, preċiż quddiemna hemm il-prospett li ngawdu l-ospitalità taʼ Jehovah għal dejjem.—Salm 27:4; Salm 61:4, 5 [Salm 61:3, 4, NW]. (w96 10/1)
Tistaʼ Tispjega?
◻ X’ma rridux ninjoraw jekk irridu nsibu ferħ u sodisfazzjon veri?
◻ Min huma l-“iltiema u r-romol,” u kif għandna ‘nieħdu ħsiebhom’?
◻ Kif għandna nqisu l-“għorba” u l-“barranin” fostna?
◻ Min illum jixraqlu konsiderazzjoni partikulari?
◻ Okkażjonijiet speċjali kif għandhom jirriflettu l-ispirtu veru t’ospitalità?
[Stampi f’paġna 30, 31]
F’okkażjonijiet taʼ ffesteġġjar nistgħu nuru ospitalità lejn il-barranin, l-iltiema, dawk fis-servizz full-time, u mistednin oħrajn