Mgħallmin Biex Nagħmlu r-Rieda taʼ Jehovah
“Għallimni biex nagħmel ir-rieda tiegħek, għax int Alla tiegħi.”—SALM 143:10.
1, 2. (a) Meta għandna niġu mgħallmin, u b’liema ħarsa realistika? (b) Li niġu mgħallmin minn Jehovah għala huwa tant vitali?
KULL ġurnata li bniedem iqattaʼ ħaj u attiv, jistaʼ jiġi mgħallem xi ħaġa taʼ siwi. Dak hu veru fil-każ tiegħek, u veru għal oħrajn. Imma x’jiġri mal-mewt? M’huwiex possibbli li tiġi mgħallem xi ħaġa jew li titgħallem f’dik il-kundizzjoni. Il-Bibbja tgħid ċar u tond li l-mejtin “ma jafu xejn.” M’hemm l-ebda għarfien f’Xeol, il-qabar komuni taʼ l-umanità. (Koħèlet 9:5, 10) Ifisser dan li huwa għal xejn li niġu mgħallmin, li nakkumulaw l-għarfien? Dak jiddependi dwar x’niġu mgħallmin u kif nużaw dak l-għarfien.
2 Jekk niġu mgħallmin biss dak li hu dinji, m’għandna l-ebda futur dejjiemi. B’ferħ, madankollu, miljuni taʼ nies fil-ġnus kollha qegħdin jiġu mgħallmin ir-rieda divina b’mira għall-ħajja taʼ dejjem. Il-bażi għal din it-tama jinsab f’li jiġu mgħallmin minn Jehovah, is-Sors t’għarfien li jagħti l-ħajja.—Salm 94:9-12.
3. (a) Għala jistaʼ jingħad li Ġesù kien l-ewwel student t’Alla? (b) Liema assiguranza għandna li l-bnedmin għandhom jiġu mgħallmin minn Jehovah, u b’liema riżultat?
3 L-Iben l-ewwel imwieled t’Alla, bħala l-ewwel student Tiegħu, kien mgħallem biex jagħmel ir-rieda taʼ Missieru. (Proverbji 8:22-30; Ġwann 8:28) Imbagħad, Ġesù indika li mirjadi taʼ bnedmin kellhom jiġu mgħallmin minn Missieru. X’inhuma l-prospetti għal dawk minna li jitgħallmu minn Alla? Ġesù qal: “Hemm miktub fil-profeti, ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.’ Mela kull min jismaʼ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. . . . Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwann 6:45-47.
4. Miljuni taʼ nies kif inhuma effettwati minn tagħlim divin, u liema prospetti għandhom?
4 Ġesù kien qiegħed jikkwota minn Isaija 54:13, li kien indirizzat lill-mara simbolika t’Alla, Sijon tas-sema. Dik il-profezija għandha applikar partikulari għal uliedha subjien, il-144,000 dixxiplu taʼ Ġesù Kristu mnisslin bl-ispirtu. Fdal minn dawk l-ulied subjien spiritwali huwa attiv illum, fuq quddiemnett fi programm globali taʼ tagħlim. Bħala riżultat, miljuni t’oħrajn li jifformaw “kotra kbira” wkoll jibbenefikaw milli jiġu mgħallmin minn Jehovah. Huma għandhom il-prospett uniku li jitgħallmu mingħajr ma jiġi interrott il-proċess bil-mewt. Dan kif? Sewwa, huma jistennew li jibqgħu ħajjin fit-“taħbit il-kbir” li riesaq bil-għaġla u li jgawdu ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna.—Apokalissi 7:9, 10, 13-17.
Enfasi Akbar Fuq Li Nagħmlu R-Rieda T’Alla
5. (a) X’inhi l-iskrittura tas-sena għall-1997? (b) Kif għandna nħossuna dwar li nattendu għal-laqgħat Kristjani?
5 Matul is-sena 1997, f’iktar minn 80,000 kongregazzjoni mad-dinja kollha, ix-Xhieda taʼ Jehovah se jżommu tajjeb f’moħħhom il-kliem tal-bidu taʼ Salm 143:10, NW: “Għallimni biex nagħmel ir-rieda tiegħek.” Din se tkun l-iskrittura tas-sena għall-1997. Dak il-kliem, muri b’mod prominenti fis-Swali tas-Saltna, se jservi bħala tfakkira li post notevoli minn fejn nirċievu edukazzjoni divina huwa fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, fejn nistgħu nieħdu sehem fi programm kontinwu taʼ istruzzjoni. Meta ningħaqdu maʼ ħutna fil-laqgħat biex niġu mgħallmin mill-Għalliem Grandjuż tagħna, nistgħu nħossuna bħas-salmista, li kiteb: “Fraħt meta qaluli: ‘Sejrin f’dar il-Mulej!’”—Salm 122:1; Isaija 30:20.
6. Fil-kliem taʼ David, liema ħaġa nirrikonoxxu?
6 Iva, aħna nixtiequ li niġu mgħallmin biex nagħmlu r-rieda t’Alla minflok ir-rieda taʼ l-avversarju tagħna x-Xitan jew ir-rieda taʼ bnedmin imperfetti. Mela, bħal David, aħna nirrikonoxxu lil dak Alla li lilu nqimu u naqdu: “Għax int Alla tiegħi. L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.” (Salm 143:10) Minflok ma ried jagħmilha maʼ nies taʼ bla verità, David ipprefera jkun fejn kienet issir il-qima taʼ Jehovah. (Salm 26:4-6) Bl-ispirtu t’Alla biex jidderieġi l-passi tiegħu, David setaʼ jirfes fil-mogħdijiet taʼ tjieba.—Salm 17:5; 23:3.
7. L-ispirtu t’Alla kif opera fuq il-kongregazzjoni Kristjana?
7 David Akbar, Ġesù Kristu, assigura lill-appostli li l-ispirtu qaddis kellu jgħallimhom kollox u jfakkarhom kulma kien qalilhom. (Ġwann 14:26) Minn Pentekoste ’l quddiem, Jehovah b’mod progressiv baqaʼ jirrivela “l-għammieq t’Alla” misjub fil-Kelma miktuba tiegħu. (1 Korintin 2:10-13, KŻ) Dan hu għamlu permezz taʼ mezz viżibbli li Ġesù sejjaħlu “l-irsir leali u diskret.” Dan jipprovdi ikel spiritwali li jiġi kkunsidrat fil-programm taʼ tagħlim għall-kongregazzjonijiet tal-poplu t’Alla mad-dinja kollha.—Mattew 24:45-47, NW.
Mgħallmin Ir-Rieda Taʼ Jehovah Fil-Laqgħat Tagħna
8. Li nieħdu sehem fl-Istudju tat-Torri Taʼ L-Għassa għala huwa tant imprezzabbli?
8 Materjal fl-Istudju tat-Torri Taʼ l-Għassa tal-kongregazzjoni taʼ kull ġimgħa taʼ spiss jittratta dwar l-applikar taʼ prinċipji tal-Bibbja. Dan ċertament jgħinna nkampaw maʼ l-anzjetajiet tal-ħajja. Fi studji oħrajn jiġu kkunsidrati veritajiet spiritwali profondi jew profeziji tal-Bibbja. Kemm niġu mgħallmin matul studji bħal dawn! F’ħafna pajjiżi s-Swali tas-Saltna jkunu mimlijin sal-bieb taʼ barra għal dawn il-laqgħat. Madankollu, f’għadd taʼ pajjiżi, attendenza għal-laqgħat naqset. Għala, taħseb? Jistaʼ jkun li xi wħud qegħdin iħallu lix-xogħol sekulari jfixkilhom milli jiltaqgħu flimkien regolarment biex ‘iħajru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb’? Jew jistaʼ jkun li ħafna sigħat qegħdin jitqattgħu f’attivitajiet soċjali jew quddiem it-televiżjoni, bir-riżultat li dan jagħmel l-iskeda tidher mimlija żżejjed biex jattendu għal-laqgħat kollha? Ftakar fil-kmand ispirat f’Lhud 10:23-25. M’huwiex li niltaqgħu flimkien għal istruzzjoni divina saħansitra iżjed importanti issa hekk kif ‘naraw li qiegħed joqrob il-jum’?
9. (a) Il-Laqgħa tas-Servizz kif tistaʼ tgħammarna għall-ministeru? (b) X’għandha tkun l-attitudni tagħna dwar l-għoti taʼ xiehda?
9 Waħda mir-responsabbiltajiet ewlenin tagħna hija dik li naqdu bħala ministri t’Alla. Il-Laqgħa tas-Servizz hija mfassla biex tgħallimna kif nistgħu nwettqu dan b’mod effettiv. Nitgħallmu kif navviċinaw lin-nies, x’ngħidu, il-mod kif nirreaġixxu meta jkun hemm rispons favorevoli, u saħansitra x’nagħmlu meta n-nies jirrifjutaw il-messaġġ tagħna. (Luqa 10:1-11) Hekk kif metodi effettivi jiġu diskussi u murija f’din il-laqgħa taʼ kull ġimgħa, aħna niġu ppreparati aħjar biex nilħqu lin-nies mhux biss meta mmorru minn dar għal dar imma wkoll meta nippridkaw fit-toroq, f’postijiet taʼ parking, fuq trasport pubbliku, f’ajruporti, f’postijiet tan-negozju, jew fl-iskejjel. Fi qbil mat-talba tagħna, “Għallimni biex nagħmel ir-rieda tiegħek,” aħna nkunu rridu nieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex nagħmlu bħalma ħeġġeġ is-Sid tagħna: “Għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex . . . jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”—Mattew 5:16.
10. Kif nistgħu verament ngħinu lil “min jixraqlu”?
10 F’laqgħat bħal dawn tal-kongregazzjoni, niġu mgħallmin ukoll biex nagħmlu dixxipli minn oħrajn. Ladarba jintwera l-interess jew titħalla letteratura, il-mira tagħna meta nerġgħu mmorru lura hija li nibdew studji tal-Bibbja fid-djar. F’ċertu sens, dan hu simili għal meta d-dixxipli kienu ‘jibqgħu maʼ wħud li jixirqilhom’ sabiex jgħallmuhom l-affarijiet li kien ikkmanda Ġesù. (Mattew 10:11; 28:19, 20) Billi għandna għajnuniet eċċellenti, bħalma huwa l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, aħna verament mgħammrin tajjeb biex inwettqu l-ministeru tagħna bir-reqqa. (2 Timotju 4:5) Kull ġimgħa hekk kif tattendi għal-Laqgħa tas-Servizz u għall-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, agħmel ħiltek biex tifhem sewwa u mbagħad tuża punti utli li jirrikmandawk bħala wieħed mill-ministri t’Alla kkwalifikat kif jixraq, li qiegħed iwettaq ir-rieda Tiegħu.—2 Korintin 3:3, 5; 4:1, 2.
11. Xi wħud kif urew fidi fil-kliem misjub f’Mattew 6:33?
11 Hija r-rieda t’Alla li ‘nibqgħu nfittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu.’ (Mattew 6:33) Staqsi lilek innifsek, ‘Kif napplika dan il-prinċipju jekk ħtiġijiet fl-impjieg sekulari tiegħi [jew dak tas-sieħba tiegħi] jfixklu l-attendenza għal-laqgħat?’ Ħafna wħud maturi spiritwalment jieħdu passi biex jitkellmu maʼ dawk li jimpjegawhom dwar il-kwistjoni. Waħda ministru full-time għarrfet lill-imgħallem tagħha li hi kellha bżonn tieħu ħin off kull ġimgħa sabiex tattendi għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Hu laqaʼ t-talba tagħha. Imma billi ġietu kurżità dwar x’jiġri fil-laqgħat, talab biex jattendi. Hemmhekk samaʼ avviż dwar konvenzjoni distrettwali li kienet qorbot. Bħala riżultat, l-imgħallem irranġa biex iqattaʼ ġurnata sħiħa fil-konvenzjoni. X’lezzjoni tislet minn dan l-eżempju?
Mgħallmin Ir-Rieda Taʼ Jehovah Minn Ġenituri Taʼ Tjieba
12. Biex it-tfal jiġu mgħallmin ir-rieda taʼ Jehovah, ġenituri Kristjani x’għandhom jagħmlu bil-paċenzja u b’sodizza?
12 Imma l-laqgħat tal-kongregazzjoni u l-konvenzjonijiet m’humiex l-uniku provvediment biex niġu mgħallmin ir-rieda divina. Ġenituri taʼ tjieba huma kkmandati biex iħarrġu, jiddixxiplinaw, u jrabbu lil uliedhom biex ifaħħru lil Jehovah u jagħmlu r-rieda tiegħu. (Salm 148:12, 13; Proverbji 22:6, 15) Li nagħmlu dan jirrikjedi li nieħdu lit-“tfal” għal-laqgħat fejn huma jistgħu “jisimgħu u jitgħallmu,” imma xi ngħidu dwar li ngħallmuhom mill-kitbiet qaddisa fid-dar? (Dewteronomju 31:12; 2 Timotju 3:15) Ħafna familji bdew kuxjenzjożament programmi taʼ studju tal-Bibbja tal-familja regulari, imma mbagħad wara ftit ħallewhom imajnaw jew traskurawhom. Kellek esperjenza bħal din? Se tikkonkludi int li r-rakkomandazzjoni biex iżżomm studju regulari bħal dan m’hijiex addattata jew li l-familja tiegħek hija tant differenti li sempliċement ma tirnexxix fil-każ tiegħek? Hi x’inhi s-sitwazzjoni, intom il-ġenituri jekk jogħġobkom irrevedu l-artikli mill-aħjar “Our Rich Spiritual Heritage” (Il-Wirt Spiritwali Għani Tagħna) u “The Rewards of Persistence” (Il-Premji Tal-Persistenza) f’The Watchtower taʼ l-1 t’Awissu, 1995.
13. Il-familji kif jistgħu jibbenefikaw milli jikkunsidraw l-iskrittura taʼ kuljum?
13 Il-familji huma inkuraġġiti biex jagħmluha drawwa li jikkunsidraw l-iskrittura taʼ kuljum minn Neżaminaw L-Iskrittura Kuljum. Li sempliċement jinqraw l-iskrittura u l-kummenti huwa tajjeb, imma li tiġi diskussa u applikata l-iskrittura huwa iżjed taʼ benefiċċju. Per eżempju, jekk qegħdin jikkunsidraw Efesin 5:15-17, membri tal-familja jistgħu jirraġunaw dwar kif “jgħożżu ż-żmien” għal studju persunali, biex jieħdu sehem f’xi għamla taʼ ministeru full-time, u biex jieħdu ħsieb taʼ xi inkarigi teokratiċi oħrajn. Iva, diskussjoni tal-familja fuq l-iskrittura taʼ kuljum tistaʼ twassal lil wieħed jew lil ħafna biex ‘ifittxu [iżjed bis-sħiħ] x’inhi r-rieda tal-Mulej.’
14. Dewteronomju 6:6, 7 liema xorta t’għalliema jindika li l-ġenituri għandhom ikunu, li jitlob għal liema ħaġa?
14 Il-ġenituri għandhom ikunu għalliema biżlin taʼ wliedhom. (Dewteronomju 6:6, 7) Imma din m’hijiex sempliċement kwistjoni taʼ tħambiq jew ikkmandar fuq it-tfal tagħhom. Il-missier u l-omm ukoll jeħtieġu li jisimgħu, billi b’dak il-mod ikunu iktar kapaċi jafu x’għandu jiġi spjegat, iċċarat, muri b’eżempji, jew irripetut. F’waħda familja Kristjana, il-ġenituri jistimulaw komunikazzjoni aperta billi jinkuraġġixxu lil uliedhom biex jagħmlu mistoqsijiet dwar affarijiet li ma jifhmux jew li jikkaġunawlhom tħassib. Huma b’hekk saru jafu li wieħed mit-tfal li hu teenager sab diffikultà jifhem li Jehovah m’għandux bidu. Il-ġenituri setgħu jużaw informazzjoni mill-pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower Society biex juru li ż-żmien u l-ispazju huma aċċettati bħala bla tmiem. Dak serva biex eżemplifika l-punt, u ssodisfa lil binhom. Għalhekk ħu l-ħin biex twieġeb biċ-ċar u mill-Iskrittura l-mistoqsijiet taʼ wliedek, billi tgħinhom jaraw kif li titgħallem biex tagħmel ir-rieda t’Alla jistaʼ jkun sodisfaċenti ħafna. In-nies t’Alla—żgħar u kbar—x’qegħdin jiġu mgħallmin iżjed illum?
Mgħallmin Biex Inħobbu u Biex Niġġieldu
15. Il-ġenwinità taʼ l-imħabba fraterna tagħna meta tistaʼ tiġi ttestjata?
15 F’armonija mal-kmand ġdid taʼ Ġesù, aħna niġu ‘mgħallmin mingħand Alla kif għandna nħobbu lil xulxin.’ (1 Tessalonikin 4:9) Meta l-affarijiet ikunu trankwilli u sejrin tajjeb, nistgħu nħossuna li aħna tassew inħobbu lil ħutna kollha. Madankollu, x’jiġri meta jqumu differenzi persunali jew niġu offiżi minħabba dak li jgħid jew jagħmel xi Kristjan ieħor? F’dan il-punt il-ġenwinità taʼ mħabbitna għandu mnejn tiġi ttestjata. (Qabbel 2 Korintin 8:8.) Il-Bibbja x’tgħallimna biex nagħmlu f’sitwazzjonijiet bħal dawn? Ħaġa waħda hija li nistinkaw biex nuru mħabba fis-sens sħiħ tagħha. (1 Pietru 4:8) Minflok ma nfittxu l-interessi tagħna stess, billi niġu pprovokati minħabba nuqqasijiet żgħar, jew nibqgħu nerfgħuha fil-komma, għandna naħdmu biex inħallu l-imħabba tgħatti l-kotra taʼ dnubiet. (1 Korintin 13:5) Nafu li din hija r-rieda t’Alla, għax dak hu li tgħallem il-Kelma tiegħu.
16. (a) Il-Kristjani f’liema xorta taʼ ggwerrar huma mgħallmin biex jieħdu sehem? (b) Kif aħna mgħammrin?
16 Fil-waqt li ħafna ma jassoċjawx l-imħabba u l-iggwerrar flimkien, dan taʼ l-aħħar huwa xi ħaġa oħra li qegħdin niġu mgħallmin, imma tip distint taʼ ggwerrar. David irrikonoxxa kemm kien jiddependi minn Jehovah biex jgħallmu kif jiggwerra, għalkemm fi żmienu dak kien jinkludi ġlied litterali kontra l-għedewwa taʼ Israel. (1 Samwel 17:45-51; 19:8; 1 Slaten 5:17 [1 Slaten 5:3, NW]; Salm 144:1) Xi ngħidu dwar il-ġlieda tagħna llum? L-armi tagħna m’humiex tal-laħam. (2 Korintin 10:4) Tagħna hija ġlieda spiritwali, li għaliha neħtieġu nkunu mgħammrin b’armar spiritwali. (Efesin 6:10-13) Permezz tal-Kelma tiegħu u tal-poplu miġbur tiegħu, Jehovah jgħallimna niġġieldu ġlieda spiritwali b’suċċess.
17. (a) Ix-Xitan liema tattiċi juża biex idawwarna? (b) X’għandna nevitaw b’mod għaqli?
17 B’modi qarrieqa u sottili, ix-Xitan taʼ spiss juża elementi tad-dinja, apostati, u opponenti oħrajn tal-verità fi sforz biex idawwarna lejn kwistjonijiet taʼ bla importanza. (1 Timotju 6:3-5, 11; Titu 3:9-11) Huwa bħal li kieku jara li ftit għandu ċans li jegħlibna b’attakk frontali dirett, u għalhekk jipprova jwaqqagħna billi jġagħalna nesprimu l-ilmenti u l-mistoqsijiet banali tagħna, li huma neqsin minn kull sustanza spiritwali. Bħala gwerriera viġilanti, għandna nkunu daqstant attenti għal perikli bħal dawn daqs kemm aħna għal assalti frontali.—1 Timotju 1:3, 4.
18. Li ma ngħixux iżjed għalina nfusna x’jinvolvi realment?
18 Aħna ma nippromwovux ix-xewqat tal-bnedmin jew ir-rieda tal-ġnus. Jehovah għallimna permezz taʼ l-eżempju taʼ Ġesù li ma rridux ngħixu iżjed għalina nfusna; minflok għandna nkunu armati bl-istess dispożizzjoni mentali li kellu Kristu Ġesù u ngħixu għar-rieda t’Alla. (2 Korintin 5:14, 15) Fil-passat, għandu mnejn għexna ħajja bla moderazzjoni, mimlija vizzji, billi ħlejna żmien prezzjuż. Xalar, piki dwar min jixrob l-iktar, u immoralità jikkaratterizzaw lil din id-dinja mill-agħar. Issa li qegħdin niġu mgħallmin biex nagħmlu r-rieda t’Alla, m’aħniex grati aħna li ġejna sseparati minn din id-dinja korrotta? Mela ejjew niġġieldu ġlieda qawwija spiritwalment biex nevitaw li niġu involuti fi prattiċi dinjin li jniġġsu.—1 Pietru 4:1-3.
Jgħallimna Biex Nibbenefikaw Lilna Nfusna
19. Li niġu mgħallmin ir-rieda taʼ Jehovah u mbagħad nagħmluha se jwassal għal liema benefiċċji?
19 Huwa imperattiv li nirrikonoxxu li se jibbenefikana bil-kbir li niġu mgħallmin biex nagħmlu r-rieda taʼ Jehovah. M’għandniex xi ngħidu, irridu nagħmlu l-parti tagħna billi nagħtu attenzjoni mill-qrib sabiex nitgħallmu u mbagħad insegwu l-istruzzjonijiet li jiġu għandna permezz taʼ Ibnu kif ukoll permezz tal-Kelma u tal-poplu miġbur tiegħu. (Isaija 48:17, 18; Lhud 2:1) Billi nagħmlu dan, se niġu msaħħin biex nieqfu sod f’dawn iż-żminijiet kalamitużi u niffaċċjaw il-maltempati li għandna quddiemna. (Mattew 7:24-27) Saħansitra issa, inkunu qegħdin nogħġbu ’l Alla billi nagħmlu r-rieda tiegħu u niġu żgurati li t-talb tagħna jiġi mwieġeb. (Ġwann 9:31; 1 Ġwann 3:22) U se nesperjenzaw hena ġenwin.—Ġwann 13:17.
20. Fuq liema ħaġa jkun tajjeb li timmedita hekk kif tara l-iskrittura tas-sena matul l-1997?
20 Matul il-korsa tas-sena 1997, taʼ spiss se jkollna l-opportunità li naqraw u nikkunsidraw l-iskrittura tas-sena, Salm 143:10, NW: “Għallimni biex nagħmel ir-rieda tiegħek.” Hekk kif nagħmlu dan, ejjew nużaw xi ftit mill-okkażjonijiet biex nirriflettu fuq il-provvedimenti li Alla għamel għalina biex niġu mgħallmin, bħalma ntwera hawn fuq. U ejjew nużaw meditazzjoni bħal din fuq dak il-kliem bħala stimulu biex naġixxu konsistentement maʼ dik it-talba, billi nafu li “min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17. (w96 12/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ Min illum qegħdin jiġu mgħallmin biex jagħmlu r-rieda taʼ Jehovah?
◻ Salm 143:10 kif għandu jeffettwana matul l-1997?
◻ Kif qegħdin niġu mgħallmin biex nagħmlu r-rieda taʼ Jehovah?
◻ X’inhu meħtieġ minn ġenituri Kristjani f’li jgħallmu lit-tfal tagħhom?