Programm Ġdid Tal-Jum T’Assemblea Speċjali
1 “Kunu Persuni Mgħallmin Minn Jehovah” hija t-tema tal-programm ġdid tal-jum t’assemblea speċjali li se jibda minn Settembru li ġej. (Ġwn. 6:45) It-tagħlim divin mingħand Jehovah verament jgħinna biex ngħixu ħajjiet sodisfaċenti. Dan jiżviluppa ġewwa fina apprezzament ħerqan lejn il-wirt spiritwali tagħna. L-isforzi tagħna biex ngħinu lil oħrajn jisimgħu l-aħbar tajba jagħmluna membri siewja tas-soċjetà. F’dan il-jum t’assemblea speċjali se tingħata attenzjoni lejn il-barkiet li jitgawdew minn persuni mgħallmin minn Jehovah.
2 Il-programm se jagħmel kuntrast bejn il-benefiċċji tat-tagħlim divin u l-perikli tat-tagħlim dinji. Se naraw b’mod iktar ċar kif Jehovah jipprovdi l-ogħla għamla t’edukazzjoni—edukazzjoni bbażata fuq il-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Se jsir enfasi fuq tliet aspetti taʼ qima fejn aħna nesperjenzaw ferħ f’li niġu mgħallmin minn Alla. Flimkien maʼ dan, iż-żgħażagħ se jiġu mħeġġin biex jimitaw eżempji li jispikkaw mill-Bibbja bħalma huma David u Timotju u li jsawru ħajjiethom madwar attivitajiet spiritwali. Il-fidi tagħna se tiġi msaħħa hekk kif tingħata wkoll attenzjoni lejn il-lealtà taʼ wħud ixjeħ. Uħud iddedikati ġodda li jikkwalifikaw ikunu jistgħu jiġu mgħammdin. Minn ħafna żmien qabel il-jum taʼ l-assemblea, dawn għandhom jinformaw lill-indokratur li jippresiedi b’din ix-xewqa.
3 It-taħdita prinċipali f’dan il-jum t’assemblea speċjali hija intitolata “Mgħallmin Minn Jehovah Biex Nagħmlu R-Rieda Tiegħu.” Din se tisħaq fuq raġunijiet għala lkoll kemm aħna jeħtieġ li nibqgħu nitgħallmu, li nkunu sodi fil-fidi, u li nkomplu nimxu ’l quddiem. Se niġu inkuraġġiti biex nimitaw lil Jehovah billi ngħallmu lil oħrajn il-verità li twassal għall-ħajja taʼ dejjem. Se jiġu inklużi esperjenzi li jibnu biex juru kif il-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà għenu lil ħafna biex jiġu mgħallmin minn Jehovah. Se tingħata attenzjoni lejn il-kisbiet pożittivi tal-programm globali taʼ tagħlim taʼ Jehovah.
4 Agħmel pjanijiet definiti biex tattendi. Ħeġġeġ lil dawk kollha li wrew interess biex ikunu preżenti. Ħares ’il quddiem lejn li tiġi mgħallem ħafna affarijiet tajbin mill-Imgħallem Grandjuż tagħna.—Isa. 30:20.