Attenti Minn Għalliema Foloz!
“Għad ikun hemm għalliema foloz fostkom.”—2 PIETRU 2:1.
1. Ġuda dwar xiex kellu intenzjoni li jikteb, u għala bidel is-suġġett?
X’ĦAĠA xokkanti! Għalliema foloz fil-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu! (Mattew 7:15; Atti 20:29, 30) Ġuda, ħu Ġesù mill-omm, kien konxju taʼ dan l-iżvilupp. Hu qal li kellu intenzjoni li jikteb lil kredenti sħabu “dwar is-salvazzjoni tagħna lkoll,” imma spjega: “Rajt li kien meħtieġ nibagħtilkom kelmtejn ħalli nħeġġiġkom għal dik il-fidi.” Ġuda għala bidel is-suġġett? Għaliex, hu qal, “fostna ndiehsu xi wħud . . . li jaqilbu l-grazzja [“qalb tajba mhix mistħoqqa,” NW] taʼ Alla tagħna f’żína.”—Ġuda 3, 4.
2. It-2 Pietru kapitlu 2 u Ġuda għala huma daqshekk simili?
2 Milli jidher, Ġuda kiteb ftit wara li Pietru kiteb it-tieni ittra tiegħu. Bla dubju Ġuda kien familjari maʼ din l-ittra. Ċertament, hu esprima ħafna ħsibijiet simili fl-ittra qawwija t’eżortazzjoni tiegħu stess. Għalhekk, hekk kif neżaminaw kapitlu 2 tat-2 Pietru, se ninnotaw kemm huwa simili għall-ittra taʼ Ġuda.
Konsegwenzi Tat-Tagħlim Falz
3. X’ġara fil-passat li Pietru jgħid li kien se jerġaʼ jiġri?
3 Wara li Pietru ħeġġeġ lil ħutu biex joqogħdu attenti għall-profezija, hu jgħid: “Dehru wkoll profeti foloz [f’Iżrael tal-qedem] . . . , kif għad ikun hemm għalliema foloz fostkom.” (2 Pietru 1:14–2:1) Il-poplu t’Alla fi żmien il-qedem irċevew il-profezija vera, imma kellhom ukoll jissieltu mat-tagħlim korrott tal-profeti foloz. (Ġeremija 6:13, 14; 28:1-3, 15) “Fost il-profeti taʼ Ġerusalemm,” kiteb Ġeremija, “rajt ħwejjeġ ikexkxuk: adulterji u mġiba giddieba.”—Ġeremija 23:14.
4. Għalliema foloz għala jistħoqqilhom il-qerda?
4 Billi jiddeskrivi x’kienu se jagħmlu għalliema foloz fil-kongregazzjoni Kristjana, Pietru jgħid: “Dawn idaħħlu firdiet, li jġibu l-qerda, sa jaslu biex jiċħdu s-Sid [Ġesù Kristu] li għalih kisibhom u malajr iġibu l-qerda fuqhom infushom.” (2 Pietru 2:1; Ġuda 4) Ir-riżultat finali taʼ settarjaniżmu bħal dan taʼ l-ewwel seklu huwa l-Kristjaneżmu bħalma nafuh illum. Pietru juri għala għalliema foloz tabilħaqq jistħoqqilhom il-qerda: “Ikun hemm ħafna li jimxu skond l-imġiba bla rażan tagħhom, u ħtija tagħhom tkun imkasbra t-triq tal-verità.”—2 Pietru 2:2.
5. Għalliema foloz għal xiex kienu responsabbli?
5 Aħseb dwar dan! Minħabba l-influwenza t’għalliema foloz, ħafna fil-kongregazzjonijiet kienu se jsiru involuti f’imġiba bla rażan. Il-kelma Griega tradotta “imġiba bla rażan” tindika laxkezza, bla kontroll taʼ xejn, indiċenza, faħx, kondotta bla mistħija. Pietru qal iktar kmieni li l-Kristjani kienu ‘ħelsu mit-taħsir li hawn fid-dinja ħtija tal-ġibdiet ħżiena.’ (2 Pietru 1:4) Imma xi wħud kienu se jerġgħu lura għal dak it-taħsir, u għalliema foloz fil-kongregazzjonijiet kienu se jkunu fil-biċċa l-kbira responsabbli għal dan! B’hekk it-triq tal-verità kienet se ssofri reputazzjoni ħażina. X’ħasra! Ċertament, din hija kwistjoni li x-Xhieda taʼ Jehovah kollha llum għandhom jagħtuha attenzjoni mill-qrib. M’għandna qatt ninsew li, skond kif naġixxu, nistgħu nġibu jew tifħir lil Alla Jehovah u n-nies tiegħu jew tmaqdir fuqhom.—Proverbji 27:11; Rumani 2:24.
Jintroduċu T-Tagħlim Falz
6. X’iqanqal lill-għalliema foloz, u kif ifittxu li jiksbu dak li jridu?
6 Bil-għaqal kollu, aħna nagħtu kas kif l-għalliema foloz jintroduċu l-mod taʼ ħsieb korrott tagħhom. Pietru l-ewwel jgħid li dan huma jagħmluh minn taħt, b’mod sottili u li ħadd ma jintebaħ bih. Hu jżid: “Mqanqlin mir-regħba tagħhom, jagħmlu negozju minn fuqkom bi kliem qarrieq.” Xewqa egoista timmotiva lill-għalliema foloz, bħalma huwa enfasizzat minn kif tpoġġiha The Jerusalem Bible: “Huma jipprovaw bil-ħerqa jixtrukom għalihom infushom b’diskors qarrieq.” Bl-istess mod, it-traduzzjoni taʼ James Moffatt hawnhekk tgħid: “Fix-xeħwa tagħhom huma se jisfruttawkom b’argumenti makakki.” (2 Pietru 2:1, 3) Il-paroli t’għalliema foloz għandhom mnejn jidhru plawsibbli għal xi ħadd li m’huwiex attent spiritwalment, imma kliemhom huwa mfassal bir-reqqa biex ‘jixtru’ lin-nies, billi jisseduċuhom biex jaqdu l-iskopijiet egoisti taʼ dawk li jqarrqu.
7. Liema filosofija saret popolari fl-ewwel seklu?
7 Bla dubju, għalliema foloz fl-ewwel seklu ġew influwenzati mill-mod taʼ ħsieb tad-dinja prevalenti f’dak iż-żmien. Bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien li kiteb Pietru, bdiet issir popolari filosofija msejħa Njostiċiżmu. L-injostiċi kienu jemmnu li l-materja kollha hija ħażina u dak biss li jappartjeni lill-ispirtu huwa tajjeb. B’hekk, xi wħud minnhom qalu li mhux importanti x’jagħmel bniedem bil-ġisem fiżiku tiegħu. Maż-żmien, huma argumentaw, il-bniedem ma kienx se jkollu dan il-ġisem. Għalhekk, ikkonkludew li dnubiet tal-ġisem—inklużi dawk sesswali—m’humiex importanti. Milli jidher, opinjonijiet bħal dawn bdew jinfluwenzaw lil xi wħud li sostnew li kienu Kristjani.
8, 9. (a) Liema raġunar mgħawweġ effettwa lil xi wħud mill-Kristjani bikrin? (b) Skond Ġuda, x’kienu qegħdin jagħmlu xi wħud fil-kongregazzjoni?
8 Wieħed studjuż tal-Bibbja nnota li “kien hemm dawk fil-Knisja li għawġu d-duttrina tal-grazzja,” jew “qalb tajba mhix mistħoqqa.” (Efesin 1:5-7) Skond hu, l-argument taʼ xi wħud kien dan: “Tgħidu li l-[qalb tajba mhix mistħoqqa] t’Alla hija kbira biżżejjed biex tgħatti kull dnub? . . . Allura ejjew inkomplu nidinbu, għax il-[qalb tajba mhix mistħoqqa] t’Alla tistaʼ tħassar kull dnub kompletament. Fil-fatt iktar ma nidinbu iktar ikollha ċans topera l-[qalb tajba mhix mistħoqqa] t’Alla.” Qatt smajtu raġunar iktar mgħawweġ minn dak?
9 L-appostlu Pawlu rribatta l-mod taʼ ħsieb żbaljat dwar il-ħniena t’Alla meta staqsa: “Nibqgħu fid-dnub biex toktor il-grazzja?” Hu staqsa wkoll: “Ladarba m’aħniex taħt il-Liġi imma taħt il-grazzja, allura għandna nidinbu?” Għal kull mistoqsija Pawlu wieġeb b’enfasi: “Ma jkun qatt!” (Rumani 6:1, 2, 15) Jidher ċar, bħalma josserva Ġuda, li xi wħud bdew “jaqilbu l-grazzja taʼ Alla tagħna f’żína.” Madankollu, Pietru jinnota li għal uħud bħal dawn ‘il-qerda m’hijiex rieqda.’—Ġuda 4; 2 Pietru 2:3.
Eżempji Taʼ Twissija
10, 11. Pietru liema tliet eżempji taʼ twissija jipprovdi?
10 Biex jenfasizza li Alla se jieħu azzjoni kontra dawk li jidinbu minn rajhom, Pietru jipprovdi tliet eżempji taʼ twissija mill-Iskrittura. L-ewwel, hu jikteb: “Alla ma ħafirhiex lill-anġli li dinbu.” Dawn, jgħid Ġuda, “ma beżgħux għal posthom u telqu mnejn kienu jgħammru” fis-sema. Niżlu fuq l-art qabel id-Dilluvju u ħadu iġsma tal-laħam sabiex ikollhom relazzjonijiet sesswali mal-bniet tal-bnedmin. Bħala kastig għall-kondotta mhix xierqa u mhix naturali tagħhom, ġew mitfugħin ġewwa “ħofor mudlama,” jew bħalma jgħid ir-rakkont taʼ Ġuda, huma ġew ‘miżmumin marbutin għal dejjem f’qiegħ id-dlamijiet għall-ħaqq tal-Jum il-kbir.’—2 Pietru 2:4; Ġuda 6; Ġenesi 6:1-3.
11 Imbagħad, Pietru jirreferi għan-nies taʼ żmien Noè. (Ġenesi 7:17-24) Hu jgħid li fi żmien Noè, Alla “ma ħafirhiex lid-dinja tal-qedem . . . meta bagħat id-dulluvju fuq id-dinja tal-ħażen.” Fl-aħħarnett, Pietru jikteb li Alla stabbilixxa “tagħlima għal dawk il-ħżiena li kellhom jiġu wara” billi “kkundanna l-bliet taʼ Sodoma u Gomorra biex ikunu maħruqa sa ma jsiru rmied.” Ġuda jżid l-informazzjoni li dawk l-individwi “ngħataw għaż-żína u ntelqu wara l-pjaċiri kontra n-natura.” (2 Pietru 2:5, 6; Ġuda 7) L-irġiel mhux biss kellhom relazzjonijiet sesswali illeċiti man-nisa imma kellhom xeħwa għal-laħam taʼ rġiel oħrajn, possibbilment anki għal-laħam taʼ bhejjem bla raġuni.—Ġenesi 19:4, 5; Levitiku 18:22-25.
12. Skond Pietru, kondotta taʼ tjieba kif tiġi ppremjata?
12 Madankollu, fl-istess ħin, Pietru jinnota li Jehovah hu dak li jippremja lil dawk li jaqduh fedelment. Per eżempju, jirrakkonta kif Alla ‘ħafirha lil Noè, il-ħabbâr tal-ġustizzja, u sebgħa min-nies oħra’ meta Hu ġab l-Għarqa. Jgħidilna wkoll dwar kif Jehovah ħeles lil “Lot, raġel ġust” fi żmien Sodoma, billi kkonkluda: “Jaf mela l-Mulej jeħles it-tajbin mit-tiġrib u jħalli l-ħżiena biex jieħdu l-kasti[g] f’jum il-ġudizzju.”—2 Pietru 2:5, 7-9.
Għemejjel Li Ħaqqhom Il-Kastig
13. Min b’mod speċjali huwa merfugħ għall-ħaqq, u milli jidher f’liema thewdin jieħdu sehem?
13 Pietru jipponta lejn dawk li huma merfugħin b’mod speċjali għall-ħaqq t’Alla, jiġifieri, “dawk li jgħixu skond il-ġibdiet tal-ġisem u li jkasbru s-setgħa tal-Mulej.” Nistgħu kważi nħossu r-rabja bi stmerrija li Pietru juri hekk kif jgħid: “Nies wiċċhom bla mistħija, kburin, li ma jibżgħux ikasbru l-ħlejjaq glorjużi tas-sema.” Ġuda jikteb li “dawn il-bnedmin fit-thewdin tagħhom . . . qegħdin itebbgħu l-ġisem, . . . iżebilħu l-ħlejjaq glorjużi.” (2 Pietru 2:10; Ġuda 8) It-thewdin tagħhom għandu mnejn jinvolvi fantasiji sesswali mhux safjin li jinkuraġġuhom ifittxu sodisfazzjon sesswali immorali. Iżda, huma f’liema sens “[i]kasbru s-setgħa tal-Mulej” u “[j]żebilħu l-ħlejjaq glorjużi”?
14. L-għalliema foloz f’liema sens “[i]kasbru s-setgħa tal-Mulej” u “[j]żebilħu l-ħlejjaq glorjużi”?
14 Dan jagħmluh billi jistmerru l-awtorità mogħtija minn Alla. Anzjani Kristjani jirrappreżentaw lill-glorjuż Alla Jehovah u lil Ibnu u, bħala riżultat, għandhom ċerta glorja mogħtija lilhom. Veru, huma jagħmlu żbalji, bħalma għamel Pietru nnifsu, imma l-Iskrittura tħeġġeġ lill-membri tal-kongregazzjoni biex ikunu sottomessi lejn uħud glorjużi bħal dawn. (Lhud 13:17) In-nuqqasijiet tagħhom m’huma ebda raġuni biex wieħed iżeblaħhom. Pietru jgħid li l-anġli ma “jkasbruhomx [lill-għalliema foloz],” għalkemm dan ikun jixirqilhom ferm. “Imma dawn,” ikompli Pietru, “bħal bhejjem bla raġuni li minnhom infushom twieldu biex ikunu maqbuda u maqtula, ikasbru dak li ma jagħrfux. Għalhekk bħal bhejjem jinqerdu.”—2 Pietru 2:10-13.
“Jieklu Magħkom”
15. Liema huma l-metodi t’għalliema foloz, u fejn ifittxu lil dawk li jridu jisseduċu?
15 Għalkemm għal dawn l-irġiel korrotti “l-pjaċir tagħhom hu x-xalar taʼ binhar” u “huma tbajjaʼ u ħmieġ,” huma wkoll makakki. Jaġixxu “minn taħt,” [Karm Żammit] billi jużaw “kliem qarrieq,” bħalma nnota Pietru qabel. (2 Pietru 2:1, 3, 13) B’hekk huma għandhom mnejn ma jisfidawx apertament l-attentati taʼ l-anzjani biex jappoġġjaw il-livelli morali t’Alla jew b’mod sfaċċat ifittxu l-pjaċiri sesswali tagħhom infushom. Minflok, Pietru jgħid li huma jħobbu “jieklu magħkom u gostihom iqarrqu bihom.” U Ġuda jikteb: “Dawn huma l-blat moħbi taħt l-ilma fil-festi taʼ mħabba tagħkom.” (Ġuda 12, NW) Iva, sewwa sew bħalma blat ippontat taħt l-ilma jistaʼ jċarrat qiegħ taʼ dgħajsa, u jikkaġuna l-għarqa taʼ baħrin aljenati, għalliema foloz kienu qegħdin jikkorrompu lil uħud aljenati li lilhom b’ipokresija għamlu taʼ bir-ruħhom li jħobbuhom matul dawn il-“festi taʼ mħabba.”
16. (a) X’kienu l-“festi taʼ mħabba,” u f’liema sfond simili jistgħu joperaw dawk immorali llum? (b) L-għalliema foloz fuq min jiffokaw l-attenzjonijiet tagħhom, u għalhekk x’iridu jagħmlu dawn l-uħud?
16 Dawn il-“festi taʼ mħabba” milli jidher kienu okkażjonijiet soċjali meta l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu jiltaqgħu biex jieħdu gost jieklu u jassoċjaw flimkien. Ix-Xhieda taʼ Jehovah llum ukoll xi drabi jiltaqgħu flimkien f’okkażjonijiet soċjali, forsi f’xi tiġijiet, f’xi pikniks, jew f’xi lejla taʼ sħubija. Individwi korrotti kif jistgħu jużaw okkażjonijiet bħal dawn biex jisseduċu l-vittmi? Pietru jikteb “Għajnejhom mimlijin kollha adulterju, . . . iqarrqu b’erwieħ li m’humiex sodi.” Huma jiffokaw lil “qalbhom imħarrġa fi ħwejjeġ tar-regħba” fuq uħud mhux sodi spiritwalment li naqsu li jagħmlu l-verità kompletament tagħhom infushom. Mela ħu t-twissija minn qabel b’dak li ġara fi żmien Pietru, u oqgħod għassa! Irreżisti kwalunkwe avvanzi mhux safjin, u tiġix imqarraq mill-kliem li jsaħħar jew mill-attrazzjoni fiżika taʼ xi ħadd li jkun qiegħed jagħmel avvanzi immorali!—2 Pietru 2:14, KŻ.
‘It-Triq Taʼ Balgħam’
17. X’kienet it-‘triq taʼ Balgħam,’ u din kif effettwat lil 24,000 Iżraelit?
17 Dawn il-“misħutin” ilhom xi ftit jafuha l-verità. Għandhom mnejn għadhom jidhru attivi fil-kongregazzjoni. Imma Pietru jgħid: “Tbiegħdu mit-triq id-dritta u ntilfu; mxew wara Balgħam, bin Bosor, li għażel qligħ il-ħażen.” (2 Pietru 2:14, 15) It-triq tal-profeta Balgħam kienet li hu jagħti parir għal korsa taʼ seduzzjoni immorali għal qligħ persunali tiegħu stess. Hu qal lis-Sultan Mowabit Balak li Alla kien se jisħet lil Iżrael jekk in-nies setgħu jiġu mħajrin jikkommettu ż-żína. Bħala riżultat, ħafna min-nies t’Alla ġew sedotti minn xi nisa Mowabiti, u 24,000 ġew mogħtijin il-mewt minħabba l-kondotta immorali tagħhom.—Numri 25:1-9; 31:15, 16; Apokalissi 2:14.
18. Balgħam kemm kien persistenti, u r-riżultat x’jawgura għall-għalliema foloz?
18 Pietru jinnota li Balgħam ġie mfixkel meta l-ħmar tiegħu kellmu, u madankollu Balgħam tant ħabb “qligħ il-ħażen,” li saħansitra meta ġara dan, ma waqqafx “il-bluha” tiegħu. (2 Pietru 2:15, 16) Kemm kien mill-agħar! Gwaj għal kulmin ikun bħal Balgħam u jipprova jikkorrompi lin-nies t’Alla billi jittantahom biex jikkommettu l-immoralità! Balgħam miet minħabba l-ħażen tiegħu, dehra bil-quddiem taʼ dak li se jiġrilhom dawk kollha li jsegwu t-triq tiegħu.—Numri 31:8.
Is-Seduzzjonijiet Djaboliċi Tagħhom
19, 20. (a) Uħud bħal Balgħam maʼ xiex inhuma mqabblin, u għala? (b) Lil min iħajru, u kif? (c) Għala nistgħu ngħidu li s-seduzzjonijiet tagħhom huma djaboliċi, u kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna u lil oħrajn minnhom?
19 Waqt li jiddeskrivi wħud bħal Balgħam, Pietru jikteb: “Huma għejun [jew, bjar] bla ilma u sħab [jew, ċpar] misjuq mir-riefnu.” Bir niexef, għal xi vjaġġatur bil-għatx fid-deżert, jistaʼ jfisser mewt. Mhux taʼ b’xejn li d-“dlamijiet l-aktar koroh hemm lesti” għal dawk li jixbhu affarijiet bħal dawn! “Għax dawn bil-kliem kburi u fieragħ tagħhom,” ikompli Pietru, “u bil-ġibdiet ħżiena tal-ġisem iqarrqu b’dawk li bilkemm għadhom kemm ġew meħlusin minn maʼ dawk li jgħixu fl-iżball.” Huma jisseduċu lil dawk bla esperjenza billi “[j]wegħduhom il-ħelsien,” jgħid Pietru, waqt li “huma stess imjassrin mit-taħsir.”—2 Pietru 2:17-19; Galatin 5:13.
20 Is-seduzzjonijiet t’għalliema korrotti bħal dawn huma djaboliċi. Jistgħu jgħidu, per eżempju: ‘Alla jaf li aħna dgħajfin u suġġetti għall-passjoni. Mela jekk nagħtu ruħna għax-xewqat sesswali tagħna u nissodisfawhom, Alla se juri ħniena. Jekk nistqarru d-dnub tagħna, se jaħfrilna sewwa sew bħalma għamel meta konna għadna fil-bidu tal-verità.’ Ftakar li x-Xitan uża mod pjuttost simili biex javviċina lil Eva, billi wegħedha li hi setgħet tidneb mingħajr ma tiġi kkastigata. Fil-każ taʼ Eva, hu sostna li dnub kontra Alla kien se jagħtiha tidwil u libertà. (Ġenesi 3:4, 5) Jekk b’kumbinazzjoni niltaqgħu maʼ individwu korrott bħal dan li jkun qiegħed jassoċja mal-kongregazzjoni, aħna fi dmir li nipproteġu lilna nfusna kif ukoll lil oħrajn billi ngħidu b’dan l-individwu lil min hu responsabbli fil-kongregazzjoni Kristjana.—Levitiku 5:1.
Protetti Minn Għarfien Eżatt
21-23. (a) X’inhuma l-konsegwenzi taʼ li wieħed jonqos milli japplika l-għarfien eżatt? (b) Pietru jiddiskuti liema problema oħra li se tiġi kkunsidrata issa?
21 Pietru jikkonkludi din il-parti taʼ l-ittra tiegħu billi jiddeskrivi l-konsegwenzi taʼ li wieħed jonqos milli japplika l-għarfien li iktar kmieni qal li huwa vitali għall-“ħajja u t-tjieba.” (2 Pietru 1:2, 3, 8) Hu jikteb: “Għax jekk, wara li ħelsu mill-ħażen tad-dinja bis-saħħa taʼ l-għarfien [“eżatt,” “NW”] taʼ Sidna u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu, reġgħu tħabblu fih u ntrebħu minnu, xortihom taʼ l-aħħar sa tkunilhom agħar minn taʼ l-ewwel.” (Korsiv tagħna.) (2 Pietru 2:20) X’ħasra! Uħud bħal dawn fi żmien Pietru kienu rmew it-tama prezzjuża taʼ ħajja immortali fis-sema għal mumenti qosra taʼ sodisfazzjon sesswali.
22 Għalhekk Pietru jgħid: “Kien ikun aħjar għalihom li ma għarfu qatt it-triq tas-sewwa milli, wara li għarfuha, reġgħu lura mill-kmandament imqaddes li ngħata lilhom. Ġralhom kif jgħid sewwa l-proverbju: ‘Il-kelb idur għall-vomtu tiegħu’, u ‘Il-ħanżira l-maħsula titmiegħek fit-tajn.’”—2 Pietru 2:21, 22; Proverbji 26:11.
23 Problema oħra li kienet evidentement bdiet teffettwa lill-Kristjani tal-bidu kienet simili għal waħda li teffettwa lil xi wħud illum. Lura f’dak iż-żmien, xi wħud evidentement kienu qegħdin jilmentaw dwar il-fatt li l-preżenza mwiegħda taʼ Kristu donnha ma kinitx se tasal. Ejjew neżaminaw kif Pietru jittratta maʼ din il-kwistjoni. (w97 9/1)
Tiftakar?
◻ Pietru liema tliet eżempji taʼ twissija jiċċita?
◻ Għalliema foloz kif “[i]kasbru s-setgħa tal-Mulej”?
◻ X’inhi t-triq taʼ Balgħam, u dawk li jimxu fiha kif jipprovaw jisseduċu lil oħrajn?
◻ X’inhuma l-konsegwenzi taʼ li wieħed jonqos milli japplika l-għarfien eżatt?
[Stampa f’paġni 24, 25]
Balgħam iservi bħala eżempju taʼ twissija