Ibqaʼ Imxi m’Alla
“Imxu fl-ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem.”—GALATIN 5:16.
1. (a) Imdawwar minn liema kundizzjonijiet u għal kemm żmien Ħenok mexa m’Alla? (b) Noè għal kemm żmien mexa m’Alla, u liema responsabbiltajiet tqal kellu?
IL-BIBBJA tgħidilna li Ħenok “kien jimxi sewwa maʼ Alla.” Minkejja l-kliem offensiv u l-kondotta mill-agħar tan-nies taʼ madwaru, hu ppersista f’li jimxi m’Alla sat-tmiem taʼ ħajtu fl-età taʼ 365 sena. (Ġenesi 5:23, 24; Ġuda 14, 15) Noè wkoll “kien jimxi sewwa maʼ Alla.” Dan għamlu waqt li rabba l-familja tiegħu, waqt li kampa maʼ dinja influwenzata minn anġli ribelli u n-nisel vjolenti tagħhom, u waqt li ħa ħsieb tad-dettalji kollha involuti fil-bini taʼ arka immensa li kienet akbar minn kwalunkwe biċċa tal-baħar taʼ żmien il-qedem. Hu baqaʼ jimxi m’Alla wara l-Għarqa, saħansitra meta l-irvell kontra Jehovah reġaʼ tfaċċa f’Babel. Tabilħaqq, Noè baqaʼ jimxi m’Alla sakemm miet fl-età taʼ 950 sena.—Ġenesi 6:9; 9:29.
2. X’ifisser li ‘timxi m’Alla’?
2 Meta tgħid li dawn l-irġiel taʼ fidi ‘mxew’ m’Alla, il-Bibbja qed tuża dan it-terminu f’sens metaforiku. Dan ifisser li Ħenok u Noè ġabu ruħhom b’tali mod li taw evidenza taʼ fidi qawwija f’Alla. Għamlu dak li Jehovah kkmandahom u rregolaw il-ħajjiet tagħhom fi qbil maʼ dak li kienu jafu dwaru mill-mod taʼ kif ittratta mal-bnedmin. (Qabbel 2 Kronaki 7:17.) Mhux biss esprimew qbil mentali maʼ dak li Alla qal u għamel imma huma aġixxew fuq kulma kien jirrikjedi—mhux biss fuq xi ftit minnu imma fuqu kollu sakemm kien possibbli għalihom bħala bnedmin imperfetti. B’hekk, per eżempju, Noè għamel preċiż kulma ordnalu Alla. (Ġenesi 6:22) Noè ma kienx qed jaġixxi qabel id-direzzjonijiet mogħtijin lilu, u ma kienx qed jibqaʼ lura bi traskuraġni. Bħala wieħed li gawda intimità maʼ Jehovah, billi ħassu li jistaʼ jitlob lil Alla bil-libertà u kien jgħożż direzzjoni divina, hu kien qed jimxi m’Alla. Qiegħed int tagħmel hekk?
Korsa Konsistenti taʼ Ħajja
3. Liema ħaġa hija taʼ importanza vitali għal dawk kollha li huma qaddejja dedikati u mgħammdin t’Alla?
3 Huwa taʼ ferħ li tosserva lil uħud li jibdew jimxu m’Alla. Hekk kif jagħmlu l-passi pożittivi fi qbil mar-rieda taʼ Jehovah, huma jagħtu evidenza taʼ fidi, li mingħajrha ħadd ma jistaʼ jogħġob lil Alla. (Lhud 11:6) Kemm nitgħaxxqu li kull sena, bejn wieħed u ieħor għal dawn l-aħħar ħames snin, ’il fuq minn 320,000 persuna ddedikaw lilhom infushom lil Jehovah u ppreżentaw lilhom infushom għall-magħmudija taʼ l-ilma! Imma huwa importanti kemm għalihom kif ukoll għalina lkoll li nibqgħu nimxu m’Alla.—Mattew 24:13; Apokalissi 2:10.
4. Għalkemm urew xi ftit tal-fidi, għala l-biċċa l-kbira taʼ l-Iżraeliti li telqu mill-Eġittu ma daħlux fl-Art Imwiegħda?
4 Fi żmien Mosè, familja Iżraelita ried ikollha l-fidi biex tiċċelebra l-Qbiż fl-Eġittu u ċċappas bid-demm il-koxox tal-bieb u l-parti taʼ fuq tad-daħla tad-dar. (Eżodu 12:1-28) Madankollu, il-fidi taʼ ħafna minnhom iddgħajfet meta raw l-armata taʼ Farawni qrib warajhom ħdejn il-Baħar l-Aħmar. (Eżodu 14:9-12) Salm 106:12 juri li meta qasmu qawwijin u sħaħ minn fuq il-qiegħ niexef tal-baħar u raw l-ilmijiet iħabbtu jġibu fix-xejn lill-armata Eġizzjana, huma għal darb’oħra ‘emmnu fi kliem Jehovah.’ Madankollu, ftit taż-żmien wara fid-deżert, l-Iżraeliti bdew jilmentaw dwar l-ilma tax-xorb, l-ikel, u l-indokrar. Ir-rapport negattiv taʼ għaxra mit-tnax-il spija li rritornaw mill-Art Imwiegħda għamilhom beżgħanin. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi, bħalma jgħid Salm 106:24, “ma emmnux fil-kelma [t’Alla].” Riedu jmorru lura l-Eġittu. (Numri 14:1-4) Il-fidi li setaʼ kellhom kienet tidher biss meta kienu jaraw ċerti turijiet straordinarji taʼ qawwa divina. Ma baqgħux jimxu m’Alla. Bħala riżultat, dawk l-Iżraeliti ma daħlux fl-Art Imwiegħda.—Salm 95:10, 11.
5. It-Tieni Korintin 13:5 u Proverbji 3:5, 6 kif inhuma marbutin maʼ li nimxu m’Alla?
5 Il-Bibbja tammonina: “Għarblu lilkom infuskom jekk intomx fil-fidi; ġarrbu lilkom infuskom.” (2 Korintin 13:5) Li tkun “fil-fidi” jfisser li żżomm mal-ġabra taʼ twemmin Kristjan. Dan huwa vitali biex jirnexxilna nimxu m’Alla l-jiem kollha taʼ ħajjitna. Biex nimxu m’Alla, irridu wkoll neżerċitaw il-kwalità tal-fidi, billi nafdaw għalkollox f’Jehovah. (Proverbji 3:5, 6) Hemm ħafna nases u perikli li jistgħu jinqabdu fihom dawk li jonqsu li jagħmlu dan. X’inhuma xi ftit minnhom?
Aħrab in-Nasba taʼ li Tkun Fiduċjuż Iżżejjed fik Innifsek
6. Il-Kristjani kollha x’jafu dwar iż-żína u l-adulterju, u kif iħossuhom dwar dawn id-dnubiet?
6 Kulmin studja l-Bibbja, iddedika ħajtu lil Jehovah, u tgħammed, jaf li l-Kelma t’Alla tikkundanna ż-żína u l-adulterju. (1 Tessalonikin 4:1-3; Lhud 13:4) Dawn jaqblu li dan hu sewwa. L-intenzjoni tagħhom hi li jgħixu fi qbil maʼ dan. Madankollu, l-immoralità sesswali tibqaʼ tkun waħda mill-iktar nasbiet effettivi taʼ Satana. Għala?
7. Fuq il-Pjanuri taʼ Moab, irġiel Iżraeliti kif ġew involuti f’kondotta li kienu jafu li kienet ħażina?
7 Fil-bidu, dawk li jiġu involuti f’kondotta immorali bħal din għandhom mnejn ma jkunux ippjanaw li jagħmlu dan. Forsi dak ukoll kien minnu dwar l-Iżraeliti fuq il-Pjanuri taʼ Moab. Għall-irġiel Iżraeliti li kienu għajjenin bil-ħajja fix-xagħri, in-nisa Moabiti u Midjaniti li ħajruhom setgħu għall-ewwel dehru minn tagħna u ospitabbli. Imma x’ġara meta l-Iżraeliti aċċettaw stediniet biex jissieħbu maʼ nies li kienu jaqdu lil Baal u mhux lil Jehovah, nies li kienu jħallu lil bniet tagħhom (anki minn familji prominenti) ikollhom relazzjonijiet sesswali maʼ rġiel li ma kinux iżżewġuhom? Meta rġiel mill-kamp taʼ Iżrael bdew iqisu sħubija bħal din bħala mixtieqa, dawn ġew imħajrin jagħmlu affarijiet li kienu jafu li kienu ħżiena, u dan swielhom ħajjithom.—Numri 22:1; 25:1-15; 31:16; Apokalissi 2:14.
8. Fi żmienna, x’jistaʼ jwassal lil xi Kristjan għall-immoralità sesswali?
8 X’jistaʼ jikkaġuna li xi ħadd jaqaʼ f’nasba simili fi żmienna? Għalkemm għandu mnejn ikun jaf kemm hi serja l-immoralità sesswali, jekk ma japprezzax ukoll il-periklu taʼ li jkun fiduċjuż iżżejjed fih innifsu, jistaʼ jidħol f’xi sitwazzjoni fejn il-ġibda lejn l-għemil ħażin tegħleb ir-raġuni tiegħu.—Proverbji 7:6-9, 21, 22; 14:16.
9. Liema twissijiet Skritturali jistgħu jissalvagwardjawna mill-immoralità?
9 Bi kliem ċar il-Kelma t’Alla twissina biex ma nitqarrqux f’li naħsbu li tant aħna sodi li sħubijiet ħżiena ma jikkorrompuniex. Dan jinkludi li naraw programmi televiżivi li jippreżentaw il-ħajjiet taʼ nies immorali u li nħarsu lejn rivisti li jqanqlu xewqat immorali. (1 Korintin 10:11, 12; 15:33) Taħt ċirkostanzi ħżiena anki sħubija maʼ kredenti sħabna tistaʼ twassal għal problemi serji. L-attrazzjoni bejn is-sessi hija qawwija. B’interess taʼ mħabba l-organizzazzjoni taʼ Jehovah għalhekk wissiet kontra li nkunu waħedna u fejn ma jarawniex in-nies maʼ xi ħadd tas-sess oppost li m’huwiex is-sieħeb jew is-sieħba jew membru tal-familja tagħna. Sabiex nibqgħu nimxu m’Alla, għandna bżonn naħarbu n-nasba taʼ li nkunu fiduċjużi żżejjed fina nfusna u nagħtu kas tal-pariri taʼ twissija li hu jagħtina.—Salm 85:8, NW.
Tħallix il-Biżaʼ mill-Bniedem Jikkontrollak
10. “Il-biżaʼ mill-bniedem” kif jistaʼ jonsobna?
10 Periklu ieħor hu identifikat fi Proverbji 29:25, li jgħid: “Min jibżaʼ mill-bniedem jaqaʼ fi xkiel.” Nasba taʼ kaċċatur taʼ spiss tinvolvi ingassa li tissikka maʼ l-għonq jew ħbula li jinqabdu fihom is-saqajn taʼ l-annimal. (Ġob 18:8-11) Il-biżaʼ mill-bniedem jistaʼ bl-istess mod joħnoq l-abbiltà taʼ dak li jkun li jitkellem liberament u li jġib ruħu b’mod li jogħġob lil Alla. Ix-xewqa li togħġob lil ħaddieħor hija normali, u li tinjora totalment dak li jaħsbu n-nies m’hijiex attitudni Kristjana. Imma huwa meħtieġ il-bilanċ. Meta tħassib dwar x’tistaʼ tkun ir-reazzjoni t’oħrajn iġiegħel lil dak li jkun jagħmel dak li Alla ma jridx jew iżommu lura milli jagħmel dak li tikkmanda l-Kelma t’Alla, dak l-individwu jkun inqabad fin-nasba.
11. (a) X’jistaʼ jissalvagwardjana milli nħallu l-biżaʼ mill-bniedem jikkontrollana? (b) Jehovah kif għen lill-qaddejja tiegħu li kienu qegħdin jissieltu mal-biżaʼ mill-bniedem?
11 Il-protezzjoni kontra din in-nasba tinsab, mhux f’xi dispożizzjoni naturali li twelidna biha, imma f’li ‘nittamaw fil-Mulej.’ (Proverbji 29:25b) B’fiduċja f’Alla, anki bniedem magħmul mistħi jistaʼ juri kuraġġ u sodizza. Dment li nibqgħu mdawrin bil-pressjonijiet taʼ din is-sistema taʼ affarijiet satanika, ikollna bżonn noqogħdu għassa kontra n-nasba tal-biżaʼ mill-bniedem. Għalkemm il-profeta Elija kellu rekord mill-aħjar taʼ servizz kuraġġuż, meta Ġeżabel hedditu li tagħtih il-mewt, dan ħarab għax beżaʼ. (1 Slaten 19:2-18) Taħt pressjoni, l-appostlu Pietru bil-biżaʼ ċaħad li kien jafu lil Ġesù Kristu, u xi snin wara ħalla l-biżaʼ jġagħlu jġib ruħu b’mod kuntrarju għall-fidi. (Mark 14:66-71; Galatin 2:11, 12) Madankollu, kemm Elija u kemm Pietru aċċettaw għajnuna spiritwali u, b’fiduċja f’Jehovah, baqgħu jaqdu lil Alla b’mod aċċettabbli.
12. Liema eżempji taʼ żmienna juru kif individwi ġew megħjunin biex ma jħallux il-biżaʼ jġagħalhom iżommu lura milli jogħġbu lil Alla?
12 Ħafna mill-qaddejja taʼ Jehovah fi żmienna wkoll tgħallmu jirbħulha n-nasba tal-biżaʼ. Xhud żagħżugħa fil-Guyana rrikonoxxiet: “L-iskola l-ġlieda biex nirreżisti l-pressjoni taʼ sħabi hija qawwija.” Imma żiedet: “Daqshekk ieħor hija l-fidi tiegħi f’Jehovah.” Meta l-għalliem tagħha rridikolaha quddiem il-klassi kollha minħabba l-fidi tagħha, hi talbet f’qalbha lil Jehovah. Iktar tard fil-privat hi tat xiehda bit-tattika lill-għalliem. Matul żjara fir-raħal fejn twieled fil-Benin, wieħed żagħżugħ li kien qed jitgħallem il-ħtiġijiet taʼ Jehovah ddeċieda li jeħles minn idolu li kien naqqaxlu missieru. Iż-żagħżugħ kien jaf li x-xbiha kienet bla ħajja, u ma kienx jibżaʼ minnha, imma kien konxju wkoll li xi nies tar-raħal inkorlati għandhom mnejn jipprovaw joqtluh. Talab lil Jehovah, u mbagħad bil-lejl ħa l-idolu fil-bosk u ħeles minnu. (Qabbel Mħallfin 6:27-31.) Meta waħda mara fir-Repubblika Dominikana bdiet taqdi lil Jehovah, żewġha ordnalha li tagħżel bejnu u bejn Jehovah. Ir-raġel heddidha li jiddivorzjaha. Kien il-biżaʼ se jġagħalha tabbanduna l-fidi tagħha? Wieġbet: “Li kieku kienet involuta l-infedeltà, kien ikolli għalfejn nistħi, imma mhux għax irrid naqdi lil Jehovah!” Baqgħet timxi m’Alla, u maż-żmien żewġha ngħaqad magħha f’li jagħmel ir-rieda taʼ Jehovah. B’fiduċja sħiħa f’Missierna tas-sema, aħna wkoll nistgħu nevitaw li nħallu l-biżaʼ mill-bniedem iġagħalna nżommu lura milli nagħmlu dak li nafu li jkun jogħġob lil Jehovah.
Iċċekkinx il-Valur tal-Pariri
13. Dwar liema nasba niġu mwissijin fl-1 Timotju 6:9?
13 Għalkemm xi nasbiet użati mill-kaċċaturi huma mfasslin biex jaqbdu lil kwalunkwe annimal li jinzerta jgħaddi minn ċertu post, nasbiet oħrajn jiġbdu annimali permezz taʼ lixka li tħajjarhom b’mod qarrieq. Għal ħafna nies, ir-rikkezzi hekk huma. (Mattew 13:22) Fl-ewwel Timotju 6:8, 9, il-Bibbja tinkuraġġina biex inkunu kuntenti bl-ikel u l-ilbies. Imbagħad twissi: “Dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien.”
14. (a) X’jistaʼ jfixkel lil dak li jkun milli jdaħħal f’qalbu l-parir biex ikun kuntent bl-ikel u l-ilbies? (b) Definizzjoni żbaljata tar-rikkezzi kif tistaʼ ġġiegħel lil dak li jkun li jċekken il-valur tat-twissija li nsibu fl-1 Timotju 6:9? (ċ) “[I]l-ġibda taʼ l-għajnejn” b’liema mod tistaʼ tagħmi lil xi wħud għan-nasba li hemm tistenniehom?
14 Minkejja din it-twissija, ħafna jaqgħu fin-nassa għaliex ma japplikawx il-parir għalihom infushom. Għala? Jistaʼ jagħti l-każ li l-kburija timbottahom biex jinsistu li jżommu stil taʼ ħajja li jitlob għal iktar minn ‘ikel u lbies’ li bihom il-Bibbja tħeġġiġna biex inkunu kuntenti? Iċekknu huma forsi l-valur tat-twissija tal-Bibbja minħabba li jiddefinixxu r-rikkezzi f’termini taʼ dak li jippossiedu nies għonja ħafna? Il-Bibbja sempliċement tpoġġi d-determinazzjoni biex wieħed jistagħna f’kuntrast maʼ li hu jkun kuntent bl-ikel u l-ilbies. (Qabbel Lhud 13:5.) Qiegħda “l-ġibda taʼ l-għajnejn”—ix-xewqa li jippossiedu l-affarijiet li jaraw, saħansitra billi jiġu ssagrifikati attivitajiet spiritwali—iġġagħalhom jitfgħu l-interessi tal-vera qima fit-tieni post? (1 Ġwann 2:15-17; Ħaggaj 1:2-8) Kemm huma iktar ferħanin dawk li verament idaħħlu f’qalbhom il-pariri tal-Bibbja u jimxu m’Alla billi jagħmlu s-servizz taʼ Jehovah l-interess ewlieni fil-ħajja tagħhom!
Inlaħħqu b’Suċċess maʼ l-Ansjetajiet tal-Ħajja
15. Liema sitwazzjonijiet bir-raġun jikkaġunaw ansjetà lil ħafna min-nies taʼ Jehovah, u għal liema nasba rridu noqogħdu għassa meta nkunu taħt pressjoni bħal din?
15 Iżjed komuni mid-determinazzjoni biex wieħed jistagħna hemm it-tħassib ansjuż biex jinkisbu n-neċessitajiet tal-ħajja. Ħafna mill-qaddejja taʼ Jehovah jippossiedu biss il-minimu taʼ affarijiet. Jaħdmu iebes għal ħafna sigħat sabiex ikollhom saħansitra lbies bażiku, post fejn il-familja torqod bil-lejl, u minn taʼ l-inqas xi ftit ikel għal matul il-ġurnata. Oħrajn jissieltu maʼ problemi minħabba l-mard jew ix-xjuħija tagħhom jew taʼ xi membri tal-familja. Kemm ikun faċli li jħallu dawn iċ-ċirkostanzi joħonqu l-interessi spiritwali mill-ħajjiet tagħhom!—Mattew 13:22.
16. Jehovah kif jgħinna nkampaw mal-pressjonijiet tal-ħajja?
16 B’imħabba, Jehovah jgħidilna dwar is-serħan li se jiġi esperjenzat taħt is-Saltna Messjanika. (Salm 72:1-4, 16; Isaija 25:7, 8) Hu jgħinna wkoll inkampaw mal-pressjonijiet tal-ħajja issa billi jagħtina pariri fuq kif inżommu l-prijoritajiet tagħna f’posthom. (Mattew 4:4; 6:25-34) Jehovah jiżgurana permezz tar-rekord taʼ kif hu għen lill-qaddejja tiegħu fil-passat. (Ġeremija 37:21; Ġakbu 5:11) Hu jsaħħaħna bil-għarfien li, minkejja kwalunkwe gwaj li jiġi fuqna, imħabbtu għall-qaddejja leali tiegħu tibqaʼ kontinwa. (Rumani 8:35-39) Lil dawk li jpoġġu l-fiduċja tagħhom f’Jehovah, hu jiddikjara: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.”—Lhud 13:5.
17. Agħti eżempji taʼ kif individwi li esperjenzaw gwajijiet kbar setgħu jibqgħu jimxu m’Alla.
17 Imsaħħin b’dan l-għarfien, Kristjani veri jibqgħu jimxu m’Alla minflok ma jduru lura lejn mogħdijiet dinjin. Filosofija dinjija komuni fost il-fqar f’ħafna pajjiżi hi li jekk tieħu mingħand xi ħadd li għandu iżjed minnek sabiex tkun tistaʼ titmaʼ l-familja tiegħek m’huwiex serq. Imma dawk li jimxu bil-fidi jirrifjutaw dik il-ħarsa. Huma jistmaw l-approvazzjoni t’Alla iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra u jħarsu lejh biex jippremja l-kondotta onesta tagħhom. (Proverbji 30:8, 9; 1 Korintin 10:13; Lhud 13:18) Waħda armla fl-Indja sabet li volontà għax-xogħol flimkien maʼ ftit tal-kreattività għenuha tkampa. Minflok ma qagħdet tisħet xortiha, hi kienet konxja li, jekk tpoġġi l-ewwel is-Saltna t’Alla u t-tjieba tiegħu f’ħajjitha, Jehovah kien se jbierek l-isforzi tagħha biex tikseb in-neċessitajiet għaliha u għal binha. (Mattew 6:33, 34) Ħafna eluf minn madwar id-dinja kollha juru li, minkejja l-gwajijiet li għandhom mnejn iġarrbu, Jehovah hu r-refuġju u l-post b’saħħtu tagħhom. (Salm 91:2) Japplika dan għalik?
18. X’inhi s-soluzzjoni biex nevitaw in-nasbiet tad-dinja taʼ Satana?
18 Dment li ngħixu fis-sistema preżenti taʼ affarijiet, se jkun hemm nasbiet li rridu nevitaw. (1 Ġwann 5:19) Il-Bibbja tidentifikahom u turina kif nevitawhom. Dawk li verament iħobbu lil Jehovah u għandhom biżaʼ bnin li joffenduh jistgħu jittrattaw b’suċċess maʼ dawn in-nasbiet. Jekk jibqgħu ‘jimxu fl-ispirtu,’ ma jċedux għall-mogħdijiet dinjin. (Galatin 5:16-25) Quddiem dawk kollha li verament jibnu ħajjithom madwar ir-relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah, hemm il-prospett grandjuż li jimxu m’Alla, billi jgawdu intimità miegħu għal dejjem.—Salm 25:14.
X’Inhu l-Kumment Tiegħek?
◻ Fiduċja żejda fik innifsek kif tistaʼ tkun nasba?
◻ X’jistaʼ jissalvagwardjana milli niġu kkontrollati mill-biżaʼ mill-bniedem?
◻ X’jistaʼ jġagħalna nonqsu li napplikaw il-parir dwar il-periklu tal-ġiri wara r-rikkezzi?
◻ X’jistaʼ jgħinna nevitaw li naqgħu fin-nasba minħabba l-ansjetajiet tal-ħajja?
[Stampa f’paġni 16, 17]
Ħafna jibqgħu jimxu m’Alla matul ħajjithom kollha