Jehovah Hu Alla taʼ Pattijiet
“Jien nagħmel patt ġdid maʼ dar Iżrael u dar Ġuda.”—ĠEREMIJA 31:31.
1, 2. (a) Ġesù għal liema ċelebrazzjoni ta bidu fil-lejl taʼ l-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K.? (b) Ġesù għal liema patt irrefera f’konnessjoni mal-mewt tiegħu?
FIL-LEJL taʼ l-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., Ġesù ċċelebra l-Qbiż mat-12-il appostlu tiegħu. Ladarba kien jaf li din kellha tkun l-aħħar ikla tiegħu magħhom u li dalwaqt kien se jmut taħt idejn l-għedewwa tiegħu, Ġesù approfitta ruħu mill-okkażjoni biex jispjega ħafna kwistjonijiet importanti lid-dixxipli l-iktar intimi tiegħu.—Ġwann 13:1–17:26.
2 Kien f’dan iż-żmien li, wara li ħalla lil Ġuda l-Iskarjota jitlaq, Ġesù istitwixxa l-unika osservanza annwali li l-Kristjani huma kkmandati li jħarsu—il-Mafkar tal-mewt tiegħu. Ir-rakkont jgħid: “Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwlu lid-dixxipli u qal: ‘Ħudu, kulu, dan hu ġismi.’ Mbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newwlilhom il-kalċi u qal: ‘Ixorbu lkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.’” (Mattew 26:26-28) Is-segwaċi taʼ Ġesù kellhom ifakkru l-mewt tiegħu b’mod sempliċi u dinjituż. U Ġesù rrefera għal patt f’konnessjoni mal-mewt tiegħu. Fir-rakkont taʼ Luqa, dan jissejjaħ il-“Patt il-Ġdid.”—Luqa 22:20.
3. Liema mistoqsijiet jiġu mistoqsijin dwar il-patt il-ġdid?
3 X’inhu l-patt il-ġdid? Jekk huwa l-patt il-ġdid, ifisser dan li hemm xi patt qadim? Hemm xi pattijiet oħrajn relatati miegħu? Dawn huma mistoqsijiet importanti għaliex Ġesù qal li d-demm tal-patt kellu jixxerred “għall-maħfra tad-dnubiet.” Ilkoll kemm aħna neħtieġu din il-maħfra disperatament.—Rumani 3:23.
Patt m’Abraham
4. Liema wegħda antika tgħinna nifhmu l-patt il-ġdid?
4 Biex nifhmu l-patt il-ġdid, irridu mmorru lura kważi 2,000 sena qabel il-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art saż-żmien meta Teraħ u l-familja tiegħu—inkluż Abram (iktar tard, Abraham) u mart Abram, Saraj (iktar tard, Sarah)—ivvjaġġaw mill-art prosperuża taʼ Ur tal-Kaldin lejn Ħaran fit-Tramuntana tal-Mesopotamja. Huma baqgħu hemm sakemm miet Teraħ. Imbagħad, għall-kmand taʼ Jehovah, Abraham, li kellu 75 sena, qasam ix-Xmara Ewfrat u vvjaġġa lejn il-Lbiċ sa l-art taʼ Kangħan biex jgħix ħajja taʼ nomadu fit-tined. (Ġenesi 11:31–12:1, 4, 5; Atti 7:2-5) Dan kien fl-1943 Q.E.K. Waqt li Abraham kien għadu Ħaran, Jehovah kien qallu: “Jien nagħmlek ġens kbir, [i]nbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka. Jien inbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek. U jitbierku bik it-tribujiet kollha taʼ l-art.” Iktar tard, wara li Abraham kien qasam għal ġo Kangħan, Jehovah żied: “Lil nislek għad nagħti din l-art.”—Ġenesi 12:2, 3, 4, 7.
5. Il-wegħda li Jehovah għamel lil Abraham għandha x’taqsam maʼ liema profezija storika?
5 Il-wegħda m’Abraham kellha x’taqsam maʼ wegħda oħra li għamel Jehovah. Tabilħaqq, din għamlet lil Abraham figura prinċipali fl-istorja tal-bniedem, ħolqa fit-twettiq taʼ l-ewwel profezija li qatt ġiet iddokumentata. Wara li Adam u Eva dinbu fil-ġnien taʼ Għeden, Jehovah ppronunzja ġudizzju fuq it-tnejn li huma, u fl-istess okkażjoni, hu indirizza lil Satana, li kien qarraq b’Eva, billi qal: “Inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15) Il-patt taʼ Jehovah m’Abraham indika li n-Nisel, li permezz tiegħu x-xogħlijiet taʼ Satana kellhom jinġiebu fix-xejn, kellu jidher fil-linja taʼ dak il-patrijarka.
6. (a) Permezz taʼ min kellha titwettaq il-wegħda li Jehovah għamel lil Abraham? (b) X’inhu l-patt Abrahamiku?
6 Ladarba l-wegħda taʼ Jehovah kienet relatata maʼ nisel, Abraham kellu bżonn taʼ iben li permezz tiegħu setaʼ jiġi dan in-Nisel. Imma hu u Sarah kienu xjaħu sew u kienu għadhom mingħajr tfal. Fl-aħħar, iżda, Jehovah berikhom, billi b’mod mirakoluż reġaʼ rrestawra l-qawwiet prokreattivi tagħhom, u Sarah welldet iben lil Abraham, Iżakk, u b’hekk, inżammet ħajja l-wegħda għal nisel. (Ġenesi 17:15-17; 21:1-7) Wara xi ftit tas-snin, wara li ttestja l-fidi t’Abraham—saħansitra sal-punt li kien lest li joffri lil ibnu l-għażiż, Iżakk, bħala sagrifiċċju—Jehovah tenna l-wegħda tiegħu lil Abraham: “Jien imbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb l-għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha taʼ l-art talli smajt minn kelmti.” (Ġenesi 22:15-18) Din il-wegħda estiża hija taʼ spiss imsejħa l-patt Abrahamiku, u l-patt il-ġdid li ġie iktar tard kellu jkun konness mill-qrib miegħu.
7. In-nisel t’Abraham kif beda jiżdied fin-numru, u liema ċirkostanzi wassluhom biex ikunu residenti fl-Eġittu?
7 Maż-żmien, Iżakk kellu tewmin subjien, Eżaw u Ġakobb. Jehovah għażel lil Ġakobb biex ikun l-antenat tan-Nisel Imwiegħed. (Ġenesi 28:10-15; Rumani 9:10-13) Ġakobb kellu 12-il tifel. Jidher ċar li issa kien iż-żmien biex jibda jiżdied nisel Abraham. Meta wlied Ġakobb saru adulti, ħafna minnhom bil-familji tagħhom stess, ġuħ kbir ġagħalhom ilkoll kemm huma jmorru lejn l-Eġittu fejn, bil-provvidenza divina, Ġużeppi bin Ġakobb kien ħejja t-triq. (Ġenesi 45:5-13; 46:26, 27) Wara ftit tas-snin, il-ġuħ f’Kangħan batta. Imma l-familja taʼ Ġakobb baqgħet l-Eġittu—għall-ewwel bħala mistednin, imma iktar tard bħala rsiera. Ma kienx qabel l-1513 Q.E.K., 430 sena wara li Abraham qasam l-Ewfrat, li Mosè ħareġ lid-dixxendenti taʼ Ġakobb ’il barra mill-Eġittu lejn il-libertà. (Eżodu 1:8-14; 12:40, 41; Galatin 3:16, 17) Jehovah kellu issa jagħti attenzjoni speċjali lill-patt tiegħu m’Abraham.—Eżodu 2:24; 6:2-5.
Il-“Patt il-Qadim”
8. Jehovah x’ikkonkluda man-nisel taʼ Ġakobb f’Sinaj, u dan x’kellu x’jaqsam mal-patt Abrahamiku?
8 Meta Ġakobb u wliedu marru joqogħdu l-Eġittu, huma kienu familja estiża, imma d-dixxendenti tagħhom ħallew l-Eġittu bħala entità kbira taʼ tribujiet popolati. (Eżodu 1:5-7; 12:37, 38) Qabel ma Jehovah ġabhom ġewwa Kangħan, hu kien ħadhom lejn in-Nofsinhar ħdejn muntanja msejħa Ħoreb (jew Sinaj) fl-Arabja. Hemmhekk, għamel patt magħhom. Dan beda jissejjaħ il-“Patt il-Qadim” meta rrelatat mal-“Patt il-Ġdid.” (2 Korintin 3:14) Permezz tal-patt il-qadim, Jehovah amministra b’mod preliminari t-twettiq tal-patt tiegħu m’Abraham.
9. (a) Jehovah liema erbaʼ affarijiet wiegħed permezz tal-patt Abrahamiku? (b) Il-patt taʼ Jehovah maʼ Iżrael liema prospetti oħrajn fetaħ, u b’liema kundizzjoni?
9 Jehovah spjega lil Iżrael it-termini taʼ dan il-patt: “Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżodu 19:5, 6) Jehovah kien wiegħed li n-nisel t’Abraham kellu (1) isir ġens kbir, (2) jiġi mogħti rebħa fuq l-għedewwa tiegħu, (3) jiret l-art taʼ Kangħan, u (4) jkun mezz li permezz tiegħu jiġu mgħoddijin il-barkiet lill-ġnus. Issa hu rrivela li huma nfushom setgħu jirtu dawn il-barkiet bħala l-poplu speċjali tiegħu, Iżrael, “saltna taʼ qassisin u ġens qaddis,” jekk jobdu l-kmandamenti tiegħu. Qablu l-Iżraeliti li jidħlu f’dan il-patt? Huma wieġbu għalenija: “Kull ma qal il-Mulej aħna nagħmluh.”—Eżodu 19:8.
10. Jehovah kif organizza lill-Iżraeliti f’ġens, u x’kien jistenna minnhom?
10 Għaldaqstant, Jehovah organizza lill-Iżraeliti bħala ġens. Tahom liġijiet li jirregolaw il-qima u l-ħajja ċivili. Ipprovdielhom ukoll tabernaklu (iktar tard, tempju f’Ġerusalemm) u saċerdozju biex jagħti servizz sagru fit-tabernaklu. Li jżommu l-patt kien ifisser li jobdu l-liġijiet taʼ Jehovah u, speċjalment, iqimu lilu biss. L-ewwel wieħed mill-Għaxar Kmandamenti li kienu n-nukleu taʼ dawk il-liġijiet kien: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art taʼ l-Eġittu minn dar il-jasar. Ma jkollokx allat oħra għajri.”—Eżodu 20:2, 3.
Barkiet Permezz tal-Patt tal-Liġi
11, 12. Il-wegħdi fil-patt il-qadim b’liema modi ġew imwettqin maʼ Iżrael?
11 Kienu l-wegħdi fil-patt tal-Liġi twettqu fil-każ taʼ Iżrael? Sar Iżrael “ġens qaddis”? Bħala dixxendenti taʼ Adam, l-Iżraeliti kienu midinbin. (Rumani 5:12) Xorta waħda, taħt il-Liġi, ġew offruti sagrifiċċji biex ipattu għal dnubiethom. Rigward is-sagrifiċċji offruti f’Jum l-Espjazzjoni li kien isir kull sena, Jehovah qal: “F’dan il-jum issir l-espjazzjoni biex titnaddfu minn kull ħtija quddiem il-Mulej.” (Levitiku 16:30) Għalhekk, meta Iżrael kien leali, kien ġens qaddis, imnaddaf għas-servizz taʼ Jehovah. Imma din il-kundizzjoni nadifa kienet tiddependi fuq li jobdu l-Liġi u joffru s-sagrifiċċji kontinwament.
12 Sar Iżrael “saltna taʼ qassisin”? Mill-bidunett, dan kien saltna, b’Jehovah bħala s-Sultan tas-sema. (Isaija 33:22) Iżjed minn hekk, il-patt tal-Liġi kien jinkludi provvedimenti għal sultan uman, sabiex iktar tard Jehovah kien irrappreżentat minn slaten li kienu jaħkmu f’Ġerusalemm. (Dewteronomju 17:14-18) Imma kien Iżrael saltna taʼ qassisin? Sewwa, dan kellu saċerdozju li kien jagħti servizz sagru fit-tabernaklu. It-tabernaklu (iktar tard, it-tempju) kien iċ-ċentru tal-qima pura għall-Iżraeliti u wkoll għal dawk li ma kinux Iżraeliti. U l-ġens kien l-uniku mezz taʼ komunikazzjoni taʼ verità rrivelata lill-bnedmin. (2 Kronaki 6:32, 33; Rumani 3:1, 2) L-Iżraeliti leali kollha, mhux il-qassisin Levitiċi biss, kienu “xhieda” taʼ Jehovah. Iżrael kien il-“qaddej,” taʼ Jehovah msawwar biex ‘ixandar it-tifħir tiegħu.’ (Isaija 43:10, 21) Bosta barranin umlin raw il-qawwa taʼ Jehovah topera għan-nom tal-poplu tiegħu u nġibdu lejn il-qima pura. Huma saru proseliti. (Ġożwè 2:9-13) Imma tribù wieħed biss attwalment qeda bħala qassisin midlukin.
Il-Proseliti f’Iżrael
13, 14. (a) Għala jistaʼ jingħad li l-proseliti ma kinux parteċipanti tal-kelma fil-patt tal-Liġi? (b) Il-proseliti kif ġew taħt il-patt tal-Liġi?
13 X’kienet il-pożizzjoni taʼ dawn il-proseliti? Meta Jehovah għamel il-patt tiegħu, dan kien biss maʼ Iżrael; dawk tal-“kotra kbira [“mħallta,” Karm Żammit] taʼ nies,” għalkemm kienu preżenti, ma ġewx imsemmijin bħala parteċipanti. (Eżodu 12:38; 19:3, 7, 8) L-ewwel imwelldin tagħhom ma ġewx inklużi meta ġie kkalkulat il-prezz tar-rahan għall-ewwel imwieled taʼ Iżrael. (Numri 3:44-51) Għaxriet taʼ snin wara meta l-art taʼ Kangħan ġiet imqassma bejn it-tribujiet Iżraeliti, xejn ma ġie mwarrab għal kredenti li ma kinux Iżraeliti. (Ġenesi 12:7; Ġożwè 13:1-14) Għala? Għaliex il-patt tal-Liġi ma kienx sar mal-proseliti. Imma rġiel proseliti kienu jiġu ċirkonċiżi b’ubbidjenza lejn il-Liġi. Huma osservaw ir-regolamenti tagħha, u huma nfushom ibbenefikaw mill-provvedimenti tagħha. Il-proseliti kif ukoll l-Iżraeliti ġew taħt il-patt tal-Liġi.—Eżodu 12:48, 49; Numri 15:14-16; Rumani 3:19.
14 Per eżempju, jekk xi proselita jkun qatel lil xi ħadd aċċidentalment, hu setaʼ jaħrab lejn belt taʼ kenn bħalma setaʼ jagħmel Iżraelit. (Numri 35:15, 22-25; Ġożwè 20:9) F’Jum l-Espjazzjoni kien jiġi offrut sagrifiċċju “għall-ġemgħa kollha taʼ Iżrael.” Bħala parti mill-kongregazzjoni, il-proseliti kienu jieħdu sehem fil-proċeduri u s-sagrifiċċju kien jgħodd għalihom ukoll. (Levitiku 16:7-10, 15, 17, 29; Dewteronomju 23:8, 9 [Dewteronomju 23:7, 8, NW]) Il-proseliti tant kienu assoċjati mill-qrib maʼ Iżrael taħt il-Liġi, li f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. meta ġie wżat l-ewwel ‘muftieħ tas-Saltna’ għan-nom tal-Lhud, anki l-proseliti bbenefikaw. Bħala riżultat, “Nikola, prosèlita minn Antijokja” sar Kristjan u kien fost is-‘sebat irġiel li kellhom isem tajjeb’ maħturin biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm.—Mattew 16:19; Atti 2:5-10; 6:3-6; 8:26-39.
Jehovah Jbierek in-Nisel t’Abraham
15, 16. Il-patt li Jehovah għamel m’Abraham kif twettaq taħt il-patt tal-Liġi?
15 Meta d-dixxendenti t’Abraham kienu organizzati bħala ġens taħt il-Liġi, Jehovah berikhom skond ma kien wiegħed lil dak il-patrijarka. Fis-sena 1473 Q.E.K., Ġożwè, is-suċċessur taʼ Mosè, mexxa lil Iżrael għal ġo Kangħan. It-tqassim sussegwenti taʼ l-art fost it-tribujiet wettaq il-wegħda taʼ Jehovah li jagħti l-art lin-nisel t’Abraham. Meta Iżrael kien leali, Jehovah wettaq il-wegħda tiegħu li jagħtihom ir-rebħa fuq l-għedewwa tagħhom. Dan kien b’mod speċjali veru matul il-ħakma tas-Sultan David. Sa żmien Salamun, bin David, ġie mwettaq it-tielet aspett tal-patt Abrahamiku. “Il-poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien kotran bħar-ramel tal-baħar; u kienu lkoll ferħana jieklu u jixorbu.”—1 Slaten 4:20.
16 Kif, iżda, kellhom il-ġnus ibierku lilhom infushom permezz taʼ Iżrael, in-nisel t’Abraham? Kif diġà ġie msemmi, Iżrael kien il-poplu speċjali taʼ Jehovah, ir-rappreżentant tiegħu fost il-ġnus. Ftit qabel ma Iżrael immarċja għal ġo Kangħan, Mosè qal: “Ifirħu u għajjtu bil-ferħ, ja ġnus, lill-poplu tiegħu.” (Dewteronomju 32:43) Bosta barranin wieġbu. “Kotra kbira [“mħallta,” KŻ]” kienu diġà segwew lil Iżrael ’il barra mill-Eġittu, raw b’għajnejhom il-qawwa taʼ Jehovah fix-xagħri, u semgħu l-istedina taʼ Mosè biex jifirħu. (Eżodu 12:37, 38) Iktar tard, Rut il-Mowabita żżewġet lil Bogħaż l-Iżraelit u saret antenata tal-Messija. (Rut 4:13-22) Ġeħonadab il-Keni, u d-dixxendenti tiegħu u Għebed-melek l-Etjopjan, iddistingwew lilhom infushom billi żammew qrib maʼ prinċipji retti meta ħafna Iżraeliti naturali kienu żleali. (2 Slaten 10:15-17; Ġeremija 35:1-19; 38:7-13) Taħt l-Imperu Persjan, ħafna barranin saru proseliti u ngħaqdu maʼ Iżrael fil-ġlied kontra l-għedewwa tiegħu.—Ester 8:17.
Patt Ġdid Meħtieġ
17. (a) Jehovah għala warrab is-saltna taʼ Iżrael tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar? (b) X’wassal għal li l-Lhud jiġu finalment imwarrbin?
17 Xorta waħda, sabiex jirċievu t-twettiq komplet tal-wegħda t’Alla, il-ġens speċjali t’Alla kellu jkun leali. Dan ma kienx. Veru, kien hemm Iżraeliti li kellhom fidi li tispikka. (Lhud 11:32—12:1) Minkejja dan, f’ħafna okkażjonijiet il-ġens dar lejn allat pagani, bit-tama għal benefiċċji materjali. (Ġeremija 34:8-16; 44:15-18) Xi individwi applikaw il-Liġi ħażin jew sempliċement injorawha. (Neħemija 5:1-5; Isaija 59:2-8; Malakija 1:12-14) Wara l-mewt taʼ Salamun, Iżrael inqasam fis-saltna tat-Tramuntana u s-saltna tan-Nofsinhar. Meta s-saltna tat-Tramuntana wriet kemm kienet ribelluża, Jehovah ħabbar: “Billi inti warrabt l-għarfien, [i]nwarrbek jien milli tkun qassis għalija.” (Ħosegħa 4:6) Anki s-saltna tan-Nofsinhar ġiet ikkastigata severament minħabba li wriet li ma żammitx mal-patt. (Ġeremija 5:29-31) Meta l-Lhud warrbu lil Ġesù bħala l-Messija, Jehovah bl-istess mod warrab lilhom. (Atti 3:13-15; Rumani 9:31—10:4) Fl-aħħar, Jehovah għamel arranġament ġdid biex jamministra t-twettiq komplet tal-patt Abrahamiku.—Rumani 3:20.
18, 19. Jehovah liema arranġament ġdid għamel sabiex il-patt Abrahamiku setaʼ jiġi mwettaq b’mod komplet?
18 Dak l-arranġament ġdid kien il-patt il-ġdid. Jehovah dan kien bassru meta qal: “Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien nagħmel patt ġdid maʼ dar Iżrael u dar Ġuda’ . . . ‘Dan ikun il-patt li għad nagħmel maʼ dar Iżrael wara dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej. [I]nqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.’”—Ġeremija 31:31-33.
19 Dan huwa l-patt il-ġdid li Ġesù rrefera għalih fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K. F’dik l-okkażjoni, hu rrivela li l-patt imwiegħed bejn id-dixxipli tiegħu u Jehovah, b’Ġesù bħala l-medjatur kien wasal biex jikkonkludi. (1 Korintin 11:25; 1 Timotju 2:5; Lhud 12:24) Permezz taʼ dan il-patt il-ġdid, il-wegħda taʼ Jehovah lil Abraham kien se jkollha twettiq iktar glorjuż u dejjiemi, bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Jehovah x’wiegħed fil-patt Abrahamiku?
◻ Jehovah kif amministra t-twettiq tal-patt Abrahamiku maʼ Iżrael naturali?
◻ Il-proseliti kif ibbenefikaw mill-patt il-qadim?
◻ Għala kien meħtieġ patt ġdid?
[Stampa f’paġna 9]
Permezz tal-patt tal-Liġi, Jehovah amministra twettiq preliminari tal-patt Abrahamiku