Barkiet Akbar Permezz tal-Patt il-Ġdid
“Hu aqwa l-patt li tiegħu [Kristu] huwa l-medjatur.”—LHUD 8:6.
1. Min ta prova li kien in-‘nisel tal-mara’ mwiegħed f’Għeden, u lil dan kif ‘insaħaqlu għarqubu’?
WARA li Adam u Eva dinbu, Jehovah ddikjara ġudizzju fuq Satana, dak il-wieħed li qarraq b’Eva, billi qallu: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15) Meta Ġesù tgħammed fix-Xmara Ġordan fis-sena 29 E.K., tfaċċa sa fl-aħħar in-Nisel imwiegħed f’Għeden. Mal-mewt tiegħu fuq zokk tat-tortura fis-sena 33 E.K., ġiet imwettqa parti minn dik il-profezija antika. Satana kien ‘saħaq għarqub’ in-Nisel.
2. Skond kliem Ġesù stess, il-mewt tiegħu kif tibbenefika lill-umanità?
2 B’ferħ, dik il-ferita, għalkemm ikkaġunat uġigħ terribbli, ma kinitx permanenti. Ġesù ġie mqajjem mill-mewt bħala spirtu immortali u telaʼ għand Missieru fis-sema, fejn offra l-valur tad-demm imxerred tiegħu bħala “fidwa għall-kotra.” B’hekk, twettaq il-kliem tiegħu stess: “Hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen, fih ikollu l-ħajja taʼ dejjem. Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Mattew 20:28; Ġwann 3:14-16; Lhud 9:12-14) Il-patt il-ġdid għandu rwol fundamentali fit-twettiq tal-profezija taʼ Ġesù.
Il-Patt il-Ġdid
3. Il-patt il-ġdid meta beda jidher li kien qed jopera għall-ewwel darba?
3 Ftit qabel mewtu, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu li d-demm imxerred tiegħu kien id-“demm tal-Patt [il-ġdid].” (Mattew 26:28; Luqa 22:20) Għaxart ijiem wara li telaʼ s-sema, il-patt il-ġdid beda jidher li kien qed jopera meta ġie mferraʼ l-ispirtu qaddis fuq madwar 120 dixxiplu miġburin f’kamra fis-sular taʼ fuq ġewwa Ġerusalemm. (Atti 1:15; 2:1-4) Il-fatt li dawn il-120 iddaħħlu fil-patt il-ġdid wera li l-patt taʼ “qabel”, il-patt tal-Liġi, issa sar antikwat.—Lhud 8:13.
4. Kien il-patt il-qadim xi falliment? Spjega.
4 Kien il-patt il-qadim xi falliment? Xejn affattu. Veru li ladarba dan issa ġie ssostitwit, Iżrael naturali ma kienx għadu l-poplu speċjali t’Alla. (Mattew 23:38) Imma dak kien minħabba d-diżubbidjenza taʼ Iżrael u minħabba li ċaħdu l-Midluk taʼ Jehovah. (Eżodu 19:5; Atti 2:22, 23) Qabel ma ġiet issostitwita l-Liġi, madankollu, din wettqet ħafna. Għal sekli sħaħ, ipprovdiet mezz biex wieħed javviċina lil Alla u protezzjoni mir-reliġjon falza. Kien fiha fatturi li taw stampa bil-quddiem tal-patt il-ġdid u, bis-sagrifiċċji ripetuti tagħha, uriet kemm il-bniedem għandu bżonn disperatament tal-fidwa mid-dnub u l-mewt. Tabilħaqq, il-Liġi kienet “tmexxina qisna tfal lejn Kristu.” (Galatin 3:19, 24; Rumani 3:20; 4:15; 5:12; Lhud 10:1, 2) Madankollu, kien permezz tal-patt il-ġdid li l-barka mwiegħda lil Abraham kellha tiġi mwettqa għalkollox.
Il-Ġnus Imberkin Permezz tan-Nisel t’Abraham
5, 6. Fit-twettiq spiritwali bażiku tal-patt Abrahamiku, min hu n-Nisel t’Abraham, u liema ġens kien l-ewwel f’li jirċievi barka permezz tiegħu?
5 Jehovah wiegħed lil Abraham: “Jitbierku b’nislek il-ġnus kollha taʼ l-art.” (Ġenesi 22:18) Taħt il-patt il-qadim, ħafna barranin taʼ qalb ġwejda ġew imberkin permezz tas-sħubija tagħhom maʼ Iżrael, in-nisel nazzjonali t’Abraham. Fit-twettiq spiritwali bażiku tiegħu, madankollu, in-Nisel t’Abraham kien bniedem wieħed perfett. Pawlu dan spjegah meta qal: “[I]l-wegħdiet saru lil Abraham ‘u lin-nisel’ tiegħu. L-iskrittura ma tgħidx ‘u lin-nislijiet’, bħallikieku wieħed: ‘lin-nisel tiegħek’, li hu Kristu.”—Galatin 3:16.
6 Iva, Ġesù hu n-Nisel t’Abraham, u permezz Tiegħu l-ġnus jirċievu barka bil-wisq iktar superjuri minn kwalunkwe ħaġa possibbli għal Iżrael naturali. Tabilħaqq, l-ewwel ġens li rċieva din il-barka kien Iżrael innifsu. Ftit wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-appostlu Pietru qal lil grupp taʼ Lhud: “Intom ulied il-profeti u werrieta tal-Patt li Alla għamel maʼ missirijietkom meta qal lil Abraham, ‘F’nislek jitbierku l-ġnus kollha taʼ l-art.’ Kien għalikom l-ewwel li Alla qajjem il-Qaddej tiegħu u bagħtu jberikkom, billi kull wieħed minnkom jerġaʼ lura minn ħżunitu.”—Atti 3:25, 26.
7. Liema ġnus ġew imberkin permezz taʼ Ġesù, in-Nisel t’Abraham?
7 Wara ftit il-barka ġiet estiża għas-Samaritani u mbagħad għall-Ġentili. (Atti 8:14-17; 10:34-48) F’xi żmien bejn is-snin 50 u 52 E.K., Pawlu kiteb lill-Kristjani fil-Galazja fl-Asja Minuri: “L-Iskrittura, li rat sa minn qabel li Alla kellu jiġġustifika l-Ġentili permezz tal-fidi, ħabbret minn qabel lil Abraham: ‘Fik jitbierku l-ġnus kollha’. Għalhekk dawk li jgħixu bil-fidi jitbierku maʼ Abraham li kien jemmen.” (Galatin 3:8, 9; Ġenesi 12:3) Għalkemm ħafna Kristjani fil-Galazja kienu nies mill-“ġnus kollha,” huma ġew imberkin permezz taʼ Ġesù minħabba l-fidi tagħhom. B’liema mod?
8. Għall-Kristjani taʼ żmien Pawlu, x’kien jinkludi li jitbierku permezz tan-Nisel t’Abraham, u kemm, finalment, jirċievu dik il-barka?
8 Pawlu qal lill-Kristjani Galatin, kienu minn liema sfond kienu: “Jekk intom taʼ Kristu, intom ukoll nisel Abraham, werrieta skond il-wegħda.” (Galatin 3:29) Għal dawk il-Galatin, il-barka permezz tan-Nisel t’Abraham kienet tinkludi li jkunu parteċipanti fil-patt il-ġdid u wkoll li jkunu werrieta sħab maʼ Ġesù, imseħbin maʼ Ġesù fin-nisel t’Abraham. Ma nafux kemm kienet il-popolazzjoni taʼ Iżrael tal-qedem. Nafu biss li kienet saret ‘kotrana bħar-ramel tal-baħar.’ (1 Slaten 4:20) Madankollu, nafuh in-numru finali taʼ l-imseħbin taʼ Ġesù fin-nisel spiritwali—144,000. (Apokalissi 7:4; 14:1) Dawk il-144,000 joħorġu minn “kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens” taʼ l-umanità u jieħdu sehem f’li jamministraw għal jerġaʼ oħrajn il-barkiet tal-patt Abrahamiku.—Apokalissi 5:9.
Profezija Mwettqa
9. Dawk fil-patt il-ġdid kif għandhom il-liġi taʼ Jehovah ġewwa fihom?
9 Meta kien qed ibassar dwar il-patt il-ġdid, Ġeremija kiteb: “Dan ikun il-patt li għad nagħmel maʼ dar Iżrael wara dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej. [I]nqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom.” (Ġeremija 31:33) Karatteristika taʼ dawk fil-patt il-ġdid hija, li huma jaqdu lil Jehovah sforz l-imħabba tagħhom. (Ġwann 13:35; Lhud 1:9) Il-liġi taʼ Jehovah hija miktuba ġewwa qalbhom, u huma jixtiequ b’mod ħerqan jagħmlu r-rieda tiegħu. Veru li f’Iżrael tal-qedem xi individwi leali kienu jħobbu l-liġi taʼ Jehovah intensament. (Salm 119:97) Imma ħafna minnhom ma kinux, u madankollu baqgħu parti mill-ġens. Ħadd ma jistaʼ jibqaʼ fil-patt il-ġdid jekk il-liġi t’Alla ma tkunx miktuba f’qalbu.
10, 11. Għal dawk fil-patt il-ġdid, Jehovah b’liema mod ‘ikun Alla tagħhom,’ u kif se jkunu jafuh ilkoll kemm huma?
10 Jehovah kompla jgħid dan rigward dawk fil-patt il-ġdid: “Jiena nkun Alla tagħhom u huma jkunu l-poplu tiegħi.” (Ġeremija 31:33) F’Iżrael tal-qedem, kienu ħafna li qiemu l-allat tal-ġnus, imma dawn xorta baqgħu Iżraeliti. Fuq il-bażi tal-patt il-ġdid, Jehovah ħalaq ġens spiritwali, “Iżrael taʼ Alla,” biex jieħu post Iżrael naturali. (Galatin 6:16; Mattew 21:43; Rumani 9:6-8) Madankollu, ħadd ma se jibqaʼ parti mill-ġens spiritwali ġdid jekk jieqaf milli jqim lil Jehovah u lilu waħdu.
11 Jehovah qal ukoll: “Ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir.” (Ġeremija 31:34) F’Iżrael, ħafna sempliċement injoraw lil Jehovah, billi fil-fatt qalu: “Ma jagħmel il-Mulej la ġid, lanqas deni!” (Sofonija 1:12) Ħadd ma se jibqaʼ parti mill-Iżrael t’Alla jekk jinjora lil Jehovah jew iniġġes il-qima pura. (Mattew 6:24; Kolossin 3:5) L-Iżraeliti spiritwali huma “dawk li jkunu jagħrfu lil Alla tagħhom.” (Danjel 11:32) Huma jitgħaxxqu li ‘jagħrfu lil dak Alla waħdu veru, u lil Ġesù Kristu.’ (Ġwann 17:3) Li jkunu jafu lil Ġesù japprofondixxi l-għarfien tagħhom dwar Alla ladarba, b’mod uniku, Ġesù “għarrafhulna [lil Alla].”—Ġwann 1:18; 14:9-11.
12, 13. (a) Jehovah fuq liema bażi jaħfer id-dnubiet taʼ dawk fil-patt il-ġdid? (b) Inkwantu għall-maħfra tad-dnubiet, il-patt il-ġdid kif inhu superjuri għall-patt il-qadim?
12 Fl-aħħar, Jehovah wiegħed: “Jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx.” (Ġeremija 31:34b) Il-Liġi taʼ Mosè kienet tinkludi mijiet taʼ regolamenti bil-miktub li l-Iżraeliti ġew mitlubin li jobduhom. (Dewteronomju 28:1, 2, 15) Dawk kollha li kienu jiksru l-Liġi kienu joffru sagrifiċċji biex jgħattu dnubiethom. (Levitiku 4:1-7; 16:1-31) Ħafna Lhud bdew jemmnu li setgħu jsiru twajbin permezz taʼ xogħlijiethom stess skond il-Liġi. Il-Kristjani, iżda, jirrealizzaw li qatt ma jistgħu jaqilgħu t-tjieba permezz taʼ xogħlijiethom stess. Ma jistgħux jevitaw li jidinbu. (Rumani 5:12) Taħt il-patt il-ġdid, waqfa taʼ tjieba quddiem Alla hija possibbli biss fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Madankollu, waqfa bħal din hija għotja, qalb tajba mhix mistħoqqa mingħand Alla. (Rumani 3:20, 23, 24) Jehovah għadu jesiġi l-ubbidjenza mingħand il-qaddejja tiegħu. Pawlu jgħid li dawk fil-patt il-ġdid għandhom lil ‘Kristu bħala l-liġi tagħhom.’—1 Korintin 9:21.
13 Għaldaqstant, għall-Kristjani wkoll hemm sagrifiċċju għad-dnub, imma dan huwa wieħed bil-wisq iktar taʼ valur mis-sagrifiċċji taħt il-patt tal-Liġi. Pawlu kiteb: “Kull qassis ieħor [taħt il-patt tal-Liġi] imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu, u joffri u jerġaʼ joffri l-istess sagrifiċċju, bla ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet. Imma Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin taʼ Alla.” (Lhud 10:11, 12) Ladarba l-Kristjani fil-patt il-ġdid jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, Jehovah jiddikjarahom twajbin, mingħajr dnub, u b’hekk f’pożizzjoni biex jiġu midlukin bħala wliedu spiritwali. (Rumani 5:1; 8:33, 34; Lhud 10:14-18) Meta dawn jidinbu minħabba l-imperfezzjoni umana, huma jistgħu jitolbu bil-ħniena lil Jehovah biex jaħfrilhom, u Jehovah jaħfrilhom fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. (1 Ġwann 2:1, 2) Madankollu, jekk jagħżlu korsa taʼ dnub apposta, huma jitilfu l-waqfa taʼ tjieba tagħhom u l-privileġġ li jkunu parteċipanti fil-patt il-ġdid.—Lhud 2:2, 3; 6:4-8; 10:26-31.
Il-Patt il-Qadim u Dak Ġdid
14. Liema ċirkonċiżjoni kienet meħtieġa taħt il-patt tal-Liġi? taħt il-patt il-ġdid?
14 L-irġiel fil-patt il-qadim kienu jiġu ċirkonċiżi bħala sinjal li kienu taħt il-Liġi. (Levitiku 12:2, 3; Galatin 5:3) Wara li bdiet il-kongregazzjoni Kristjana, xi wħud ħassew li l-Kristjani li ma kinux Lhud kellhom jiġu ċirkonċiżi wkoll. Imma l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm, iggwidati mill-Kelma t’Alla u mill-ispirtu qaddis, indunaw li dan ma kienx neċessarju. (Atti 15:1, 5, 28, 29) Ftit tas-snin wara, Pawlu qal: “Mhux dak li jidher li hu Lhudi minn barra hu Lhudi, lanqas min għandu ġismu ċirkonċiż; il-Lhudi veru hu dak li hu Lhudi minn ġewwa; iċ-ċirkonċiżjoni vera hi dik tal-qalb, opra taʼ l-ispirtu u mhux tal-Liġi miktuba.” (Rumani 2:28, 29) Iċ-ċirkonċiżjoni litterali, saħansitra għal-Lhud naturali, ma kellhiex iktar valur spiritwali f’għajnejn Jehovah. Għal dawk fil-patt il-ġdid, il-qalb, mhux il-ġisem, trid tiġi ċirkonċiża. Kull ħaġa fil-ħsieb, fix-xewqat, u fil-motivazzjonijiet tagħhom li ma togħġobx lil Jehovah jew hija maħmuġa f’għajnejh trid tiġi mqaċċta ’l barra.a Ħafna llum huma testimonjanza ħajja taʼ kif il-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis tittrasforma l-mod taʼ kif kienu jaħsbuha b’dan il-mod.—1 Korintin 6:9-11; Galatin 5:22-24; Efesin 4:22-24.
15. Iżrael naturali u Iżrael t’Alla kif jikkomparaw maʼ xulxin inkwantu għal ħakma rjali?
15 Fl-arranġament tal-patt tal-Liġi, Jehovah kien is-Sultan taʼ Iżrael, u maż-żmien eżerċita s-sovranità tiegħu permezz taʼ slaten umani f’Ġerusalemm. (Isaija 33:22) Jehovah hu wkoll Sultan taʼ l-Iżrael t’Alla, Iżrael spiritwali, u mis-sena 33 E.K. ’l hawn, hu saltan permezz taʼ Ġesù Kristu, li rċieva “kull setgħa fis-sema u fl-art.” (Mattew 28:18; Efesin 1:19-23; Kolossin 1:13, 14) Illum, l-Iżrael t’Alla jirrikonoxxi lil Ġesù bħala s-Sultan tas-Saltna tas-sema t’Alla, li ġiet stabbilita fl-1914. Ġesù hu Sultan bil-wisq aħjar milli saħansitra kienu Ħeżekija, Ġosija, u s-slaten l-oħrajn leali f’Iżrael tal-qedem.—Lhud 1:8, 9; Apokalissi 11:15.
16. L-Iżrael t’Alla liema tip taʼ saċerdozju hu?
16 Iżrael mhux biss kien saltna imma kellu wkoll saċerdozju midluk. Fis-sena 33 E.K., l-Iżrael t’Alla ħa post Iżrael naturali u sar il-“qaddej” taʼ Jehovah, ix-“xhieda” tiegħu. (Isaija 43:10) Il-kliem taʼ Jehovah lil Iżrael iddokumentat f’Isaija 43:21 u f’Eżodu 19:5, 6 beda japplika minn dakinhar għal Iżrael spiritwali t’Alla. Il-ġens spiritwali ġdid t’Alla kien issa “ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih [“għal pussess speċjali,” NW],” responsabbli biex ‘ixandar it-tifħir t’Alla.’ (1 Pietru 2:9) Dawk kollha fl-Iżrael t’Alla, irġiel u nisa, jifformaw saċerdozju kollettiv. (Galatin 3:28, 29) Bħala l-parti sekondarja tan-nisel t’Abraham, huma issa jgħidu: “Ifirħu u għajjtu bil-ferħ, ja ġnus, lill-poplu tiegħu.” (Dewteronomju 32:43) Dawk taʼ Iżrael spiritwali li għadhom fuq l-art jifformaw “l-irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Servizz sagru aċċettabbli għal Alla jistaʼ jingħata biss, fi sħubija magħhom.
Is-Saltna t’Alla —It-Twettiq Finali
17. Liema twelid jesperjenzaw dawk fil-patt il-ġdid?
17 L-Iżraeliti li twieldu wara l-1513 Q.E.K. daħlu fil-patt tal-Liġi malli twieldu. Dawk li lilhom Jehovah jieħu fil-patt il-ġdid jesperjenzaw twelid ukoll—fil-każ tagħhom, twelid spiritwali. Ġesù semma dan lil Nikodemu l-Fariżew meta qallu: “Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna taʼ Alla.” (Ġwann 3:3) Il-120 dixxiplu f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. kienu l-ewwel bnedmin imperfetti li ġarrbu dan it-twelid ġdid. Billi ġew iddikjarati twajbin taħt il-patt il-ġdid, huma rċevew l-ispirtu qaddis bħala “rahan” tal-wirt irjali tagħhom. (Efesin 1:14) Huma kienu ‘twieldu mill-ispirtu’ biex isiru wlied adottati t’Alla, u dan għamilhom ħut Ġesù u b’hekk “werrieta maʼ Kristu.” (Ġwann 3:6; Rumani 8:16, 17) Il-fatt li huma ‘twieldu mill-ġdid’ fetaħ it-triq għal prospetti taʼ l-għaġeb.
18. It-twelid mill-ġdid jiftaħ it-triq għal liema prospetti taʼ l-għaġeb għal dawk fil-patt il-ġdid?
18 Meta kien qiegħed jaġixxi bħala medjatur tal-patt il-ġdid, Ġesù għamel patt ieħor mas-segwaċi tiegħu, li jgħid: “Bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom.” (Luqa 22:29) Dan il-patt tas-Saltna ħejja l-mogħdija għat-twettiq taʼ viżjoni rimarkevoli, iddokumentata f’Danjel 7:13, 14, 22, 27. Danjel ra “bħal iben taʼ bniedem” qiegħed jiġi mogħti l-awtorità taʼ sultan mix-“Xiħ fl-għomor,” Alla Jehovah. Imbagħad Danjel ra li “l-qaddisin irċevew is-saltna.” Ġesù hu dak “bħal iben taʼ bniedem” li, fl-1914, irċieva s-Saltna mingħand Alla Jehovah. Id-dixxipli tiegħu midlukin bl-ispirtu huma “l-qaddisin” li għandhom sehem miegħu f’dik is-Saltna. (1 Tessalonikin 2:12) Kif?
19, 20. (a) Għal dawk fil-patt il-ġdid, liema twettiq finali u glorjuż se jkollha l-wegħda taʼ Jehovah lil Abraham? (b) Liema mistoqsija oħra jeħtieġ li tiġi kkunsidrata?
19 Wara l-mewt tagħhom, dawn il-midlukin ikunu bħal Ġesù mqajmin mill-mewt bħala ħlejjaq spirti immortali biex jaqdu miegħu bħala slaten u qassisin fis-sema. (1 Korintin 15:50-53; Apokalissi 20:4, 6) X’tama glorjuża din! “Għad isaltnu [bħala slaten] fuq l-art,” mhux sempliċement fuq l-art taʼ Kangħan. (Apokalissi 5:10) Se ‘jirtuhom bwieb l-għedewwa tiegħu’? (Ġenesi 22:17) Iva, u b’mod konklussiv, meta jaraw b’għajnejhom il-qerda tal-prostituta reliġjuża ostili, Babilonja l-Kbira, u meta dawn il-midlukin irxoxtati jieħdu sehem maʼ Ġesù f’li jirgħa l-ġnus “b’xettru tal-ħadid” u f’li jisħaq ras Satana. Huma b’hekk ikollhom sehem f’li jwettqu l-aħħar dettall tal-profezija f’Ġenesi 3:15.—Apokalissi 2:26, 27; 17:14; 18:20, 21; Rumani 16:20.
20 Xorta waħda, forsi nistaqsu, Il-patt Abrahamiku u l-patt il-ġdid jinvolvu biss lil dawn il-144,000 ruħ leali? Le, hemm oħrajn li m’humiex direttament f’dawn il-pattijiet li se jiġu mberkin permezz tagħhom, bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-Insight on the Scriptures, l-1 Volum, paġna 470, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Tiftakar?
◻ Il-patt il-ġdid meta beda jidher li kien qed jopera għall-ewwel darba?
◻ X’ġie mwettaq permezz tal-patt il-qadim?
◻ Min hu primarjament in-Nisel t’Abraham, u f’liema sekwenza ġew imberkin il-ġnus permezz taʼ dak in-Nisel?
◻ X’inhu t-twettiq finali tal-patt Abrahamiku u tal-patt il-ġdid għall-144,000?
[Stampa f’paġna 15]
Il-maħfra tad-dnubiet għandha tifsira iktar profonda għal dawk taħt il-patt il-ġdid milli għal dawk taħt il-patt il-qadim