LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 2/15 pp. 12-17
  • Jehovah Jwassal lil Ħafna Wlied għall-Glorja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jwassal lil Ħafna Wlied għall-Glorja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imwasslin għall-​Glorja
  • ‘Imwelldin minn Alla’
  • Prova taʼ Tnissil
  • Ix-​Xiehda taʼ l-​Ispirtu
  • Imdaħħlin f’Pattijiet Speċjali
  • Imsejħin, Magħżulin, u Leali
  • Xhieda Kristjani b’Ċittadinanza tas-Sema
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Ħelsien Glorjuż fil-Qrib Għal Ulied Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • ‘Nagħmel Patt Magħkom Għal Saltna’
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • Irċivejtu Int “l-Ispirtu tal-Verità”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 2/15 pp. 12-17

Jehovah Jwassal lil Ħafna Wlied għall-​Glorja

“Kien jixraq li Alla, . . . waqt li jwassal ħafna wlied għall-​glorja, jagħmel li l-​Awtur tas-​Salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-​saħħa tas-​sofferenzi.”—LHUD 2:10.

1. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​iskop taʼ Jehovah għall-​umanità se jitwettaq?

JEHOVAH ħalaq l-​art biex tkun id-​dar eterna taʼ familja umana perfetta li tgawdi ħajja bla tmiem. (Koħèlet 1:4; Isaija 45:12, 18) Veru li Adam, l-​ewwel missier tagħna, dineb u b’hekk, għadda d-​dnub u l-​mewt lil nislu kollu. Imma l-​iskop t’Alla għall-​umanità se jitwettaq permezz taʼ Ġesù Kristu, iż-​Żerriegħa Mwiegħed tiegħu. (Ġenesi 3:15; 22:18; Rumani 5:12-21; Galatin 3:16) L-​imħabba għad-​dinja taʼ bnedmin qanqlet lil Jehovah biex jagħti “lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) U l-​imħabba qanqlet lil Ġesù “biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-​kotra.” (Mattew 20:28) Dan il-​“prezz tal-​fidwa għal kulħadd” jixtri lura d-​drittijiet u l-​prospetti mitlufin minn Adam u jagħmel possibbli l-​ħajja taʼ dejjem.—1 Timotju 2:5, 6; Ġwann 17:3.

2. L-​applikar tas-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù kif kien irrappreżentat f’Jum l-​Espjazzjoni annwali taʼ Iżrael?

2 L-​applikar tas-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù kien irrappreżentat f’Jum l-​Espjazzjoni annwali. F’dak il-​jum, il-​qassis il-​kbir taʼ Iżrael kien l-​ewwel jissagrifika barri bħala offerta għad-​dnub u jippreżenta demmu ħdejn l-​Arka sagra fl-​Iktar Qaddis tat-​tabernaklu, u iktar tard fit-​tempju. Dan kien isir għan-​nom tiegħu nnifsu, tan-​nies taʼ daru, u tat-​tribù taʼ Levi. B’mod simili, Ġesù Kristu ppreżenta lil Alla l-​valur taʼ demmu l-​ewwelnett biex jgħatti d-​dnubiet taʼ “ħutu” spiritwali. (Lhud 2:12; 10:19-22; Levitiku 16:6, 11-14) F’Jum l-​Espjazzjoni, il-​qassis il-​kbir kien jissagrifika wkoll bodbod bħala offerta għad-​dnub u kien jippreżenta demmu fl-​Iktar Qaddis, biex b’hekk jagħmel espjazzjoni għad-​dnubiet tat-​12-il tribù mhux saċerdotali taʼ Iżrael. Bl-​istess mod, il-​Qassis il-​Kbir Ġesù Kristu se jutilizza d-​demm taʼ ħajtu għan-​nom taʼ dawk minn fost il-​bnedmin li jeżerċitaw il-​fidi, biex b’hekk iħassrilhom dnubiethom.—Levitiku 16:15.

Imwasslin għall-​Glorja

3. Skond Lhud 2:9, 10, Alla x’kien qed jagħmel għal 1,900 sena?

3 Għal 1,900 sena, Alla kien qed jagħmel xi ħaġa rimarkevoli f’konnessjoni maʼ ‘ħut’ Ġesù. Rigward dan, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Lil dak li għal ftit taż-​żmien kien imniżżel ftit inqas mill-​anġli, lil Ġesù, aħna issa qegħdin narawh imżejjen fil-​glorja u l-​ġieħ minħabba fil-​mewt li hu bata, biex, għall-​grazzja taʼ Alla, il-​mewt li daq tkun għall-​ġid taʼ kulħadd. Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied għall-​glorja, jagħmel li l-​Awtur [“l-​Aġent Ewlieni,” NW] tas-​Salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-​saħħa tas-​sofferenzi.” (Lhud 2:9, 10) L-​Aġent Ewlieni tas-​salvazzjoni huwa Ġesù Kristu, li tgħallem ubbidjenza perfetta permezz taʼ dak li sofra waqt li kien jgħix bħala bniedem fuq l-​art. (Lhud 5:7-10) Ġesù kien l-​ewwel wieħed li ġie mnissel bħala iben spiritwali t’Alla.

4. Ġesù meta u kif ġie mnissel bħala l-​Iben spiritwali t’Alla?

4 Jehovah uża l-​ispirtu qaddis, jew forza attiva, tiegħu biex inissel lil Ġesù bħala l-​Iben spiritwali tiegħu, sabiex iwasslu għall-​glorja tas-​sema. Meta kien waħdu maʼ Ġwanni l-​Għammied, Ġesù ġie mgħaddas għalkollox fl-​ilma bħala simbolu tal-​preżentazzjoni tiegħu nnifsu lil Alla. Ir-​rakkont tal-​Vanġelu taʼ Luqa jgħid: “Wara li tgħammed il-​poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-​smewwiet infetħu, u niżel l-​Ispirtu s-​Santu u deher fuqu fis-​sura taʼ ħamiema. U mis-​sema ġie leħen jgħid: ‘Inti Ibni l-​għażiż: fik sibt l-​għaxqa tiegħi.’” (Luqa 3:21, 22) Ġwanni ra l-​ispirtu qaddis jiġi fuq Ġesù u samaʼ lil Jehovah jitkellem u japprovah bil-​miftuħ bħala Ibnu l-​għażiż. F’dak il-​waqt u permezz taʼ l-​ispirtu qaddis, Jehovah nissel lil Ġesù bħala l-​ewwel wieħed mill-​‘ħafna wlied li kellhom jitwasslu għall-​glorja.’

5. Min kienu minn taʼ l-​ewwel li bbenefikaw mis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, u x’inhu l-​għadd tagħhom?

5 ‘Ħut’ Ġesù kienu minn taʼ l-​ewwel li bbenefikaw mis-​sagrifiċċju tiegħu. (Lhud 2:12-18) F’dehra, l-​appostlu Ġwanni rahom diġà fil-​glorja fuq il-​Muntanja Sijon tas-​sema mal-​Ħaruf, il-​Mulej Ġesù Kristu rxoxtat. Ġwanni kixef ukoll l-​għadd tagħhom, billi qal: “Mbagħad ħarist u rajt il-​Ħaruf, wieqaf fuq il-​muntanja Sijon, u miegħu mija u erbgħa u erbgħin elf ruħ, li kellhom ismu u isem Missieru miktub fuq ġbinhom. . . . Huma kienu mifdija minn fost il-​bnedmin, l-​ewwel frott għal Alla u għall-​Ħaruf, u minn fommhom qatt ma ħarġet gidba: bla tebgħa huma.” (Apokalissi 14:1-5) Mela l-​‘ħafna wlied li jitwasslu għall-​glorja’ tas-​sema jammontaw biss għal 144,001​—Ġesù u ħutu spiritwali.

‘Imwelldin minn Alla’

6, 7. Min huma dawk ‘imwelldin minn Alla,’ u dan x’ifisser għalihom?

6 Dawk imnisslin minn Jehovah huma ‘mwelldin minn Alla.’ Waqt li indirizza individwi bħal dawn, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub, għax iż-​żerriegħa taʼ Alla tibqaʼ fih; ma jistax jidneb, għax hu mwieled minn Alla.” (1 Ġwann 3:9) Din “iż-​żerriegħa” riproduttiva hija l-​ispirtu qaddis t’Alla. Billi ħadem id f’id mal-​kelma tiegħu, dan ta lil kull wieħed mill-​144,000 ‘twelid ġdid’ għal tama tas-​sema.—1 Pietru 1:3-5, 23.

7 Ġesù kien Bin Alla mit-​twelid tiegħu bħala bniedem, saħansitra bħalma r-​raġel perfett Adam kien “bin Alla.” (Luqa 1:35; 3:38) Wara l-​magħmudija taʼ Ġesù, madankollu, kien sinjifikanti li Jehovah ddikjara: “Inti ibni l-​għażiż; fik sibt l-​għaxqa tiegħi.” (Mark 1:11) B’din id-​dikjarazzjoni li akkumpanjat it-​tferrigħ taʼ l-​ispirtu qaddis, kien ċar li Alla f’dak il-​waqt nissel lil Ġesù bħala l-​Iben spiritwali Tiegħu. Kien bħallikieku, Ġesù f’dak il-​waqt ngħata ‘twelid ġdid’ bid-​dritt li għal darb’oħra jirċievi l-​ħajja bħala Iben spirtu t’Alla fis-​sema. Bħalu, il-​144,000 aħwa spiritwali tiegħu ‘jitwieldu mill-​ġdid.’ (Ġwann 3:1-8; ara The Watchtower, tal-​15 taʼ Novembru, 1992, paġni 3-6.) Ukoll bħal Ġesù, huma midlukin minn Alla u inkarigati biex jipproklamaw l-​aħbar tajba.—Isaija 61:1, 2; Luqa 4:16-21; 1 Ġwann 2:20.

Prova taʼ Tnissil

8. Liema prova taʼ tnissil bl-​ispirtu kien hemm fil-​każ taʼ (a) Ġesù (b) id-​dixxipli tiegħu tal-​bidu?

8 Kien hemm prova li Ġesù kien ġie mnissel bl-​ispirtu. Ġwanni l-​Battista ra l-​ispirtu jinżel fuq Ġesù u samaʼ d-​dikjarazzjoni t’Alla dwar l-​istat taʼ iben spiritwali għall-​Messija li kien għadu kif ġie midluk. Imma d-​dixxipli taʼ Ġesù kif kellhom ikunu jafu li kienu ġew imnisslin bl-​ispirtu? Sewwa, dak in-​nhar li telaʼ s-​sema, Ġesù qal: “Ġwanni għammed bl-​ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-​Ispirtu s-​Santu.” (Atti 1:5) Id-​dixxipli taʼ Ġesù ġew ‘mgħammdin bl-​ispirtu s-​santu’ f’jum Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Dak it-​tferrigħ taʼ l-​ispirtu kien akkumpanjat ‘mis-​sema b’ħoss bħal taʼ riħ qawwi’ u b’“ilsna qishom tan-​nar” fuq kull wieħed mid-​dixxipli. L-​iktar ħaġa taʼ l-​għaġeb kienet l-​abbiltà tad-​dixxipli li “jitkellmu b’ilsna oħra, skond ma l-​Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.” Mela kien hemm evidenza li tidher u li tinstemaʼ li kienet infetħet it-​triq għall-​glorja tas-​sema bħala wlied Alla għas-​segwaċi taʼ Kristu.—Atti 2:1-4, 14-21; Ġoel 3:1, 2 [Ġoel 2:28, 29, NW].

9. Liema prova kien hemm li s-​Samaritani, Kornelju, u oħrajn fl-​ewwel seklu kienu ġew imnisslin bl-​ispirtu?

9 Ftit taż-​żmien wara, Filippu l-​evanġelizzatur ippriedka fis-​Samarija. Għalkemm is-​Samaritani aċċettaw il-​messaġġ tiegħu u tgħammdu, kien għad m’għandhomx evidenza li Alla kien nissilhom bħala wliedu. Meta l-​appostli Pietru u Ġwanni talbu u qiegħdu jdejhom fuq dawk il-​kredenti, huma “rċevew l-​Ispirtu s-​Santu” b’xi manjiera li kienet evidenti għal min kien qed josserva. (Atti 8:4-25) Din kienet prova li s-​Samaritani li emmnu kienu ġew imnisslin bl-​ispirtu bħala wlied Alla. B’mod simili, fis-​sena 36 E.K., Kornelju u xi Ġentili oħrajn aċċettaw il-​verità t’Alla. Pietru u l-​kredenti Lhud li kienu akkumpanjawh “stagħġbu kif Alla sawwab id-​don taʼ l-​Ispirtu s-​Santu fuq il-​pagani wkoll. Għax semgħuhom jitkellmu bl-​ilsna u jfaħħru l-​kobor taʼ Alla.” (Atti 10:44-48) Ħafna Kristjani fl-​ewwel seklu rċevew “doni spiritwali,” bħal li jitkellmu bl-​ilsna. (1 Korintin 14:12, 32) Dawn l-​individwi, b’hekk, kellhom evidenza ċara li kienu ġew imnisslin bl-​ispirtu. Imma Kristjani li ġew wara kif kellhom ikunu jafu jekk kinux ġew imnisslin bl-​ispirtu jew le?

Ix-​Xiehda taʼ l-​Ispirtu

10, 11. Fuq il-​bażi taʼ Rumani 8:15-17, kif tispjega li l-​ispirtu jixhed maʼ dawk li huma werrieta sħab maʼ Kristu?

10 Il-​Kristjani midlukin, il-​144,000 kollha kemm huma, irċevew evidenza assoluta li għandhom l-​ispirtu t’Alla. F’dan ir-​rigward, Pawlu kiteb: “[I]rċevejtu l-​Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajjtu: ‘Abba! Missier!’ Dan l-​Ispirtu jixhed flimkien maʼ l-​ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta taʼ Alla, werrieta maʼ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.” (Rumani 8:15-17) Kristjani midlukin iħossuhom li għandhom relazzjoni taʼ tfal maʼ Missierhom tas-​sema, sensazzjoni qawwija taʼ wlied. (Galatin 4:6, 7) Iħossuhom assolutament ċerti li ġew imnisslin minn Alla għal stat taʼ wlied spiritwali bħala werrieta sħab maʼ Kristu fis-​Saltna tas-​sema. F’dan, l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah għandu rwol definit.

11 Taħt l-​influwenza taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla, l-​ispirtu, jew l-​attitudni dominanti, taʼ wħud midlukin iqanqalhom biex iwieġbu b’mod pożittiv għal dak li l-​Kelma t’Alla tgħid dwar it-​tama tas-​sema. Per eżempju, meta jaqraw dak li tgħid l-​Iskrittura dwar l-​ulied spiritwali taʼ Jehovah, huma jirrikonoxxu spontanjament li dan il-​kliem japplika għalihom. (1 Ġwann 3:2) Jafu li huma ġew ‘mgħammdin fi Kristu Ġesù’ u fil-​mewt tiegħu. (Rumani 6:3) Il-​konvinzjoni soda tagħhom hija li huma l-​ulied spiritwali t’Alla, li se jmutu u jiġu rxoxtati għall-​glorja tas-​sema, bħal Ġesù.

12. L-​ispirtu t’Alla liema affarijiet ipproduċa fi Kristjani midlukin?

12 Li tiġi mnissel għal stat taʼ iben spiritwali m’hijiex xi xewqa li tistaʼ tikkultivaha. Dawk li huma mnisslin bl-​ispirtu ma jridux imorru s-​sema minħabba li huma mnikktin bit-​tbatija preżenti taʼ fuq l-​art. (Ġob 14:1) Minflok, l-​ispirtu taʼ Jehovah pproduċa f’uħud verament midlukin tama u xewqa mhux komuni għall-​bnedmin inġenerali. Dawn l-​uħud imnisslin jafu li ħajja taʼ dejjem f’perfezzjoni umana fuq l-​art magħmula ġenna mdawrin b’familja hienja u bi ħbiebhom se tkun xi ħaġa taʼ l-​għaġeb. Madankollu, ħajja bħal din m’hijiex ix-​xewqa ewlenija taʼ qalbhom. Uħud midlukin għandhom tama għas-​sema tant qawwija li minn jeddhom jissagrifikaw kull prospett u rbit taʼ fuq l-​art.—2 Pietru 1:13, 14.

13. Skond it-2 Korintin 5:1-5, Pawlu għal liema ħaġa kien ‘imxennaq,’ u dan x’jindika rigward uħud imnisslin bl-​ispirtu?

13 It-​tama mogħtija lilhom minn Alla taʼ ħajja fis-​sema hija tant qawwija f’uħud bħal dawn li s-​sentimenti tagħhom huma bħal dawk taʼ Pawlu, li kiteb: “Aħna nafu li jekk din it-​tinda taʼ l-​għamara tagħna fl-​art tiġġarraf, aħna għandna dar oħra, maħduma mhux bl-​idejn, imma xogħol taʼ Alla, għal dejjem fis-​sema. Aħna f’din nitniehdu, mxennqa li nilbsu fuq din l-​għamara tal-​ġisem l-​għamara l-​oħra tas-​sema. Għax jekk nilbsu din ma ninstabux għarwenin. Aħna li qegħdin f’din it-​tinda, nitniehdu, mgħobbija kif aħna; għalhekk ma rridux ninżgħu, iżda nilbsu oħra minn fuq biex il-​ġisem li jmut jinxtorob mill-​ħajja. Alla stess sawwarna għal dan, hu li tana r-​rahan taʼ l-​Ispirtu.” (2 Korintin 5:1-5) Pawlu kien ‘imxennaq’ biex jiġi rxoxtat fis-​sema bħala ħlejqa spirtu immortali. Waqt li rrefera għall-​ġisem uman, hu uża l-​metafora taʼ tinda li tiġġarraf, residenza fraġli u temporanja meta titqabbel maʼ dar. Għalkemm jgħixu fuq l-​art f’ġisem fiżiku u mortali, Kristjani li għandhom l-​ispirtu bħala simbolu taʼ ħajja futura fis-​sema jħarsu ’l quddiem lejn “dar oħra, . . . xogħol taʼ Alla,” ġisem spirtu immortali u li ma jitħassarx. (1 Korintin 15:50-53) Bħal Pawlu, jistgħu jgħidu bil-​ħeġġa kollha: “Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu minn dan il-​ġisem [uman] u mmorru noqogħdu [fis-sema] għand il-​Mulej.”—2 Korintin 5:8.

Imdaħħlin f’Pattijiet Speċjali

14. Meta waqqaf l-​osservanza tal-​Mafkar, Ġesù liema patt semma l-​ewwel, u liema rwol għandu dan f’konnessjoni maʼ l-​Iżraeliti spiritwali?

14 Kristjani mnisslin bl-​ispirtu huma ċerti li ġew imdaħħlin f’żewġ pattijiet speċjali. Ġesù semma wieħed minn dawn meta uża ħobż bla ħmira u nbid biex iwaqqaf il-​Mafkar taʼ mewtu li kienet riesqa u qal dwar it-​tazza taʼ l-​inbid: “Dan il-​kalċi huwa l-​Patt il-​Ġdid b’demmi, id-​demm li jixxerred għalikom.” (Luqa 22:20; 1 Korintin 11:25) Min huma ż-​żewġ partijiet tal-​patt il-​ġdid? Alla Jehovah u l-​membri taʼ Iżrael spiritwali​—dawk li Jehovah għandu l-​iskop li jwassalhom għall-​glorja tas-​sema. (Ġeremija 31:31-34; Galatin 6:15, 16; Lhud 12:22-24) Billi sar jopera permezz tad-​demm imxerred taʼ Ġesù, il-​patt il-​ġdid joħroġ minn fost il-​ġnus poplu għal isem Jehovah u lil dawn il-​Kristjani mnisslin bl-​ispirtu jagħmilhom parti minn “nisel” Abraham. (Galatin 3:26-29; Atti 15:14) Il-​patt il-​ġdid jippermetti lill-​Iżraeliti spiritwali kollha li jitwasslu għall-​glorja billi jiġu rxoxtati għal ħajja immortali fis-​sema. Billi huwa ‘patt taʼ dejjem,’ il-​benefiċċji tiegħu se jibqgħu għal dejjem. Għad irridu naraw jekk dan il-​patt hux se jkollu wkoll irwol b’modi oħrajn matul il-​Millennju u wara.—Lhud 13:20.

15. Fi qbil maʼ Luqa 22:28-30, is-​segwaċi midlukin taʼ Ġesù bdew jiddaħħlu f’liema patt ieħor, u meta?

15 Il-​“ħafna wlied” li Jehovah kellu l-​iskop li ‘jwassal għall-​glorja’ ddaħħlu wkoll individwalment fil-​patt għal Saltna tas-​sema. Rigward dan il-​patt bejnu u bejn dawk li jimxu wara l-​passi tiegħu, Ġesù qal: “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-​provi tiegħi; u nagħmel patt magħkom, sewwa sew bħalma Missieri għamel patt miegħi, għal saltna, biex tkunu tistgħu tieklu u tixorbu fuq il-​mejda tiegħi fis-​saltna tiegħi, u toqogħdu bil-​qiegħda fuq tronijiet biex tiġġudikaw lit-​tnax-il tribù taʼ Iżrael.” (Luqa 22:28-30, NW) Il-​patt tas-​Saltna ġie inawgurat meta d-​dixxipli taʼ Ġesù ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Dak il-​patt jibqaʼ jopera bejn Kristu u s-​slaten sħabu għal dejjem. (Apokalissi 22:5) Mela, allura, Kristjani mnisslin bl-​ispirtu huma ċerti li jifformaw parti mill-​patt il-​ġdid u mill-​patt għas-​Saltna. Għalhekk, meta tiġi osservata l-​Ikla taʼ fil-​Għaxija tal-​Mulej, huma biss dawk ir-​relattivament ftit li baqaʼ mill-​midlukin li għadhom fuq l-​art li jieħdu mill-​ħobż, li jirrappreżenta l-​ġisem uman bla dnub taʼ Ġesù, u mill-​inbid, li jissinjifika d-​demm perfett tiegħu mxerred fil-​mewt u li jagħmel validu l-​patt il-​ġdid.—1 Korintin 11:23-26; ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1989, paġni 11-14.

Imsejħin, Magħżulin, u Leali

16, 17. (a) Biex jitwasslu għall-​glorja, il-​144,000 kollha kemm huma x’iridu jagħmlu? (b) Min huma l-​“għaxar slaten,” u dawn kif qegħdin jittrattaw lill-​fdal taʼ ‘ħut’ Ġesù li għadhom fuq l-​art?

16 L-​ewwel applikar tas-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù jagħmilha possibbli għal 144,000 persuna biex ikunu msejħin għall-​ħajja fis-​sema u magħżulin billi jiġu mnisslin bl-​ispirtu minn Alla. Biex jitwasslu għall-​glorja, m’għandniex xi ngħidu, għandhom jistinkaw biex ‘isaħħu s-​sejħa u l-​għażla tagħhom,’ u jridu jibqgħu leali sal-​mewt. (2 Pietru 1:10; Efesin 1:3-7; Apokalissi 2:10) Il-​fdal żgħir taʼ wħud midlukin li għadhom fuq l-​art qed iżommu l-​integrità tagħhom għalkemm isibu oppożizzjoni minn “għaxar slaten” li jiffiguraw il-​qawwiet politiċi kollha. “[Dawn] għad jagħmlu gwerra lill-​Ħaruf,” qal wieħed anġlu, “u l-​Ħaruf joħroġ rebbieħ fuqhom, għax hu Sid is-​sidien u Sultan is-​slaten, flimkien maʼ dawk li huma miegħu msejjħin u magħżulin u fidili.”​—Apokalissi 17:12-14.

17 Ħakkiema umani m’għandhomx ċans kontra Ġesù, “Sultan is-​slaten,” għax hu qiegħed fis-​sema. Imma huma juru ostilità lejn il-​fdal minn “ħutu” li għadhom fuq l-​art. (Apokalissi 12:17) Din se tintemm fil-​gwerra t’Alla taʼ Armageddon, meta r-​rebħa hija żgurata għal “Sultan is-​slaten” u “ħutu”​—dawk “imsejjħin u magħżulin u fidili.” (Apokalissi 16:14, 16) Sadattant, Kristjani mnisslin bl-​ispirtu għandhom ħafna x’jagħmlu. X’qegħdin jagħmlu bħalissa, qabel ma Jehovah jwassalhom għall-​glorja?

X’Inhi t-​Tweġiba Tiegħek?

◻ Alla lil min ‘iwassal għall-​glorja tas-​sema’?

◻ X’ifisser li tkun “[i]mwieled minn Alla”?

◻ “L-​ispirtu” kif “jixhed” maʼ xi Kristjani?

◻ Uħud imnisslin bl-​ispirtu ddaħħlu f’liema pattijie

[Stampa f’paġna 15]

F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., ngħatat evidenza li t-​triq għall-​glorja tas-​sema kienet infetħet

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja