Ħelsien Glorjuż fil-Qrib Għal Ulied Alla
“Il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa . . . bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”—RUMANI 8:20, 21.
1. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù kif kien irrappreżentat f’Jum l-Espjazzjoni?
JEHOVAH ta l-Iben uniġenitu tiegħu bħala sagrifiċċju taʼ rahan li fetaħ it-triq għall-ħajja fis-sema għal 144,000 bniedem u għal prospetti taʼ ħajja eterna fuq l-art għall-bqija taʼ l-umanità. (1 Ġwann 2:1, 2) Bħalma nnotajna fl-artiklu taʼ qabel, is-sagrifiċċju taʼ Ġesù għall-Kristjani mnisslin bl-ispirtu kien irrappreżentat meta l-qassis il-kbir taʼ Iżrael kien jissagrifika barri bħala offerta tad-dnub għalih innifsu, għan-nies taʼ daru, u għat-tribù taʼ Levi f’Jum l-Espjazzjoni annwali. Fl-istess jum, kien jissagrifika bodbod bħala offerta tad-dnub għall-Iżraeliti l-oħrajn kollha, saħansitra bħalma s-sagrifiċċju taʼ Ġesù se jkun taʼ benefiċċju għall-umanità inġenerali. Bodbod ħaj ġarr simbolikament id-dnubiet kollettivi tal-poplu taʼ matul is-sena li tkun għaddiet, billi jisparixxi bihom fix-xagħri.a—Levitiku 16:7-15, 20-22, 26.
2, 3. Xi tfisser l-istqarrija taʼ Pawlu li nsibu f’Rumani 8:20, 21?
2 Wara li l-appostlu Pawlu fisser il-fatturi prinċipali tat-tama tal-bnedmin li kellhom isiru “wlied Alla” fis-sema, hu qal: “Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni taʼ wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa—mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha—bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.” (Rumani 8:14, 17, 19-21) Xi tfisser din l-istqarrija?
3 Meta Adam, l-ewwel missier tagħna, ġie maħluq bħala bniedem perfett, hu kien “bin [jew, wild] Alla.” (Luqa 3:38) Peress li dineb, hu ġie taħt il-“jasar tat-taħsir” u b’hekk għadda dan l-istat għal fuq ir-razza umana. (Rumani 5:12) Alla ppermetta li l-bnedmin jitwieldu ffaċċjati mill-“frugħa” minħabba l-imperfezzjoni li wirtu, imma ppreżenta tama permezz tan-“nisel,” Ġesù Kristu. (Ġenesi 3:15; 22:18; Galatin 3:16) Apokalissi 21:1-4 jindika ż-żmien meta ‘l-mewt, il-biki, l-għajat, u t-tbatija ma jkunux iżjed.’ Ladarba din hija wegħda lill-“bnedmin,” nistgħu b’hekk inkunu żguri li soċjetà ġdida taʼ bnedmin fuq l-art li tkun tgħix taħt il-ħakma tas-Saltna se ġġarrab restawr tal-moħħ u tal-ġisem għal saħħa totali u ħajja taʼ dejjem bħala “wlied Alla” fuq l-art. Matul ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, bnedmin ubbidjenti “għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir.” Wara li jkunu wrew il-lealtà lejn Jehovah matul test finali, huma se jinħelsu għal dejjem mid-dnub u l-mewt li wirtu. (Apokalissi 20:7-10) Dawk fuq l-art imbagħad se “jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”
Qed Jgħidu “Ejja!”
4. X’ifisser li ‘tieħu b’xejn l-ilma tal-ħajja’?
4 X’tama meraviljuża hija mqiegħda quddiem il-bnedmin! Mhux taʼ b’xejn li Kristjani mnisslin bl-ispirtu li għadhom fuq l-art qegħdin b’żelu jieħdu l-inizjattiva f’li jgħidu lil oħrajn dwarha! Bħala wħud li se jsiru parti mill-“għarusa” tal-Ħaruf igglorifikat, Ġesù Kristu, il-fdal midlukin huma involuti fit-twettiq taʼ dan il-kliem profetiku: “L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: ‘Ejja!’ Min jismaʼ, ħa jgħid: ‘Ejja!’ U min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.” (Apokalissi 21:2, 9; 22:1, 2, 17) Le, il-benefiċċji tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù m’humiex limitati għall-144,000 li huma midlukin. L-ispirtu t’Alla jibqaʼ jaħdem permezz tal-fdal tal-klassi taʼ l-għarusa fuq l-art f’li jgħid “Ejja!” Kulmin jismaʼ u jħossu bil-għatx għat-tjieba mistieden jgħid “Ejja,” billi japprofitta ruħu mill-provvediment abbundanti taʼ Jehovah għas-salvazzjoni.
5. Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma ferħanin li għandhom lil min fosthom?
5 Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom fidi fil-provvediment t’Alla għall-ħajja permezz taʼ Ġesù Kristu. (Atti 4:12) Huma ferħanin li għandhom f’nofshom uħud taʼ qalb onesta li jixtiequ jitgħallmu dwar l-iskopijiet t’Alla u jagħmlu r-rieda tiegħu. Is-Swali tas-Saltna tagħhom miftuħin għal kulmin jixtieq ‘jiġi u jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn’ f’dan iż-“żmien taʼ l-aħħar.”—Danjel 12:4.
Bidliet mal-Mogħdija taż-Żmien
6. L-ispirtu t’Alla kif opera fuq il-qaddejja taʼ Jehovah matul diversi perijodi taʼ żmien?
6 Alla għandu żmien speċifiku biex iwettaq l-iskopijiet tiegħu, u dan jeffettwa l-mod kif jittratta mal-bnedmin. (Koħèlet 3:1; Atti 1:7) Għalkemm l-ispirtu t’Alla ġie fuq il-qaddejja tiegħu taʼ qabel l-era Kristjana, huma ma kinux imnisslin bħala l-ulied spiritwali tiegħu. B’seħħ minn Ġesù, madankollu, kien wasal iż-żmien li Jehovah juża l-ispirtu qaddis ħalli jnissel irġiel u nisa dedikati għal wirt fis-sema. U xi ngħidu għal żmienna? L-istess spirtu qed jopera fuq in-“nagħaġ oħra” taʼ Ġesù, imma dan m’huwiex iqajjem fihom it-tama u x-xewqa għall-ħajja fis-sema. (Ġwann 10:16) Bil-ħajja taʼ dejjem fuq l-art magħmula ġenna bħala t-tama tagħhom mogħtija minn Alla, huma jappoġġjaw bil-ferħ lill-fdal midlukin f’li jagħtu xiehda matul dan il-perijodu taʼ bidla mid-dinja l-qadima għad-dinja l-ġdida taʼ tjieba t’Alla.—2 Pietru 3:5-13.
7. L-Istudenti tal-Bibbja f’liema xogħol taʼ ħsad kienu involuti, imma x’kienu jafu dwar il-ġenna?
7 Alla beda ‘jwassal lil ħafna wlied għall-glorja’ bit-tferrigħ taʼ spirtu qaddis f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., u milli jidher hu stabbilixxa żmien biex “Iżrael [spiritwali] taʼ Alla” jkun komplut u jilħaq l-għadd taʼ 144,000. (Lhud 2:10; Galatin 6:16; Apokalissi 7:1-8) B’seħħ mill-1879, xogħol taʼ ħsad li kien jinvolvi Kristjani midlukin kien taʼ spiss jissemma f’din ir-rivista. Imma l-Istudenti tal-Bibbja (li llum jissejħu Xhieda taʼ Jehovah) kienu jafu wkoll li l-Iskrittura testendi t-tama taʼ ħajja eterna fuq l-art magħmula ġenna. Per eżempju, il-ħarġa tal-Watch Tower taʼ Lulju, 1883, qalet: “Meta Ġesù jkun stabbilixxa s-saltna tiegħu, irrestrinġa l-ħażen, eċċ., din l-art issir ġenna, . . . u dawk kollha li qegħdin fl-oqbra se jiġu fiha. U billi jsiru ubbidjenti lejn il-liġijiet tagħha jistgħu jgħixu fiha għal dejjem.” Mal-mogħdija taż-żmien, il-ħsad taʼ wħud midlukin naqas, u bil-mod il-mod individwi li ma kellhomx it-tama għas-sema ġew miġburin fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Sadattant, Alla ta lill-qaddejja midlukin tiegħu, Kristjani mwelldin mill-ġdid, dehen notevoli.—Danjel 12:3; Filippin 2:15; Apokalissi 14:15, 16.
8. Il-fehma dwar it-tama għall-art kif żviluppat kmieni fis-snin tletin?
8 B’mod partikulari mill-1931 ’l hawn dawk bit-tama għall-art bdew jassoċjaw mal-kongregazzjoni Kristjana. F’dik is-sena, Jehovah dawwal lill-fdal taʼ Kristjani mnisslin bl-ispirtu biex jaraw li Eżekjel kapitlu 9 jirreferi għal din il-klassi taʼ l-art, li qegħdin jiġu mmarkati għal sopravivenza għal ġod-dinja ġdida t’Alla. Fl-1932 ġie kkonfermat li dawn l-uħud bħal nagħaġ fi żmienna kienu ffigurati bil-quddiem minn Ġonadab (Ġeħonadab), l-imsieħeb taʼ Ġeħu. (2 Slaten 10:15-17) Fl-1934 intgħamel ċar li “dawk l-uħud bħal Ġonadab” għandhom “jikkonsagraw,” jew jiddedikaw, lilhom infushom lil Alla. Fl-1935 il-“kotra l-kbira,” jew il-“folla l-kbira”—li qabel kien maħsub li kienu klassi spiritwali sekondarja li kellhom ikunu ‘sħab’ taʼ l-għarusa taʼ Kristu fis-sema—ġiet identifikata bħala nagħaġ oħrajn b’tama għall-art. (Apokalissi 7:4-15; 21:2, 9; Salm 45:15, 16 [Salm 45:14, 15, NW]) U speċjalment mill-1935 ’l hawn uħud midlukin taw spinta lit-tfittxija għal nies retti li jixxennqu biex jgħixu għal dejjem fuq l-art magħmula ġenna.
9. Wara l-1935, xi Kristjani għala ma baqgħux jieħdu mill-emblemi fl-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej?
9 Wara l-1935 xi Kristjani li kienu jieħdu mill-ħobż u mill-inbid fl-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej ma baqgħux jagħmlu dan. Għala? Għax irrealizzaw li t-tama tagħhom kienet għall-art u mhux għas-sema. Waħda mara li tgħammdet fl-1930 qalet: “Għalkemm [li tieħu mill-emblemi] kien meqjus bħala dak li suppost kellu jsir, speċjalment minn ministri full-time żelużi, jien qatt ma kont konvinta li kelli tama għas-sema. Imbagħad, fl-1935, ġie ċċarat għalina li kienet qed tiġi miġbura folla kbira bit-tama li tgħix għal dejjem fuq l-art. Ħafna minna fraħna meta fhimna li konna parti minn dik il-folla kbira, u ma bqajniex nieħdu mill-emblemi.” Saħansitra l-pubblikazzjonijiet Kristjani nbidlu fil-kontenut tagħhom. Fil-waqt li dawk tas-snin taʼ qabel kienu mfasslin primarjament għas-segwaċi taʼ Ġesù mnisslin bl-ispirtu, mill-1935 ’il quddiem The Watchtower u letteratura oħra taʼ ‘l-irsir leali’ pprovdew ikel spiritwali addattat għall-ħtiġijiet kemm tal-midlukin u kemm taʼ sħabhom b’tama għall-art.—Mattew 24:45-47.
10. Wieħed midluk mhux leali kif jistaʼ jiġi sostitwit?
10 Nagħtu kas li wieħed midluk ma jibqax leali. Ikun hemm sostitut? Pawlu indika dan fid-diskussjoni tiegħu dwar is-siġra taż-żebbuġ simbolika. (Rumani 11:11-32) Jekk ikun hemm il-ħtieġa li wieħed imnissel bl-ispirtu jiġi sostitwit, x’aktarx li Alla se jagħti s-sejħa tas-sema lil xi ħadd li l-fidi tiegħu kienet eżemplari fl-għoti taʼ servizz sagru lejh għal ħafna snin.—Qabbel Luqa 22:28, 29; 1 Pietru 1:6, 7.
Ħafna Raġunijiet għal Gratitudni
11. Hi x’inhi n-natura tat-tama tagħna, Ġakbu 1:17 dwar liema ħaġa jiżgurana?
11 Ikun fejn ikun li aħna naqdu lil Jehovah bil-fedeltà, hu se jissodisfa l-bżonnijiet u x-xewqat retti tagħna. (Salm 145:16; Luqa 1:67-74) Kemm jekk għandna tama ġenwina għas-sema u kemm jekk il-prospetti tagħna huma għall-art, għandna ħafna raġunijiet sodi biex inkunu grati lejn Alla. Hu dejjem jaġixxi fl-aħjar interess taʼ dawk li jħobbuh. Id-dixxiplu Ġakbu qal li “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl,” Alla Jehovah. (Ġakbu 1:17) Ejjew ninnotaw xi ftit minn dawn l-għotjiet u l-barkiet.
12. Għala nistgħu ngħidu li Jehovah ta tama meraviljuża lil kull wieħed mill-qaddejja leali tiegħu?
12 Jehovah ta lil kull wieħed mill-qaddejja tiegħu tama taʼ l-għaġeb. Lil xi wħud sejħilhom għall-ħajja fis-sema. Lix-xhieda tiegħu taʼ qabel il-Kristjanità, Jehovah tahom it-tama splendida taʼ rxoxt għall-ħajja taʼ dejjem fuq l-art. Per eżempju, Abraham kellu fidi fl-irxoxt u stenna l-“belt mibnija fis-sod”—is-Saltna tas-sema li taħtha se jiġi rxoxtat għall-ħajja fuq l-art. (Lhud 11:10, 17-19) Għal darb’oħra, f’dan iż-żmien tat-tmiem, Alla qed jagħti t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art magħmula ġenna lil miljuni taʼ nies. (Luqa 23:43; Ġwann 17:3) Ċertament, kulmin ngħata tama grandjuża bħal din minn Jehovah għandu jkun grat ħafna għal dan.
13. L-ispirtu qaddis t’Alla kif opera fuq il-poplu tiegħu?
13 Jehovah jagħti l-ispirtu qaddis tiegħu bħala rigal lill-poplu tiegħu. Kristjani li jingħataw tama għas-sema jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis. (1 Ġwann 2:20; 5:1-4, 18) Iżda, qaddejja t’Alla li għandhom prospetti għall-art għandhom l-għajnuna u l-gwida taʼ l-ispirtu. Fost dawn kien hemm Mosè, li kellu l-ispirtu taʼ Jehovah, bħalma kellhom ukoll is-70 raġel maħturin biex jgħinuh. (Numri 11:24, 25) Taħt l-influwenza taʼ l-ispirtu qaddis, Besalel qeda bħala espert fl-artiġjanat f’konnessjoni mat-tabernaklu taʼ Iżrael. (Eżodu 31:1-11) L-ispirtu t’Alla ġie fuq Gidjon, Ġefta, Sansun, David, Elija, Eliżew, u oħrajn. Għalkemm dawn l-individwi tal-qedem qatt ma se jinġiebu għall-glorja tas-sema, huma kienu ggwidati u megħjunin bl-ispirtu qaddis, bħalma huma n-nagħaġ oħrajn taʼ Ġesù llum. Għalhekk, mela, li nippossiedu l-ispirtu t’Alla ma jfissirx neċessarjament li għandna s-sejħa għas-sema. Madankollu, l-ispirtu taʼ Jehovah jipprovdi gwida, jgħinna nippridkaw u nwettqu inkarigi oħrajn mogħtijin minn Alla, jagħtina qawwa iktar min-normal, u jipproduċi fina l-frott tiegħu taʼ mħabba, ferħ, paċi, sabar fit-tul, qalb tajba, tjubija, fidi, ħlewwa, u rażna. (Ġwann 16:13; Atti 1:8; 2 Korintin 4:7-10; Galatin 5:22, 23) M’għandniex aħna nkunu grati għal dan ir-rigal ġeneruż mingħand Alla?
14. Kif nibbenefikaw mill-għotjiet t’Alla taʼ l-għarfien u l-għerf?
14 L-għarfien u l-għerf huma għotjiet mingħand Alla li għalihom għandna nkunu grati, kemm jekk it-tama tagħna hija għas-sema u kemm jekk għall-art. Għarfien eżatt dwar Jehovah jgħinna ‘nagħrfu nagħżlu l-aħjar’ u ‘ngħixu sewwa kif jixraq lil Jehovah u nogħġbuh f’kollox.’ (Filippin 1:9-11; Kolossin 1:9, 10) Għerf divin iservi taʼ protezzjoni u taʼ gwida fil-ħajja. (Proverbji 4:5-7; Koħèlet 7:12) L-għarfien u l-għerf veri huma bbażati fuq il-Kelma t’Alla, u l-ftit midlukin li baqaʼ huma attirati b’mod speċjali lejn dak li hija tgħid dwar it-tama tagħhom tas-sema. Madankollu, imħabba għall-Kelma t’Alla u fehma tajba tagħha ma jifformawx il-mod kif Alla jindika li ġejna msejħin għall-ħajja fis-sema. Irġiel bħal Mosè u Danjel saħansitra kitbu porzjonijiet mill-Bibbja, imma huma se jiġu rxoxtati għall-ħajja fuq l-art. Kemm jekk it-tama tagħna hija għas-sema u kemm jekk għall-art, ilkoll kemm aħna nirċievu ikel spiritwali permezz taʼ “l-irsir leali u diskret” li hu approvat minn Jehovah. (Mattew 24:45-47, NW) Kemm aħna grati lkoll għall-għarfien li ksibna b’dan il-mod!
15. X’inhu wieħed mill-akbar rigali t’Alla, u kif tħares lejh?
15 Wieħed mill-akbar rigali t’Alla huwa s-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù, li huwa taʼ benefiċċju għalina kemm jekk għandna prospett għas-sema u kemm jekk it-tama tagħna hija għall-art. Alla tant ħabb lid-dinja taʼ bnedmin “li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) U l-imħabba taʼ Ġesù qanqlitu “biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” (Mattew 20:28) Bħalma spjega l-appostlu Ġwanni, Ġesù Kristu “jħallas għal dnubietna [dawk tal-midlukin], [u] mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.” (1 Ġwann 2:1, 2) Għalhekk, ilkoll kemm aħna għandna nkunu ferm grati għal dan il-provvediment taʼ mħabba li jagħti salvazzjoni għall-ħajja taʼ dejjem.b
Se Tkun Preżenti Int?
16. Liema ġrajja notevoli se tiġi kkommemorata wara nżul ix-xemx nhar il-11 t’April, 1998, u min għandu jkun preżenti?
16 Gratitudni għar-rahan provdut minn Alla permezz taʼ Ibnu għandha tqanqalna biex inkunu preżenti fis-Swali tas-Saltna jew postijiet oħrajn fejn ix-Xhieda taʼ Jehovah se jinġabru flimkien wara nżul ix-xemx nhar il-11 t’April, 1998, biex jikkommemoraw il-mewt taʼ Kristu. Meta waqqaf din l-osservanza maʼ l-appostli leali tiegħu fl-aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-art, Ġesù qal: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19, 20; Mattew 26:26-30) Il-ftit midlukin li baqaʼ se jieħdu mill-ħobż bla ħmira, li jirrappreżenta l-ġisem uman bla dnub taʼ Ġesù, u l-inbid aħmar pur, li jissinjifika demmu mxerred f’sagrifiċċju. Kristjani mnisslin bl-ispirtu biss għandhom jieħdu mill-emblemi għaliex huma biss qegħdin fil-patt il-ġdid u fil-patt tas-Saltna u għandhom ix-xiehda li ma tistax tiġi rrifjutata taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla li huma għandhom it-tama għas-sema. Miljuni oħrajn se jkunu preżenti bħala osservaturi li juru rispett u li huma grati għall-imħabba murija minn Alla u minn Kristu f’konnessjoni mas-sagrifiċċju taʼ Ġesù li jagħmel possibbli l-ħajja taʼ dejjem.—Rumani 6:23.
17. X’għandna niftakru rigward id-dlik bl-ispirtu?
17 Twemmin reliġjuż taʼ qabel, emozzjonijiet qawwija li jqumu minħabba l-mewt taʼ xi ħadd maħbub, tbatijiet li huma issa assoċjati mal-ħajja fuq l-art, jew l-impressjoni li wieħed ikun irċieva xi barka speċjali mingħand Jehovah jistgħu jwasslu lil xi wħud biex jassumu b’mod żbaljat li għandhom is-sejħa tas-sema. Imma lkoll kemm aħna għandna niftakru li l-Iskrittura ma tikkmandaniex nieħdu mill-emblemi tal-Mafkar biex nuru l-gratitudni tagħna għas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu. Jerga’, id-dlik bl-ispirtu ma jiddependix fuq “x’wieħed irid jew kemm jitħabat” iżda jiddependi minn Alla, Dak li nissel lil Ġesù bħala Iben spiritwali u li jwassal 144,000 ulied oħrajn biss għall-glorja.—Rumani 9:16; Isaija 64:8.
18. Il-maġġorparti minn dawk li jaqdu lil Jehovah llum, liema barkiet hemm jistennewhom?
18 Ħajja taʼ dejjem fuq l-art magħmula ġenna hija t-tama li Jehovah jagħti lill-maġġorparti tal-bnedmin li jaqduh f’dawn l-aħħar jiem. (2 Timotju 3:1-5) Dalwaqt, huma se jgawdu din il-ġenna meraviljuża. F’dak iż-żmien prinċpijiet se jamministraw proċeduri fuq l-art taħt il-ħakma tas-sema. (Salm 45:17 [Salm 45:16, NW]) Se jkunu jeżistu kundizzjonijiet taʼ paċi hekk kif l-abitanti taʼ l-art jikkonformaw mal-liġijiet t’Alla u jitgħallmu iżjed dwar il-mogħdijiet taʼ Jehovah. (Isaija 9:5, 6 [Isaija 9:6, 7, NW]; Apokalissi 20:12) Se jkun hemm ħafna xogħol x’isir biex jinbnew djar u tiġi kkultivata d-dinja. (Isaija 65:17-25) U aħseb ftit dwar il-ferħ taʼ familji li jerġgħu jingħaqdu flimkien hekk kif il-mejtin jerġgħu jieħdu l-ħajja! (Ġwann 5:28, 29) Wara test finali, il-ħażen kollu jkun spiċċa. (Apokalissi 20:7-10) Imbagħad wara dan għal dejjem, l-art se tkun mimlija bi bnedmin perfetti li jkunu “meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”
[Noti taʼ taħt]
a Ara Insight on the Scriptures, l-1 Volum, paġni 225-6.
b Ara The Watchtower, tal-15 taʼ Marzu, 1991, paġni 19-22.
Kif Twieġeb?
◻ X’ifisser li ‘tieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn’?
◻ Kemm jekk it-tama tagħna hija għas-sema u kemm jekk għall-art, x’raġunijiet għandna biex inkunu grati lejn Alla?
◻ Liema osservanza annwali għandna nattendu lkoll?
◻ Il-futur x’għandu maħżun għall-biċċa l-kbira mill-poplu taʼ Jehovah?
[Stampa f’paġna 18]
Miljuni taʼ nies bdew ‘jieħdu l-ilma tal-ħajja b’xejn.’ Int qiegħed magħhom?