LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 3/15 pp. 26-30
  • Kostantinu l-Kbir—Ċampjin tal-Kristjanità?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kostantinu l-Kbir—Ċampjin tal-Kristjanità?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kostantinu l-​Istoriku
  • Ir-​Reliġjon fl-​Istrateġija taʼ Kostantinu
  • Qatt Sar Kristjan?
  • “Qaddis”?
  • Il-​Konsegwenzi taʼ l-​Isforzi Tiegħu
  • Fejn Hi l-​Kristjanità Vera?
  • Titwila lejn il-passat—Kostantinu
    Stenbaħ!—2014
  • Id-Duttrina tat-Trinità Kif Żviluppat?
    Għandek Int Temmen fit-Trinità?
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 3/15 pp. 26-30

Kostantinu l-​Kbir—Ċampjin tal-​Kristjanità?

L-​Imperatur Ruman Kostantinu hu fost il-​ftit irġiel li isimhom l-​istorja sebbħitu bit-​terminu “Kbir.” Il-​Kristjaneżmu żied l-​espressjonijiet “san,” “it-​tlettax-il wieħed mill-​appostli,” “qaddis daqs l-​appostli,” u ‘magħżul mill-​Providenza t’Alla biex iwettaq l-​akbar taqliba fid-​dinja kollha.’ Minn lenti totalment differenti, xi wħud jiddeskrivu lil Kostantinu bħala “mċappas bid-​demm, stigmatizzat b’offiżi gravi bla għadd u mimli qerq, . . . tirann waħxi, ħati taʼ delitti orribbli.”

ĦAFNA li jgħidu li huma Kristjani ġew mgħallmin li Kostantinu l-​Kbir kien wieħed mill-​iktar benefatturi prominenti tal-​Kristjanità. Huma jagħtuh il-​kredtu għal li ħeles lill-​Kristjani mill-​miżerja tal-​persekuzzjoni Rumana u li tahom il-​libertà reliġjuża. Iktar minn hekk, ħafna nies kullimkien jemmnu li kien segwaċi leali li mexa wara l-​passi taʼ Ġesù Kristu b’xewqa qawwija li javanza l-​kawża Kristjana. Il-​Knisja Ortodossa tal-​Lvant u l-​Knisja Koptika ddikjaraw kemm lil Kostantinu u kemm lil ommu Elena, “qaddisin.” Il-​festa tagħhom tiġi ċċelebrata fit-​3 taʼ Ġunju jew skond il-​kalendarju tal-​knisja, fil-​21 taʼ Mejju.

Min kien tassew Kostantinu l-​Kbir? X’kien l-​irwol tiegħu fl-​iżvilupp tal-​Kristjanità wara l-​mewt taʼ l-​appostli? Ikun ferm illuminanti jekk inħallu l-​istorja u l-​istudjużi jwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

Kostantinu l-​Istoriku

Kostantinu, bin Kostanzu Klorus, twieled f’Nissa ġewwa s-​Serbja madwar is-​sena 275 E.K. Meta missieru sar imperatur tal-​provinċji tal-​Punent taʼ Ruma fis-​sena 293 E.K., hu kien qiegħed jiġġieled fuq id-​Danubju fuq ordnijiet taʼ l-​Imperatur Galerjus. Kostantinu rritorna fil-​Britannja ħdejn missieru li kien moribond fis-​sena 306 E.K. Ftit wara l-​mewt taʼ missieru, Kostantinu ġie promoss mill-​armata għall-​istat taʼ imperatur.

F’dak iż-​żmien, ħames individwi oħrajn kienu jsostnu li kienu Awgusti. Il-​perijodu taʼ bejn is-​sena 306 u s-​sena 324 E.K., li warajh Kostantinu sar imperatur waħdieni, kien żmien taʼ gwerra ċivili kontinwa. Rebħa f’żewġ kampanji militari ggarantiet post lil Kostantinu fl-​istorja Rumana u għamlitu l-​ħakkiem waħdieni taʼ l-​Imperu Ruman.

Fis-sena 312 E.K., Kostantinu għeleb lill-​opponent tiegħu Maksentjus fil-​battalja tal-​Pont Milvjan barra Ruma. Apoloġisti Kristjani sostnew li matul dik il-​kampanja, taħt ix-​xemx feġġ salib jaqbad li fuqu kien hemm il-​kliem bil-​Latin In hoc signo uin-ces, li jfisser “B’dan is-​sinjal irbaħ.” Hawn min jemmen ukoll li f’ħolma, lil Kostantinu ntqallu biex ipinġi l-​ewwel żewġ ittri taʼ l-​isem taʼ Kristu bil-​Grieg fuq it-​tarki tat-​truppi tiegħu. Madankollu, din l-​istorja għandha ħafna anakroniżmi. Il-​ktieb A History of Christianity jistqarr: “Hemm konflitt taʼ evidenza dwar iż-​żmien, il-​post u d-​dettalji eżatti taʼ din il-​viżjoni.” Waqt li ta merħba lil Kostantinu f’Ruma, Senat pagan iddikjarah Awgustus ewlieni u Pontifiċju Massimu, jiġifieri, qassis il-​kbir tar-​reliġjon pagana taʼ l-​imperu.

Fis-sena 313 E.K., Kostantinu rranġa sħubija maʼ l-​Imperatur Liċinjus, ħakkiem tal-​provinċji tal-​Lvant. Permezz taʼ l-​Editt taʼ Milan, huma flimkien taw il-​libertà tal-​qima u drittijiet ugwali lill-​gruppi reliġjużi kollha. Ħafna kittieba taʼ l-​istorja, madankollu, jimminimizzaw is-​sinjifikat taʼ dan id-​dokument, billi jgħidu li dan kien sempliċement ittra uffiċjali taʼ rutina u mhux xi dokument imperjali taʼ importanza kbira li jindika bidla fil-​politika lejn il-​Kristjanità.

Fl-għaxar snin li kien imiss, Kostantinu għeleb lil Liċinjus, l-​aħħar rival li kien baqagħlu, u sar il-​ħakkiem assolut tad-​dinja Rumana. Fis-​sena 325 E.K., meta kien għadu mhux mgħammed, hu ppresieda fuq l-​ewwel kunsill ekumeniku kbir tal-​knisja “Kristjana,” li kkundanna lill-​Arjaniżmu u ħejja stqarrija taʼ twemmin essenzjali msejjaħ il-​Kredu taʼ Niċea.

Kostantinu marad serjament fis-​sena 337 E.K. F’dik l-​aħħar siegħa taʼ ħajtu, ġie mgħammed, u mbagħad miet. Wara mewtu s-​Senat poġġieh fost l-​allat Rumani.

Ir-​Reliġjon fl-​Istrateġija taʼ Kostantinu

B’referenza għall-​attitudni ġenerali li l-​imperaturi Rumani tat-​tielet u r-​rabaʼ seklu kellhom lejn ir-​reliġjon, il-​ktieb Istoria tou Ellinikou Ethnous (L-Istorja tan-​Nazzjon Grieg) jgħid: “Saħansitra meta dawk li kienu jokkupaw it-​tron imperjali ma kellhomx dispożizzjonijiet profondament reliġjużi bħal dawn, billi mxew maż-​żminijiet, sabuha neċessarja li jagħtu lir-​reliġjon preċedenza ġewwa l-​qafas taʼ l-​iskemi politiċi tagħhom, biex għall-​inqas jagħtu togħma reliġjuża lill-​azzjonijiet tagħhom.”

Ċertament, Kostantinu kien bniedem li mexa maʼ żmienu. Fil-​bidu tal-​karriera tiegħu, kellu bżonn xi patroċinju “divin,” u dan ma setax jiġi pprovdut mill-​allat Rumani li kienu qegħdin jisfumaw fix-​xejn. L-​imperu, inklużi r-​reliġjon u l-​istituzzjonijiet l-​oħrajn tiegħu, kien sejjer għan-​niżla, u xi ħaġa ġdida li tagħti l-​qawwa kienet meħtieġa biex tikkonsolidah mill-​ġdid. L-​enċiklopedija Hidria tgħid: “Kostantinu kien interessat speċjalment fil-​Kristjanità għaliex din appoġġjat mhux biss ir-​rebħa tiegħu imma wkoll ir-​riorganizzazzjoni taʼ l-​imperu tiegħu. Il-​knejjes Kristjani li kienu jeżistu kullimkien saru l-​appoġġ politiku tiegħu. . . . Hu ċċirkonda lilu nnifsu bil-​prelati l-​kbar taʼ dak iż-​żmien . . . , u talabhom iżommu l-​unità tagħhom intatta.”

Kostantinu ħass li r-​reliġjon “Kristjana”—għalkemm sa dak iż-​żmien kienet saret apostata u verament korrotta—setgħet tiġi utilizzata b’mod effettiv bħala forza unifikanti li tagħti l-​ħajja mill-​ġdid sabiex taqdi l-​komplott grandjuż tiegħu għal dominanza imperjali. Billi adotta l-​pedamenti tal-​Kristjanità apostata biex jikseb appoġġ f’li jippromwovi l-​għanijiet politiċi tiegħu stess, hu ddeċieda li jgħaqqad lin-​nies taħt reliġjon waħda “kattolika,” jew universali. Drawwiet u ċelebrazzjonijiet pagani ngħataw ismijiet “Kristjani.” U l-​membri “Kristjani” tal-​kleru ngħataw l-​istatus, is-​salarju, u l-​leħen influwenti taʼ qassisin pagani.

Billi fittex l-​armonija reliġjuża għal raġunijiet politiċi, Kostantinu malajr ħonoq lil kwalunkwe ilħna li ma qablux miegħu, mhux fuq il-​bażi taʼ verità dottrinali, imma fuq il-​bażi taʼ aċċettar mill-​maġġuranza. Id-​differenzi dommatiċi u profondi ġewwa l-​knisja “Kristjana” maqsuma għall-​aħħar tawh l-​opportunità biex jintervieni bħala medjatur “mibgħut minn Alla.” Permezz tal-​mod kif aġixxa mad-​Donatisti fl-​Afrika taʼ Fuq u mas-​segwaċi taʼ Arjus fil-​parti tal-​Lvant taʼ l-​imperu, malajr skopra li l-​persważjoni ma kinitx biżżejjed biex jivvinta fidi solida u unifikata.a Kien f’attentat biex isolvi l-​kontroversja Arjana li hu laqqaʼ l-​ewwel kunsill ekumeniku fl-​istorja tal-​knisja.—Ara l-​kaxxa “Kostantinu u l-​Kunsill taʼ Niċea.”

Paul Johnson, kittieb taʼ l-​istorja, jistqarr dwar Kostantinu: “Waħda mir-​raġunijiet prinċipali tiegħu għala ttollera l-​Kristjanità setgħet kienet li din tat lilu u lill-​Istat l-​opportunità li jikkontrollaw il-​politika tal-​Knisja dwar l-​ortodossija u t-​trattar taʼ l-​eterodossija.”

Qatt Sar Kristjan?

Johnson jinnota: “Kostantinu qatt m’abbanduna l-​qima tax-​xemx u żamm ix-​xemx fuq il-​muniti tiegħu.” Il-​Catholic Encyclopedia tosserva: “Kostantinu wera favur ugwali liż-​żewġ reliġjonijiet. Bħala pontifiċju massimu hu għasses il-​qima pagana u pproteġa d-​drittijiet tagħha.” “Kostantinu qatt ma sar Kristjan,” tistqarr l-​enċiklopedija Hidria, u żżid: “Ewsebjus taʼ Ċesarija, li kiteb il-​bijografija taʼ Kostantinu, jgħid li dan sar Kristjan fl-​aħħar mumenti taʼ ħajtu. Dan ma jikkonvinċi lil ħadd, għax il-​jum taʼ qabel, [Kostantinu] kien għamel sagrifiċċju lil Zeus minħabba li kellu wkoll it-​titlu Pontifiċju Massimu.”

Sa dak in-​nhar li miet fis-​sena 337 E.K., Kostantinu żamm it-​titlu pagan taʼ Pontifiċju Massimu, il-​kap suprem taʼ kwistjonijiet reliġjużi. Rigward il-​magħmudija tiegħu, huwa raġonevoli li nistaqsu, Kienet din ippreċeduta minn indiema ġenwina u konverżjoni, bħalma huwa meħtieġ fl-​Iskrittura? (Atti 2:38, 40, 41) Kienet din tgħaddis komplet fl-​ilma bħala simbolu tad-​dedikazzjoni taʼ Kostantinu lil Alla Jehovah?—Qabbel Atti 8:36-39.

“Qaddis”?

L-​Encyclopcedia Britannica tistqarr: “Kostantinu kien intitolat li jissejjaħ Kbir iktar minħabba dak li għamel milli dak li kien. F’dak li hu karattru, tabilħaqq, hu jinsab fost l-​iktar uħud fil-​baxx minn dawk kollha li għalihom ġie applikat l-​epitetu [Kbir] fl-​antik jew fi żmienna.” U l-​ktieb A History of Christianity jinformana: “Kien hemm rapporti bikrin dwar it-​tempra vjolenti tiegħu u l-​kefrija tiegħu fir-​rabja. . . . Ma kellu ebda rispett lejn il-​ħajja umana ... Il-​ħajja privata tiegħu saret mostruża hekk kif xjieħ.”

Evidentement Kostantinu kellu problemi serji f’dik li hi personalità. Riċerkatur taʼ l-​istorja jistqarr li “l-​karattru temperamentali tiegħu kien spiss ir-​raġuni għala hu wettaq ċertu delitti.” (Ara l-​kaxxa “Qtil Dinastiku.”) Kostantinu ma kienx “karattru Kristjan,” iħaqqaqha H. Fisher, kittieb taʼ l-​istorja, fil-​ktieb tiegħu History of Europe. Il-​fatti ma jikkaratterizzawhx bħala Kristjan veru li kien libes il-​“bniedem il-​ġdid” u li fih setaʼ jinstab il-​frott taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla—l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, u r-​rażna.—Kolossin 3:9, 10; Galatin 5:22, 23.

Il-​Konsegwenzi taʼ l-​Isforzi Tiegħu

Bħala l-​Pontifiċju Massimu pagan—u għalhekk il-​kap reliġjuż taʼ l-​Imperu Ruman—Kostantinu ttanta jirbaħ il-​favur taʼ l-​isqfijiet tal-​knisja apostata. Hu offrielhom pożizzjonijiet taʼ poter, prominenza, u għana bħala uffiċjali tar-​reliġjon taʼ l-​Istat Ruman. Il-​Catholic Encyclopedia tammetti: “Xi isqfijiet, mogħmijin mill-​isplendur tal-​karigi, saħansitra waslu biex ifaħħru lill-​imperatur bħala anġlu t’Alla, bħala esseri sagru, u biex jipprofetizzaw li, bħall-​Iben t’Alla, hu kellu jirrenja fis-​sema.”

Hekk kif il-​Kristjanità apostata kisbet il-​favur tal-​gvern politiku, saret iktar u iktar parti minn din id-​dinja, minn din is-​sistema sekulari, u tbiegħdet mit-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu. (Ġwann 15:19; 17:14, 16; Apokalissi 17:1, 2) Bħala riżultat, kien hemm fużjoni tal-​“Kristjanità” maʼ duttrini u prattiċi foloz—it-​Trinità, l-​immortalità tar-​ruħ, in-​nar taʼ l-​infern, il-​purgatorju, it-​talb għall-​mejtin, l-​użu tal-​kuruni tar-​rużarju, taʼ l-​istatwi, tax-​xbihat, u affarijiet simili.—Qabbel 2 Korintin 6:14-18.

Mingħand Kostantinu, il-​knisja wirtet ukoll it-​tendenza li tkun awtoritarja. L-​istudjużi Henderson u Buck jgħidu: “Is-​sempliċità tal-​Vanġelu ġiet korrotta, riti u ċerimonji pompużi ġew introdotti, unuri u emolumenti dinjin ngħataw lill-​għalliema tal-​Kristjanità, u s-​Saltna taʼ Kristu fil-​biċċa l-​kbira ġiet mibdula f’saltna taʼ din id-​dinja.”

Fejn Hi l-​Kristjanità Vera?

Il-​fatti storiċi jirrivelaw il-​verità li hemm wara l-​“kobor” taʼ Kostantinu. Minflok ma ġie msejjes minn Ġesù Kristu, il-​Kap tal-​kongregazzjoni vera Kristjana, il-​Kristjaneżmu huwa parzjalment ir-​riżultat taʼ l-​espedjenza politika u l-​manuvri makakki taʼ imperatur pagan. B’mod astut ferm, Paul Johnson, kittieb taʼ l-​istorja, jistaqsi: “Ċeda l-​imperu għall-​Kristjanità, jew il-​Kristjanità pprostitwiet lilha nfisha maʼ l-​imperu?”

Dawk kollha li tassew iridu jappoġġjaw lill-​Kristjanità pura jistgħu jiġu megħjunin jirrikonoxxu lil u jassoċjaw mal-​kongregazzjoni Kristjana vera llum. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja huma verament lesti li jgħinu lil dawk taʼ qalb onesta jidentifikaw il-​Kristjanità vera u jqimu lil Alla bil-​mod li hu aċċettabbli għalih.—Ġwann 4:23, 24.

[Nota taʼ taħt]

a Id-Donatiżmu kien setta “Kristjana” tar-​rabaʼ u l-​ħames seklu E.K. Il-​membri tiegħu kienu jsostnu li l-​validità tas-​sagramenti tiddependi mill-​karattru morali tal-​ministru u li l-​knisja trid teskludi mis-​sħubija tagħha lil dawk ħatja taʼ dnub serju. L-​Arjaniżmu kien moviment “Kristjan” tar-​rabaʼ seklu li ċaħad id-​divinità taʼ Ġesù Kristu. Arjus għallem li Alla ma kienx imnissel u ma kellux bidu. L-​Iben, peress li hu mnissel, ma jistax ikun Alla fl-​istess sens li hu l-​Missier. L-​Iben ma kienx jeżisti mill-​eternità kollha imma kien maħluq u jeżisti bir-​rieda tal-​Missier.

[Kaxxa f’paġna 28]

Kostantinu u l-​Kunsill taʼ Niċea

L-​lmperatur mhux mgħammed Kostantinu liema rwol kellu fil-​Kunsill taʼ Niċea? L-​Encyclopaedia Britannica tistqarr: “Kostantinu nnifsu ppresieda, billi ggwida attivament id-​diskussjonijiet . . . Mgħaġġbin bl-​imperatur, l-​isqfijiet, b’żewġ eċċezzjonijiet biss, iffirmaw il-​kredu, ħafna minnhom ferm kontra l-​inklinazzjoni tagħhom.”

Wara xahrejn taʼ dibattitu reliġjuż furjuż, dan il-​politikant pagan interviena u ddeċieda favur dawk li qalu li Ġesù kien Alla. Imma għala? “Kostantinu bażikament ma kellu assolutament ebda fehma dwar il-​mistoqsijiet li kienu qed jiġu mistoqsijin fit-​teoloġija Griega,” tgħid A Short History of Christian Doctrine. Dak li tassew fehem kien li firda reliġjuża kienet taʼ theddida għall-​imperu tiegħu, u kien iddeterminat li jissoda lill-​imperu tiegħu.

Rigward id-​dokument finali li ġie ddraftjat f’Niċea taħt l-​awspiċji taʼ Kostantinu, Istoria tou Ellinikou Ethnous (L-lstorja tan-​Nazzjon Grieg) tosserva: “Dan juri l-​indifferenza [taʼ Kostantinu] lejn kwistjonijiet dottrinali, . . . l-​insistenza b’ras iebsa tiegħu f’li jittanta jirrestawra l-​unità ġewwa l-​knisja jiġri x’jiġri, u finalment il-​konvinzjoni tiegħu li bħala ‘isqof taʼ dawk barra l-​knisja’ kellu d-​dritt li jgħid l-​aħħar kelma dwar kwalunkwe kwistjoni reliġjuża.” Setaʼ l-​ispirtu t’Alla possibbilment ikun wara d-​deċiżjonijiet li ttieħdu f’dak il-​kunsill?—Qabbel Atti 15:28, 29.

[Kaxxa f’paġna 29]

Qtil Dinastiku

Taħt dan it-​titlu, ix-​xogħol Istorio tou Ellinifcou Ethnous (L-lstorja tan-​Nazzjon Grieg) jiddeskrivi dawk li jsejħilhom “delitti domestiċi moqżieża li wettaq Kostantinu.” Ftit wara li sejjes id-​dinastija tiegħu, hu nesa kif igawdi kisbiet mhux mistennijin u sar konxju dwar il-​perikli li ċċirkondawh. Billi kien persuna suspettuża u forsi mxewwex minn xi sikofanti, hu l-​ewwel sar suspettuż dwar neputih Liċinjus—bin wieħed ko-Awgustus li hu kien diġà qatel—bħala rival possibbli. Il-​qtil tiegħu kien segwit mill-​esekuzzjoni taʼ Krispus, l-​iben imwieled l-​ewwel taʼ Kostantinu nnifsu, li ħadet ħsiebu ommu tar-​rispett Fawsta għaliex donnu kien taʼ ostruzzjoni għall-​poter totali taʼ l-​istess nisilha.

Din l-​azzjoni taʼ Fawsta kienet finalment ir-​raġuni għall-​mewt drammatika taghħa stess. Donnu jidher li Awgusta Elena, li kellha influwenza fuq binha Kostantinu sat-​tmiem, kienet involuta f’dan il-​qtil. L-​emozzjonijiet mhux loġiċi li spiss ikkontrollaw lil Kostantinu kkontribwew ukoll għan-​numru kbir taʼ esekuzzjonijiet taʼ ħafna minn ħbiebu u sħabu. Il-​ktieb History of the Middle Ages jikkonkludi: “L-​esekuzzjoni—biex ma ngħidux il-​qtil—taʼ ibnu stess u taʼ martu tindika li hu ma ġiex effettwat minn kwalunkwe influwenza spiritwali fil-​Kristjanità.”

[Stampa f’paġna 30]

Din l-​arka fˈRuma ntużat biex tigglorifika lil Kostantinu

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 26]

Musàe du Louvre, Pariġi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja