Il-Fidi u l-Futur Tiegħek
“Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw.”—LHUD 11:1.
1. Il-biċċa l-kbira tan-nies liema tip taʼ futur iridu?
INT interessat fil-futur? Il-biċċa l-kbira tan-nies dan jinteressahom. Dak li jittamaw għalih hu futur taʼ paċi, ħelsien mill-biżaʼ, kundizzjonijiet t’għajxien diċenti, xogħol produttiv u pjaċevoli, saħħa u ħajja twila. Bla dubju kull ġenerazzjoni fl-istorja ridithom dawn l-affarijiet. U llum, f’din id-dinja li hija tant mimlija bl-inkwiet, dawn il-kundizzjonijiet huma mixtiqin iżjed minn qatt qabel.
2. Wieħed statista kif esprima ċerta ħarsa dwar il-futur?
2 Hekk kif l-umanità tersaq lejn is-seklu 21, hemm xi mod kif wieħed jistaʼ jiddetermina kif se jkun il-futur? Mod wieħed kien espress iktar minn 200 sena ilu mill-istatista Amerikan Patrick Henry. Dan qal: “Ma naf b’ebda mod ieħor kif wieħed jiġġudika l-futur ħlief permezz tal-passat.” Skond din il-ħarsa, il-futur tal-familja umana jistaʼ jsir magħruf fil-biċċa l-kbira minn dak li l-bniedem għamel fil-passat. Ħafna jaqblu maʼ dik l-idea.
Kif Kien il-Passat?
3. Ir-rekord taʼ l-istorja x’jindika rigward prospetti għall-futur?
3 Jekk il-futur se jkun jirrifletti l-passat, issib int li dan huwa inkuraġġanti? Sar il-futur aħjar matul is-sekli għall-ġenerazzjonijiet taʼ qabel? Ma tantx. Minkejja t-tamiet li kellhom in-nies għal eluf taʼ snin u minkejja l-progress materjali f’xi postijiet, l-istorja kienet u għadha mimlija b’oppressjoni, kriminalità, vjolenza, gwerer, u faqar. Din id-dinja ġarrbet gwaj wara l-ieħor, ikkaġunati fil-biċċa l-kbira minn ħakma umana xejn sodisfaċenti. Il-Bibbja tistqarr b’eżattezza: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.”—Koħèlet 8:9.
4, 5. (a) In-nies għala kienu mimlijin tama fil-bidu tas-seklu 20? (b) Xi ġralhom it-tamiet tagħhom għall-futur?
4 Il-fatt hu li l-istorja ħażina taʼ l-umanità tibqaʼ tirrepeti lilha nfisha—biss fuq skala dejjem akbar u iżjed taʼ ħsara. Dan is-seklu 20 huwa prova taʼ dan. Tgħallmet l-umanità mill-iżbalji tal-passat u evitathom? Ara, fil-bidu taʼ dan is-seklu, ħafna kienu jemmnu f’futur aħjar minħabba li kien hemm perijodu relattivament twil taʼ paċi u minħabba l-avvanzi fl-industrija, fix-xjenza, u fl-edukazzjoni. Fil-bidu tas-seklu 20, qal professur taʼ l-università, il-fehma kienet li l-gwerra ma kinitx iżjed possibbli għaliex “in-nies kienu wisq iċċivilizzati.” Wieħed li qabel kien prim ministru tal-Gran Britannja qal dwar il-ħarsa li n-nies kellhom lura f’dak iż-żmien: “Kollox kien se jsir aħjar u aħjar. Din kienet id-dinja li twelidt fiha jien.” Imma mbagħad stqarr: “F’daqqa waħda, bla mistenni, għodwa waħda fl-1914 kollox ġie fit-tmiem.”
5 Minkejja l-fidi f’futur aħjar li kienet prevalenti f’dak iż-żmien, is-seklu l-ġdid bilkemm kien għadu beda li d-dinja ma nbelgħetx mill-agħar katastrofi li qatt ħoloq il-bniedem—l-Ewwel Gwerra Dinjija. Bħala eżempju tan-natura tagħha, ikkunsidra dak li seħħ fl-1916 f’battalja waħda meta truppi Ingliżi attakkaw il-front Ġermaniż ħdejn ix-Xmara Somme fi Franza. Fi ftit sigħat biss, l-Ingliżi sofrew telfa taʼ 20,000 ruħ, u ħafna nqatlu wkoll fuq in-naħa tal-Ġermaniżi. Erbaʼ snin taʼ tbiċċir ħadu l-ħajja taʼ kważi għaxar miljun suldat u ħafna nies pajżana. Il-popolazzjoni taʼ Franza naqset fl-għadd għal xi żmien minħabba li mietu daqstant irġiel. L-ekonomiji ġġarrfu, u dan wassal għad-Dipressjoni l-Kbira tas-snin 30. Mhux taʼ b’xejn li xi wħud qalu li dak in-nhar li bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija kien il-jum li fih id-dinja ġġennet!
6. Tjiebet il-ħajja wara l-Ewwel Gwerra Dinjija?
6 Kien dan il-futur ittamat minn dik il-ġenerazzjoni? Le, ’il bogħod minn hekk. It-tamiet tagħhom tfarrku f’biċċiet; u dan kollu ma wassal għal ebda ħaġa aħjar. Wieħed u għoxrin sena biss wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, jew fl-1939, bdiet katastrofi ferm agħar ikkaġunata mill-bniedem—it-Tieni Gwerra Dinjija. Din ħadet il-ħajja taʼ xi 50 miljun—irġiel, nisa, u tfal. Bumbardamenti qawwijin taħnu bliet sħaħ. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, eluf taʼ suldati nqatlu f’battalja waħda fi ftit sigħat, fil-waqt li fit-Tieni Gwerra Dinjija, żewġ bombi atomiċi biss qatlu ’l fuq minn 100,000 ruħ fi ftit sekondi. Dak li ħafna jqisuh saħansitra ferm agħar kien il-qtil sistematiku taʼ miljuni fil-kampijiet taʼ konċentrament tan-Nazi.
7. X’inhi r-realtà taʼ dan is-seklu kollu kemm hu?
7 Diversi sorsi jistqarru li jekk ninkludu l-gwerer bejn il-ġnus, il-konflitti ċivili, u l-imwiet ikkaġunati minn gvernijiet fuq iċ-ċittadini tagħhom stess, dawk maqtulin f’dan is-seklu jammontaw għal madwar 200 miljun. Sors wieħed saħansitra jagħti l-figura taʼ 360 miljun. Immaġina l-orrur taʼ dan kollu—l-uġigħ, id-dmugħ, id-diqa, u l-ħajjiet irvinati! Maʼ dan, bejn wieħed u ieħor, madwar 40,000 ruħ, fil-biċċa l-kbira tfal, imutu kuljum minħabba raġunijiet marbutin mal-faqar. Tliet darbiet iżjed minn dak l-għadd jinqatlu kuljum bl-aborti. Ukoll, madwar biljun ruħ huma fqar wisq biex jiksbu l-ikel meħtieġ ħalli jagħmlu ġurnata xogħol normali. Dawn il-kundizzjonijiet kollha huma evidenza taʼ dak li ġie mbassar fil-profezija tal-Bibbja li qegħdin ngħixu “fl-aħħar jiem” taʼ din is-sistema t’affarijiet mill-agħar.—2 Timotju 3:1-5, 13, NW; Mattew 24:3-12; Luqa 21:10, 11; Apokalissi 6:3-8.
Ebda Soluzzjonijiet Umani
8. Il-mexxejja umani għala ma jistgħux isolvu l-problemi tad-dinja?
8 Hekk kif dan is-seklu 20 jersaq lejn it-tmiem tiegħu, nistgħu nżidu l-esperjenza tiegħu maʼ dik tas-sekli li għaddew. U xi tgħid dik l-istorja? Tgħidilna li l-mexxejja umani qatt ma solvew il-problemi ewlenin tad-dinja, li m’humiex qegħdin isolvuhom issa, u li m’humiex se jsolvuhom fil-futur. Sempliċement m’hijiex fl-abbiltà tagħhom li jipprovdu t-tip taʼ futur li rridu, ikollhom kemm ikollhom intenzjoni tajba. U xi wħud fl-awtorità ma tantx għandhom intenzjoni tajba; dawn ifittxu l-pożizzjoni u l-poter għall-għanijiet egoistiċi u materjali tagħhom stess u mhux għall-ġid taʼ oħrajn.
9. Għala hemm raġuni biex niddubitaw li x-xjenza għandha t-tweġibiet għall-problemi tal-bniedem?
9 Għandha x-xjenza t-tweġibiet? Mhux jekk nikkunsidraw il-passat. Ix-xjentisti tal-gvernijiet utilizzaw ammonti enormi taʼ flus, ħin, u sforz biex jiżviluppaw armi kimiċi, bijoloġiċi, u tipi oħrajn li huma distruttivi b’mod terribbli. Il-ġnus, inklużi dawk li m’għandhomx minn fejn, jonfqu iktar minn 700 biljun dollaru [Lm269,000,000,000] f’armamenti kull sena! Ukoll, ‘il-progress xjentifiku’ huwa responsabbli parzjalment għall-kimiċi li kkontribwew għat-tinġis taʼ l-arja, l-art, l-ilma, u l-ikel.
10. Għala lanqas saħansitra l-edukazzjoni ma tiżgura futur aħjar?
10 Nistgħu aħna nittamaw li l-istituzzjonijiet edukattivi tad-dinja se jgħinu biex jinbena futur aħjar billi jgħallmu livelli morali għoljin, konsiderazzjoni lejn ħaddieħor, u mħabba għall-proxxmu? Le. Minflok, huma jiffokaw fuq karrieri, fuq li wieħed jagħmel il-flus. Huma joħolqu spirtu kompetittiv ferm, mhux wieħed kooperattiv; u lanqas l-iskejjel ma jgħallmu l-morali. Minflok, ħafna minnhom jagħlqu għajnejhom għal-libertà sesswali, li pproduċiet żjieda enormi taʼ tqâla fost l-adolexxenti u mard trasmess sesswalment.
11. Ir-rekord taʼ intrapriżi tan-negozju kif jitfaʼ dubju fuq il-futur?
11 Se jkunu l-intrapriżi l-kbar tan-negozju tad-dinja mmotivati f’daqqa waħda biex jieħdu ħsieb sewwa tal-pjaneta tagħna u juru mħabba għal ħaddieħor billi jagħmlu prodotti li jkunu taʼ benefiċċju ġenwin u mhux sempliċement għall-qligħ? Dan ma tantx hu probabbli. Se jieqfu huma jipproduċu programmi televiżivi mimlijin vjolenza u immoralità li jikkontribwixxu biex jikkorrompu l-imħuħ tan-nies, speċjalment taż-żgħażagħ? Il-passat reċenti ma tantx huwa inkuraġġanti għaliex, fil-biċċa l-kbira, it-televiżjoni sar fossa taʼ immoralità u vjolenza.
12. X’inhi l-kundizzjoni umana rigward il-mard u l-mewt?
12 Barra minn hekk, ikunu kemm ikunu sinċieri t-tobba, dawn qatt ma jistgħu jegħlbu l-mard u l-mewt. Per eżempju, fi tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, huma ma setgħux iżommu l-influwenza Spanjola milli tinfirex; madwar id-dinja, din ħadet il-ħajja taʼ madwar 20 miljun ruħ. Illum, il-mard tal-qalb, il-kanċer, u mard ieħor li jikkaġuna l-mewt huma rampanti. Id-dinja medika lanqas ma għelbet il-pjaga moderna taʼ l-AIDS. Għall-kuntrarju, rapport tal-Ġ.M. ppubblikat f’Novembru tal-1997 ikkonkluda li r-rata li biha qed jinfirex il-virus taʼ l-AIDS hija d-doppju taʼ l-estimi taʼ qabel. Diġà mietu miljuni b’din il-marda. F’sena reċenti, tliet miljuni oħrajn ġew infettati.
Kif ix-Xhieda taʼ Jehovah Jħarsu lejn il-Futur
13, 14. (a) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif iħarsu lejn il-futur? (b) Il-bnedmin għala ma jistgħux jipproduċu futur aħjar?
13 Madankollu, ix-Xhieda taʼ Jehovah jemmnu li l-umanità għandha futur mill-isbaħ, l-aqwa wieħed li jistaʼ jkollha! Imma ma jistennewx li dak il-futur aħjar ġej permezz taʼ l-isforzi umani. Minflok, huma jħarsu lejn il-Ħallieq, Alla Jehovah. Hu jaf kif se jkun il-futur, u dan se jkun wieħed meraviljuż! Jaf ukoll li l-bnedmin ma jistgħux jipproduċu futur bħal dan. Ladarba Alla ħalaqhom, hu jaf il-limitazzjonijiet tagħhom ferm iktar milli jafhom ħaddieħor. Fil-Kelma tiegħu, hu jgħidilna ċar li ma ħalaqx lill-bnedmin bl-abbiltà li jiggvernaw b’suċċess mingħajr gwida divina. Il-perijodu twil li fih Alla ppermetta li l-bniedem jaħkem indipendenti minnu wera mingħajr ebda dubju dik l-inabbiltà. Wieħed awtur irrikonoxxa: “Il-moħħ tal-bniedem ipprova jikkombina kull għamla taʼ sovranità possibbli, u kollu għalxejn.”
14 F’Ġeremija 10:23, naqraw il-kliem tal-profeta ispirat: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” Ukoll, Salm 146:3 jistqarr: “La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx.” Fil-fatt, peress li aħna mwelldin imperfetti, kif juri Rumani 5:12, il-Kelma t’Alla twissina biex lanqas ma nafdaw fina nfusna. Ġeremija 17:9 jgħid:“Qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra.” B’hekk, Proverbji 28:26 jiddikjara: “Min jafda fih innifsu hu iblah, imma min jimxi fit-triq taʼ l-għerf jimxi fis-sod.”
15. Fejn nistgħu nsibu l-għerf biex jiggwidana?
15 Fejn nistgħu nsibuh dan l-għerf? “Il-biżaʼ tal-Mulej hu l-bidu taʼ l-għerf, u li tagħraf lill-Qaddis hu d-dehen.” (Proverbji 9:10) Jehovah biss għandu l-għerf li jistaʼ jiggwidana biex ngħaddu minn dawn iż-żminijiet tal-biżaʼ. U tana aċċess għall-għerf tiegħu permezz taʼ l-Iskrittura Mqaddsa, li nebbaħ għall-gwida tagħna.—Proverbji 2:1-9; 3:1-6; 2 Timotju 3:16, 17.
Il-Futur tal-Ħakma Umana
16. Min iddeterminah il-futur?
16 Allura, il-Kelma t’Alla x’tgħidilna dwar il-futur? Tgħidilna li l-futur ċertament m’huwiex se jirrifletti dak li l-bnedmin għamlu fil-passat. Mela l-ħarsa taʼ Patrick Henry kienet żbaljata. Il-futur taʼ din id-dinja u tan-nies li hawn fuqha se jiġi ddeterminat, mhux mill-bnedmin, imma minn Alla Jehovah. Ir-rieda tiegħu se tintgħamel fuq l-art, mhux ir-rieda taʼ xi bnedmin jew xi ġnus taʼ din id-dinja. “Wieħed jistaʼ jfassal ħafna ħsibijiet, imma dak li jseħħ hu l-ħsieb tal-Mulej.”—Proverbji 19:21.
17, 18. X’inhi r-rieda t’Alla għal żmienna?
17 X’inhi r-rieda t’Alla għal żmienna? Hu għamlu l-iskop tiegħu li jġib fit-tmiem lil din is-sistema t’affarijiet vjolenti u immorali. Ħakma magħmula minn Alla dalwaqt se tieħu post l-irrenjar ħażin tal-bnedmin li ilu sekli sħaħ. Il-profezija li nsibu f’Danjel 2:44 tistqarr: “Fi żmien dawn is-slaten [li jeżistu llum], Alla tas-sema jqajjem saltna [fis-sema] li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Is-Saltna se tneħħi wkoll l-influwenza mill-agħar taʼ Satana x-Xitan, xi ħaġa li l-bnedmin qatt ma jistgħu jagħmlu. Il-ħakma tiegħu fuq din id-dinja se tispiċċa darba għal dejjem.—Rumani 16:20; 2 Korintin 4:4; 1 Ġwann 5:19.
18 Innota li l-gvern tas-sema se jelimina kompletament kull għamla taʼ ħakma umana. L-iggvernar taʼ din id-dinja ma jitħalliex f’idejn in-nies. Fis-sema, dawk li jifformaw is-Saltna t’Alla se jikkontrollaw l-affarijiet kollha taʼ l-art għall-ġid taʼ l-umanità. (Apokalissi 5:10; 20:4-6) Fuq l-art, bnedmin leali se jikkooperaw mad-direttivi tas-Saltna t’Alla. Din hija l-ħakma li Ġesù għallimna nitolbu għaliha meta qal: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.”—Mattew 6:10.
19, 20. (a) Il-Bibbja kif tiddeskrivih l-arranġament tas-Saltna? (b) X’se tagħmel il-ħakma tagħha għall-umanità?
19 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jpoġġu l-fidi tagħhom fis-Saltna t’Alla. Din hija s-“smewwiet ġodda” li l-appostlu Pietru kiteb dwarhom: “Aħna, skond il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) L-“art ġdida” hija s-soċjetà ġdida umana li se tkun iggvernata mis-smewwiet ġodda, is-Saltna t’Alla. Dan huwa l-arranġament li Alla rrivela f’viżjoni lill-appostlu Ġwanni, li kiteb: “Rajt sema ġdida u art ġdida, għax is-sema taʼ qabel u l-art taʼ qabel għabu . . . Hu [Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:1, 4.
20 Innota li l-art ġdida se tkun waħda taʼ tjieba. L-elementi kollha li m’humiex tajbin se jkunu tneħħew permezz taʼ att minn Alla, il-battalja taʼ Armageddon. (Apokalissi 16:14, 16) Il-profezija fi Proverbji 2:21, 22 tpoġġiha b’dan il-mod: “It-tajbin jgħammru fl-art, u n-nies sewwa joqogħdu fiha; imma l-ħżiena mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.” U Salm 37:9 jwiegħed: “Il-ħżiena jitqaċċtu ’l barra; min jittama fil-Mulej jikseb l-art.” Ma tixtieqx int tgħix f’dinja ġdida bħal din?
Qiegħed il-Fidi Tiegħek fil-Wegħdi taʼ Jehovah
21. Għala nistgħu nqiegħdu l-fidi tagħna fil-wegħdi taʼ Jehovah?
21 Nistgħu aħna nqiegħdu l-fidi tagħna fil-wegħdi taʼ Jehovah? Agħti widen għal dak li hu jistqarr permezz tal-profeta tiegħu Isaija: “Ftakru fl-ibgħad żminijiet, għax jien hu Alla, u ħadd ħliefi m’hemm. Jien Alla u m’hemm ħadd bħali. Sa mill-bidu ngħarraf it-tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx, u ngħid: ‘Il-ħsieb tiegħi għad iseħħ, u nagħmel kull ma rrid.’” L-aħħar parti taʼ vers 11 tgħid: “Hekk tkellimt u hekk nagħmel; hekk iddeċidejt, u nagħmel hekk.” (Isaija 46:9-11) Iva, jistaʼ jkollna fidi f’Jehovah u fil-wegħdi tiegħu daqs li kieku dawk il-wegħdi diġà seħħew. Il-Bibbja tesprimiha b’dan il-mod: “Il-fidi hija pedament [“l-istennija assigurata,” NW] tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx.”—Lhud 11:1.
22. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jwettaq il-wegħdi tiegħu?
22 Nies umlin juru fidi bħal din għaliex jafu li Alla se jwettaq il-wegħdi tiegħu. Per eżempju, f’Salm 37:29 naqraw: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” Nistgħu nemmnuh dan? Iva, għaliex Lhud 6:18 jgħid: “Alla ma jigdibx.” Huwa Alla sid l-art, sabiex ikun jistaʼ jagħtiha lin-nies umlin? Apokalissi 4:11 jiddikjara: “Int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek.” B’hekk, Salm 24:1 jgħid: “Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha.” Jehovah ħalaq l-art, hu sidha, u jagħtiha lil dawk li għandhom fidi fih. Biex jgħinna nibnu l-fiduċja tagħna f’dan, l-artiklu li jmiss se juri kif Jehovah żamm il-wegħdi tiegħu man-nies tiegħu fil-passat kif ukoll fi żmienna u għala jistaʼ jkollna fiduċja assoluta li se jagħmel hekk fil-futur.
Punti għal Reviżjoni
◻ Xi ġralhom it-tamiet tan-nies matul l-istorja?
◻ Għala m’għandniex inħarsu lejn il-bnedmin għal futur aħjar?
◻ X’inhi r-rieda t’Alla rigward il-futur?
◻ Għala aħna fiduċjużi li Alla se jwettaq il-wegħdi tiegħu?
[Stampa f’paġna 10]
Il-Bibbja tistqarr b’eżattezza: “Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh . . . [biex] jiddirieġi l-passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23
[Sors]
Bomba: ritratt tal-U.S. National Archives; tfal imġewħin: WHO/OXFAM; refuġjati: RITRATT ĠM 186763/J. Isaac; Mussolini u Hitler: ritratt tal-U.S. National Archives