Jehovah Jwettaq il-Wegħdi Tiegħu lil Dawk Leali
“Taʼ kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda.”—LHUD 10:23.
1, 2.Għala jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa fil-wegħdi taʼ Jehovah?
JEHOVAH jitlob li l-qaddejja tiegħu jiżviluppaw u jżommu fidi sħiħa fih u fil-wegħdi tiegħu. B’fidi bħal din wieħed jistaʼ jafda kompletament f’Jehovah biex jagħmel dak li wiegħed li se jagħmel. Il-Kelma ispirata tiegħu tiddikjara: “Ħalef il-Mulej taʼ l-eżerċti u qal: ‘Bħalma ħsibt jien hekk jiġri; bħalma jien iddeċidejt, hekk isir.’”—Isaija 14:24.
2 L-istqarrija, “Ħalef il-Mulej taʼ l-eżerċti,” turi li hu jagħti l-ħalfa solenni tiegħu li se jwettaq il-wegħdi tiegħu. Huwa għalhekk li l-Kelma tiegħu tistaʼ tgħidilna: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:5, 6) Meta nafdaw f’Jehovah u nħallu lilna nfusna niġu ggwidati mill-għerf tiegħu, il-mogħdijiet tagħna bla ma jonqsu se jwasslu għall-ħajja taʼ dejjem, għax l-għerf t’Alla “hu siġra tal-ħajja għal min iħaddnu.”—Proverbji 3:18; Ġwann 17:3.
Fidi Vera fi Żmien il-Qedem
3. Noè kif wera fidi f’Jehovah?
3 Ir-rekord taʼ l-atti taʼ Jehovah lejn dawk b’fidi vera jixhed kemm hu taʼ min joqgħod fuqu. Per eżempju, ’il fuq minn 4,400 sena ilu, Alla qal lil Noè li d-dinja taʼ żmienu kellha tinqered f’Dilluvju globali. Hu istruwixxa lil Noè biex jibni arka enormi ħalli tiġi ppreservata l-ħajja umana u dik taʼ l-annimali. X’għamel Noè? Lhud 11:7 jgħidilna: “Kien minħabba fil-fidi tiegħu li Noè, mgħarraf minn Alla dwar ħwejjeġ li kienu għadhom ma jidhrux, mimli b’biżaʼ qaddis bena arka biex isalva l-familja tiegħu.” Noè għala kellu fidi f’xi ħaġa li qatt ma kienet ġrat qabel, “ħwejjeġ li kienu għadhom ma jidhrux”? Għax kellu biżżejjed għarfien dwar kif Alla kien ittratta qabel mal-familja umana biex japprezza li dak kollu li jgħid Alla jseħħ. Għalhekk, Noè kien fiduċjuż li d-Dilluvju wkoll kien se jseħħ.—Ġenesi 6:9-22.
4, 5. Abraham għala kellu fiduċja sħiħa f’Jehovah?
4 Abraham hu eżempju ieħor taʼ fidi vera. Kważi 3,900 sena ilu, Alla qallu biex jissagrifika lil Iżakk, l-uniku iben li kellu minn martu, Sara. (Ġenesi 22:1-10) Kif irreaġixxa Abraham? Lhud 11:17 jistqarr: “Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu.” Madankollu, fl-aħħar mument, l-anġlu taʼ Jehovah waqqaf lil Abraham. (Ġenesi 22:11, 12) Iżda, kif setaʼ Abraham saħansitra jikkunsidra li jagħmel ħaġa bħal din? Għax, bħalma jgħid Lhud 11:19, “huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem [lil Iżakk] mill-mewt.” Imma kif setaʼ Abraham ikollu fidi f’irxoxt meta qatt ma kien ra ħaġa bħal din u qatt ma kien ġie rrapportat li kienet saret qabel?
5 Ftakar, Sara kellha 89 sena meta Alla wegħedhom iben. Il-ġuf taʼ Sara ma kienx għadu jistaʼ jipproduċi—kien mejjet, biex ngħidu hekk. (Ġenesi 18:9-14) Alla reġaʼ ta l-ħajja lill-ġuf taʼ Sara, u welldet lil Iżakk. (Ġenesi 21:1-3) Abraham kien jaf li ladarba Alla kien ta l-ħajja mill-ġdid lill-ġuf mejjet taʼ Sara, allura setaʼ wkoll jagħti l-ħajja mill-ġdid lil Iżakk jekk ikun hemm bżonn. Rumani 4:20, 21 jgħid dwar Abraham: “Quddiem il-wegħda taʼ Alla ma qagħadx itallaʼ u jniżżel jekk jemminx jew le, imma ssaħħaħ fil-fidi, filwaqt li gglorifika lil Alla u żamm bis-sħiħ li min kien għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu.”
6. Ġożwè kif esprima fiduċja f’Jehovah?
6 Iktar minn 3,400 sena ilu meta Ġożwè kien qabeż il-mitt sena u wara għomor sħiħ li fih esperjenza kemm Alla hu taʼ min jafdah, dan ta din ir-raġuni għall-fiduċja tiegħu: “Kunu afu b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li ebda waħda mill-wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-xejn!”—Ġożwè 23:14.
7, 8. Kristjani leali liema korsa t’azzjoni li ssalva l-ħajja ħadu fl-ewwel seklu, u għala?
7 Madwar 1,900 sena ilu, ħafna nies umlin urew fidi vera. Huma rrealizzaw mit-twettiq tal-profezija tal-Bibbja li Ġesù kien il-Messija u aċċettaw it-tagħlim tiegħu. Billi kellhom bażi solida fil-fatti u fl-Iskrittura Ebrajka, huma qiegħdu l-fidi tagħhom f’dak li għallem Ġesù. B’hekk, meta Ġesù qal li l-ġudizzju t’Alla kien ġej kontra l-Lhudija u Ġerusalemm minħabba l-infedeltà tagħhom, huma emmnuh. U meta qalilhom liema korsa t’azzjoni riedu jieħdu biex isalvaw ħajjithom, semgħu minnu.
8 Ġesù qal lill-kredenti li meta Ġerusalemm tkun imdawra bl-armati, huma kellhom jaħarbu. Armati Rumani fil-fatt ġew kontra Ġerusalemm fis-sena 66 E.K. Imma mbagħad ir-Rumani telqu minħabba xi raġuni mhux magħrufa. Dak kien is-sinjal għall-Kristjani biex jabbandunaw il-belt, għax Ġesù kien qal: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-rabaʼ.” (Luqa 21:20, 21) Dawk b’fidi vera abbandunaw lil Ġerusalemm u l-inħawi taʼ madwar u ħarbu lejn is-sigurtà.
Konsegwenzi taʼ Nuqqas taʼ Fidi
9, 10. (a) Il-mexxejja reliġjużi kif urew in-nuqqas taʼ fidi tagħhom f’Ġesù? (b) X’kienu l-konsegwenzi taʼ dak in-nuqqas taʼ fidi?
9 X’għamlu dawk li ma kellhomx fidi vera? Ma ħarbux meta ġiethom l-okkażjoni. Ħasbu li l-mexxejja tagħhom setgħu jsalvawhom. Madankollu, dawk il-mexxejja u s-segwaċi tagħhom ukoll kellhom l-evidenza li Ġesù kien il-Messija. Allura għala m’aċċettawx dak li qal? Minħabba l-kundizzjoni mill-agħar taʼ qlubhom. Din dehret ċar iktar kmieni meta huma raw lil ħafna min-nies komuni jmorru bi ħġarhom għand Ġesù wara li rxoxta lil Lazzru. Ġwann 11:47, 48 jirrakkonta: “Il-qassisin il-kbar u l-Fariżej laqqgħu s-Sinedriju [il-qorti superjuri Lhudija] u qalu: ‘X’sejrin nagħmlu? Għax dan il-bniedem [Ġesù] qiegħed jagħmel ħafna sinjali. Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jemmen fih, u jiġu r-Rumani, u jeqirdulna kemm it-tempju u kemm il-ġens tagħna.’” Vers 53 jgħid: “Minn dak in-nhar ’il quddiem bdew jiftiehmu bejniethom biex joqtluh.”
10 X’miraklu taʼ l-għaġeb Ġesù kien wettaq—ġab lil Lazzru lura mill-mewt! Imma l-mexxejja reliġjużi riedu jagħtu l-mewt lil Ġesù talli għamel dan. Il-ħażen mill-agħar tagħhom deher iktar ċar meta l-“qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f’Ġesù.” (Ġwann 12:10, 11) Lazzru kien għadu kif ġie mqajjem mill-imwiet, u dawk il-qassisin riedu jarawh mejjet mill-ġdid! Ma kienx jimpurtahom mir-rieda t’Alla jew mill-benesseri tan-nies. Kienu egoisti, moħħhom biss fil-pożizzjonijiet u l-vantaġġi tagħhom. “Għalihom kienet aktar għażiża l-glorja tal-bnedmin mill-glorja taʼ Alla.” (Ġwann 12:43) Imma ħallsu qares għan-nuqqas taʼ fidi tagħhom. Fis-sena 70 E.K., armati Rumani ġew lura u qerdulhom posthom u ġenshom, kif ukoll qerdu lil ħafna minnhom.
Fidi Murija fi Żmienna
11. Kmieni f’dan is-seklu, kif intweriet il-fidi vera?
11 F’dan is-seklu wkoll kien u għad hawn ħafna rġiel u nisa taʼ fidi vera. Per eżempju, lura fil-bidu tas-seklu 20, in-nies inġenerali kienu qegħdin jantiċipaw futur prosperuż, mimli paċi. F’dak l-istess żmien, dawk li qiegħdu l-fidi tagħhom f’Jehovah kienu qegħdin iħabbru li l-umanità kienet waslet biex tidħol fl-agħar żmien taʼ inkwiet li qatt kienet rat. Dan huwa dak li kien imbassar fil-Kelma t’Alla f’Mattew kapitlu 24, fit-2 Timotju kapitlu 3, u f’postijiet oħrajn. Dak li qalu dawk in-nies taʼ fidi attwalment ġara, b’seħħ mill-1914 meta bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Id-dinja tabilħaqq daħlet “fl-aħħar jiem” li kienu mbassrin bi “żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1, NW) Il-qaddejja taʼ Jehovah għala kienu jafu l-verità dwar il-kundizzjonijiet dinjin lura f’dak iż-żmien meta oħrajn ma kinux? Għax, bħal Ġożwè, kellhom fidi li lanqas kelma waħda taʼ Jehovah ma kienet se tfalli.
12. Illum, il-qaddejja taʼ Jehovah liema wegħda tiegħu jafdaw bis-sħiħ?
12 Illum, il-qaddejja taʼ Jehovah, li jpoġġu l-fiduċja tagħhom fih, ilaħħqu kważi sitt miljuni madwar id-dinja kollha. Huma jafu mill-evidenza bi twettiq tal-kelma profetika t’Alla li hu dalwaqt se jġib fi tmiem lil din is-sistema t’affarijiet vjolenti u immorali. Għalhekk, huma fiduċjużi li ż-żmien huwa qrib meta se jaraw it-twettiq taʼ l-1 Ġwann 2:17, li jgħid: “U d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” Il-qaddejja taʼ Jehovah fiduċjużi bis-sħiħ li hu se jwettaq din il-wegħda.
13. Sa liema punt tistaʼ tafdah lil Jehovah?
13 Sa liema punt tistaʼ tafda lil Jehovah? Tistaʼ tafdah b’għajnejk magħluqa! Saħansitra jekk titlef ħajtek issa talli taqdi lilu, hu se jagħtik lura ħajja ferm aħjar fl-irxoxt. Ġesù jiżgurana: “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra [jiġifieri, fil-memorja t’Alla] jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwann 5:28, 29) Taf int b’xi tabib, xi mexxej politiku, xi xjentist, xi negozjant, jew xi bniedem ieħor li jistaʼ jagħmel dan? Ir-rekord tagħhom tal-passat juri li ma jistgħux. Jehovah jistaʼ, u hekk se jagħmel!
Futur Meraviljuż għal Uħud Leali
14. Il-Kelma t’Alla liema futur meraviljuż twiegħed lil dawk leali?
14 Ġesù indika ċ-ċertezza taʼ dinja ġdida taħt is-Saltna t’Alla mis-sema, meta qal: “Henjin taʼ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.” (Mattew 5:5) Dan saħħaħ mill-ġdid il-wegħda t’Alla li nsibu f’Salm 37:29: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” U preċiż qabel il-mewt tiegħu meta wieħed kriminal esprima fidi fih, Ġesù qal lil dak ir-raġel: “Tkun fil-Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43) Iva, bħala Sultan tas-Saltna t’Alla, Ġesù se jieħu ħsieb li dan ir-raġel jiġi rxoxtat għall-ħajja fuq l-art bl-opportunità li jgħix għal dejjem f’dik il-Ġenna. Illum, dawk li jqiegħdu l-fidi tagħhom fis-Saltna taʼ Jehovah jistgħu wkoll iħarsu ’l quddiem lejn li jgħixu fil-Ġenna meta “[Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.”—Apokalissi 21:4.
15, 16. Il-ħajja għala se tkun tant mimlija paċi fid-dinja l-ġdida?
15 Ejjew nipproġettaw moħħna ’l quddiem lejn dik id-dinja ġdida. Immaġina li diġà qegħdin ngħixu fiha. Immedjatament, kull fejn indawru wiċċna, ma nistgħux ma ninnotawx lin-nies henjin li qegħdin jgħammru flimkien f’paċi totali. Qegħdin igawdu kundizzjonijiet simili għal dawk deskritti f’Isaija 14:7: “Issa li strieħet u kkwitat l-art kollha, nfexxew f’għajat taʼ ferħ.” Għala qegħdin iġibu ruħhom hekk? L-ewwelnett, innota li l-bibien tad-djar m’għandhomx serraturi. M’hemmx bżonnhom, ladarba m’hemmx kriminalità jew vjolenza. Huwa preċiż bħalma l-Kelma t’Alla qalet li kellu jiġri: “Kull wieħed jinsab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom.”—Mikea 4:4.
16 Lanqas m’hawn iktar gwerer, għax f’din id-dinja ġdida, il-gwerer huma illegali. L-armamenti kollha ġew mibdulin fi strumenti taʼ paċi. Fil-veru sens tal-kelma twettaq Isaija 2:4: “Huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.” Imma, wara kollox, dak huwa eżatt li stennejna aħna! Għala? Għax ħafna abitanti tad-dinja l-ġdida tgħallmu jagħmlu dan waqt li kienu jaqdu lil Alla fid-dinja l-qadima.
17. Taħt is-Saltna t’Alla liema kundizzjonijiet t’għajxien se jkun hawn?
17 Ħaġa oħra li tinnota hi li m’hemmx faqar. Ħadd ma jgħix f’xi kerrejja żdingata u maħmuġa jew jilbes imċerċer jew m’għandux fejn joqgħod. Kulħadd għandu dar komda u propjetà miżmuma tajjeb b’siġar u fjuri sbieħ. (Isaija 35:1, 2; 65:21, 22; Eżekjel 34:27) U m’hemmx ġuħ għax Alla wettaq il-wegħda tiegħu li kellu jkun hemm ikel abbundanti għal kulħadd: “Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet taʼ l-għoljiet.” (Salm 72:16) Tabilħaqq, taħt il-gwida tas-Saltna t’Alla, ġenna glorjuża tinsab mifruxa maʼ l-art kollha, sewwa sew bħalma kien l-iskop t’Alla lura f’Għeden.—Ġenesi 2:8.
18. Fid-dinja l-ġdida liema affarijiet m’humiex se jibqgħu jheddu lin-nies?
18 Timmeravilja ruħek ukoll bl-enerġija vigoruża li għandhom in-nies kollha. Dan hu għax issa għandhom iġsma u mħuħ perfetti. M’hemmx iktar mard, uġigħ, jew mewt. Ħadd ma qiegħed f’xi siġġu tar-roti jew f’xi sodda taʼ sptar. Dan kollu spiċċa darba għal dejjem. (Isaija 33:24; 35:5, 6) Iva, ebda annimal m’hu taʼ theddida lanqas, għax dawn intgħamlu paċifiċi permezz tal-qawwa t’Alla!—Isaija 11:6-8; 65:25; Eżekjel 34:25.
19. Kull ġurnata fid-dinja l-ġdida għala se tkun waħda t’‘għaxqa’?
19 X’ċivilizzazzjoni meraviljuża jifformaw l-abitanti leali taʼ din id-dinja ġdida! L-enerġiji u l-kapaċitajiet tagħhom u l-għana taʼ l-art huma ddedikati għal interessi pożittivi, mhux għal skopijiet taʼ ħsara; biex ikun hemm kooperazzjoni, mhux kompetizzjoni, maʼ oħrajn. U maʼ kulmin tiltaqaʼ tistaʼ tafdah għax, bħalma wiegħed Alla, kulħadd ‘ikun mgħallem mill-Mulej.’ (Isaija 54:13) Ladarba kulħadd hu ggvernat mil-liġijiet t’Alla, “mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.” (Isaija 11:9) Verament, kull ġurnata f’din id-dinja ġdida hija dak li Salm 37:11 qal li kellha tkun, waħda t’‘għaxqa.’
Futur Hieni Ggarantit
20. X’irridu nagħmlu biex ingawdu futur mimli paċi?
20 X’irridu nagħmlu biex inkunu parti minn dak il-futur hieni? Isaija 55:6 jgħidilna: “Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejjħulu sakemm hu fil-qrib!” U hekk kif infittxu, l-attitudni tagħna għandha tkun bħal dik deskritta f’Salm 143:10: “Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek, għax int Alla tiegħi.” Dawk li jagħmlu hekk jistgħu jimxu bla ħtija quddiem Jehovah matul dawn l-aħħar jiem u jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn futur mill-isbaħ. “Ħares lejn dak li hu bla ħtija u żomm lir-rett taħt ħarstek, għax il-futur taʼ dak ir-raġel se jkun mimli paċi. Imma dawk infushom li jiksru l-liġi ċertament li se jinqerdu għalkollox flimkien; il-futur tan-nies mill-agħar tabilħaqq li se jinqataʼ.”—Salm 37:37, 38, NW.
21, 22. Alla x’inhu jifforma llum, u kif se jitwettaq it-taħriġ?
21 Minn issa stess Jehovah qiegħed isejjaħ minn kull ġens lil dawk li jridu jagħmlu r-rieda tiegħu. Qiegħed jifformahom bħala l-pedament tas-soċjetà l-ġdida tiegħu fuq l-art, bħalma bassret il-profezija tal-Bibbja: “Fl-aħħar jiem [iż-żmien li ngħixu fih issa] . . . kotra taʼ popli għad jiġu u jgħidu: ‘Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej [il-qima vera u elevata tiegħu] . . . biex jgħallimna triqatu, u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.’”—Isaija 2:2, 3.
22 Apokalissi 7:9 jiddeskrivi lil dawn bħala “kotra kbira . . . minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” Vers 14 jistqarr: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir,” billi jibqgħu ħajjin fit-tmiem tas-sistema preżenti. Dan il-pedament għad-dinja l-ġdida issa laħaq kważi s-sitt miljuni, b’ħafna wħud ġodda li jsiru parti minnu kull sena. Dawn il-qaddejja leali t’Alla kollha qegħdin jiġu mħarrġin għall-ħajja fid-dinja l-ġdida tiegħu. Qegħdin jitgħallmu s-snajjaʼ spiritwali u oħrajn meħtiġin biex jittrasformaw din l-art f’ġenna. U huma fiduċjużi bis-sħiħ li dik il-Ġenna se ssir realtà għax “taʼ kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda.”—Lhud 10:23.
Punti għal Reviżjoni
◻ Nuqqas taʼ fidi liema konsegwenzi ġab fl-ewwel seklu?
◻ Il-qaddejja t’Alla sa liema punt jistgħu jafdawh?
◻ Liema futur hemm maħżun għal uħud leali?
◻ X’irridu nagħmlu biex niżguraw futur hieni għalina nfusna fid-dinja l-ġdida t’Alla?
[Stampa f’paġna 18]
Minn issa stess Jehovah qiegħed jifforma l-pedament taʼ soċjetà ġdida fuq l-art