LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 1/1 pp. 11-20
  • “Qawwu Qalbkom”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Qawwu Qalbkom”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Eżempju t’Abraham f’Dik li Hi Fidi
  • Nagħtu Widen għal Dak li Jgħid Alla
  • Nitkellmu m’Alla
  • Rekord taʼ Fidi Llum
  • Ikkultiva l-​Fidi Llum
  • Tama li Dalwaqt se Titwettaq
  • Ġeħova sejjaħlu “l-ħabib tiegħi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Għandek Fidi Bħal Dik t’Abraham?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “Ngħixu bil-Fidi u Mhux bil-Viżjoni”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Abraham u Sara—Int Tistaʼ Timita l-Fidi Tagħhom!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 1/1 pp. 11-20

“Qawwu Qalbkom”

“Tassew li teħtieġu s-​sabar biex tagħmlu [“wara li tkunu għamiltu,” Saydon] r-​rieda taʼ Alla u tiksbu dak li hu wiegħed.”—Lhud 10:36.

1, 2. (a) Xi ġralhom għadd taʼ Kristjani fl-​ewwel seklu? (b) Għala huwa faċli li tiddgħajfilna l-​fidi?

MILL-​KITTIEBA kollha tal-​Bibbja, ħadd ma semma l-​fidi iktar mill-​appostlu Pawlu. U taʼ spiss, hu tkellem dwar dawk li l-​fidi tagħhom kienet iddgħajfet jew mietet. Per eżempju, Imeni u Alessandru “tfarrku fil-​fidi.” (1 Timotju 1:19, 20) Peress li Dema “ħabb aktar lid-​dinja,” hu abbandunah lil Pawlu. (2 Timotju 4:10) Xi wħud bl-​azzjonijiet mhux Kristjani u irresponsabbli tagħhom ‘ċaħdu l-​fidi.’ Oħrajn ġew imqarrqin b’għerf falz u “tbiegħdu mill-​fidi.”—1 Timotju 5:8; 6:20, 21.

2 Dawk il-​Kristjani midlukin għala ma rnexxewx f’dawn il-​modi? Ikkunsidra ftit, “il-​fidi hija pedament [“l-​istennija assigurata,” NW] tal-​ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-​prova tal-​ħwejjeġ li ma narawx.” (Lhud 11:1) Aħna neżerċitaw fidi f’dak li ma narawx. M’għandniex bżonnha għal affarijiet li nistgħu naraw. Huwa iktar faċli li wieħed jaħdem għall-​ġid viżibbli milli għal rikkezzi spiritwali li ma jidhrux. (Mattew 19:21, 22) Bosta affarijiet li jidhru​—bħal ngħidu aħna “l-​ġibda tal-​ġisem u l-​ġibda taʼ l-​għajnejn”—​malajr jogħġbu lill-​ġisem imperfett tagħna u jistgħu jdgħajfulna l-​fidi.—1 Ġwann 2:16.

3. Kristjan liema tip taʼ fidi għandu jikkultiva?

3 Madankollu, Pawlu jgħid, “kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh [“bis-​serjetà,” NW].” Mosè kellu fidi bħal din. Hu “ħares ’il quddiem lejn il-​ħlas” u “żamm iebes, daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx.” (Lhud 11:6, 24, 26, 27) Kristjan jeħtieġ dan it-​tip taʼ fidi. Bħalma ġie nnotat fl-​artiklu taʼ qabel, Abraham kien eżempju mill-​aħjar f’dan.

L-​Eżempju t’Abraham f’Dik li Hi Fidi

4. Il-​korsa tal-​ħajja t’Abraham kif kienet effettwata mill-​fidi tiegħu?

4 Abraham kien Ur meta saritlu l-​wegħda minn Alla li kellu jsir missier żerriegħa li kellha tkun barka għan-​nies tal-​ġnus kollha. (Ġenesi 12:1-3; Atti 7:2, 3) Fuq il-​bażi taʼ din il-​wegħda, Abraham obda lil Jehovah, billi l-​ewwel mar Ħaran u mbagħad Kangħan. Hemmhekk, Jehovah wegħdu li jagħti l-​art liż-​żerriegħa t’Abraham. (Ġenesi 12:7; Neħemija 9:7, 8) Madankollu, ħafna minn dak li Jehovah wiegħed kellu jitwettaq wara l-​mewt t’Abraham. Per eżempju, Abraham innifsu qatt ma ppossieda xi biċċa art f’Kangħan​—ħlief l-​għar taʼ Makfela, li kien xtara bħala post għad-​dfin. (Ġenesi 23:1-20) Xorta waħda, hu kellu fidi fil-​kelma taʼ Jehovah. Imma fuq kollox, kellu fidi f’“belt [futura] mibnija fis-​sod, li l-​imgħallem u l-​bennej tagħha huwa Alla.” (Lhud 11:10) Din il-​fidi sostnietu matul ħajtu kollha.

5, 6. Il-​fidi t’Abraham b’liema mod ġiet ittestjata fejn għandha x’taqsam il-​wegħda taʼ Jehovah?

5 Dan jidher speċjalment fejn għandha x’taqsam il-​wegħda li ż-​żerriegħa t’Abraham kellha ssir ġens kbir. Sabiex dan jiġri, Abraham kien jeħtieġ li jkollu iben, u stenna għal żmien twil biex jitbierek b’wieħed. Ma nafux kemm kellu żmien meta samaʼ l-​wegħda t’Alla għall-​ewwel darba, imma meta għamel il-​vjaġġ twil lejn Ħaran, Jehovah kien għadu ma tahx iben. (Ġenesi 11:30) Kien ilu żmien biżżejjed f’Ħaran biex ‘kiseb ġid u nies,’ u meta telaq lejn Kangħan, kellu 75 sena u Sarah kellha 65. Xorta waħda, kien għad ma kellhom ebda iben. (Ġenesi 12:4, 5) Meta Sarah kellha madwar 75 sena, waslet għall-​konklużjoni li issa kienet xiħa wisq biex tagħti iben lil Abraham. Għaldaqstant, skond id-​drawwa taʼ dak iż-​żmien, hi tat lill-​irsira tagħha, Ħagar, lil Abraham, u hu kellu iben minnha. Imma dan ma kienx l-​iben imwiegħed. Ħagar u binha, Ismagħel, maż-​żmien tkeċċew. Xorta waħda, Abraham talab għalihom, u Jehovah wiegħed li jbierek lil Ismagħel.—Ġenesi 16:1-4, 10; 17:15, 16, 18-20; 21:8-21.

6 Meta Alla ra li kien il-​waqt​—żmien twil ġmielu wara li kienu semgħu bil-​wegħda għall-​ewwel darba—​Abraham li kellu 100 sena, u Sarah li kellha 90, kellhom tarbija tifel, Iżakk. Min jaf kemm baqgħu miblugħin! Għal din il-​koppja anzjana, kien bħallikieku sar irxoxt meta ġisimhom “mejjet” iġġenera ħajja ġdida. (Rumani 4:19-21) L-​istennija kienet twila, imma meta fl-​aħħar il-​wegħda twettqet, kien vallapena li stennew.

7. Il-​fidi kif inhi konnessa mas-​sabar?

7 L-​eżempju t’Abraham ifakkarna li l-​fidi m’għandhiex tkun sempliċement għal perijodu qasir. Pawlu għamel konnessjoni bejn il-​fidi u s-​sabar meta kiteb: “Tassew li teħtieġu s-​sabar biex tagħmlu [“wara li tkunu għamiltu,” Saydon] r-​rieda taʼ Alla u tiksbu dak li hu wiegħed. . . . Aħna m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu; aħna minn dawk li jemmnu, biex insalvaw.” (Lhud 10:36-39) Ħafna stennew żmien twil għat-​twettiq tal-​wegħda. Xi wħud stennew għomorhom kollu. Il-​fidi soda tagħhom sostniethom. U huma, bħal Abraham, se jirċevuh il-​premju meta Jehovah jara li jkun il-​waqt.—Ħabakkuk 2:3.

Nagħtu Widen għal Dak li Jgħid Alla

8. Illum kif nagħtu widen lil Alla, u dan għala se jsaħħilna l-​fidi?

8 Minn taʼ l-​inqas kien hemm erbaʼ affarijiet li saħħew il-​fidi t’Abraham, u l-​istess affarijiet jistgħu jgħinu lilna. L-​ewwel, hu wera ‘t-​twemmin tiegħu li Alla jeżisti’ billi ta kas meta tkellem Jehovah. B’hekk, hu kien differenti mil-​Lhud taʼ żmien Ġeremija, li emmnu f’Jehovah imma ma kellhomx fidi fi kliemu. (Ġeremija, 44:15-19) Illum, Jehovah jkellimna permezz tal-​paġni tal-​Bibbja, il-​Kelma mnebbħa tiegħu, li Pietru qal li hi bħal “fanal li jagħti d-​dawl f’post mudlam, . . . f’qalbkom.” (2 Pietru 1:19) Meta naqraw il-​Bibbja b’attenzjoni kbira, aħna nkunu qed niġu ‘mrawmin fil-​kliem tal-​fidi.’ (1 Timotju 4:6; Rumani 10:17) Iżjed minn hekk, f’dawn l-​aħħar jiem, “l-​irsir leali u diskret” qed jipprovdi spiritwalment “l-​ikel . . . fiż-​żmien xieraq,” gwida ħalli jiġu applikati l-​prinċipji Bibliċi u jiġu mifhumin il-​profeziji tal-​Bibbja. (Mattew 24:45-47, NW) Jekk irridu li jkollna fidi soda huwa indispensabbli li nagħtu widen għal Jehovah permezz taʼ dawn il-​mezzi.

9. X’se jirriżulta jekk verament nemmnu fit-​tama Kristjana?

9 Il-​fidi t’Abraham kellha x’taqsam sew maʼ din it-​tama. “Abraham ittama u emmen; u hekk sar missier taʼ kotra kbira taʼ ġnus.” (Rumani 4:18) Din hija t-​tieni ħaġa li tistaʼ tgħinna. Qatt m’għandna ninsew li Jehovah “jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh [“bis-​serjetà,” NW].” L-​appostlu Pawlu qal: “Hu għal dan l-​għan li aħna nitħabtu u nitqabdu, għax it-​tama tagħna hi f’Alla l-​ħaj.” (1 Timotju 4:10) Jekk verament nemmnu fit-​tama Kristjana, il-​korsa kollha taʼ ħajjitna se tkun turija tal-​fidi tagħna, bħal fil-​każ t’Abraham.

Nitkellmu m’Alla

10. Liema tip taʼ talb se jsaħħilna l-​fidi?

10 Abraham tkellem m’Alla, u din kienet it-​tielet ħaġa li saħħet il-​fidi tiegħu. Illum, aħna wkoll nistgħu nitkellmu maʼ Jehovah, billi nużaw ir-​rigal tat-​talb permezz taʼ Ġesù Kristu. (Ġwann 14:6; Efesin 6:18) Kien wara li qalilhom parabbola li kienet tenfasizza l-​ħtieġa għal talb kontinwu li Ġesù staqsa l-​mistoqsija: “Imma taħsbu intom li Bin il-​bniedem se jsib il-​fidi fuq l-​art meta jiġi?” (Luqa 18:8) Talb li jsaħħaħ il-​fidi ma jsirx bla ħsieb taʼ xejn jew awtomatikament. Dan għandu tifsir profond. Per eżempju, talb mill-​fond tal-​qalb huwa vitali meta jkollna xi deċiżjonijiet importanti x’nieħdu jew meta nkunu taħt pressjoni kbira.—Luqa 6:12, 13; 22:41-44.

11. (a) Abraham kif issaħħaħ meta fetaħ qalbu m’Alla? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza t’Abraham?

11 Meta Abraham kien qed jixjieħ u Jehovah kien għadu ma tahx iż-​żerriegħa mwiegħda, hu tkellem m’Alla dwar dak li kien qed jinkwetah. Jehovah serraħlu rasu. B’liema riżultat? Abraham “emmen fil-​Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.” Imbagħad Jehovah pprovda sinjal biex jikkonferma l-​kliem rassiguranti tiegħu. (Ġenesi 15:1-18) Jekk niftħu qlubna maʼ Jehovah fit-​talb, naċċettaw l-​assiguranzi li nsibu fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, u nobduh b’fidi sħiħa, imbagħad Jehovah se jsaħħilna wkoll il-​fidi tagħna.—Mattew 21:22; Ġuda 20, 21.

12, 13. (a) Abraham kif tbierek meta segwa l-​gwida taʼ Jehovah? (b) Liema tip taʼ esperjenzi se jsaħħulna l-​fidi?

12 Ir-​rabaʼ ħaġa li saħħet il-​fidi t’Abraham kienet l-​appoġġ li tah Jehovah meta hu segwa l-​gwida t’Alla. Meta Abraham mar biex jeħles lil Lot mis-​slaten invadenti, Jehovah tah ir-​rebħa. (Ġenesi 14:16, 20) Waqt li Abraham kien jgħix bħal resident temporanju fl-​art li kellha tintiret miż-​żerriegħa tiegħu, Jehovah bierku materjalment. (Qabbel Ġenesi 14:21-23.) Jehovah ggwida l-​isforzi tal-​prokuratur tiegħu biex isib mara xierqa għal ibnu Iżakk. (Ġenesi 24:10-27) Iva, Jehovah “kien bierku f’kollox” lil Abraham. (Ġenesi 24:1) B’riżultat taʼ dan tant kienet soda l-​fidi tiegħu u tant kellu relazzjoni intima m’Alla Jehovah, li Jehovah nnifsu sejjaħlu “ħabibi.”—Isaija 41:8; Ġakbu 2:23.

13 Nistgħu aħna llum ikollna fidi soda bħal din? Iva. Jekk aħna, bħal Abraham, nittestjaw x’jagħmel Jehovah billi nobdu l-​kmandi tiegħu, hu se jberikna wkoll, u dan se jsaħħilna l-​fidi. Per eżempju, daqqa t’għajn lejn ir-​Rapport tas-​Sena taʼ Servizz 1998 turi li kien hemm ħafna li tbierku b’mod taʼ l-​għaġeb meta obdew il-​kmand tiegħu biex jippridkaw l-​aħbar tajba.—Mark 13:10.

Rekord taʼ Fidi Llum

14. Jehovah kif bierek il-​kampanja li saret bil-​fuljett Aħbar tas-​Saltna Nru. 35?

14 Lura f’Ottubru taʼ l-​1997, il-​kampanja li saret mad-​dinja kollha bil-​fuljett Aħbar tas-​Saltna Nru. 35 kienet suċċess fenomenali, grazzi għall-​ħeġġa u l-​entużjażmu taʼ miljuni taʼ Xhieda individwali. Dak li ġara fil-​Gana huwa tipiku taʼ dan. Tqassmu kważi żewġ miljuni u nofs minn dawn il-​kopji f’erbaʼ lingwi, u b’riżultat taʼ dan, kważi 2,000 ruħ talbu biex ikollhom studju tal-​Bibbja. F’Ċipru, żewġ Xhieda li kienu qed iqassmu l-​fuljett Aħbar tas-​Saltna nnotaw li qassis kien qed jimxi warajhom. Wara ftit, huma offrewlu kopja tal-​fuljett Aħbar tas-​Saltna. Hu kien diġà rċieva kopja u qal: “Tant kont impressjonat bil-​messaġġ tagħha li ridt nifraħ lin-​nies li ppreparawha.” Fid-​Danimarka, tqassmu miljun u nofs kopja minn dan il-​fuljett Aħbar tas-​Saltna u dan ħalla riżultati mill-​aħjar. Mara li xogħolha kien li tieħu ħsieb ir-​relazzjonijiet pubbliċi hemmhekk qalet: “Il-​fuljett għandu messaġġ għal kulħadd. Huwa faċli li tifhmu, kommoventi, u jġagħlek tkun trid taf iżjed. Verament jolqot il-​musmar fuq rasu!”

15. Liema esperjenzi juru li Jehovah bierek l-​isforz biex jintlaħqu n-​nies kullimkien?

15 Fl-​1998 sar sforz biex inxandru lin-​nies mhux biss fi djarhom, imma kullimkien. Fil-​Kosta taʼ l-​Avorju, koppja missjunarja żaru 322 vapur fil-​baċiri. Huma ħallew 247 ktieb, 2,284 rivista, 500 browxer, u mijiet taʼ fuljetti, kif ukoll xi vidjos għall-​baħrin biex jarawhom waqt li jkunu qegħdin bejn sema u ilma. Fil-​Kanada, wieħed Xhud mar f’ħanut fejn isewwu l-​karozzi. Sid il-​ħanut wera interess, u l-​ħu qattaʼ erbaʼ sigħat u nofs hemmhekk, għalkemm il-​ħin li qattaʼ jagħti xiehda kien biss taʼ xi siegħa jew ftit iktar bejn klijent u ieħor. Eventwalment, saru arranġamenti għal studju fl-​10:00 p.m. Xi drabi, iżda, ma kienx jinbeda sa wara nofsillejl u kien idum sa xi s-​sagħtejn taʼ fil-​għodu. Din l-​iskeda x’aktarx li kienet taʼ sfida, imma nkisbu riżultati tajbin. Dan ir-​raġel iddeċieda li jagħlaq il-​ħanut tiegħu nhar taʼ Ħadd sabiex ikun jistaʼ jattendi l-​laqgħat. Hu u l-​familja tiegħu malajr bdew jagħmlu progress ġmielu.

16. Liema esperjenzi juru li l-​browxer X’Jirrikjedi? u l-​ktieb Għarfien huma għodda potenti fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u tat-​tagħlim?

16 Il-​browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? u l-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem ikomplu jkunu strumenti potenti fix-​xogħol tax-​xandir u tat-​tagħlim. Fl-​Italja, soru li kienet qed tistenna l-​karozza tal-​linja aċċettat kopja tal-​fuljett Aħbar tas-​Saltna. L-​għada, reġgħet ġiet avviċinata u aċċettat il-​browxer X’Jirrikjedi. Minn dakinhar bdiet tagħmel studju kuljum tal-​Bibbja taʼ bejn 10 u 15-il minuta sakemm tistenna l-​karozza tal-​linja. Wara xahar u nofs, iddeċidiet li titlaq mill-​kunvent u tmur lura l-​Gwatemala biex tkompli bl-​istudju tagħha. Fil-​Malawi, waħda mara ferventi fir-​reliġjon tagħha jisimha Lobina, ma tantx ħadet gost meta ż-​żewġ uliedha bniet bdew jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah. Xorta waħda, uliedha kienu jgħidulha xi veritajiet mill-​Bibbja kulmeta sabu ċ-​ċans. F’Ġunju taʼ l-​1997, Lobina rat il-​ktieb Għarfien u tant laqtitha l-​espressjoni “Għarfien Li Jwassal.” F’Lulju aċċettat studju tal-​Bibbja. F’Awissu attendiet il-​konvenzjoni distrettwali u qagħdet tismaʼ bir-​reqqa matul il-​programm kollu. Sa tmiem dak ix-​xahar, kienet telqet mill-​knisja tagħha u kkwalifikat bħala pubblikatriċi mhux mgħammda. Hi tgħammdet f’Novembru taʼ l-​1997.

17, 18. Il-​vidjos tas-​Soċjetà kif urew kemm kienu t’għajnuna f’li jgħinu individwi ‘jaraw’ affarijiet spiritwali?

17 Il-​vidjos tas-​Soċjetà għenu lil ħafna ‘jaraw’ affarijiet spiritwali. Fil-​Mawrizju, wieħed raġel telaq mill-​knisja li kien jattendi minħabba n-​nuqqas taʼ unità li kien hemm. Wieħed missjunarju wrieh l-​unità tax-​Xhieda taʼ Jehovah, billi uża l-​vidjo United by Divine Teaching (Magħqudin Permezz taʼ Tagħlim Divin). Impressjonat, ir-​raġel qal: “Intom ix-​Xhieda taʼ Jehovah diġà qegħdin fil-​Ġenna taʼ l-​art!” Hu aċċetta studju tal-​Bibbja. Oħt fil-​Ġappun uriet il-​vidjo Jehovah’s Witnesses​—The Organization Behind the Name (Ix-Xhieda taʼ Jehovah​—L-​Organizzazzjoni wara l-​Isem) lir-​raġel tagħha li ma kienx Xhud, u dan qanqlu biex jibda studju regulari tal-​Bibbja. Wara li ra United by Divine Teaching, ried ikun wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Is-​serje fi tliet partijiet intitolata The Bible​—A Book of Fact and Prophecy (Il-Bibbja​—Ktieb taʼ Fatti u Profeziji), għenitu japplika l-​prinċipji Bibliċi f’ħajtu. Fl-​aħħarnett Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault (Ix-Xhieda taʼ Jehovah Jieqfu Sod Kontra l-​Attakki tan-​Nazi) urieh kemm Jehovah jsaħħaħ lin-​nies Tiegħu kontra l-​attakki taʼ Satana. Dan ir-​raġel tgħammed f’Ottubru taʼ l-​1997.

18 Dawn huma biss ftit mill-​ħafna u ħafna esperjenzi li gawdejna matul is-​sena taʼ servizz li għaddiet. Dawn juru li x-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom fidi attiva u li Jehovah qed isaħħilhom din il-​fidi billi jbierek l-​attività tagħhom.—Ġakbu 2:17.

Ikkultiva l-​Fidi Llum

19. (a) Aħna kif qegħdin f’qagħda aħjar minn dik t’Abraham? (b) Kemm nies inġabru biex jikkommemoraw il-​mewta taʼ sagrifiċċju taʼ Ġesù? (ċ) Is-​sena l-​oħra liema pajjiżi kellhom attendenzi li jispikkaw għall-​Mafkar? (Ara t-​tabella f’paġni 12 sa 15.)

19 F’ħafna aspetti aħna qegħdin f’qagħda aħjar milli kien Abraham. Aħna nafu li Jehovah wettaq il-​wegħdi kollha li għamel lil Abraham. In-​nisel t’Abraham wasal biex wiret lil Kangħan, u sar tabilħaqq ġens kbir. (1 Slaten 4:20; Lhud 11:12) Iktar minn hekk, madwar 1,971 sena wara li Abraham telaq minn Ħaran, dixxendent tiegħu, Ġesù, ġie mgħammed fl-​ilma minn Ġwanni l-​Għammied u mbagħad bl-​ispirtu qaddis minn Jehovah nnifsu biex hu jsir il-​Messija, iż-​Żerriegħa t’Abraham fis-​sens spiritwali komplet. (Mattew 3:16, 17; Galatin 3:16) Fl-​14 taʼ Nisan, tas-​sena 33 .E.K., Ġesù offra ħajtu bħala prezz taʼ fidwa għal dawk li kellhom jeżerċitaw fidi fih. (Mattew 20:28; Ġwann 3:16) Miljuni issa jistgħu jbierku lilhom infushom permezz tiegħu. Is-​sena l-​oħra fl-​14 taʼ Nisan inġabru 13,896,312-il ruħ biex jikkommemoraw dan l-​att taʼ mħabba taʼ l-​għaġeb. Kemm ġie vvindikat Jehovah, Dak il-​Grandjuż li Jżomm il-​Wegħdi!

20, 21. Fl-​ewwel seklu, nies mill-​ġnus kollha kif bierku lilhom infushom permezz taż-​Żerriegħa t’Abraham, u kif qed ibierku lilhom infushom illum?

20 Fl-​ewwel seklu, ħafna nies mill-​ġnus kollha​—ibda minn Iżrael tal-​laħam—​eżerċitaw fidi f’din iż-​Żerriegħa t’ Abraham u saru wlied midlukin t’Alla, membri taʼ “Iżrael taʼ Alla” spiritwali ġdid. (Galatin 3:26-29; 6:16; Atti 3:25, 26) Dawn kellhom stennija assigurata taʼ ħajja immortali bħala spirti fis-​smewwiet biex jaqdu bħala ħakkiema sħab fis-​Saltna t’Alla. Kellhom ikunu 144,000 biss li jitbierku b’dan il-​mod, u ftit minnhom biss għad fadal. (Apokalissi 5:9, 10; 7:4) Is-​sena l-​oħra, matul iċ-​ċelebrazzjoni tal-​Mafkar kien hemm 8,756 ruħ li ħadu mill-​emblemi, u permezz t’hekk dawn taw testimonjanza li huma parti minn dan in-​numru.

21 Kważi x-​Xhieda taʼ Jehovah kollha llum huma mill-​“kotra kbira” pprofetizzata f’Apokalissi 7:9-17. Minħabba li jbierku lilhom infushom permezz taʼ Ġesù, huma għandhom it-​tama taʼ ħajja eterna fuq art magħmula ġenna. (Apokalissi 21:3-5) Il-​5,888,650 ruħ li ħadu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar fl-​1998 huma evidenza li din il-​kotra hija verament “kbira.” Kien eċċitanti speċjalment li tara kemm lir-​Russja u kemm lil Ukraina jirrapportaw iktar minn 100,000 pubblikatur għall-​ewwel darba. Verament jispikka wkoll ir-​rapport mill-​Istati Uniti​—1,040,283 pubblikatur f’Awissu! Dawn kienu biss tlieta mid-​19-il pajjiż li s-​sena l-​oħra rrapportaw iktar minn 100,000 pubblikatur.

Tama li Dalwaqt se Titwettaq

22, 23. (a) Għala għandna nqawwu qlubna llum? (b) Kif nistgħu nagħtu prova li aħna bħal Abraham, u mhux bħal dawk taʼ bla fidi li semma Pawlu?

22 Dawk li attendew il-​Mafkar ġew imfakkrin kemm wasalna fi stadju avanzat fit-​twettiq tal-​wegħdi taʼ Jehovah. Fl-​1914, Ġesù ngħata t-​tron bħala Sultan tas-​Saltna tas-​sema t’Alla, u b’hekk ta bidu għall-​preżenza tiegħu fil-​qawwa tas-​Saltna. (Mattew 24:3; Apokalissi 11:15) Iva, iż-​Żerriegħa t’Abraham issa qed isaltan fis-​sema! Lill-​Kristjani taʼ żmienu Ġakbu qalilhom: “Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax il-​miġja tal-​Mulej hi fil-​qrib.” (Ġakbu 5:8) Fil-​fatt, dik il-​preżenza hija issa realtà! Kemm iktar għandna għalfejn nissodaw lil qlubna!

23 Jalla l-​fiduċja tagħna fil-​wegħdi t’Alla tiġġedded il-​ħin kollu permezz taʼ studju regulari tal-​Bibbja u talb sinjifikanti. Jalla qatt ma nieqfu milli nesperjenzaw il-​barka taʼ Jehovah hekk kif nobdu l-​Kelma tiegħu. Imbagħad se nkunu bħal Abraham, mhux bħal dawk li l-​fidi tagħhom iddgħajfitilhom u mietet preċiż bħalma semma Pawlu. Xejn ma se jifridna mill-​fidi l-​iktar qaddisa tagħna. (Ġuda 20) Aħna nitolbu ’l Alla li l-​qaddejja taʼ Jehovah jagħmlu dan matul is-​sena taʼ servizz 1999 u għal ġol-​futur etern.

Taf Int?

◻ Kif nistgħu nagħtu widen lil Alla llum?

◻ Liema benefiċċji jiġu milli nagħmlu talb sinjifikanti lil Alla?

◻ Jekk insegwu b’ubbidjenza l-​gwida taʼ Jehovah, kif se tissaħħilna l-​fidi tagħna?

◻ Liema aspetti tar-​rapport annwali (f’paġni 12 sa 15) laqtuk l-​iktar?

[Tabella f’paġni 12-15]

RAPPORT TAS-​SENA TAʼ SERVIZZ 1998 TAX-​XHIEDA TAʼ JEHOVAH MADWAR ID-​DINJA

(Ara r-​rivista)

[Stampa f’paġna 16]

Jekk nagħtu widen għall-​Kelma taʼ Jehovah, il-​fiduċja tagħna fil-​wegħdi tiegħu se tiġġedded

[Stampa f’paġna 18]

Il-​fidi tagħna tissaħħaħ meta aħna nieħdu sehem fil-​ministeru

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja