Min Hemm Wara Dan Kollu?
BILLI qaċċat il-ħaxix u l-friegħi tas-siġar sabiex ikun jistaʼ jgħaddi minn ġo nofs il-ġungla fil-Kambodja, Henri Mouhot, esploratur Franċiż tas-seklu 19, wasal ħdejn foss wiesaʼ li kien idur maʼ tempju. Kważi kilometru lil hemm minn fejn kien wieqaf, il-ħames torrijiet tat-tempju kienu jogħlew iktar minn 60 metru ’l fuq fl-ajru. Kien Angkor Wat, l-akbar monument reliġjuż fuq l-art. Kien ilu diġà sebaʼ sekli jirreżisti l-elementi meta Mouhot skoprieh.
Mad-daqqa t’għajn Mouhot setaʼ jgħid li l-istrutturi li kienu miksijin bil-ħażiż kienu x-xogħol taʼ jdejn umani. “Imwaqqaf minn xi Michelangelo tal-qedem, huwa ferm iktar grandjuż minn kwalunkwe ħaġa li ħallewlna l-Greċja u Ruma,” kiteb. Minkejja li kienu ilhom abbandunati għal sekli sħaħ, ma kellu ebda dubju li wara dawn l-istrutturi manjifiċi, kien hemm disinjatur.
Taʼ interess, ktieb taʼ għerf miktub sekli ilu uża raġunar simili biex jispjega għala d-dinja taʼ madwarna bilfors hija l-prodott taʼ Disinjatur. Bilfors li ġiet maħluqa. L-appostlu Pawlu kiteb: “Għax kull dar jibniha xi ħadd, imma Alla jibni kollox hu.” (Lhud 3:4) Xi wħud għandhom mnejn ma jaqblux maʼ din l-analoġija, billi jgħidu: ‘Il-mod kif tiffunzjona n-natura huwa differenti minn dak li hu magħmul mill-bniedem.’ Madankollu, mhux ix-xjenzati kollha jaqblu maʼ din l-oġġezzjoni. Wara li qabel mal-fatt li “sistemi bijokimiċi m’humiex oġġetti inanimati,” Michael Behe, professur assoċjat tal-bijokimika fl-Università taʼ Lehigh, isaqsi: “Jistgħu sistemi bijokimiċi ħajjin ikunu ddisinjati b’mod intelliġenti?” Hu jissokta juri li x-xjenzati issa qed jiddisinjaw bidliet bażiċi f’organiżmi ħajjin permezz taʼ metodi bħalma hija l-inġinerija ġenetika. B’mod ċar, kemm affarijiet inanimati u kemm animati jistgħu jiġu ddisinjati u prodotti bl-inġinerija! Billi jħaffer fil-fond fid-dinja mikroskopika taċ-ċelloli ħajjin, Behe jiddiskuti s-sistemi komplessi b’mod taʼ l-għaġeb, magħmulin minn komponenti li jiddependu minn xulxin biex jiffunzjonaw. Il-konklużjoni tiegħu? “Ir-riżultat taʼ dawn l-isforzi akkumulati biex tiġi investigata ċ-ċellola—biex tiġi investigata l-ħajja fil-livell molekulari—huwa għajta qawwija, ċara, u penetranti taʼ ‘disinn!’”
Kosmologi u fiżiki bl-istess mod taw ħarsa fil-fond lejn id-dinja u l-univers u ħarġu b’xi fatti sorprendenti. Per eżempju, huma issa jafu illi kieku kien hemm saħansitra bidla infiniteżimali fil-valur taʼ kwalunkwe wieħed min-numri kostanti universali, l-univers kien ikun bla ħajja.a Il-kosmologu Brandon Carter sejjaħ dawn il-fatti koinċidenzi sorprendenti. Imma kieku tiltaqaʼ maʼ serje taʼ koinċidenzi misterjużi, u konnessi flimkien, ma tibdiex taʼ l-inqas tissuspetta li hemm xi ħadd warajhom?
Tabilħaqq, hemm Disinjatur wara dawn is-sistemi komplessi kollha u “koinċidenzi” intonati b’mod preċiż. Min hu? “Li tidentifika d-disinjatur b’metodi xjentifiċi jistaʼ jkun estremament diffiċli,” jammetti l-Professur Behe, u jħalli l-mistoqsija biex jipprovaw iweġbuha l-“filosofija u t-teoloġija.” Int personalment tistaʼ tħoss li l-mistoqsija hija irrelevanti għalik. Madankollu, kieku tirċievi pakkett imgeżwer sabiħ mimli eżatt b’dak li għandek bżonn, ma tkunx trid taf min bagħatulek?
Aħna rċevejna, biex ngħidu hekk, pakkett bħal dan—pakkett mimli b’għotjiet meraviljużi li jagħmluha possibbli għalina li ngħixu u ngawdu l-ħajja. Dak il-pakkett huwa l-art, bis-sistemi rimarkevoli kollha li għandha biex iżżomm il-ħajja. M’għandniex inkunu rridu niskopru min tana dawn l-għotjiet?
B’ferħ, Dak li bagħat il-pakkett waħħal nota miegħu. In-“nota” hija dak il-ktieb antik taʼ għerf li ġie kkwotat qabel—il-Bibbja. Fil-kliem tal-ftuħ tagħha, il-Bibbja twieġeb b’sempliċità u ċarezza rimarkevoli l-mistoqsija dwar min tana dan il-pakkett: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art.”—Ġenesi 1:1.
Fin-“nota” tiegħu l-Ħallieq jidentifika lilu nnifsu b’ismu: “Dan jgħid Alla, il-Mulej [“Jehovah,” New World Translation], li ħalaq . . . is-smewwiet, u l-medda taʼ l-art bil-frott u l-ħdura tagħha, li jagħti l-ħajja lill-poplu li hemm fiha.” (Isaija 42:5) Iva, Jehovah huwa l-isem taʼ dak Alla li ddisinja l-univers u għamel l-irġiel u n-nisa fuq l-art. Imma min hu Jehovah? X’tip taʼ Alla hu? U għala għandhom il-popli kollha taʼ l-art jagħtuh widen?
[Nota taʼ taħt]
a “Numri kostanti” huma valuri li ma jidhrux li jinbidlu maʼ l-univers kollu. Żewġ eżempji huma l-veloċità tad-dawl u r-relazzjoni taʼ bejn il-gravità u l-massa.
[Stampa f’paġna 3]
Angkor Wat inbena mill-bnedmin
[Stampa f’paġna 4]
Meta tirċievi għotja, ma tkunx trid taf min bagħathielek?