Min Hu Jehovah?
JEHOVAH qal lil wieħed mill-adoraturi leali tiegħu: “Ebda bniedem ma jarani u jibqaʼ ħaj.” (Eżodu 33:20) “Alla huwa spirtu,” u l-bnedmin ma jistgħux jarawh bil-għajnejn fiżiċi tagħhom. (Ġwann 4:24) Daqs kemm ikun diżastruż għal għajnejna li nħarsu direttament lejn ix-xemx f’nofsinhar, daqshekk ieħor ikun taʼ ħsara għalina li naraw lis-Sors tremend taʼ enerġija li ħalaq mhux biss ix-xemx brillanti tagħna imma wkoll ix-xmux bla għadd l-oħrajn li hemm fl-univers.
B’ferħ, m’għandniex għalfejn naraw lil Alla biex niskopru dwaru. Il-Bibbja tidentifika l-Wieħed li ppreparalna dak il-pakkett meraviljuż, l-art, kif ukoll tirrevela l-personalità tiegħu. Allura jkun vallapena li nfittxu fil-Bibbja biex niskopru dwar il-Missier li tana l-ħajja u pprovdielna dar pjaċevoli fejn nistgħu ngawdu dik il-ħajja.
Is-Sinjifikat taʼ Ismu
L-ismijiet kollha għandhom tifsira, allavolja llum ħafna għandhom mnejn li m’humiex konxji tagħhom. Per eżempju, l-isem Ingliż komuni David ġej minn kelma Ebrajka li tfisser “Maħbub.” Isem il-Ħallieq, Jehovah, ukoll għandu tifsir. X’inhu? Fl-Ebrajk, il-lingwa oriġinali tal-Bibbja, l-isem divin huwa miktub b’erbaʼ ittri, YHWH, u jidher kważi 7,000 darba fil-parti Ebrajka tal-Bibbja. L-isem divin huwa mifhum li jfisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” Dan jimplika li Jehovah bil-għerf jikkaġuna lilu nnifsu li jsir kulma jkollu bżonn sabiex iwettaq l-iskopijiet tiegħu. Hu Ħallieq, Imħallef, Salvatur, Sostenitur tal-Ħajja, u għalhekk jistaʼ jwettaq il-wegħdi tiegħu. Iktar minn hekk, fl-Ebrajk l-isem Jehovah qiegħed fil-forma tal-verb li tindika azzjoni fil-proċess taʼ twettiq. Iva, Jehovah għadu jikkaġuna lilu nnifsu li jsir dak li jwettaq l-iskopijiet tiegħu. Hu Alla ħaj!
Il-Kwalitajiet Predominanti taʼ Jehovah
Il-Bibbja tiddeskrivi l-Ħallieq bħala “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà. Iħares it-tjieba [“qalb tajba bl-imħabba,” NW] għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija.” (Eżodu 34:6, 7) L-espressjoni “qalb tajba bl-imħabba” hija t-traduzzjoni taʼ kelma Ebrajka li tfisser ħafna. Din timplika qalb tajba li bl-imħabba tintrabat maʼ oġġett sakemm l-iskop għal dak l-oġġett jiġi rrealizzat. Tistaʼ wkoll tiġi tradotta “mħabba leali.” Il-qalb tajba taʼ Jehovah tintrabat b’imħabba mal-ħlejjaq tiegħu u twettaq l-iskop meraviljuż tiegħu. Ma tgħożżhiex imħabba bħal din mingħand il-Wieħed li tak il-ħajja?
Jehovah bil-mod biex jirrabja u ħafif biex jaħfrilna l-iżbalji. Li tkun qrib taʼ persuna bħal din iqanqallek qalbek. Madankollu, dan ma jfissirx li hu jagħlaq għajnejh għal għemil ħażin. Hu ddikjara: “Jien hu l-Mulej, li nħobb id-dritt, u nobgħod il-ħella u l-qerq.” (Isaija 61:8) Bħala Alla taʼ ġustizzja, hu mhux se jittollera għal dejjem nies midinbin li jisfidawh b’mod sfaċċat u li jippersistu fi ħżunithom. B’hekk, nistgħu nkunu żguri li fil-ħin stabbilit tiegħu, Jehovah se jikkorreġi l-inġustizzji taʼ din id-dinja. M’huwiex se jagħti dahru lil min hu batut.
M’huwiex faċli li żżomm bilanċ perfett bejn l-imħabba u l-ġustizzja. Jekk int ġenitur, issibha iebsa biex tiddeċiedi meta, kif, u sa liema punt tikkorreġi lit-tfal tiegħek meta ma jġibux ruħhom sew? Biex tibbilanċja l-ġustizzja mal-mogħdrija bl-imħabba jirrikjedi għerf kbir. Jehovah juri dik il-kwalità bl-abbundanza meta jittratta mal-bnedmin. (Rumani 11:33-36) Tabilħaqq, l-għerf tal-Ħallieq jistaʼ jidher kullimkien, per eżempju fl-għeġubijiet tal-ħolqien li aħna mdawrin bihom.—Salm 104:24; Proverbji 3:19.
Madankollu, l-għerf biss mhux biżżejjed. Biex iwettaq ir-rieda tiegħu, il-Ħallieq irid ikollu wkoll il-qawwa, u l-Bibbja tirrevela li hu qawwi ferm: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu, u jsejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed. Bis-saħħa taʼ qawwietu, bil-qawwa taʼ setgħetu, ħadd minnhom ma jonqos.” (Isaija 40:26) Bis-“saħħa taʼ qawwietu,” Jehovah jġiegħel l-affarijiet isiru. Ma tattirakx lejh kwalità bħal din?
Alla tal-Ġnus Kollha
‘Imma m’huwiex Jehovah dak Alla tat-“Testment il-Qadim,” dak Alla taʼ Iżrael tal-qedem?’ għandek mnejn tistaqsi. Huwa minnu li Jehovah rrivela lilu nnifsu lill-Iżraeliti. Xorta waħda, peress li ħalaq lill-ewwel koppja umana, Jehovah hu dak Alla “li minnu tieħu isimha kull familja . . . fl-art.” (Efesin 3:15) Jekk int temmen li huwa xieraq li tirrispetta l-antenati tiegħek, ma jkunx xieraq li tagħti ġieħ lill-Wieħed li ta l-ħajja lill-ewwel raġel, l-antenat komuni tagħna, li huwa l-għerq tal-ġeneoloġiji kollha li jeżistu fuq l-art illum?
Il-Ħallieq taʼ l-umanità m’huwiex moħħu magħluq. Veru, għal xi żmien kellu relazzjoni speċjali mal-ġens taʼ Iżrael. Imma saħansitra dak iż-żmien, hu fetaħ dirgħajh għal kull min kien isejjaħ ismu. Sultan għaref taʼ Iżrael qal f’talba lil Jehovah: “U l-barrani . . . , li m’hux mill-poplu tiegħek taʼ Iżrael, . . . u jiġi minn art imbiegħda minħabba f’ismek . . . , isimgħu mis-sema . . . u agħmel kull ma jitolbok il-barrani, biex ikunu jafu b’ismek il-ġnus kollha taʼ l-art.” (1 Slaten 8:41-43) Sal-ġurnata tal-lum, nies mill-ġnus kollha jistgħu jsiru jafu lil Jehovah u jkollhom relazzjoni sinjifikanti miegħu. Imma dak kif jeffettwak lilek?
Benefiċċji għax Tkun Taf lil Jehovah
Biex immorru lura lejn it-tixbieha fl-artiklu taʼ qabel, kieku tirċievi pakkett imgeżwer sabiħ, int naturalment tkun trid tiskopri l-għotja għala ngħatat. Kif għandek tużaha u tieħu ħsiebha? B’mod simili, aħna rridu nkunu nafu x’kellu f’moħħu Alla meta ħejja l-art għalina. Il-Bibbja tgħid li hu “ma ħalaqhiex għall-baħħ,” imma “sawwarha biex jgħammru fiha,” jiġifieri, il-bnedmin.—Isaija 45:18.
Il-biċċa l-kbira tal-bnedmin, iżda, ma ħadux ħsieb l-għotja tal-Ħallieq. Qegħdin ftit ftit jirrovinaw l-art, b’dispjaċir kbir għal Jehovah. Madankollu, fi qbil maʼ dak li jfisser ismu, Jehovah hu ddeterminat li jwettaq l-iskop oriġinali tiegħu għall-bniedem u għall-art. (Salm 115:16; Apokalissi 11:18) Hu se jsewwi l-art u jagħtiha bħala wirt lil dawk li jridu jgħixu bħala l-ulied ubbidjenti tiegħu.—Mattew 5:5.
L-aħħar ktieb tal-Bibbja jiddeskrivi kif se jkunu l-affarijiet meta dan iseħħ: “Din hi l-għamara taʼ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu . . . Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:3, 4) Imbagħad ħadd m’hu se jxerred dmugħ taʼ niket jew jagħmel vistu minħabba t-telfa taʼ xi ħadd maħbub. Ħadd m’hu se jgħajjat b’disprament għall-għajnuna jew ibati l-uġigħ taʼ mard qerriedi. Saħansitra ‘l-Mewt se tinqered.’ (1 Korintin 15:26; Isaija 25:8; 33:24) Dan jiddeskrivi t-tip taʼ ħajja li Jehovah oriġinalment riedna ngawdu meta ħalaq lill-ewwel antenati tagħna.
Tabilħaqq, int jistaʼ jkollok previżjoni taʼ dawn il-kundizzjonijiet bħal taʼ ġenna issa fost l-adoraturi taʼ Jehovah. Hu jgħidilhom: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.” (Isaija 48:17) Jehovah hu Missier taʼ qalb tajba li jgħallimna, bħala wliedu, l-aħjar mod kif ngħixu. Il-linji taʼ gwida tiegħu għall-bnedmin jipprovdu, mhux restrizzjonijiet bla bżonn, imma protezzjoni taʼ mħabba. Li nsegwuhom se jirriżulta f’ħelsien veru u ferħ, sewwa sew kif hemm miktub: “Għax il-Mulej huwa l-Ispirtu; u fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien.” (2 Korintin 3:17) Billi jsegwu l-linji taʼ gwida mniżżlin fil-Bibbja, dawk li jaċċettaw il-ħakma tiegħu qegħdin issa jesperjenzaw paċi tal-moħħ li xi darba se jinfirex mad-dinja kollha taʼ bnedmin.—Filippin 4:7.
X’Missier benevolenti hu Jehovah! Lest li titgħallem iktar dwar il-Wieħed li qiegħed wara l-għeġubijiet tal-ħolqien? Għal dawk li jridu, il-benefiċċji huma imprezzabbli saħansitra issa. U fil-ġejjieni l-benefiċċji se jkunu eterni.
[Stampa f’paġna 5]
L-isem divin miktub bl-erbaʼ ittri Ebrajċi jistaʼ jidher fuq il-ħitan taʼ ħafna knejjes antiki