Okkażjoni taʼ Ferħ—Il-Gradwazzjoni tal-104 Klassi taʼ Gilgħad
“DAN huwa jum taʼ ferħ, u aħna lkoll henjin.” B’dan il-kliem, Carey Barber, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah, fetaħ il-programm ferrieħi tal-gradwazzjoni tal-104 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) fl-14 taʼ Marzu, 1998. L-udjenza taʼ 4,945 ġiet mistiedna tagħti bidu għal din l-okkażjoni billi tkanta l-għanja tas-Saltna numru 208, intitolata “Għanja taʼ Ferħ.”
Parir Prattiku biex Jibqgħu Ferħanin
Il-parti tal-ftuħ tal-programm, serje taʼ ħames taħditiet qosra bbażati fuq il-Bibbja, ipprovdiet xi pariri prattiċi dwar kif wieħed jistaʼ jibqaʼ jżomm dak l-ispirtu ferrieħi li kien prevalenti f’jum il-gradwazzjoni.
L-ewwel taħdita ngħatat minn Joseph Eames, membru tad-Dipartiment tal-Kitba. Hu tkellem dwar it-tema “Imita l-Ispirtu taʼ Wħud Leali,” ibbażata fuq ir-rakkont Bibliku fit-2 Samwel kapitli 15 u 17, fejn Absalom, bin David, ikkonfoffa biex jieħu f’idejh is-saltna li Alla kien ta lil missieru, billi qajjem rewwixta. Madankollu, kien hemm dawk li baqgħu leali lejn is-Sultan David, il-midluk taʼ Jehovah. Liema lezzjoni setgħu l-missjunarji l-ġodda jisiltu minn dan? “Ikun fejn ikun il-post li tintbagħtu fih bħala l-inkarigu missjunarju tagħkom, ippromwovu lealment l-ispirtu taʼ kooperazzjoni u rispett lejn l-awtorità teokratika. Għinu lil oħrajn biex jagħmlu l-istess,” ikkonkluda Ħuna Eames.
Il-kelliemi li kien imiss fil-programm kien David Sinclair, li enfasizza l-għaxar ħtiġijiet, imsemmijin f’Salm 15, sabiex inkunu mistednin ‘fit-tinda taʼ Jehovah’ (NW). It-taħdita tiegħu, intitolata “Komplu Bħala Mistednin fit-Tinda Missjunarja Tagħkom,” inkuraġġiet lill-istudenti li kienu se jiggradwaw biex japplikaw dan is-Salm għall-inkarigi missjunarji tagħhom, fejn kienu se jkunu bħala mistednin. Ħuna Sinclair enfasizza l-importanza taʼ li ngħixu skond il-livelli t’Alla f’kull ħin. B’liema riżultat? Salm 15:5 jistqarr: “Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek.”
John Barr, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, kien il-kelliemi taʼ wara, u ġibed l-attenzjoni għall-effett li jsaħħaħ li għandu l-kant fil-laqgħat Kristjani. Imma liema hija l-iktar għanja taʼ ferħ li qed titkanta llum madwar id-dinja? Hija l-aħbar tajba tas-Saltna Messjanika t’Alla. X’qed jirriżulta minn dan il-kant kollu, jew l-ippridkar dwar is-Saltna? It-tieni strofa taʼ l-għanja numru 208 tpoġġiha b’dan il-mod konċiż: “Bl-ippridkar tagħna ’l kulmin jismagħna, ħafna resqin lejn Jehovah qrib. Dawn kant ilissnu waqt li jitbissmu ilkoll flimkien. Dan żgur ferħ iġib!” Iva, kuljum qegħdin jiġu mgħammdin madwar 1,000 dixxiplu ġdid. Ħuna Barr ikkonkluda: “Ma taħsbux li hija ħaġa meraviljuża, ħuti, li se tintbagħtu f’territorji fejn se tiltaqgħu maʼ nies li jkunu qegħdin hemmhekk jistennew biex jisimgħu l-għanja tagħkom taʼ tifħir?”
“Agħti Widen Għall-Ilħna taʼ l-Esperjenza” kien it-titlu tat-taħdita li ta James Mantz, membru tad-Dipartiment tal-Kitba. Hu ħareġ il-punt li ċerti affarijiet wieħed jistaʼ jitgħallimhom biss bl-esperjenza persunali. (Lhud 5:8) Minkejja dan, Proverbji 22:17 jinkuraġġina biex ‘nagħtu widen u nisimgħu kliem l-għorrief,’ jew dawk li kisbu l-esperjenza. L-istudenti li jkunu għadhom kif iggradwaw jistgħu jitgħallmu ferm minn dawk li jkunu marru qabilhom. “Dawn jafu jiġġebbdu biex jiksbu prezz tajjeb mal-bejjiegħa tal-ħwienet lokali. Jafu liema nħawi tal-belt għandhom jiġu evitati minħabba perikli fiżiċi jew morali. Jafu f’hiex inhuma sensittivi n-nies lokali. Il-missjunarji li jkunu ilhom fil-pajjiż jafu x’ikollkom bżonn biex tkunu ferħanin u jkollkom suċċess fl-inkarigu tagħkom,” qal Ħuna Mantz.
Waqt li tkellem dwar it-tema “Apprezza l-Inkarigu Teokratiku Tiegħek,” Wallace Liverance, ir-reġistratur taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad, spjega li fil-waqt li xi missjunarji, bħall-appostlu Pawlu, Timotju, u Barnaba, irċevew l-inkarigi tagħhom mingħand Alla permezz taʼ l-ispirtu qaddis jew xi manifestazzjoni mirakoluża, il-missjunarji mħarrġin f’Gilgħad jiġu assenjati post fl-għalqa dinjija mill-“irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Hu qabbel l-inkarigi tal-missjunarji mal-postijiet li Gidgħon assenja lill-irġiel tiegħu li kienu se jiggwerraw mal-Midjaniti. (Mħallfin 7:16-21) “Apprezzawh l-inkarigu missjunarju teokratiku tagħkom. Sewwa sew bħalma s-suldati taʼ Gidgħon ‘kollha baqgħu f’posthom,’ ħarsu lejn l-inkarigu tagħkom bħala li hu l-post fejn għandkom tkunu. Ħa jkollkom fidi li Jehovah jistaʼ jużakom sewwa sew bħalma uża lil dawk it-tliet mija taʼ Gidgħon,” ħeġġeġ Ħuna Liverance.
Li Jkollhom Interess Ġenwin fin-Nies Jirriżulta f’Hena
Ir-rivista It-Torri taʼ l-Għassa darba kkummentat: “Minflok ma jkun moħħna fi u niċċentraw ħajjitna madwar l-oġġetti mekkaniċi u elettroniċi mmanifatturati taʼ din is-sistema preżenti, affarijiet li m’hemm ebda ċertezza li se jkomplu jeżistu, kemm ikun aħjar u iktar għaqli li jkollna interess veru fin-nies u nitgħallmu nsibu hena ġenwin f’li nagħmlu affarijiet għal oħrajn.” Fi qbil maʼ dan, Ħuna Mark Noumair, wieħed mill-istrutturi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad, iddiskuta maʼ grupp taʼ studenti l-esperjenzi li kellhom fis-servizz u kkummenta: “Li turu interess persunali f’oħrajn huwa dak li se jagħmilkom missjunarji tajbin.”
Modi li Bihom Jinkiseb il-Ferħ fl-Għalqa Barranija
Liema huma xi modi li bihom jinkisbu s-suċċess u l-hena fix-xogħol missjunarju? Ħuna Charles Woody, membru tad-Dipartiment tas-Servizz, u Harold Jackson, li qabel kien missjunarju fl-Amerka Latina u li huwa wkoll assistent fil-Kumitat tat-Tagħlim, intervista membri taʼ Kumitati tal-Fergħa differenti li kienu qegħdin jattendu għad-disaʼ klassi taʼ l-iskola għall-personell tal-fergħa. Dawn huma xi eżempji taʼ pariri li dawn kellhom x’joffru:
Albert Musonda, li huwa miz-Zambja osserva: “Meta l-missjunarju jieħu l-inizjattiva biex imur jilqaʼ lill-aħwa dan jiġġenera spirtu bnin għax l-aħwa se jsiru midħla tal-missjunarju u l-missjunarju se jsir midħla tagħhom.”
Rolando Morales, li huwa mill-Gwatemala, issuġġerixxa li meta l-missjunarji l-ġodda jiġu offruti xi ħaġa x’jixorbu minn nies dħulin, b’qalb tajba u bit-tattika jistgħu jwieġbu: “Jien għadni ġdid f’dan il-pajjiż. Nixtieq li nistaʼ nieħdu, imma ġismi għadu ma darax dawn l-affarijiet, u jistgħu jagħmluli d-deni. Nispera li xi darba nkun nistaʼ naċċettah, u mbagħad dan nagħmlu minn qalbi.” X’inhuma l-benefiċċji taʼ li wieħed jagħti din ix-xorta taʼ tweġiba? “In-nies ma joffendux ruħhom, u l-missjunarji jkunu wrew qalb tajba m’oħrajn.”
X’jistaʼ jgħin lill-missjunarji jibqgħu fl-inkarigi tagħhom? Ħuna Paul Crudass, gradwat tad-79 klassi taʼ Gilgħad, li ilu jaqdi fil-Liberja għal dawn l-aħħar 12-il sena, stqarr: “Naf li huwa veru li l-ġenituri jħossu n-nuqqas taʼ wliedhom. Imma jkun hemm drabi meta l-missjunarju jkun qed jagħmel ħiltu biex jidra l-pajjiż, l-ambjent, il-kultura, u n-nies. Jistaʼ jħossu li jrid jitlaq. Jekk jirċievi ittra mingħand tal-familja li tgħid, ‘Qed inħossuh ħafna n-nuqqas tiegħek; ma nafux x’se nagħmlu mingħajrek,’ dan jistaʼ jkun dak li jkun jonqsu biex jippakkja kollox u jitlaq lejn id-dar. Huwa importanti ħafna għall-qraba li jinsabu hawn illum biex jiftakruh dan.”
Wara l-intervisti, it-taħdita finali ġiet ippreżentata minn Theodore Jaracz, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna. It-tema tiegħu kienet: “Żomm is-Saltna fuq Quddiemnett f’Ħajtek.” Il-missjunarji kif jistgħu jibqgħu ffokati u ma jħallu xejn itellifhom milli jagħmlu xogħolhom? Hu inkuraġġiehom biex ikollhom skeda għall-istudju persunali tal-Bibbja, li se tgħinhom biex iżommu l-interessi tas-Saltna fuq quddiemnett f’ħajjithom. U ngħatat ukoll din it-tfakkira f’waqtha: “Xi missjunarji ttraskuraw l-istudju persunali għax bdew jitilfu ħafna ħin mal-mekkaniżmi elettroniċi, l-E-mail, u l-kompjuter. Għandu jkollna sens biżżejjed biex inkunu bbilanċjati fl-użu taʼ kwalunkwe għodda u ma nqattgħux ammont eċċessiv taʼ ħin fuq xi ħaġa li tistaʼ tisirqilna mill-ħin taʼ l-istudju persunali tagħna tal-Kelma t’Alla.”
Wara t-taħdita taʼ Ħuna Jaracz kien hemm il-preżentazzjoni tad-diplomi u mbagħad inqrat ittra t’apprezzament mingħand il-membri tal-klassi. Ir-rappreżentant taʼ din il-klassi esprima s-sentimenti taʼ kulħadd b’dan il-mod: “Rajna evidenza ċara taʼ l-imħabba li Ġesù qal li kellha tkun karatteristika tad-dixxipli tiegħu, u dan assigurana li, inkunu fejn inkunu, hemm organizzazzjoni ħanina, taʼ mħabba, u li taġixxi bħal omm, li qed tappoġġjana. B’appoġġ bħal dan, ninsabu lesti biex immorru sat-truf taʼ l-art.” Kienet konklużjoni kommoventi għal jum hieni taʼ gradwazzjoni għall-104 klassi taʼ Gilgħad.
[Kaxxa f’paġna 24]
Statistiċi tal-Klassi
Numru taʼ pajjiżi li ġew irrappreżentati: 9
Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 16
Numru taʼ studenti: 48
Numru taʼ koppji miżżewġin: 24
Età medja: 33
Medja taʼ snin fil-verità: 16
Medja taʼ snin fil-ministeru full-time: 12
[Stampa f’paġna 25]
Il-104 Klassi li Ggradwat mill-Iskola taʼ Gilgħad
F il-lista t’hawn taħt, ir-ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-xellug għal-lemin
(1) Romero, M.; Howarth, J.; Blackburne-Kane, D.; Hohengasser, E.; West, S.; Thom, S. (2) Colon, W.; Glancy, J.; Kono, Y.; Drews, P.; Tam, S.; Kono, T. (3) Tam, D.; Zechmeister, S.; Gerdel, S.; Elwell, J.; Dunec, P.; Tibaudo, H. (4) Taylor, E.; Hildred, L.; Sanches, M.; Anderson, C.; Bucknor, T.; Hohengasser, E. (5) Howarth, D.; Ward, C.; Hinch, P.; McDonald, Y.; Sanches, T.; Thom, O. (6) Drews, T.; Tibaudo, E.; Elwell, D.; Dunec, W.; Blackburne-Kane, D.; Ward, W. (7) Anderson, M.; Zechmeister, R.; McDonald, R.; Bucknor, R.; Glancy, S.; Gerdel, G. (8) Romero, D.; Hinch, R.; Hildred, S.; Taylor, J.; Colon, A.; West, W.
[Stampa f’paġna 26]
Aħwa li kellhom sehem f’li jistruwixxu lill-104 klassi: (mix-xellug) W. Liverance, U. Glass, K. Adams, M. Noumair