Nerfgħu r-Responsabbiltà taʼ li Nieħdu Ħsieb il-Familja
“INTOM il-missirijiet, iġġarbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) B’dan il-kliem ispirat, l-appostlu Pawlu b’mod ċar poġġa r-responsabbiltà taʼ li nieħdu ħsieb il-familja fejn għandha tkun—fuq spallejn il-missier.
Fil-biċċa l-kbira tal-familji, il-missier m’huwiex waħdu f’li jieħu ħsieb uliedu. Martu, omm uliedu, minn qalbha taqsam il-piż maʼ żewġha. B’hekk, is-Sultan Salamun iddikjara: “Ismaʼ, ibni, kliem missierek, u twarrabx tagħlim ommok.”—Proverbji 1:8.
Attenzjoni Materjali u Spiritwali
Ġenituri li jħobbu lil uliedhom ma jittraskurawhomx apposta. Tabilħaqq, għall-Kristjani, li jagħmlu hekk ikun jiswa daqs li kieku jiċħdu l-fidi tagħhom, bħalma nikkonkludu mill-kliem taʼ Pawlu lil Timotju: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-aktar dawk tal-familja tiegħu, dan ċaħad il-fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) Il-Kristjani jirrealizzaw illi li jrabbu t-tfal “fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej” jirrikjedi ħafna iktar milli jipprovdu għalihom b’mod materjali.
Ikkunsidra l-eżortazzjoni taʼ Mosè lin-nazzjon taʼ Iżrael meta kienu kkampjati fuq il-pjanuri taʼ Mowab, eżatt qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda. Hemmhekk hu tennielhom il-liġijiet t’Alla u tahom l-istruzzjoni: “Qiegħdu dawn il-kelmiet tiegħi f’qalbkom u f’moħħkom.” (Dewteronomju 11:18) Iktar kmieni kien fakkarhom li għandhom iħobbu lil Jehovah b’qalbhom, b’ruħhom u bil-forza vitali tagħhom kollha, billi żied: “Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum.” (Dewteronomju 6:5, 6) Li jħallu l-kliem tal-Liġi t’Alla jippenetra ġo qalbhom kien vitali għall-ġenituri Iżraeliti. Bi qlub imfawrin b’apprezzament spiritwali, ġenituri Iżraeliti setgħu jobdu effettivament il-kliem li jmiss taʼ Mosè: “Trid iddaħħalhom sewwa [il-kliem tal-Liġi t’Alla] f’moħħ ibnek u titkellem dwarhom meta tpoġġi f’darek u meta timxi fit-triq u meta timtedd u meta tqum.”—Dewteronomju 6:7, NW; 11:19; qabbel Mattew 12:34, 35.
Innota li l-missirijiet kellhom ‘idaħħlu sewwa’ dak il-kliem f’moħħ uliedhom u ‘jitkellmu dwaru.’ Il-Merriam-Webster’s Collegiate Dictionary jiddefinixxi l-kelma Ingliża “inculcate” bħala “li tgħallem u ddaħħal sewwa fil-moħħ permezz taʼ ripetizzjonijiet u twissijiet spissi.” Meta l-ġenituri kienu jitkellmu dwar il-Liġi t’Alla kuljum—fil-għodu, f’nofsinhar u fil-għaxija—it-tfal kienu jitgħallmu ħafna permezz taʼ dan. Meta t-tfal kienu jħossu kemm il-ġenituri tagħhom iħobbu l-Liġi t’Alla, min-naħa tagħhom kienu jiġu influwenzati biex jiżviluppaw relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah. (Dewteronomju 6:24, 25) Taʼ interess, Mosè istruwixxa lill-missirijiet speċifikament biex jgħallmu lil uliedhom ‘meta jpoġġu f’darhom.’ Tagħlim bħal dan kien parti mill-attenzjoni li tingħata lill-familja. Imma xi ngħidu għal-lum?
“Meta Tpoġġi f’Darek”
“M’huwiex faċli,” tispjega Janet, omm Kristjana t’erbat itfal.a “Trid tkun persistenti,” jaqbel magħha żewġha, Paul. Bħal ħafna ġenituri oħrajn li huma Xhieda, Paul u Janet jagħmlu ħilithom biex jistudjaw il-Bibbja maʼ wliedhom minn taʼ l-inqas darba fil-ġimgħa. “Nipprovaw inżommu d-diskussjoni tal-Bibbja tal-familja kull nhar taʼ Tnejn fil-għaxija f’ħin stabbilit,” jispjega Paul, waqt li jammetti: “Imma mhux dejjem jirnexxilna.” Bħala anzjan maħtur fil-kongregazzjoni tiegħu, ġie li bagħtu għalih biex jittratta kwistjonijiet urġenti. Iż-żewġ uliedu l-kbar jaqdu bħala ministri full-time. Huma jsibu li fil-għaxija huwa ħin produttiv biex jikkuntattjaw lin-nies fil-ministeru. B’hekk, bħala familja, huma aġġustaw il-ħin għall-istudju tal-familja tagħhom. “Xi drabi nagħmlu l-istudju eżatt wara l-ikla tagħna taʼ fil-għaxija,” jispjega Paul.
Avolja l-ġenituri b’għaqal juru flessibiltà f’li jistabbilixxu ħin għall-istudju tal-familja tagħhom, huma jipprovaw iżommuh regulari. “Jekk il-ħin taʼ l-istudju tagħna jkollu jinbidel,” tinnota binthom Clare, “missieri dejjem iwaħħal nota bil-ħin il-ġdid mal-bieba tal-friġġ, ħalli lkoll inkunu nafu meta jkun se jsir.”
Li jiltaqgħu għal studju tal-Bibbja tal-familja regulari jipprovdi wkoll opportunità mill-aħjar għall-membri iżgħar tal-familja biex jaqsmu t-tħassib u l-problemi tagħhom mal-ġenituri tagħhom. Studju bħal dan ikollu riżultati tajbin meta ma jkunx daqshekk riġidu li t-tfal sempliċement jaqraw it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jkun hemm fil-ktieb taʼ studju tal-Bibbja li jużaw. “L-istudju tal-familja tagħna huwa forum għal diskussjoni,” jispjega Martin, li għandu żewġ subjien. “Meta tinġabru flimkien darba fil-ġimgħa biex tiddiskutu suġġett Skritturali, issir taf kif inhi sejra spiritwalment il-familja tiegħek,” jikkummenta hu. “Joħorġu ħafna affarijiet fid-diskussjoni. Tiskopri x’inhu jiġri l-iskola, u iktar interessanti, issir taf x’attitudnijiet qed jiżviluppaw it-tfal tiegħek.” Il-mara tiegħu, Sandra, taqbel u tħoss li hi wkoll tibbenefika ħafna mill-istudju tal-familja. “Waqt li żewġi jkun qed jikkonduċi l-istudju,” tirrakkonta hi, “nitgħallem ħafna billi noqgħod nismaʼ kif it-tfal iwieġbu l-mistoqsijiet tiegħu.” Imbagħad Sandra tinseġ il-kummenti tagħha biex tgħin lis-subjien tagħha. Hi tieħu iktar gost bl-istudju għax tinvolvi ruħha b’mod attiv. Iva, il-ħin taʼ l-istudju tal-familja joffri lill-ġenituri opportunità biex ikunu jafu x’qegħdin jaħsbu wliedhom.—Proverbji 16:23; 20:5.
Kun Lest li Taddatta u Ippersevera
Meta jasal il-ħin għall-istudju tal-familja tiegħek, għandek mnejn issib li wieħed mit-tfal ikun fuq ruħu u juri interess, mentri ieħor ikollu bżonn li żżiegħel bih biex jikkonċentra u jibbenefika. Waħda omm Kristjana tikkummenta: “Dik hi l-ħajja tal-familja! Taf x’għandek tagħmel bħala ġenitur. Għalhekk, meta tippersisti, Jehovah jgħinek, u jkollok riżultati tajbin.”
L-ammont taʼ ħin li tifel kapaċi jdum attent għandu mnejn ivarja bil-kbir skond l-età tiegħu. Ġenitur li juri dixxerniment se jikkunsidrah dan. Waħda koppja għandha ħamest itfal, li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 6 snin sa fuq l-20 sena. Il-missier, Michael, jgħid: “Agħti l-opportunità liż-żgħar l-ewwel biex iwieġbu l-mistoqsijiet. Imbagħad ħalli lit-tfal il-kbar iżidu d-dettalji u joħorġu l-punti li jkunu ppreparaw.” Dan il-mod taʼ kif jittrattaw b’dixxerniment mat-tfal tagħhom jagħmilha possibbli għall-ġenituri li jgħallmu l-valur taʼ li wieħed juri konsiderazzjoni lejn oħrajn. “Wieħed mit-tfal tagħna għandu mnejn jifhem,” jinnota Martin, “imma t-tifel l-ieħor ikollu bżonn ħafna għajnuna biex jifhem il-punt. Jien insib li s-sessjoni taʼ l-istudju ssir bażi taʼ taħriġ biex nuru paċenzja Kristjana u frott ieħor taʼ l-ispirtu.”—Galatin 5:22, 23; Filippin 2:4.
Kun ippreparat biex taddatta għall-abbiltajiet u l-etajiet li jvarjaw taʼ wliedek. Simon u Mark, li issa huma adolexxenti, sabu li meta kienu iżgħar, tassew kienu jieħdu gost jistudjaw il-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex mal-ġenituri tagħhom. “Missierna kien ikun iridna nirreċtaw partijiet differenti bħal f’reċta,” huma jiftakru. Missierhom jiftakar lilu nnifsu jitbaxxa fuq idejh u saqajh biex jirreċta maʼ wliedu l-parabbola tas-Samaritan taʼ qalb tajba. (Luqa 10:30-35) “Kienet xi ħaġa realistika u veru konna nieħdu pjaċir.”
Ħafna tfal juru reżistenza għar-rutina taʼ studju tal-familja. Għandu dan iwaqqaf lill-ġenituri milli jikkonduċu l-istudju fil-ħin li jkunu ppjanaw? Ċertament li le. “Il-bluha b’għeruqha fil-qalb taʼ kull tifel [jew tifla],” jistqarr Proverbji 22:15. Waħda omm bla raġel ħasbet li ma kienx qed jirnexxilha tikkonduċi l-istudju tal-familja tajjeb meta, ħafna drabi, id-distrazzjonijiet kienu jidhru li qed ifixklu s-sessjoni. Imma hi pperseverat. Issa t-tfal tagħha għandhom rispett kbir lejha u saru jistmaw l-imħabba u t-tħassib li wriet billi ppersistiet f’li tikkonduċi studju tal-familja regulari.
Ngħinu “l-Iltiema”
L-anzjani Kristjani jridu ‘jirgħu l-merħla t’Alla.’ (1 Pietru 5:2, 3) Żjajjar perjodiċi lill-familji fil-kongregazzjonijiet tagħhom joffrulhom opportunitajiet biex ifaħħru lil ġenituri li jerfgħu r-responsabbiltajiet Kristjani tagħhom. Fuq spallejn min taqaʼ r-responsabbiltà taʼ li jgħallem lit-tfal taʼ ġenituri waħedhom? Qatt tinsa li r-responsabbiltà biex jistruwixxi lit-tfal taqaʼ fuq il-ġenitur.
Il-prudenza Kristjana se tgħin lill-anzjani biex jevitaw sitwazzjonijiet kompromettenti li jistgħu jqumu jekk huma jassumu l-irwol tal-ġenitur nieqes. Għalkemm żewġ aħwa rġiel għandhom mnejn ikunu jistgħu jżuru oħt Kristjana li hija omm bla raġel, f’kull ħin huma se jkunu meqjusin f’dak li jirranġaw biex jiġi appoġġjat l-arranġament taʼ l-istudju tal-familja. Xi drabi, stedina lit-tfal (u, tabilħaqq, lill-ġenitur waħdu) biex jingħaqdu mal-familja taʼ l-anzjan għall-istudju tal-familja tagħhom għandha mnejn tirriżulta li tkun edifikanti u prattika. Madankollu, qatt tinsa li Jehovah hu l-Missier kbir tagħna tas-sema. Hu żgur li jkun hemm biex jiggwida u jgħin lill-omm meta tikkonduċi studju mat-tfal tagħha, avolja dan tagħmlu waħedha.
Xi ngħidu għas-sitwazzjoni fejn persuna żagħżugħa hija inklinata spiritwalment, imma l-ġenituri tagħha juru ftit jew ebda tħassib għar-responsabbiltajiet spiritwali tagħhom? Il-qaddejja leali taʼ Jehovah qatt m’għandhom għalfejn jaqtgħu qalbhom. “F’idejk [Alla Jehovah] jintelaq l-imsejken,” kanta s-salmista. “Taʼ l-iltim int sirt l-għajnuna.” (Salm 10:14) Min-naħa tagħhom, anzjani tal-kongregazzjoni li juru mħabba se jagħmlu mill-aħjar biex jinkuraġġixxu lill-ġenituri waqt li jieħdu ħsieb uliedhom. Jistgħu jissuġġerixxu diskussjoni tal-familja u mbagħad jattendu għaliha biex joffru xi suġġerimenti prattiċi dwar kif jistudjaw flimkien. M’għandniex xi ngħidu, m’humiex se jieħdu r-responsabbiltà tal-ġenituri, li, skond l-Iskrittura, taqaʼ fuq spallejhom.
Tfal li l-ġenituri tagħhom ma jħaddnux l-istess fidi għandhom bżonn ħafna appoġġ. Li tinkludihom fl-istudju tal-familja tiegħek jistaʼ jirriżulta li jkun taʼ benefiċċju jekk il-ġenituri tagħhom jaqblu maʼ dan. Robert, li issa hu adult bil-familja tiegħu stess, kien jattendi għal-laqgħat Kristjani mal-ġenituri tiegħu meta kellu biss tliet snin. Kellu memorji sbieħ taʼ dawk il-laqgħat anki wara li l-ġenituri tiegħu waqfu jassoċjaw mal-kongregazzjoni Kristjana. Meta kellu għaxar snin, iltaqaʼ maʼ tifel li kien Xhud, li ħadu miegħu għal-laqgħat. Il-ġenituri tat-tifel li kien Xhud minn qalbhom ħadu ħsieb Robert bħala ltim spiritwali u iktar tard studjaw miegħu. Grazzi għal din l-attenzjoni b’imħabba, għamel progress mgħaġġel u issa huwa l-pjaċir tiegħu li jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni.
Anki meta l-ġenituri jopponu l-progress taʼ wliedhom, it-tfal m’humiex waħedhom. Jehovah jibqaʼ Missier tas-sema leali. “Missier l-iltiema . . . hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu,” jiddikjara Salm 68:6 [Salm 68:5, NW]. Subjien u bniet li huma ltiema spiritwalment jafu li jistgħu jduru lejh fit-talb, u hu se jsostnihom. (Salm 55:23 [Salm 55:22, NW]; Salm 146:9) L-organizzazzjoni taʼ Jehovah li taġixxi bħal omm, b’mod diliġenti twettaq ir-responsabbiltà tagħha biex tipprepara ikliet spiritwali delizzjużi li jiġu servuti permezz tal-pubblikazzjonijiet tagħha u fil-laqgħat taʼ l-iktar minn 85,000 kongregazzjoni Kristjana madwar id-dinja kollha. B’hekk, permezz t’għajnuna spiritwali mingħand Missierna, Jehovah, u l-organizzazzjoni tiegħu li taġixxi bħal omm, anki “l-iltiema” se jgawdu xi forma taʼ studju tal-Bibbja.
Ġenituri Kristjani li jikkonduċu studju tal-Bibbja tal-familja regulari mat-tfal tagħhom jistħoqqilhom tifħir. Ġenituri waħedhom li jipperseveraw f’li jħarrġu lit-tfal tagħhom fil-mogħdijiet taʼ Jehovah jimmeritaw attenzjoni speċjali u tifħir għall-isforzi tagħhom. (Proverbji 22:6) Dawk kollha li juru tħassib għal tfal li huma ltiema spiritwalment jafu li dan jogħġob lil Missierna tas-sema, Jehovah. Li nieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-familja hija responsabbiltà tqila. Imma ‘tegħja qatt tagħmel il-ġid; għax jekk ma taqtax qalbek, taħsad fi żmienu.’—Galatin 6:9.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Stampa f’paġna 23]
Studju tal-familja jipprovdi opportunità mill-aħjar għall-membri iżgħar tal-familja biex jaqsmu t-tħassib tagħhom mal-ġenituri tagħhom
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 20]
Harper’s