L-Art—Għala Teżisti?
Hemm mistoqsija li int għandek tikkunsidraha: Veru li l-pjaneta sabiħa tagħna ġiet magħmula minn Ħallieq intelliġenti li għandu skop għall-art u għall-bnedmin li jgħixu fuqha? Li ssib soluzzjoni li tissodisfak għal din il-kwistjoni jistaʼ jgħinek tara x’hemm lest fil-futur għall-pjaneta tagħna.
ĦAFNA xjenzati li studjaw fil-fond dwar l-univers u d-dinja tagħna raw evidenzi li jindikaw li jeżisti Ħallieq, li Alla hu l-wieħed responsabbli għal dan. Ikkunsidra l-kummenti taʼ wieħed biss minnhom:
Fil-ktieb The Mind of God, il-Professur Paul Davies jikteb: “L-eżistenza taʼ univers li huwa taʼ ordni u koerenti, u li għandu strutturi stabbli, organizzati, u komplessi jirrikjedi liġijiet u kundizzjonijiet speċjali ħafna.”
Wara li ddiskuta għadd taʼ “kumbinazzjonijiet” li nnotaw xi astrofiżiċi u xjenzati oħrajn, il-Professur Davies iżid: “Meta wieħed jikkunsidrahom kollha flimkien, dawn jipprovdu evidenza impressjonanti li l-ħajja kif nafuha aħna tiddependi b’manjiera sensittiva fuq in-natura tal-liġijiet tal-fiżika, u fuq għadd taʼ aċċidenti li donnhom ġraw b’kumbinazzjoni fil-valuri attwali li n-natura għażlet għall-mases taʼ diversi partiċelli, għal kemm ikunu qawwijin il-forzi, eċċetra eċċetra. . . . Biżżejjed ngħidu, li kieku aħna stajna nilagħbuha taʼ Alla, u kellna nagħżlu l-valuri għal dawn il-kwantitajiet kif jiftlilna billi ndawru koċċ buttuni, konna nsibu li, indawruhom kif indawruhom, tistaʼ tgħid li dejjem se jirriżulta f’li l-univers ma jkunx abitabbli. F’xi każi, donnu li l-buttuni differenti jridu jiġu aġġustati bi preċiżjoni enormi biex l-univers jistaʼ jkun post li fih tiffjorixxi l-ħajja. . . . Il-fatt li saħansitra l-iċken bidliet fil-mod kif inhuma l-affarijiet jistgħu jġagħlu ’l-univers isir inosservabbli, żgur li huwa fatt li għandu sinjifikat kbir.”
Dak li dan ifisser għal ħafna hu li, id-dinja tagħna, flimkien mal-bqija taʼ l-univers, ġiet magħmula minn Ħallieq taʼ skop. Jekk inhu hekk, irridu niskopru għala l-ewwelnett hu fforma l-art. Irridu wkoll insiru nafu fiċ-ċert, jekk nistgħu, x’inhu l-iskop tiegħu għall-art. F’dan ir-rigward titfaċċa anomalija mhux tas-soltu. Minkejja l-popolarità maʼ kullimkien li għandu l-ateiżmu, għadd sorprendenti taʼ nies xorta għadhom jemmnu f’Ħallieq intelliġenti. Il-biċċa l-kbira tal-knejjes tal-Kristjaneżmu jitkellmu nominalment dwar Alla li jistaʼ kollox u Ħallieq taʼ l-univers tagħna. Madankollu, hija ħaġa rari li xi waħda minn dawn ir-reliġjonijiet titkellem b’fiduċja u konvinzjoni dwar il-futur taʼ l-art fl-iskop t’Alla.
Il-Bibbja xi Tgħid?
Hija ħaġa loġika li ddur lejn sors taʼ informazzjoni li huwa aċċettat maʼ kullimkien bħala xi ħaġa li ġejja mill-Ħallieq. Dan is-sors huwa l-Bibbja. Waħda mill-iktar stqarrijiet sempliċi u ċari li fiha rigward il-futur tad-dinja tagħna tinsab f’Ekkleżjasti 1:4. Hemm naqraw: “Nisel igħaddi, u nisel ieħor jiġi: iżda l-art tibqaʼ għal dejjem.” (Karm Żammit) Il-Bibbja tispjega ċar u tond għala Alla Jehovah ħalaqha l-art. Turi wkoll li hu poġġieha eżattament fil-pożizzjoni preċiża fl-univers u ’l bogħod biżżejjed mix-xemx tagħna biex tkun tistaʼ teżisti l-ħajja fuqha. Alla li Jistaʼ Kollox nebbaħ lill-profeta tal-qedem Isaija biex jikteb: “Għax dan jgħid il-Mulej li ħalaq is-smewwiet; Hu li hu tassew Alla, li sawwar l-art, għamilha u wettaqha, ma ħalaqhiex għall-baħħ, sawwarha biex jgħammru fiha: ‘Jien hu l-Mulej, u m’hemm ħadd ħliefi!’”—Isaija 45:18.
Imma xi ngħidu dwar li l-bniedem żviluppa l-mezzi biex jeqred kull xorta taʼ ħajja fuq l-art? Alla, fl-għerf inkomparabbli tiegħu, jiddikjara li hu se jieħu passi qabel ma l-bnedmin ikunu jistgħu jeqirdu kull xorta taʼ ħajja fuq il-pjaneta tagħna. Innota din il-wegħda rassiguranti fl-aħħar ktieb tal-Bibbja, l-Apokalissi: “Il-ġnus imtlew bil-korla, imma l-korla tiegħek ġiet, u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin u jingħata l-ħlas mistħoqq, lill-qaddejja tiegħek il-profeti, lill-qaddisin u ’l dawk li jibżgħu minn ismek, kemm iż-żgħar u kemm il-kbar, u jinqerdu dawk li qegħdin jeqirdu d-dinja.”—Apokalissi 11:18.
Jehovah jirrivelalna x’kien l-iskop oriġinali tiegħu f’li joħloq l-art, dan il-ġojjell fl-ispazju, kif iddeskrivieha astronawta li kien qed idur madwar il-globu. L-iskop t’Alla kien li l-art tkun ġenna globali, bi bnedmin—irġiel u nisa—li jgħammru fiha u jgawduha, kollha jgħixu fil-paċi u f’armonija. Hu ħa ħsieb biex id-dinja timtela bil-mod il-mod billi ppermetta lill-ewwel koppja umana li jipproduċu t-tfal. Għall-pjaċir u t-tgawdija taʼ l-ewwel koppja umana, Jehovah kien ittrasforma parti żgħira mill-art f’kundizzjoni taʼ ġenna. Hekk kif kellu jkompli t-tnissil tal-familji umani matul is-snin u s-sekli, il-Ġnien taʼ Għeden kellu bil-mod il-mod jiġi estiż sa ma jkun twettaq Ġenesi 1:28: “Alla . . . qalilhom: ‘Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha.’”
Ladarba issa qegħdin naraw l-istat tal-biki li jinsabu fih l-art u l-abitanti tagħha, ifisser li l-iskop oriġinali t’Alla għall-art falla? Jew bidel l-iskop tiegħu u ddeċieda li minħabba li l-bniedem huwa daqshekk stinat, se jħalli l-pjaneta tiġi rrovinata għalkollox u jerġaʼ jibda kollox mill-ġdid, biex ngħidu hekk? Le, nistgħu nibqgħu ċerti li ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet m’hija vera. Il-Bibbja tgħidilna li dak kollu li Jehovah jkollu l-iskop li jagħmel irid eventwalment iseħħ, li kwalunkwe ħaġa li jiddeċiedi ma tistax tiġi mdawra minn xi individwu jew saħansitra minn xi żvilupp mhux mistenni. Hu jassigurana: “Hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11.
L-Iskop t’Alla Interrott, mhux Mibdul
Wara li Adam u Eva wrew nuqqas taʼ fedeltà u ġew imkeċċijin mill-Ġnien taʼ Għeden, kien ovvju li l-iskop t’Alla li l-art issir ġenna kien se jitwettaq mingħajrhom. Madankollu, Jehovah indika minnufih li wħud min-nisel tagħhom kienu se jwettqu l-mandat oriġinali tiegħu. Veru, dan kien se jieħu ż-żmien, saħansitra ħafna sekli, imma ma hemm ebda indikazzjoni dwar kemm kien se jirrikjedi żmien biex jitwettaq il-mandat oriġinali anki kieku kemm Adam u kemm Eva komplew jgħixu fil-perfezzjoni. Il-fatt hu li sat-tmiem tar-Renju Millennjali taʼ Kristu Ġesù—ftit iktar minn elf sena oħra—il-kundizzjonijiet taʼ Ġenna bħalma kien hemm f’Għeden se jestendu maʼ l-art kollha u l-pjaneta Art se tkun ippopolata minn dixxendenti paċifiċi u ferħanin taʼ l-ewwel koppja umana. Tabilħaqq, l-abbiltà taʼ Jehovah bħala Wieħed taʼ Skop infallibbli se tkun ivvindikata għal dejjem!
Imbagħad se jitwettqu l-profeziji eċċitanti li Alla nebbaħ żmien twil ilu. Skritturi bħal Isaija 11:6-9 se jitwettqu b’mod glorjuż: “Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn taʼ tfajjel isuqhom. Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien, u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu. L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben. It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp; u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa. Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”
In-nuqqas taʼ saħħa u l-mard fatali se jkunu affarijiet tal-passat, bħalma se tkun il-mewt infisha. Jistaʼ dan il-kliem sempliċi li jinsab fl-aħħar ktieb tal-Bibbja jkun ċar iktar milli hu? “Din hi l-għamara taʼ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:3, 4.
Iva, nistgħu nqawwu qalbna—l-Art, il-pjaneta sabiħa tagħna, se tibqaʼ għal dejjem. Jalla jkollok il-privileġġ li tibqaʼ ħaj wara t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar t’affarijiet, bil-prattiċi kollha tagħha li jirrovinaw l-art. Id-dinja l-ġdida nadifa li se jagħmel Alla hija issa qrib ħafna. U ħafna wħud maħbubin se jqumu mill-mewt permezz tal-miraklu taʼ l-irxoxt. (Ġwann 5:28, 29) Iva, id-dinja tagħna se tibqaʼ għal dejjem, u aħna nistgħu nibqgħu wkoll u ngawduha.