Għandek Int “Qalb Ubbidjenti”?
META Salamun sar is-sultan taʼ Iżrael tal-qedem, ħassu inadegwat. Għalhekk, talab lil Alla biex jagħtih għerf u dehen. (2 Kronaki 1:10) Salamun talab ukoll: “Trid tagħti lill-qaddej tiegħek qalb ubbidjenti biex jiġġudika lill-poplu tiegħek.” (1 Slaten 3:9, NW) Kieku Salamun kellu “qalb ubbidjenti,” hu kien isegwi l-liġijiet u l-prinċipji divini u kien jesperjenza l-barka taʼ Jehovah.
Qalb ubbidjenti m’hijiex taʼ piż imma hija sors taʼ ferħ. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Din hi l-imħabba taʼ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwann 5:3) Ċertament li aħna għandna nobduh lil Alla. Wara kollox, Jehovah hu l-Ħallieq Grandjuż tagħna. Lilu jappartjenu l-art u kulma hemm fiha, saħansitra l-fidda kollha u d-deheb kollu. Mela fl-aħħar mill-aħħar aħna lil Alla ma nistgħu nagħtuh xejn materjalment, għalkemm iħallina nużaw il-ġid materjali tagħna biex nesprimu mħabbitna lejh. (1 Kronaki 29:14) Jehovah jistenna li aħna nħobbuh u li umilment nimxu miegħu, billi nagħmlu r-rieda tiegħu.—Mikea 6:8, NW.
Meta Ġesù Kristu ġie mistoqsi liema hu l-akbar kmandament fil-Liġi, hu qal: “‘Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.” (Mattew 22:36-38) Mod wieħed kif nesprimu dik l-imħabba hu billi nobdu lil Alla. Għalhekk, ilkoll kemm aħna għandna nitolbu biex Jehovah jagħtina qalb ubbidjenti.
Kellhom Qalb Ubbidjenti
Il-Bibbja hi miżgħuda b’eżempji taʼ wħud li kellhom qalb ubbidjenti. Per eżempju, Jehovah qal lil Noè biex jibni arka kbira ferm għall-preservazzjoni tal-ħajja. Din kienet biċċa xogħol enormi li ħadet madwar 40 jew 50 sena. Jekk jiġu wżati l-għodod moderni li jaħdmu bl-elettriku u apparat ieħor disponibbli llum, xorta waħda jkun kapulavur taʼ l-inġinerija li tinbena struttura hekk kbira li setgħet iżżomm f’wiċċ l-ilma. Iktar minn hekk, Noè kellu jwissi lin-nies li bla dubju waqqgħuh għaċ-ċajt u rridikolawh. Imma hu kien ubbidjenti sa l-inqas dettall. Il-Bibbja tgħid: “Hekk għamel Noè.” (Ġenesi 6:9, 22; 2 Pietru 2:5) Noè wera mħabbtu lejn Jehovah permezz t’ubbidjenza leali tul ħafna snin. X’eżempju mill-aħjar għalina lkoll!
Ikkunsidra, ukoll, lill-patrijarka Abraham. Alla qallu biex jitlaq mill-belt prosperuża taʼ Ur tal-Kaldin u jmur f’pajjiż li hu ma kien jaf xejn dwaru. Abraham obda b’għajnejh magħluqin. (Lhud 11:8) Għall-kumplament taʼ ħajtu, hu u familtu għexu fit-tined. Wara ħafna snin bħala stranġier fil-pajjiż, Jehovah bierek lilu u lill-mara ubbidjenti tiegħu, Sara, b’iben imsemmi Iżakk. Min jaf Abraham, li issa kellu mitt sena, kemm kien iħobbu lil dan bin xjuħitu! Xi snin wara, Jehovah talab lil Abraham biex jissagrifika lil Iżakk bħala sagrifiċċju tal-ħruq. (Ġenesi 22:1, 2) Il-ħsieb biss taʼ li jagħmel ħaġa bħal din żgur li weġġgħu lil Abraham. Minkejja dan, issokta jobdi għaliex hu kien iħobbu lil Jehovah u kellu fidi li ż-żerriegħa mwiegħed kien se jiġi permezz taʼ Iżakk, saħansitra jekk Alla kellu jqajmu mill-mewt. (Lhud 11:17-19) Madankollu, meta Abraham kien wasal biex joqtol lil ibnu Jehovah waqqfu u qal: “Issa naf li inti tibżaʼ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni.” (Ġenesi 22:12) Minħabba l-ubbidjenza tiegħu, Abraham, li kien jibżaʼ minn Alla, sar magħruf bħala l-“ħabib taʼ Alla.”—Ġakbu 2:23.
L-aħjar eżempju t’ubbidjenza għalina hu Ġesù Kristu. Matul l-eżistenza pre-umana tiegħu, hu sab għaxqa f’li jagħti servizz ubbidjenti lil Missieru fis-sema. (Proverbji 8:22-31) Bħala bniedem, Ġesù obda lil Jehovah f’kollox, dejjem isib l-għaxqa f’li jagħmel ir-rieda tiegħu. (Salm 40:9 [Salm 40:8, NW]; Lhud 10:9) B’hekk, Ġesù setaʼ jgħid bil-verità kollha: “Minn rajja ma nagħmel xejn, imma . . . nitkellem skond ma għallimni l-Missier. U min bagħatni huwa miegħi, ma telaqnix waħdi, għax jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġwann 8:28, 29) Finalment, biex jivvindika s-sovranità taʼ Jehovah u biex jifdi lill-umanità ubbidjenti, Ġesù ta ħajtu minn rajh, billi għadda minn mewta tassew umiljanti u agonizzanti. Tabilħaqq, “deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib [“zokk tat-tortura,” NW].” (Filippin 2:7, 8 [Filippin 2:8, NW]) X’eżempju f’li nuru qalb ubbidjenti!
Ubbidjenza Parzjali M’hix Biżżejjed
Mhux kull min sostna li kien ubbidjenti lejn Alla obdih tabilħaqq. Ikkunsidra lis-Sultan Sawl taʼ Iżrael tal-qedem. Alla istruwih biex jeqred lill-Għamalekin. (1 Samwel 15:1-3) Għalkemm Sawl ġarrabhom bħala nazzjon, hu ħeles mill-mewt lis-sultan u ppreserva xi ftit min-nagħaġ u l-baqar tagħhom. Samwel staqsieh: “L-għala, mela, ma smajtx mill-kelma tal-Mulej?” Bi tweġiba, Sawl qal: “Jien smajt mill-kelma tal-Mulej! . . . Il-poplu [taʼ Iżrael] ħa mill-priża nagħaġ u baqar, l-aħjar . . . biex joffrihom lill-Mulej.” B’enfasi fuq il-bżonn t’ubbidjenza kompleta, Samwel wieġeb: “Jaqaw il-Mulej jogħġbuh il-vittmi tal-ħruq u s-sagrifiċċji aktar mis-smigħ tal-kelma tal-Mulej? Ara, l-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji; is-smigħ, aħjar mix-xaħam tal-muntun. Ir-ribelljoni daqs id-dnub tas-seħer, u li twebbes rasek daqs il-ħażen tal-qima tax-xbihat. Għax int warrabt il-kelma tal-Mulej, hu se jwarrab lilek minn sultan!” (1 Samwel 15:17-23) Kemm tilef Sawl minħabba li ma kellux qalb ubbidjenti!
Saħansitra l-għaref Sultan Salamun, li kien talab għal qalb ubbidjenti, ma kompliex jobdi lil Jehovah. Kuntrarju għar-rieda divina, iżżewweġ nisa barranin li ġagħluh jidneb kontra Alla. (Neħemija 13:23, 26) Salamun tilef il-favur t’Alla minħabba li ma kompliex iżomm qalb ubbidjenti. Xi twissija għalina hi din!
Dan ma jfissirx li Jehovah jirrikjedi l-perfezzjoni mill-qaddejja umani tiegħu. Hu “jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Ilkoll kemm aħna nafu fiċ-ċert li xi drabi niżbaljaw, imma Alla jistaʼ jara jekk għandniex verament xewqa minn qiegħ qalbna biex nogħġbuh. (2 Kronaki 16:9) Jekk niżbaljaw minħabba l-imperfezzjoni umana imma nindmu, nistgħu nitolbu għall-maħfra fuq il-bażi tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu, fiduċjużi li Jehovah “jaħfer ħafna.” (Isaija 55:7; 1 Ġwann 2:1, 2) L-għajnuna minn anzjani Kristjani kollhom imħabba tistaʼ wkoll tkun meħtieġa biex inkunu nistgħu nirkupraw spiritwalment u jkollna fidi msaħħa u qalb ubbidjenti.—Titu 2:2; Ġakbu 5:13-15.
Kemm Hi Kompleta l-Ubbidjenza Tiegħek?
Bħala l-qaddejja t’Alla, ħafna minna mingħajr dubju nħossu li għandna qalb ubbidjenti. Nistgħu nirraġunaw, M’iniex jien nieħu sehem fix-xogħol tax-xandir tas-Saltna? Ma nżommx sod jien meta jqumu kwistjonijiet serji bħalma hija dik tan-newtralità? U ma nattendix jien għal-laqgħat Kristjani regolarment, bħalma ħeġġeġ l-appostlu Pawlu? (Mattew 24:14; 28:19, 20; Ġwann 17:16; Lhud 10:24, 25) Huwa minnu li bħala grupp il-poplu taʼ Jehovah juri ubbidjenza minn qalbu f’aspetti importanti bħal dawn.
Imma xi ngħidu dwar il-kondotta tagħna fil-ħajja taʼ kuljum, forsi f’affarijiet li jidhru żgħar? Ġesù stqarr: “Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna.” (Luqa 16:10) Għalhekk, kull wieħed u waħda minna jagħmel tajjeb li jsaqsi lilu nnifsu, Għandi jien qalb ubbidjenti fejn jidħlu ħwejjeġ żgħar jew affarijiet li ħaddieħor lanqas biss ikun jaf bihom?
Is-salmista wera li saħansitra ġewwa daru, fejn ħaddieħor ma setax jarah, ‘ġab ruħu b’qalb safja.’ (Salm 101:2) Meta tkun qiegħed bil-qiegħda f’darek, għandek mnejn tixgħel it-televixin u taqbad tara xi film. F’dak il-waqt, l-ubbidjenza tiegħek tistaʼ tgħaddi minn test. Il-film jistaʼ jsir immorali fil-kontenut. Se tibqaʼ tarah, billi tirraġuna li llum dan it-tip taʼ films jintwerew? Jew il-qalb ubbidjenti tiegħek se tqanqlek biex tosserva l-ordni Skritturali, ‘Żína u faħx, ebda waħda minnhom ma għandha biss tissemma fostkom?’ (Efesin 5:3-5) Se taqbad u titfih it-televixin, saħansitra jekk l-istorja hi intriganti? Jew se taqliblu għal xi stazzjon ieħor jekk il-programm isir vjolenti? “Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin,” kanta s-salmista, “hu jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa [“il-vjolenza,” NW].”—Salm 11:5.
Qalb Ubbidjenti Ġġib Barkiet
M’għandniex xi ngħidu, fil-ħajja hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn nistgħu neżaminaw lilna nfusna bi profitt biex naraw jekk aħniex nobdu verament lil Alla mill-qalb. L-imħabba tagħna lejn Jehovah għandha tqanqalna biex nogħġbuh u biex nagħmlu dak li jgħidilna fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Qalb ubbidjenti se tgħinna nżommu relazzjoni tajba maʼ Jehovah. Tabilħaqq, jekk aħna ubbidjenti għalkollox, ‘ikunu milqugħa quddiem Jehovah kliem fommna u ħsieb qalbna.’—Salm 19:15 [Salm 19:14, NW].
Minħabba li Jehovah jħobbna, hu jgħallimna l-ubbidjenza għall-ġid tagħna stess. U aħna stess nibbenefikaw bil-kbir billi b’qalbna kollha nagħtu attenzjoni lit-tagħlim divin. (Isaija 48:17, 18) Għalhekk, ħa naċċettaw bil-ferħ l-assistenza li Missierna tas-sema jipprovdilna permezz tal-Kelma tiegħu, l-ispirtu tiegħu, u l-organizzazzjoni tiegħu. Qed niġu mgħallmin tant tajjeb li huwa bħallikieku qed nisimgħu vuċi warajna tgħidilna: ‘Din hi t-triq; għaddu minnha.’ (Isaija 30:21) Hekk kif Jehovah jgħallimna permezz tal-Bibbja, tal-pubblikazzjonijiet Kristjani, u tal-laqgħat tal-kongregazzjoni, ħa nagħtu attenzjoni, napplikaw dak li nitgħallmu, u nkunu “ubbidjenti fl-affarijiet kollha.”—2 Korintin 2:9, NW.
Qalb ubbidjenti se tagħtina ħafna ferħ u barkiet. Iġġibilna paċi tal-moħħ, għax inkunu nafu li qed nogħġbu bil-kbir lil Alla Jehovah u qed inferrħulu qalbu. (Proverbji 27:11) Qalb li hija ubbidjenti se tkun taʼ protezzjoni għalina meta niġu ttantati biex nagħmlu dak li hu ħażin. Żgur, allura, li għandna nobdu lil Missierna tas-sema u għandna nitolbuh: ‘Agħti lill-qaddej tiegħek qalb ubbidjenti.’
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 29]
Mis-Self-Pronouncing Edition of the Holy Bible, li tinkludi l-verżjonijiet King James u Revised