LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 9/1 pp. 30-31
  • Pawlu Jagħti Xiehda bi Qlubija Quddiem Uħud Dinjitarji

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Pawlu Jagħti Xiehda bi Qlubija Quddiem Uħud Dinjitarji
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Id-​Difiża Qalbiena taʼ Pawlu
  • Lezzjoni Għalina
  • Għin lil Oħrajn Jaċċettaw il-Messaġġ tas-Saltna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • “Nixtieq Immur Quddiem Ċesari!”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • “It-Tagħlim Dwar Dak li Jgħid Ġeħova Kompla Jinfirex”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Ipproklama bil-Qlubija s-Saltna taʼ Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 9/1 pp. 30-31

Dawn Għamlu r-​Rieda taʼ Jehovah

Pawlu Jagħti Xiehda bi Qlubija Quddiem Uħud Dinjitarji

IL-​KUNTRAST bejn iż-​żewġt irġiel ma setax ikun iktar ċar minn hekk. Wieħed liebes kuruna fil-​waqt li l-​ieħor liebes il-​ktajjen. Wieħed kien sultan; l-​ieħor, priġunier. Wara sentejn il-​ħabs, l-​appostlu Pawlu kien qiegħed issa wieqaf quddiem il-​ħâkem tal-​Lhud, Erodi Agrippa II. Is-​sultan u martu, Bereniċi, kienu “ġew bis-​solennità kollha; daħlu fis-​sala taʼ l-​udjenza mat-​tribuni u l-​kbarat tal-​belt.” (Atti 25:23) Xogħol taʼ referenza jgħid: “X’aktarx li kien hemm diversi mijiet taʼ nies preżenti.”

Kien Festu, il-​gvernatur li kien għadu kif inħatar, li organizza din il-​laqgħa. Il-​gvernatur taʼ qablu, Feliċ, kien kuntent li jħalli lil Pawlu jitherra fil-​ħabs. Imma Festu ddubita kemm kienu validi l-​akkużi miġjubin kontra Pawlu. Wara kollox, Pawlu tant insista fuq l-​innoċenza tiegħu li esiġa li jippreżenta l-​każ tiegħu quddiem Ċesari! Il-​każ taʼ Pawlu qanqal il-​kurżità tas-​Sultan Agrippa. “Irrid nismaʼ lil dan ir-​raġel jien ukoll,” hu qal. Festu malajr għamel l-​arranġamenti, waqt li aktarx beda jberren fuq x’kien se jaħseb is-​sultan dwar dan il-​priġunier hekk uniku.—Atti 24:27–25:22.

L-għada, Pawlu sab ruħu wieqaf quddiem folla kbira taʼ dinjitarji. “Nħossni hieni, sultan Agrippa, li llum se niddefendi ruħi quddiemek,” qal lil Agrippa, “l-​aktar għax int taf id-​drawwiet u l-​kwistjonijiet kollha tal-​Lhud. Għalhekk nitolbok tismagħni bis-​sabar.”—Atti 26:2, 3.

Id-​Difiża Qalbiena taʼ Pawlu

L-​ewwel, Pawlu qal lil Agrippa dwar il-​passat tiegħu bħala persekutur tal-​Kristjani. “Kont nagħmel minn kollox biex inġagħalhom jiċħdu t-​twemmin tagħhom,” hu qal. “B’saħna li ma bħalha kont nippersegwitahom sa fi bliet barranin.” Pawlu ssokta billi rrakkonta kif hu rċieva viżjoni impressjonanti fejn Ġesù rxoxtat staqsieh: “Għaliex qiegħed tippersegwitani? Iebsa għalik li teħodha kontra n-​niggieża!”a—Atti 26:4-14.

Ġesù mbagħad qabbad lil Sawl biex jagħti xiehda lin-​nies tal-​ġnus kollha “tad-​dehra li fiha rajtni u taʼ dawk li fihom għad nidhirlek.” Pawlu rrakkonta li hu ħabrek b’mod diliġenti biex iwettaq l-​inkarigu tiegħu. Madankollu, “minħabba f’hekk,” hu qal lil Agrippa, “il-​Lhud qabduni fit-​Tempju u riedu joqtluni.” Billi appella għall-​interess li Agrippa kellu fil-​Ġudaiżmu, Pawlu saħaq li l-​għoti taʼ xiehda tiegħu tassew involva li ‘ma jgħidx ħaġa oħra ħlief dak li l-​Profeti u Mosè qalu li kellu jsir’ rigward il-​mewt u l-​qawmien tal-​Messija.—Atti 26:15-23.

Festu interrompa. “L-​għerf kbir tiegħek qiegħed iġennek!” esklama hu. Pawlu wieġeb: “Eċċellenza, Festu, jien m’iniex miġnun, imma qiegħed ngħid is-​sewwa u nitkellem bil-​għaqal.” Pawlu mbagħad qal dwar Agrippa: “Is-​sultan, li miegħu qiegħed nitkellem bil-​libertà kollha, jaf sewwa dan kollu; għax għandi nifhem li xejn minn dan kollu ma hu moħbi għalih, ladarba dan ma sarx fil-​moħbi.”—Atti 26:24-26.

Imbagħad Pawlu indirizza direttament lil Agrippa. “Temmen int, sultan Agrippa, fil-​Profeti?” Il-​mistoqsija mingħajr dubju ġagħlitu jħossu skomdu lil Agrippa. Wara kollox, ma riedx jidher ikrah, u jekk jaqbel maʼ Pawlu kien se jkun qiegħed jaqbel maʼ dak li Festu sejjaħlu ‘ġenn.’ Billi forsi ħass din l-​eżitazzjoni minn naħa t’Agrippa, Pawlu wieġeb il-​mistoqsija li kien għamel hu stess. ‘Jien naf li temmen,’ hu qal. Agrippa issa tkellem, imma b’dak li qal ma kkommettiex ruħu. “Ftit jonqsok,” qallu lil Pawlu, “biex tipperswadini u tagħmilni nisrani [“Kristjan,” NW]!”—Atti 26:27, 28.

Biex joħroġ punt qawwi, Pawlu b’sengħa liema bħalha nqeda bl-​istqarrija li Agrippa uża biex jipprova jiżgiċċa. “Nitlob ’l Alla li, bil-​ftit jew wisq, mhux inti biss, imma dawk kollha li llum qegħdin jisimgħuni jkunu bħal[i], barra mill-​irbit taʼ dawn il-​ktajjen.”—Atti 26:29.

Agrippa u Festu ma sabu xejn f’Pawlu li ġagħalhom jarawh bħala li jistħoqqlu l-​mewt jew il-​priġunerija. Xorta waħda, it-​talba tiegħu biex jippreżenta l-​każ tiegħu quddiem Ċesari ma setgħetx tiġi annullata. Huwa għalhekk li Agrippa qal lil Festu: “Li ma appellax għal quddiem Ċesari lil dan ir-​raġel kont tistaʼ titilqu.”—Atti 26:30-32.

Lezzjoni Għalina

Il-​metodu t’għoti taʼ xiehda li Pawlu uża quddiem id-​dinjitarji jipprovdilna eżempju tajjeb ħafna. Pawlu uża d-​diskrezzjoni meta tkellem mas-​Sultan Agrippa. Bla dubju, kien konxju taʼ l-​iskandlu li kien jinvolvi lil Agrippa u Bereniċi. Ir-​relazzjoni tagħhom kienet waħda inċestuża, għax Bereniċi attwalment kienet oħt Agrippa. Imma f’din l-​okkażjoni Pawlu m’għażilx li jagħmel xi taħdita fuq il-​moralità. Minflok, enfasizza punti li kemm hu u kemm Agrippa kienu jaqblu fuqhom. Barra minn hekk, għalkemm Pawlu ġie istruwit mill-​imgħallem Fariżew Gamaljel, hu rrikonoxxa l-​fatt li Agrippa kien espert fid-​drawwiet tal-​Lhud. (Atti 22:3) Minkejja l-​etika persunali t’Agrippa, Pawlu kellmu bir-​rispett għaliex Agrippa kellu pożizzjoni t’awtorità.—Rumani 13:7.

Għalkemm aħna nagħtu xiehda bi qlubija dwar it-​twemmin tagħna, m’hijiex il-​mira tagħna li nesponu jew li nikkundannaw il-​prattiċi mhux nodfa tas-​semmiegħa tagħna. Pjuttost, biex nagħmluhielhom iktar faċli biex jaċċettaw il-​verità, għandna nisħqu fuq l-​aspetti pożittivi taʼ l-​aħbar tajba, billi nenfasizzaw tamiet li kemm aħna u kemm is-​semmiegħa naqblu fuqhom. Meta nkunu qed nitkellmu maʼ min hu akbar minna fl-​età jew maʼ xi ħadd t’awtorità, għandna nirrikonoxxu l-​pożizzjoni tagħhom. (Levitiku 19:32) B’dan il-​mod, nistgħu nimitaw lil Pawlu, li qal: “Sirt kollox maʼ kulħadd, biex insalva lil kulħadd.”—1 Korintin 9:22.

[Nota taʼ taħt]

a L-espressjoni “teħodha kontra n-​niggieża” tiddeskrivi l-​azzjoni taʼ barri meta jferi lilu nnifsu waqt li jkun qed jagħti bis-​sieq lill-​bastun bil-​ponta li hu ddisinjat biex isuq u jiggwida lill-​annimal. B’mod simili, billi jippersegwita lill-​Kristjani, Sawl ma kien se jġib xejn ħlief deni fuqu nnifsu, ladarba kien qed jiġġieled maʼ poplu li kellu l-​appoġġ t’Alla.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja