LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 11/15 pp. 13-18
  • Għin lil Oħrajn Jaċċettaw il-Messaġġ tas-Saltna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għin lil Oħrajn Jaċċettaw il-Messaġġ tas-Saltna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Uża l-​Arti tal-​Persważjoni
  • Persważjoni li Tilħaq il-​Qalb
  • Uża l-​Kelma t’Alla bis-​Sengħa
  • Ħares Lejn il-​Ministeru Kif Iħares Lejh Alla
  • Pawlu Jagħti Xiehda bi Qlubija Quddiem Uħud Dinjitarji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • “Nixtieq Immur Quddiem Ċesari!”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • “It-Tagħlim Dwar Dak li Jgħid Ġeħova Kompla Jinfirex”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Ipproklama bil-Qlubija s-Saltna taʼ Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 11/15 pp. 13-18

Għin lil Oħrajn Jaċċettaw il-​Messaġġ tas-​Saltna

“Mbagħad Agrippa qal lil Pawlu: ‘Ftit jonqsok biex tipperswadini u tagħmilni nisrani!’” ​—Atti 26:28.

1, 2. L-​appostlu Pawlu kif sab ruħu quddiem il-​Gvernatur Festu u s-​Sultan Erodi Agrippa II?

F’ĊESARIJA, fis-​sena 58 E.K., il-​Gvernatur Ruman Porċjus Festu kellu żjara mingħand is-​Sultan Erodi Agrippa II u oħtu Bereniċi. Għall-​istedina tal-​Gvernatur Festu huma ġew ‘bis-​solennità kollha u daħlu fis-​sala taʼ l-​udjenza mat-​tribuni u l-​kbarat tal-​belt.’ Għall-​kmand taʼ Festu, l-​appostlu Kristjan Pawlu ddaħħal quddiemhom. Imma x’wassal biex dan is-​segwaċi taʼ Ġesù Kristu sab ruħu quddiem it-​tron tal-​Gvernatur Festu biex isir ħaqq minnu?​—Atti 25:​13-​23.

2 Dak li Festu qal lill-​mistidnin tiegħu jagħtina t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija. Hu qal: “Sultan Agrippa u intom ilkoll li qegħdin hawn magħna, qegħdin taraw lil dan ir-​raġel li fuqu l-​kotra tal-​Lhud, kemm f’Ġerusalemm u kemm hawn, ġiet għandi titlobni u tgħajjat li ma għandux jibqaʼ aktar ħaj. Jiena rajt li ma għamel xejn biex jistħoqqlu l-​mewt; imma, billi hu stess appella għal quddiem l-​imperatur Awgustu, qtajtha li nibagħtu għandu. Ma għandi xejn ċert x’nikteb lil sidi l-​imperatur fuqu, għalhekk ġibtu quddiemkom, u l-​aktar quddiemek, sultan Agrippa, biex bl-​istħarriġ li jsirlu nsib xi ħaġa x’nikteb. Għax jidhirli li m’hijiex ħaġa flokha nibgħat priġunier bla ma ngħid x’hemm kontra tiegħu.”​—Atti 25:​24-27.

3. Il-​mexxejja reliġjużi għala ġabu l-​akkużi kontra Pawlu?

3 Il-​kliem taʼ Festu juri li Pawlu ffaċċja qlajjiet foloz taʼ sedizzjoni​—att kriminali li kien iġorr miegħu l-​piena tal-​mewt. (Atti 25:11) Madankollu, Pawlu kien innoċenti. L-​akkużi kontrih nibtu mill-​għira tal-​mexxejja reliġjużi f’Ġerusalemm. Huma kienu jopponu x-​xogħol li Pawlu kien qed jagħmel bħala proklamatur tas-​Saltna u inkorlaw bil-​kbir għax hu kien qed jgħin lil oħrajn biex isiru segwaċi taʼ Ġesù Kristu. B’riġment armat sa snienu, Pawlu nġieb minn Ġerusalemm sal-​belt taʼ Ċesarija fejn kien hemm port, u hemmhekk appella għal Ċesari. Minn hemm hu kellu jittieħed lejn Ruma.

4. Liema stqarrija li tgħaġġbek ħareġ biha s-​Sultan Agrippa?

4 Immaġina lil Pawlu fil-​palazz tal-​gvernatur quddiem grupp li fih kien hemm il-​ħakkiem taʼ parti importanti mill-​Imperu Ruman. Is-​Sultan Agrippa jdur lejn Pawlu u jgħidlu: “Tistaʼ titkellem u tiddefendi ruħek.” Hekk kif il-​kliem joħroġ minn fomm Pawlu, jiġru affarijiet taʼ l-​għaġeb. Dak li jgħid Pawlu jibda jeffettwa lis-​sultan. Fil-​fatt, is-​Sultan Agrippa jgħidlu: “Ftit jonqsok biex tipperswadini u tagħmilni nisrani!”​—Atti 26:​1-28.

5. Il-​kliem taʼ Pawlu lil Agrippa għala kien daqshekk effettiv?

5 Aħseb ftit! B’riżultat tad-​difiża bis-​sengħa li għamel Pawlu, ħakkiem ġie effettwat mill-​qawwa li tinfed tal-​Kelma t’Alla. (Lhud 4:​12) Id-​difiża taʼ Pawlu għala kienet daqshekk effettiva? U x’nistgħu nitgħallmu minn Pawlu li jistaʼ jgħinna fix-​xogħol tagħna taʼ li nagħmlu dixxipli? Jekk nanalizzaw id-​difiża tiegħu, joħorġu żewġ punti prinċipali: (1) Pawlu kien persważiv fil-​preżentazzjoni tiegħu. (2) Hu uża l-​għarfien li kellu mill-​Kelma t’Alla bis-​sengħa, sewwasew bħalma artiġjan juża l-​għodda tiegħu tajjeb.

Uża l-​Arti tal-​Persważjoni

6, 7. (a) Xi tfisser il-​kelma “persważjoni” kif użata fil-​Bibbja? (b) Xi rwol għandha l-​persważjoni biex oħrajn jaċċettaw it-​tagħlim tal-​Bibbja?

6 Fil-​ktieb taʼ l-​Atti, it-​termini Griegi għal persważjoni huma użati ripetutament f’konnessjoni maʼ l-​ippridkar taʼ Pawlu. Dan x’tifsir għandu fejn jidħol ix-​xogħol tagħna taʼ li nagħmlu dixxipli?

7 Fil-​lingwa oriġinali taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana, “li tipperswadi” jfisser “li tikkonvinċi” jew li ġġib “bidla fil-​moħħ bl-​influwenza tar-​raġuni jew tal-​konsiderazzjonijiet morali,” jgħid l-​Expository Dictionary of New Testament Words taʼ Vine. Meta neżaminaw it-​tifsira bażika tal-​kelma nkunu nistgħu nifhmu iktar. Din tagħti l-​idea taʼ fiduċja. Għalhekk, jekk tipperswadi lil xi ħadd biex jaċċetta xi tagħlim tal-​Bibbja, int tkun irbaħt il-​fiduċja tiegħu, u b’hekk hu jpoġġi fidi fil-​verità taʼ dak it-​tagħlim. Ovvjament m’huwiex biżżejjed li tgħid lil dak li jkun x’tgħid il-​Bibbja sabiex hu jkun jistaʼ jemmen u jaġixxi fuqu. Min jisimgħek irid ikun konvint li dak li qed tgħid huwa minnu, kemm jekk l-​individwu jkun tifel, ġâr, sieħbek fuq ix-​xogħol jew taʼ l-​iskola, jew xi qarib.​—2 Timotju 3:​14, 15.

8. X’jinvolvi li tikkonvinċi persuna dwar verità Skritturali?

8 Kif tistaʼ tikkonvinċi lil xi ħadd li dak li qed ixxandar mill-​Kelma t’Alla huwa l-​verità? Permezz taʼ raġunar loġiku, argument sod, u talb bil-​ħerqa, Pawlu għamel ħiltu kollha biex iġib bidla fil-​moħħ taʼ l-​individwi li kien jitkellem magħhom.a Għalhekk, minflok ma sempliċement tgħid li xi ħaġa hija minnha, għandek bżonn tagħti evidenza sodisfaċenti biex tappoġġa dak li tgħid. Dan kif jistaʼ jsir? Kun ċert li dak li tgħid ikun ibbażat fis-​sod fuq il-​Kelma t’Alla u mhux fuq opinjoni persunali. Ukoll, uża iktar informazzjoni biex tappoġġa l-​istqarrijiet sinċieri tiegħek ibbażati fuq il-​Bibbja. (Proverbji 16:23) Per eżempju, jekk tkun se titkellem dwar il-​fatt li bnedmin ubbidjenti se jgawdu ħajja f’ġenna taʼ l-​art, appoġġa dak li tgħid b’referenza mill-​Iskrittura, bħal dik li nsibu f’Luqa 23:43 jew Isaija 65:​21-​25. Kif tistaʼ tagħti iktar evidenza biex tappoġġa l-​punt Skritturali li trid toħroġ? Tistaʼ tuża eżempji mill-​esperjenza li għandu min ikun qed jisimgħek. Tistaʼ tfakkru fis-​sbuħija sempliċi u li ma tqumx flus li tistaʼ tgawdi minn inżul ix-​xemx, ir-​riħa tfuħ taʼ fjura, it-​togħma ħelwa taʼ frotta, jew il-​ferħ li tara għasfura żżoqq lill-​frieħ tagħha. Għinu jara li dawn l-​affarijiet tant taʼ gost huma evidenza li l-​Ħallieq iridna ngawdu l-​ħajja fuq l-​art.​—Koħèlet 3:​11, 12.

9. Kif nistgħu nużaw ir-​raġunevolezza fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna?

9 Meta tkun qed tipprova tipperswadi lil xi ħadd biex jaċċetta ċertu tagħlim mill-​Bibbja, oqgħod attent li l-​entużjażmu tiegħek ma jġagħlekx tinstemaʼ li m’intix raġunevoli, għax dan jistaʼ jagħlaq moħħ u qalb min ikun qed jisimgħek. Il-​ktieb Ministry School jagħti dan il-​parir: “Meta b’mod dirett tgħid verità li tikxef xi twemmin falz li jkun jgħożż xi ħadd ieħor, lanqas jekk turih lista twila taʼ skritturi, ġeneralment ma tantx jaċċettaha malajr. Per eżempju, jekk sempliċement taqbad u tgħid li ċ-​ċelebrazzjonijiet popolari għandhom oriġini pagana, dan x’aktarx li m’huwiex se jbiddel il-​mod kif in-​nies iħossuhom dwarhom. Meta tirraġuna maʼ dak li jkun ġeneralment ikollok iktar suċċess.” Għala għandek tagħmel sforz kbir biex tkun raġunevoli? Il-​ktieb jgħid: “Meta tuża r-​raġunar tinkuraġġixxi d-​diskussjoni, tagħti lin-​nies xi ħaġa biex jaħsbu dwarha iktar tard, u tħalli bieb miftuħ għal iktar konversazzjonijiet fil-​futur. Ir-​raġunar jistaʼ jkun persważiv b’mod taʼ l-​għaġeb.”​—Kolossin 4:6.

Persważjoni li Tilħaq il-​Qalb

10. Pawlu b’liema mod introduċa d-​difiża tiegħu quddiem Agrippa?

10 Ejja issa nagħtu ħarsa iktar mill-​qrib lejn il-​kliem li jinsab fid-​difiża taʼ Pawlu f’kapitlu 26. Innota kif hu jibda d-​diskors tiegħu. Biex jintroduċi s-​suġġett, Pawlu jsib bażi leġittima fuqiex ifaħħar lil Agrippa, avolja s-​sultan kellu relazzjoni skandaluża maʼ oħtu Bereniċi. Pawlu qal: “Nħossni hieni, sultan Agrippa, li llum se niddefendi ruħi quddiemek mill-​akkużi kollha li l-​Lhud qegħdin iġibu kontra tiegħi, l-​aktar għax int taf id-​drawwiet u l-​kwistjonijiet kollha tal-​Lhud. Għalhekk nitolbok tismagħni bis-​sabar.”​—Atti 26:​2, 3.

11. Il-​kliem li Pawlu qal lil Agrippa kif wera rispett, u x’benefiċċji ħareġ minnu?

11 Innotajt kif Pawlu rrispetta l-​pożizzjoni għolja t’Agrippa billi indirizzah bit-​titlu tiegħu, Sultan? Dan wera rispett, u bl-​għażla għaqlija tal-​kliem tiegħu, Pawlu ta ġieħ lil Agrippa. (1 Pietru 2:​17) L-​appostlu Pawlu rrikonoxxa lil Agrippa bħala wieħed li kien jaf sew id-​drawwiet u l-​kwistjonijiet kollha tas-​sudditi tiegħu li kienu Lhud u qal li kien ferħan li kien se jagħmel id-​difiża tiegħu quddiem ħakkiem li kien informat daqshekk tajjeb. Pawlu, li kien Kristjan, ma ġabx ruħu bħallikieku kien iħossu superjuri għal Agrippa, li ma kienx Kristjan. (Filippin 2:​3) Minflok, Pawlu talab lis-​sultan biex jisimgħu bil-​paċenzja. B’hekk, Pawlu ħoloq atmosfera li fiha Agrippa, kif ukoll is-​semmiegħa l-​oħra, kellhom iktar ċans li jaċċettaw dak li kien se jippreżentalhom. Kien qiegħed iħejji pedament, xi ħaġa in komuni fuqiex jibni l-​argumenti tiegħu.

12. Fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​saltna, kif nistgħu nilħqu qalb is-​semmiegħa tagħna?

12 Ejja nagħmlu bħalma għamel Pawlu quddiem Agrippa, u mill-​introduzzjoni sal-​konklużjoni tal-​preżentazzjoni tagħna nagħmlu appell li jilħaq qalb dawk li jisimgħuna. Dan nistgħu nagħmluh billi nuru rispett sinċier lejn dik il-​persuna li lilha nkunu qed nippridkaw u billi nuru interess ġenwin fl-​isfond u fil-​ħsibijiet partikulari tiegħu jew tagħha.​—1 Korintin 9:​20-​23.

Uża l-​Kelma t’Alla bis-​Sengħa

13. Kif tistaʼ int, bħal Pawlu, tqanqal lis-​semmiegħa tiegħek?

13 Pawlu xtaq iqanqal lis-​semmiegħa tiegħu biex jaġixxu fuq l-​aħbar tajba. (1 Tessalonikin 1:​5-7) Biex jagħmel dan, hu laħaq il-​qalb figurattiva tagħhom, minfejn tiġi l-​motivazzjoni. Hekk kif inkomplu nikkunsidraw id-​difiża li Pawlu għamel quddiem Agrippa, innota kif Pawlu ‘immaniġġa sew il-​kelma t’Alla’ billi rrefera għal affarijiet li kienu qalu Mosè u l-​profeti.​—2 Timotju 2:​15, NW.

14. Spjega kif Pawlu uża l-​persważjoni meta kien quddiem Agrippa.

14 Pawlu kien jaf li Agrippa kien Lhudi taʼ l-​isem biss. Billi appella għall-​għarfien li Agrippa kellu dwar il-​Ġudaiżmu, Pawlu rraġuna li l-​ippridkar tiegħu ma kienx ‘ħlief fuq affarijiet li l-​Profeti kif ukoll Mosè stqarru li se jseħħu,’ rigward il-​mewt u l-​irxoxt tal-​Messija. (Atti 26:​22, 23) Waqt li indirizza direttament lil Agrippa, Pawlu staqsa: “Temmen int, sultan Agrippa, fil-​Profeti?” Agrippa ma kienx jaf x’se jaqbad jgħid. Jekk jgħid li ma jemminx fil-​profeti, ir-​reputazzjoni tiegħu bħala wieħed li jħaddan ir-​reliġjon Lhudija kienet se tkun rovinata. Jekk jaqbel mar-​raġunar taʼ Pawlu, kien ikun qed jistqarr fil-​pubbliku li hu fi qbil maʼ l-​appostlu u jissogra li jaħsbuh Kristjan. Pawlu bl-​għaqal kollu jwieġeb il-​mistoqsija tiegħu stess billi jgħid: “Jien naf li temmen.” (Korsiv tagħna.) Qalb Agrippa x’qanqlitu biex iwieġeb? Hu wieġeb: “Ftit jonqsok biex tipperswadini u tagħmilni nisrani!” (Atti 26:​27, 28) Għalkemm Agrippa ma sarx Kristjan, milli jidher Pawlu ftit jew wisq messlu qalbu bil-​messaġġ tiegħu.​—Lhud 4:​12.

15. Pawlu kif irnexxielu jistabbilixxi kongregazzjoni f’Tessalonika?

15 Innotajt li l-​preżentazzjoni taʼ l-​aħbar tajba li għamel Pawlu kienet tinkludi kemm il-​proklamazzjoni kif ukoll il-​persważjoni? Minħabba li Pawlu uża din it-​tattika u fl-​istess ħin ‘immaniġġa sew il-​kelma t’Alla,’ xi wħud minn dawk li semgħuh ma baqgħux sempliċement jisimgħu biss imma saru Kristjani. Hekk ġara f’Tessalonika meta Pawlu mar fis-​sinagoga jfittex lil xi Lhud u Ġentili li kienu jibżgħu minn Alla. Ir-​rakkont f’Atti 17:​2-4 jgħid: “Pawlu daħal magħhom fis-​sinagoga, kif kien imdorri jagħmel. Għal tliet Sibtijiet wara xulxin kien jiddiskuti magħhom fuq l-​Iskrittura, u jfehemhom u jippruvalhom li l-​Messija kellu jbati u jqum mill-​imwiet . . . [Bħala riżultat] xi wħud minnhom emmnu.” Pawlu kien persważiv. Hu rraġuna, spjega, u ta prova permezz taʼ l-​Iskrittura li Ġesù kien il-​Messija li tant kien ilu mwiegħed. X’kien ir-​riżultat? Ġiet stabbilita kongregazzjoni taʼ wħud li emmnu.

16. Kif tistaʼ ssib iktar ferħ meta tipproklama s-​Saltna?

16 Tistaʼ ssir iktar tas-​sengħa fl-​arti tal-​persważjoni meta tispjega l-​Kelma t’Alla? Jekk iva, int se jkollok iktar sodisfazzjon persunali u ferħ fix-​xogħol tiegħek taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim dwar is-​Saltna t’Alla. Hekk ħassewhom xi pubblikaturi taʼ l-​aħbar tajba li applikaw is-​suġġerimenti biex jużaw iktar il-​Bibbja fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar.

17. Irrakkonta esperjenza persunali biex turi kemm hu taʼ benefiċċju li nużaw il-​Bibbja fil-​ministeru tagħna, jew uri l-​punt li joħroġ fil-​paragrafu.

17 Per eżempju, indokratur li jivvjaġġa tax-​Xhieda taʼ Jehovah kiteb: “Numru mhux ħażin t’aħwa qegħdin iġorru Bibbja f’idhom meta jkunu qed jagħtu xiehda minn dar għal dar. Dan għen lill-​pubblikaturi biex jaqraw skrittura lil ħafna min-​nies li jiltaqgħu magħhom. Għen ukoll kemm lill-​inkwilini kif ukoll lill-​pubblikaturi biex jassoċjaw il-​Bibbja u mhux biss ir-​rivisti u l-​kotba mal-​ministeru tagħna.” Ovvjament, jekk inħallux il-​Bibbja tidher jew le waqt li nkunu fuq il-​ministeru jiddependi minn diversi fatturi, fosthom id-​drawwiet lokali. Madankollu, ix-​xewqa tagħna għandha tkun li jkollna reputazzjoni li aħna wħud li nafu nużaw il-​Kelma t’Alla bis-​sengħa biex nipperswadu lil oħrajn ħalli jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna.

Ħares Lejn il-​Ministeru Kif Iħares Lejh Alla

18, 19. (a) Alla kif iqis il-​ministeru tagħna, u aħna għala għandna nħarsu lejh bl-​istess mod li jħares lejh hu? (b) X’se jgħinna nagħmlu żjajjar lura b’suċċess? (Ara l-​kaxxa li ġġib it-​titlu “Kif Ikollok Suċċess Meta Tagħmel iż-​Żjajjar Lura,” f’paġna 16.)

18 Mod ieħor kif tilħaq il-​qalb tas-​semmiegħa huwa billi tħares lejn il-​ministeru kif iħares lejh Alla, u billi tkun paċenzjuż. Ir-​rieda t’Alla hi “li l-​bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-​verità.” (1 Timotju 2:​3, 4) M’hijiex din ix-​xewqa li għandna aħna? Jehovah ukoll huwa paċenzjuż, u l-​paċenzja tiegħu tagħti opportunitajiet biex ħafna nies jaslu għall-​indiema. (2 Pietru 3:9) Għalhekk, meta nsibu lil xi ħadd li huwa lest li jagħti widen għall-​messaġġ tas-​Saltna, forsi jkun hemm bżonn li terġaʼ tmur darba wara l-​oħra biex tikkultiva dak l-​interess. Hemm bżonn il-​ħin u l-​paċenzja biex tara ż-​żrieragħ tal-​verità jikbru. (1 Korintin 3:6) Il-​kaxxa li hawn inkluża f’dan l-​artiklu intitolata “Kif Ikollok Suċċess Meta Tagħmel iż-​Żjajjar Lura” toffri suġġerimenti dwar kif nistgħu niżviluppaw dan l-​interess. Ftakar, il-​ħajjiet tan-​nies​—il-​problemi u s-​sitwazzjonijiet tagħhom​—qegħdin jinbidlu l-​ħin kollu. Forsi ddum biex issibhom id-​dar, imma l-​isforz li tagħmel ma jkunx għalxejn. Aħna rridu nagħtuhom opportunità biex jisimgħu l-​messaġġ taʼ salvazzjoni mingħand Alla. Għalhekk, itlob lil Alla Jehovah għall-​għerf biex tiżviluppa l-​abbiltajiet tiegħek tal-​persważjoni fix-​xogħol tiegħek biex tgħin lil oħrajn jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna.

19 Meta tinstab persuna li tkun tixtieq tismaʼ iktar dwar il-​messaġġ tas-​Saltna, aħna x’nistgħu nagħmlu iktar bħala ħaddiema Kristjani? L-​artiklu li jmiss se joffrilna xi suġġerimenti.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar il-​persważjoni, ara l-​istudji 48 u 49 fil-​ktieb Benefit From Theocratic Ministry School Education, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Tiftakar Int?

• X’kien li għamel id-​difiża taʼ Pawlu quddiem is-​Sultan Agrippa daqshekk effettiva?

• Il-​messaġġ tagħna kif jistaʼ jilħaq il-​qalb?

• X’se jgħinna biex nużaw il-​Kelma t’Alla b’mod effettiv sabiex nilħqu l-​qlub?

• Kif nistgħu nħarsu lejn il-​ministeru bħalma jħares lejh Alla?

[Kaxxa/Stampi f’paġna 16]

Kif Ikollok Suċċess Meta Tagħmel iż-​Żjajjar Lura

• Uri interess sinċier fin-​nies.

• Sabiex tagħmel diskussjoni, agħżel suġġett mill-​

Bibbja li jilħaq il-​qalb.

• Ibni pedament għal kull żjara li jkun imiss.

• Ibqaʼ aħseb dwar il-​persuna wara li titlaq.

• Iddumx ma tmur lura, forsi wara ġurnata jew tnejn, sabiex tikkultiva linteress.

• Żomm f’moħħok li l-​objettiv tiegħek huwa li tibda studju tal-​Bibbja fid-​dar.

• Itlob lil Jehovah biex ikabbar l-​interess.

[Stampa f’paġna 15]

Pawlu uża l-​persważjoni meta kien quddiem il-​Gvernatur Festu u s-​Sultan Agrippa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja