LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 10/1 pp. 22-25
  • Nagħti lil Jehovah Dak li Jistħoqqlu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nagħti lil Jehovah Dak li Jistħoqqlu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Naġixxi fuq Dak li Tgħallimt
  • Nippriedka Minkejja l-​Ostakli
  • Il-​Ministeru Tagħna f’Aidhonochori
  • Persekuzzjoni Brutali
  • Żjieda Minkejja l-​Oppożizzjoni
  • Orfni Minsi Jsib Missier li Jħobbu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Li Nogħġob lil Jehovah Huwa l-Ewwel Interess Tiegħi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 10/1 pp. 22-25

Nagħti lil Jehovah Dak li Jistħoqqlu

KIF RAKKONTAT MINN TIMOLEON VASILIOU

Ġejt arrestat talli kont qed ngħallem il-​Bibbja fir-​raħal taʼ Aidhonochori. Il-​pulizija neżżgħuli ż-​żarbun u bdew jagħtuni fil-​qiegħ taʼ saqajja. Hekk kif baqgħu jsawtuni, saqajja raqduli u ma bqajtx inħossu iktar l-​uġigħ. Qabel ma nispjega x’kien li wassal għal dan l-​abbuż, li f’dak iż-​żmien kien xi ħaġa komuni fil-​Greċja, ħa nirrakkontalkom kif sirt għalliem tal-​Bibbja.

EŻATT wara li twelidt jien fl-​1921, il-​familja tagħna marret toqgħod fil-​belt taʼ Rodholívos, fit-​tramuntana tal-​Greċja. F’żgħożiti, għext ħajja bla rażan. Taʼ 11-il sena, bdejt inpejjep. Iktar tard, bdejt nixrob ħafna u kont nilgħabhom, u kważi kull fil-​għaxija kont immur f’parties bla rażan. Kelli talent għall-​mużika, u għalhekk ngħaqadt maʼ banda lokali. Fi żmien sena, sirt kapaċi ndoqq il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​istrumenti tal-​banda. Madankollu, fl-​istess ħin, kont studjuż u kont inħobb il-​ġustizzja.

Kmieni fl-​1940, meta t-​Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-​aqwa tagħha, ġejna mistidnin indoqqu fil-​funeral taʼ tifla żgħira. Ħdejn il-​qabar, kien hemm il-​qraba u l-​ħbieb jibku b’niket kbir. Il-​fatt li kienu daqshekk bla tama tant impressjonani. Bdejt naħseb, ‘Għala mmutu? Hemm xi ħaġa iktar fil-​ħajja minbarra l-​eżistenza qasira tagħna? Fejn nistaʼ nsibhom it-​tweġibiet?’

Ftit jiem wara, ilmaħt kopja tat-​Testment il-​Ġdid fuq xkaffa fid-​dar tiegħi. Niżżiltha u bdejt naqraha. Meta qrajt il-​kliem taʼ Ġesù f’Mattew 24:7 li gwerer fuq skala kbira huma parti mis-​sinjal tal-​preżenza tiegħu, intbaħt li kliemu bilfors irid japplika għal żmienna. Fil-​ġimgħat taʼ wara, jien qrajt din il-​kopja taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana għal diversi drabi.

Imbagħad f’Diċembru taʼ l-​1940, mort inżur familja fil-​qrib​—armla u l-​ħames uliedha. Fil-​kamra tal-​bejt tagħhom, qalb gozz kotba żgħar, sibt wieħed bit-​titlu A Desirable Government, pubblikat mill-​Watch Tower Bible and Tract Society. Bqajt hemmhekk u qrajt il-​ktejjeb kollu. B’dak li qrajt ikkonvinċejt ruħi li aħna tabilħaqq qed ngħixu f’dawk li l-​Bibbja ssejħilhom “l-​aħħar jiem” u li Alla Jehovah dalwaqt se jġib fit-​tmiem lil din is-​sistema t’affarijiet u flokha jagħmel dinja ġdida taʼ tjieba.—2 Timotju 3:1-5, Saydon; 2 Pietru 3:13.

L-iktar ħaġa li impressjonatni kienet l-​evidenza Skritturali li dawk leali se jgħixu għal dejjem f’ġenna taʼ l-​art u li t-​tbatija u l-​mewt m’humiex se jeżistu iktar f’dik id-​dinja l-​ġdida taħt il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla. (Salm 37:9-11, 29; Apokalissi 21:3, 4) Hekk kif kont qed naqra, irringrazzjajt lil Alla bit-​talb għal dawn l-​affarijiet, u tlabtu biex jurini x’inhu dak li jirrikjedi. Rajt biċ-​ċar li Alla Jehovah kien jistħoqqlu li nagħtih devozzjoni b’ruħi kollha.—Mattew 22:37.

Naġixxi fuq Dak li Tgħallimt

Minn dak in-​nhar ’l hawn, waqaft inpejjep, ma bqajtx nisker, u ma komplejtx nilgħab. Ġbart il-​ħamest itfal taʼ l-​armla u t-​tliet ħuti żgħar flimkien, u spjegajtilhom dak li kont tgħallimt mill-​ktejjeb. F’qasir żmien ilkoll kemm aħna bdejna nxerrdu dak il-​ftit li konna nafu. Fil-​komunità sirna magħrufin bħala x-​Xhieda taʼ Jehovah, għalkemm qatt ma konna ltqajna magħhom. Eżatt mill-​bidunett, jien iddedikajt iktar minn mitt siegħa kull xahar biex ngħid lil oħrajn dwar l-​affarijiet meraviljużi li kont tgħallimt.

Wieħed mill-​qassisin Ortodossi Griegi tal-​lokal mar għand is-​sindku biex jilmenta dwarna. Imma xi ftit jiem qabel, mingħajr ma konna nafu, Xhud żagħżugħ kien sab żiemel mitluf u ħadu lura għand sidu. Minħabba din l-​onestà, is-​sindku beda jirrispetta lix-​Xhieda, u rrifjuta li jagħtih widen lill-​qassis.

Darba waħda, għall-​ħabta t’Ottubru taʼ l-​1941, waqt li kont qed nagħti xiehda fis-​suq, xi ħadd tkellem dwar Xhud taʼ Jehovah li kien jgħix f’belt fil-​qrib. Kien jismu Christos Triantafillou u dan qabel kien pulizija. Mort għandu u sirt naf li kien ilu Xhud mill-​1932. Kemm kont ferħan meta tani ħafna pubblikazzjonijiet antiki tal-​Watch Tower! Dawn tassew għenuni nagħmel progress spiritwali.

Fl-1943, issimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi lil Alla permezz tal-​magħmudija fl-​ilma. Sa dak iż-​żmien kont qed nikkonduċi studji tal-​Bibbja fi tliet irħula fil-​qrib​—Dhravískos, Palaeokomi, u Mavrolofos. Kont nuża l-​ktieb The Harp of God bħala għajnuna għall-​istudju tagħna tal-​Bibbja. Eventwalment, kelli l-​privileġġ nara erbaʼ kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah jifformaw f’dawn l-​inħawi.

Nippriedka Minkejja l-​Ostakli

Fl-​1944, il-​Greċja ma baqgħetx okkupata mill-​Ġermanja, u ftit taż-​żmien wara, ġiet stabbilita komunikazzjoni maʼ l-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society f’Ateni. L-​uffiċċju tal-​fergħa stedinni biex nieħu sehem fl-​ippridkar f’territorju fejn kważi ħadd ma kien samaʼ bil-​messaġġ tas-​Saltna. Wara li mort noqgħod hemmhekk, ħdimt f’razzett għal tliet xhur u qattajt il-​bqija tas-​sena fil-​ministeru.

Dik is-​sena kelli l-​privileġġ li nara lil ommi titgħammed, kif ukoll lil dik l-​armla u lil uliedha, ħlief it-​tifla ż-​żgħira, Marianthi, li tgħammdet fl-​1943 u saret l-​għażiża marti f’Novembru taʼ dik is-​sena. Tletin sena wara, fl-​1974, missieri wkoll sar Xhud mgħammed.

Kmieni fl-​1945 irċivejna l-​ewwel kopja stampata tat-​Torri taʼ l-​Għassa mill-​uffiċċju tal-​fergħa. L-​artiklu prinċipali kien intitolat ‘Morru, Agħmlu Dixxipli mill-​Ġnus Kollha.’ (Mattew 28:19) Jien u Marianthi ħallejna immedjatament id-​dar tagħna biex immorru naħdmu territorji ’l bogħod fil-​lvant tax-​Xmara Strymon. Iktar tard ngħaqdu magħna Xhieda oħrajn.

Taʼ sikwit, biex naslu f’xi raħal konna nimxu ħafjin għal mili sħaħ minn irdumijiet u minn fuq il-​muntanji. Konna nagħmlu hekk biex ma nqattgħux iż-​żarbun għax ma kellniex par ieħor. Matul is-​snin mill-​1946 sa l-​1949, il-​gwerra ċivili kienet fl-​aqwa tagħha fil-​Greċja, u kien perikoluż ħafna li nivvjaġġaw. Ma kinitx xi ħaġa rari li tara katavri mixħutin mal-​ġenb tat-​triq.

Minflok ma ġejna skuraġġiti minħabba d-​diffikultajiet, aħna bqajna naqdu biż-​żelu. Ħafna drabi ħassejtni bħas-​salmista li kiteb: “Mqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-​ħsara, għax inti miegħi. Il-​ħatar tiegħek u l-​għasluġ tiegħek, huma jwennsuni.” (Salm 23:4) Matul dan il-​perijodu, taʼ sikwit konna nkunu ’l bogħod mid-​dar għal ġimgħat sħaħ, u kultant jien kont inqattaʼ 250 siegħa fix-​xahar fil-​ministeru.

Il-​Ministeru Tagħna f’Aidhonochori

Wieħed mill-​irħula li żorna fl-​1946 kien Aidhonochori, li jinsab fl-​għoli fuq muntanja. Hemmhekk iltqajna maʼ raġel li qalilna li fir-​raħal kien hemm żewġt irġiel li riedu jisimgħu l-​messaġġ tal-​Bibbja. Madankollu, minħabba l-​biżaʼ li kellu mill-​ġirien tiegħu, ir-​raġel ma riedx jidderiġina sa ħdejhom. Imma aħna xorta waħda sibnieha d-​dar tagħhom u dawn laqgħuna b’ospitalità. Fil-​fatt, wara ftit minuti, is-​salott imtela bin-​nies! Kienu jew qraba jew ħbieb tal-​qalb. Bqajt verament mistagħġeb meta rajthom bil-​qegħda jisimgħuna b’attenzjoni kbira. Ma domniex ma sirna nafu li kienu ilhom jistennew ħerqanin li jiġu f’kuntatt max-​Xhieda taʼ Jehovah, imma matul iż-​żmien li l-​Greċja kienet okkupata mill-​Ġermanja, ma kien hemm l-​ebda Xhud fl-​inħawi. X’kien li qanqlilhom l-​interess?

Iż-żewġ kapijiet tal-​familji kienu prominenti fil-​partit Komunista lokali, u kienu introduċew ideat Komunisti lin-​nies. Imma mbagħad ġiet f’idejhom kopja tal-​ktieb Government, pubblikat mill-​Watch Tower Society. Minn mindu qrawh, saru konvinti li l-​unika tama għal gvern perfett u taʼ tjieba kienet is-​Saltna t’Alla.

Bqajna nitkellmu maʼ dawn l-​irġiel u l-​ħbieb tagħhom sa nofsillejl. Kienu sodisfatti kompletament bit-​tweġibiet ibbażati minn fuq il-​Bibbja għall-​mistoqsijiet li kellhom. Madankollu, ftit wara, il-​Komunisti fir-​raħal ikkomplottaw li joqtluni għax bdew jgħidu li kont responsabbli li kkonvertejt il-​mexxejja li kellhom qabel. B’kumbinazzjoni, fost dawk preżenti dik l-​ewwel lejla kien hemm dak ir-​raġel li qalli dwar dawk li kienu interessati fir-​raħal. Eventwalment hu għamel progress fl-​għarfien tal-​Bibbja, tgħammed, u iktar tard sar anzjan Kristjan.

Persekuzzjoni Brutali

Ma kienx ħafna wara li ltqajt maʼ dawn li qabel kienu Komunisti li ma daħlux fuqna żewġ pulizija fid-​dar fejn konna qed nikkonduċu laqgħa. Arrestaw erbgħa minna, u waqt li heddewna li jisparawlna ħaduna l-​għassa tal-​pulizija. Hemmhekk it-​tenent tal-​pulizija, li kellu konnessjonijiet mill-​qrib mal-​kleru tal-​knisja Ortodossa Griega, tgħidx kemm għajjat magħna. Fl-​aħħar, staqsiena, “Sewwa, x’se nagħmel bikom?”

“Ejja nagħtuhom daqqtejn sew!” għajtu kollha f’daqqa l-​pulizija l-​oħrajn li kienu warajna.

Sadanittant, kien sar tard bil-​lejl. Il-​pulizija sakkruna ġol-​kantina u marru fil-​ħanut tax-​xorb bieb maʼ bieb maʼ l-​għassa. Meta kienu fis-​sakra sew, ġew lura u ħaduni fuq.

Meta rajthom f’liema kundizzjoni kienu, irrealizzajt li setgħu joqtluni fi kwalunkwe ħin. Għalhekk, tlabt lil Alla biex jagħtini s-​saħħa biex nissaporti dak kollu li stajt ngħaddi minnu. Qabdu xi bsaten taʼ l-​injam u, kif irrakkontajt fil-​bidu, bdew jagħtuni fil-​qiegħ taʼ saqajja. Wara dan bdew ifajruli bl-​addoċċ, u mbagħad reġgħu xeħtuni ġol-​kantina. Wara, ħarġu vittma oħra u bdew isawtuh.

Sadanittant, użajt l-​opportunità biex nipprepara liż-​żewġ Xhieda żgħażagħ l-​oħra ħalli jiffaċċjaw il-​prova li kienet ġejja fuqhom. Imma minflok, il-​pulizija għażlu li jerġgħu jtellgħu lili. Neżżgħuli ħwejġi, u l-​ħamsa li kienu damu jsawtuni għal madwar siegħa, u jgħaffġu fuq rasi biż-​żraben goffi tagħhom tas-​suldati. Imbagħad tefgħuni mit-​taraġ għal isfel, fejn bqajt mitluf minn sensija għal madwar 12-il siegħa.

Meta fl-​aħħar ġejna meħlusin, kien hemm familja fir-​raħal li laqgħetna f’darha għal dak il-​lejl u ħadet ħsiebna. L-​għada, tlaqna lejn darna. Tant konna batuti u eżawriti mid-​daqqiet li l-​vjaġġ, li s-​soltu kien jiħdilna sagħtejn mixi, ħadilna tmien sigħat. Tant kont minfuħ bid-​daqqiet li Marianthi bilkemm għarrfitni.

Żjieda Minkejja l-​Oppożizzjoni

Fl-​1949, waqt li l-​gwerra ċivili kienet għadha sejra, morna noqogħdu Tessalonika. Ġejt inkarigat biex naqdi bħala assistent qaddej tal-​kongregazzjoni f’waħda mill-​erbaʼ kongregazzjonijiet fil-​belt. Wara sena l-​kongregazzjoni tant żdiedet li kellna nifformaw oħra, u ġejt inkarigat bħala l-​qaddej tal-​kongregazzjoni, jew l-​indokratur li jippresiedi. Sena wara l-​kongregazzjoni l-​ġdida kważi saret id-​doppju, u għalhekk ġiet ifformata kongregazzjoni oħra!

L-avversarji kienu rrabjati biż-​żjieda tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Tessalonika. Jum wieħed fl-​1952 meta ġejt lura d-​dar mix-​xogħol, sibt id-​dar tagħna maħruqa kompletament. Marianthi kienet salvat ħajjitha bil-​ħniena. Fil-​laqgħa dik il-​lejla, kellna nispjegaw għala kellna ħwejjiġna maħmuġin​—konna tlifna kulma kellna. Ħutna Kristjani tassew urewna simpatija u tawna l-​appoġġ tagħhom.

Fl-1961, ġejt inkarigat għax-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar, li nżur kongregazzjoni differenti kull ġimgħa biex insaħħaħ lill-​aħwa spiritwalment. Fis-​27 sena taʼ wara, jien u Marianthi żorna s-​circuits u d-​distretti fil-​Maċedonja, fi Traċja, u f’ Tessalja. Għalkemm l-​għażiża tiegħi Marianthi kienet ilha prattikament għamja mill-​1948, hi qdiet b’kuraġġ miegħi, waqt li ssaportiet ħafna provi tal-​fidi. Hi wkoll ġiet arrestata, mgħoddija ġuri, u mitfugħa l-​ħabs kemm-il darba. Imbagħad, saħħitha bdiet sejra lura, u mietet fl-​1988 wara ġlieda twila kontra l-​kanċer.

Dik is-​sena stess, ġejt maħtur biex naqdi bħala pijunier speċjali f’Tessalonika. Issa, wara iktar minn 56 sena fis-​servizz taʼ Jehovah, xorta għadni nistaʼ naħdem iebes u nieħu sehem fl-​aspetti kollha tal-​ministeru. Xi drabi, kont nikkonduċi sa 20 studju tal-​Bibbja maʼ wħud interessati kull ġimgħa.

Jien sirt napprezza l-​fatt li aħna tassew ninsabu fil-​bidu taʼ programm kbir taʼ tagħlim li se jibqaʼ sejjer għal ġod-​dinja ġdida taʼ Jehovah u matul l-​elf sena. Madankollu, inħoss li dan m’huwiex iż-​żmien li aħna nieħdu l-​affarijiet bil-​mod, li nittratienu, jew li nqattgħu l-​ħin tagħna nissodisfaw ix-​xewqat karnali tagħna. Jien nirringrazzja lil Alla talli jgħinni nżomm il-​wegħda li għamilt fil-​bidunett għax Jehovah tassew jistħoqqlu d-​devozzjoni u s-​servizz tagħna b’ruħna kollha.

[Stampa f’paġna 24]

Qed nagħti taħdita waqt li x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna kien projbit

[Stampa f’paġna 25]

Maʼ marti, Marianthi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja