Ibqaʼ Agħmel Progress Spiritwali!
Il-jum tal-magħmudija tagħna huwa jum li għandna nibqgħu dejjem ngħożżuh u niftakruh. Wara kollox, huwa l-jum li fih niddikjaraw pubblikament li għamilna dedikazzjoni biex naqdu lil Alla.
GĦAL ħafna individwi jirrikjedi sforz kbir ferm biex jilħqu dan il-punt—jaqtgħu drawwiet ħżiena antiki ħafna, jinqatgħu minn sħubija li mhix edifikanti, ibiddlu stili taʼ ħsieb u mġiba b’għeruq fondi.
Minkejja dan, fil-waqt li l-magħmudija hija ġrajja taʼ ferħ u sinjifikanti fil-ħajja taʼ Kristjan, din hija biss il-bidu. L-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani mgħammdin fil-Ġudea: “Ħallina mill-ewwel elementi tat-tagħlim taʼ Kristu, u nimxu ’l quddiem lejn dak li hu aktar perfett.” (Lhud 6:1) Iva, il-Kristjani kollha għandhom bżonn ‘jaslu biex isiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien taʼ l-Iben t’Alla; isiru raġel magħmul, fl-aħjar taʼ żmienu. U hekk isseħħ il-milja taʼ Kristu.’ (Efesin 4:13) Billi nipprogressaw sal-punt tal-maturità biss nistgħu verament ‘nissaħħu fil-fidi.’—Kolossin 2:7.
Matul dawn l-aħħar snin, mijiet t’eluf t’adoraturi ddedikati ġodda daħlu fil-kongregazzjoni Kristjana. Forsi int wieħed minnhom. Bħal ħutek taʼ l-ewwel seklu, int ma tridx li tibqaʼ tarbija spiritwalment. Trid tikber, tavanza! Imma kif? U x’inhuma xi modi li bihom tistaʼ tagħmel progress bħal dan?
Progress Permezz taʼ Studju Persunali
Pawlu qal lill-Kristjani ġo Filippi: “Dan huwa dak li nkompli nitlob, li l-imħabba tagħkom tistaʼ toktor iktar u iktar b’għarfien eżatt u dixxerniment sħiħ.” (Filippin 1:9, NW) Huwa kruċjali għall-progress spiritwali tiegħek li tikber fl-“għarfien eżatt.” Il-proċess biex ‘nieħdu għarfien dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu’ huwa wieħed li jibqaʼ għaddej, mhux oġġett li jieqaf wara l-magħmudija.—Ġwann 17:3.
Waħda oħt Kristjana li se nsejħulha Alexandra, dan irrealizzatu għaxar snin wara li tgħammdet fl-età taʼ 16-il sena. Hi trabbiet fil-verità u dejjem kienet regulari f’li tattendi għal-laqgħat Kristjani u f’li tieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Hi tikteb: “F’dawn l-aħħar ftit xhur, irrealizzajt li kien hemm xi ħaġa ħażina ferm. Iddeċidejt li nħares ħarsa sewwa u bl-onestà kollha lejja nnifsi, x’inħoss għall-verità, u għalfejn għadni fil-verità.” X’sabet? Hi tkompli: “Sibt li r-raġunijiet li għalihom kont fil-verità kienu qed jiddisturbawni. Ftakart li hekk kif kont qed nikber, il-laqgħat u s-servizz taʼ l-għalqa kienu qed jiġu enfasizzati. Ħassejt li d-drawwiet taʼ l-istudju persunali u tat-talb kienu b’xi mod se jsibu posthom awtomatikament. Imma hekk kif flejt is-sitwazzjoni tiegħi, irrealizzajt li ma ġara xejn minn dan.”
L-appostlu Pawlu jħeġġeġ: “Wasalna fejn wasalna fil-progress tagħna, ejjew inkomplu mexjin bl-ordni b’din l-istess rutina.” (Filippin 3:16, NW) Rutina tistaʼ tqabbad il-pass taʼ mixi ’l quddiem. Qabel il-magħmudija tiegħek, bla dubju kellek rutina taʼ studju tal-Bibbja kull ġimgħa m’għalliem ikkwalifikat tajjeb. Hekk kif l-apprezzament tiegħek kiber, f’din ir-rutina inkludejt il-preparazzjoni bil-quddiem għal kull lezzjoni tal-ġimgħa, billi tfittex l-iskritturi ċċitati fil-Bibbja, eċċetra. Issa li mgħammed, komplejt int ‘timxi f’dik l-istess rutina’?
Jekk le, jistaʼ jkun li għandek bżonn teżamina l-prijoritajiet tiegħek mill-ġdid, billi ‘tagħraf tagħżel l-aħjar.’ (Filippin 1:10) Fil-ħajjiet mgħaġġlin tagħna, hemm bżonn tal-kontroll fuqna nfusna biex inwarrbu l-ħin għall-qari u l-istudju persunali tal-Bibbja. Imma l-benefiċċji jagħtuna raġuni siewja biex nagħmlu dan l-isforz. Erġaʼ ikkunsidra l-esperjenza t’Alexandra. “Ikolli ngħid li ili neżisti fil-verità għal dawn l-aħħar 20 sena jew xi ħaġa hekk billi sempliċement immur għal-laqgħat u nieħu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa,” tammetti hi. Madankollu, hi tkompli, “Wasalt għall-konklużjoni li għalkemm dawn l-affarijiet huma importanti, waħedhom ma jistgħux isostnuni meta jibdew jinqalgħu d-diffikultajiet. Dan kollu ġara għaliex id-drawwiet tiegħi taʼ studju persunali tistaʼ tgħid ma jeżistux, u t-talb tiegħi huwa rari u superfiċjali. Issa nirrealizza li rrid nerġaʼ nirranġa l-ħsieb tiegħi u nibda programm sinjifikanti taʼ studju sabiex inkun nistaʼ nsir naf tassew lil Jehovah u nsir inħobbu u napprezza dak li tana Ibnu.”
Jekk għandek bżonn l-għajnuna biex tistabbilixxi rutina taʼ studju persunali, l-anzjani u Kristjani maturi oħrajn fil-kongregazzjoni tiegħek għandhom il-pjaċir li jgħinuk. Iktar minn hekk, artikli li dehru fil-ħarġiet taʼ l-1 taʼ Mejju, 1995; tal-15 taʼ Novembru, 1993; u tal-15 t’Awissu, 1986, taʼ It-Torri taʼ l-Għassa għandhom għadd taʼ suġġerimenti li jistgħu jgħinuk.
Il-Bżonn li Tersaq Qrib lejn Alla
Aspett ieħor li trid tistinka biex tipprogressa fih huwa r-relazzjoni tiegħek m’Alla. F’ċerti każi għandu mnejn ikun hemm bżonn kbir ferm f’dan ir-rigward. Ikkunsidra lil Anthony, li tgħammed taʼ età żgħira. “Fil-familja tagħna jien kont l-ewwel wieħed mit-tfal li tgħammidt,” jirrakkonta hu. “Wara l-magħmudija tiegħi, ommi għannqitni waħda u sew. Qatt ma kont rajtha daqshekk ferħana. Tant kien hemm ferħ, u veru ħassejtni b’saħħti.” Madankollu, kien hemm aspett ieħor f’din l-istorja. “Għal ftit taʼ żmien ġmielu, ma kienx hemm żgħażagħ mgħammdin fil-kongregazzjoni tagħna,” ikompli Anthony. “Allura ħassejtni kburi ħafna bija nnifsi. Ħassejtni kburi wkoll bil-kummenti u t-taħditiet tiegħi fil-laqgħat. Għalija kien sar iktar importanti li naqlaʼ t-tifħir u l-approvazzjoni min-nies milli li nġib tifħir lil Jehovah. Verament ma kellix relazzjoni mill-qrib miegħu.”
Bħal Anthony, xi wħud għandhom mnejn għamlu dedikazzjoni iktar minħabba x-xewqa li jogħġbu lil ħaddieħor milli minħabba x-xewqa li jogħġbu lil Jehovah. Minkejja dan, Alla jistenna li wħud bħal dawn jgħixu fi qbil mal-wegħda tagħhom li jaqduh. (Qabbel Koħèlet 5:3 [Koħèlet 5:4, NW].) Iżda, mingħajr affezzjoni persunali lejn Alla, taʼ spiss ikun diffiċli għalihom li jagħmlu hekk. Anthony jiftakar: “Il-ferħ qawwi li kelli fil-magħmudija tiegħi kien għomru qasir. Lanqas laħqet għaddiet sena li ma waqajtx fi dnub serju u kelli niġi mwiddeb mill-anzjani fil-kongregazzjoni. Kondotta ħażina rripetuta wasslet biex niġi maqtugħ mis-sħubija mill-kongregazzjoni. Sitt snin wara d-dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah, ġejt arrestat u mitfugħ il-ħabs minħabba qtil.”
L-Iżviluppar taʼ Relazzjoni Intima maʼ Jehovah
Hi x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek, il-Kristjani kollha jistgħu jwieġbu għall-istedina tal-Bibbja: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:8) Bla dubju int kont ersaqt lejn Alla sa ċertu punt meta bdejt tistudja l-Bibbja. Tgħallimt li Alla m’huwiex xi alla astratt meqjum fil-Kristjaneżmu, imma persuna li għandu isem, Jehovah. Tgħallimt ukoll li għandu kwalitajiet li jiġbduk, li hu “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba.”—Eżodu 34:6.
Madankollu, biex tgħix fi qbil mad-dedikazzjoni tiegħek li taqdi lil Alla, trid tersaq saħansitra eqreb lejh! Kif? Is-salmista talab: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni.” (Salm 25:4) Studju persunali tal-Bibbja u tal-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà jistgħu jgħinuk issir iktar midħla taʼ Jehovah. Huwa importanti wkoll li tieħu sehem regolarment f’talb mill-fond taʼ qalbek. “Iftħu qalbkom quddiemu,” iħeġġeġ is-salmista. (Salm 62:9 [Salm 62:8, NW]) Hekk kif tesperjenza li t-talb tiegħek jiġi mwieġeb, se tħoss l-interess persunali t’Alla fik. Dan se jgħinek tħossok eqreb lejh.
Il-provi u l-problemi jippreżentaw ukoll opportunità oħra biex tersaq qrib lejn Alla. Tistaʼ tiffaċċja sfidi u testijiet tal-fidi, bħalma huma l-mard, il-pressjonijiet fl-iskola u fuq il-post tax-xogħol, jew tbatija ekonomika. Jistaʼ jkun ukoll li r-rutina teokratika normali taʼ li tieħu sehem fil-ministeru, tattendi għal-laqgħat, jew tistudja l-Bibbja maʼ wliedek hija diffiċli għalik. Tiffaċċjax dawn il-problemi waħdek! Issupplika lil Alla għall-għajnuna, billi titolbu għall-gwida u d-direzzjoni tiegħu. (Proverbji 3:5, 6) Itolbu bil-ħniena għall-ispirtu qaddis tiegħu! (Luqa 11:13) Hekk kif tesperjenza l-għajnuna kollha mħabba t’Alla, se tersaq saħansitra eqreb lejh. Bħalma poġġieha s-salmista David, “ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; hieni l-bniedem li jistkenn fih.”—Salm 34:9 [Salm 34:8, NW].
Xi ngħidu għal Anthony? “Bdejt naħseb dwar iż-żmien meta kelli ħafna miri spiritwali ċċentrati fuq li nagħmel ir-rieda taʼ Jehovah,” jiftakar hu. “Dan kien t’uġigħ. Imma matul l-uġigħ u d-diżappunt kollu, ftakart fl-imħabba taʼ Jehovah. Ħadli ftit taż-żmien sakemm kont kapaċi nitlob lil Jehovah, imma hekk għamilt, u ftaħt qalbi miegħu, billi tlabtu l-maħfra. Bdejt ukoll naqra l-Bibbja u stagħġibt b’kemm kont insejt u b’kemm kont naf ftit tassew dwar Jehovah.” Għalkemm Anthony għad irid jiskonta l-kundanna tiegħu fil-ħabs għad-delitt li għamel, hu jirċievi l-għajnuna mix-Xhieda lokali u issa qed jirkupra spiritwalment ftit ftit. Bi gratitudni, Anthony jgħid: “Bis-saħħa taʼ Jehovah u taʼ l-organizzazzjoni tiegħu, irnexxieli nqaċċat il-personalità l-qadima, u qed nistinka biex kuljum nilbes il-ġdida. Issa, ir-relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah hija l-iktar importanti għalija.”
Progress Spiritwali fil-Ministeru Tiegħek
Ġesù Kristu kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex ikunu predikaturi taʼ “l-Evanġelju tas-Saltna.” (Mattew 24:14) Bħala pubblikatur taʼ l-aħbar tajba relattivament ġdid, l-esperjenza tiegħek fil-ministeru għandha mnejn tkun limitata. Kif, mela, tistaʼ tagħmel progress sabiex ‘taqdi sewwa l-ministeru tiegħek’?—2 Timotju 4:5.
Mod wieħed huwa billi tiżviluppa attitudni pożittiva. Tgħallem qis ix-xogħol taʼ l-ippridkar bħala “teżor,” privileġġ. (2 Korintin 4:7) Huwa opportunità biex nuru l-imħabba, il-lealtà, u l-integrità tagħna lejn Jehovah. Jippermettilna wkoll nuru tħassib fil-proxxmu tagħna. Jistaʼ jkun sors taʼ hena ġenwin li bla ebda egoiżmu nagħtu minna nfusna f’dan ir-rigward.—Atti 20:35.
Ġesù nnifsu kellu ħarsa pożittiva lejn ix-xogħol taʼ l-ippridkar. Kien bħal “ikel” għalih li jaqsam il-veritajiet Bibliċi maʼ ħaddieħor. (Ġwann 4:34) Għalhekk, il-motivazzjoni tiegħu biex jgħin lil oħrajn tistaʼ tinġabar fil-kelma, “Irrid.” (Mattew 8:3) Ġesù kien jagħder lin-nies, speċjalment lil dawk li kienu “mdejjqa u mitluqa” minħabba d-dinja taʼ Satana. (Mattew 9:35, 36) ‘Trid’ int bl-istess mod tgħin lil dawk li qegħdin fid-dlam spiritwali u li għandhom bżonn it-tidwil mill-Kelma t’Alla? Mela int se tħossok imġiegħel li twieġeb għall-kmand taʼ Ġesù: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.” (Mattew 28:19) Tabilħaqq, se tiġi mqanqal biex ikollok l-iktar sehem sħiħ possibbli skond kemm jippermettulek saħħtek u ċ-ċirkustanzi tiegħek.
Fattur ieħor għall-progress huwa li tieħu sehem regolarment fil-ministeru—kull ġimgħa jekk inhu possibbli. Jekk tagħmel hekk, it-twerwir u l-biżaʼ li jistgħu jfixklu lil xi ħadd li jippriedka darba kultant, se jonqsu. Il-parteċipazzjoni regulari fis-servizz taʼ l-għalqa se tibbenefikak b’modi oħrajn ukoll. Din se tkabbar l-apprezzament tiegħek għall-verità, tkabbarlek l-imħabba tiegħek għal Jehovah u għall-proxxmu, u tgħinek tibqaʼ ffokat fuq it-tama tas-Saltna.
Iżda, xi ngħidu jekk is-sitwazzjoni preżenti tiegħek tillimitalek ħafna l-parteċipazzjoni tiegħek fix-xogħol taʼ l-ippridkar? Jekk jidher ċar li ma jistgħux isiru aġġustamenti, imbagħad ħu l-faraġ f’li tkun taf li Alla jieħu gost b’dak kollu li tistaʼ tagħmel, sakemm int qed taqdi b’ruħek kollha fis-servizz tiegħek. (Mattew 13:23) Forsi tistaʼ tipprogressa b’modi oħrajn, bħal li ttejjeb l-abbiltajiet taʼ l-ippridkar tiegħek. Fil-kongregazzjoni, l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u l-Laqgħa tas-Servizz jipprovdu ħafna taħriġ mill-aħjar f’dan ir-rigward. Naturalment, iktar ma nkunu kompetenti fil-ministeru tagħna, iktar se nieħdu gost u se naraw riżultati.
Mela jidher ċar, li progress spiritwali m’għandux jieqaf dakinhar li wieħed jitgħammed. L-appostlu Pawlu kiteb rigward it-tama tiegħu li jikseb ħajja immortali fis-smewwiet: “Ħuti, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa ’l taʼ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejjħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù. Aħna li aħna perfetti, ħa nkunu taʼ din il-fehma. Jekk taħsbu xorta oħra, jagħtikom id-dawl Alla.”—Filippin 3:13-15.
Iva, il-Kristjani kollha, kemm jekk it-tama tagħhom hija l-immortalità fis-smewwiet jew ħajja taʼ dejjem f’Ġenna fuq l-art, dawn iridu ‘jilħqu dak li hemm quddiemhom’—jiġġebbdu, bħallikieku, biex jiksbu l-ħajja li qed jimmiraw għaliha! Il-magħmudija tiegħek kienet bidu mill-aħjar, imma hija biss il-bidu. Kompli stinka biex tagħmel progress spiritwali. Permezz tal-laqgħat u studju persunali, ‘kun raġel magħmul fi ħsibijietek.’ (1 Korintin 14:20) Kun kapaċi ‘tifhem . . . x’inhu l-wisaʼ u t-tul, l-għoli u l-fond’ tal-verità. (Efesin 3:18) Il-progress li tagħmel mhux se jgħinek biss biex iżżomm il-ferħ u l-hena issa, imma wkoll biex takkwista post fiż-żgur fid-dinja l-ġdida t’Alla, fejn taħt il-ħakma tas-Saltna tas-sema tiegħu, int se tkun tistaʼ tipprogressa għall-eternità!
[Stampa f’paġna 29]
Jirrikjedi dixxiplina biex issib il-ħin għall-istudju persunali
[Stampa f’paġna 31]
Attitudni pożittiva tistaʼ tgħinna nsibu l-ferħ fil-ministeru