Ibqaʼ Miexi b’Mod Progressiv f’Rutina Magħmula bl-Ordni
1 L-appostlu Pawlu kellu affezzjoni speċjali għall-kongregazzjoni li kellu sehem biex jifformaha f’Filippi. Hu kien grat għall-proviżjonijiet materjali tagħhom li taw mill-qalb u tkellem dwarhom bħala li huma t’eżempju tajjeb.—2 Kor. 8:1-6.
2 L-ittra taʼ Pawlu lill-Filippin kienet imqanqla minn imħabba kbira. Il-ktieb Insight, it-2 Volum, paġna 631, jgħid: “Fl-ittra hu jinkuraġġixxi lill-kongregazzjoni taʼ Filippi biex tkompli fit-triq tagħha—billi tikseb iktar dixxerniment u taqbad qabda soda mal-Kelma tal-ħajja, ikollha fidi iktar soda, u tama fir-rigal li ġej.” Huma wieġbu minn qalbhom, u saħħew ir-rabta taʼ mħabba bejnhom u bejn l-appostlu. Il-kliem taʼ Pawlu għandu tifsir speċjali għalina llum, jagħtina raġuni tajba biex nirriflettu bir-reqqa fuq il-parir tiegħu, partikolarment dak li qal f’Filippin 3:15-17.
3 Attitudni Mentali Matura Hija Essenzjali: F’Filippin 3:15, Pawlu kiteb bħala raġel bi snin t’esperjenza. Hu għaraf l-avanz spiritwali tal-Filippin billi indirizzahom bħala Kristjani maturi b’attitudni mentali xierqa. Sakemm l-attitudni mentali tagħhom irriflettiet l-umiltà u l-apprezzament li wera Ġesù, huma kienu se jkomplu jkunu ‘bla ħtija u innoċenti, tfal t’Alla bla difett u b’qabda soda mal-kelma tal-ħajja.’ (Flp. 2:15, 16) Meta naqraw il-kliem taʼ Pawlu, għandna nħossuna li hu qed ikellem lilna. B’hekk, għandna xewqa kbira li jkollna l-istess attitudni mentali li kellu Ġesù u nuru apprezzament umli għall-privileġġi tagħna. Aħna nkomplu nitolbu lil Ġeħova u nistaqsuh għall-għajnuna tiegħu f’dan u fi kwistjonijiet oħra.—Flp. 4:6, 7.
4 Bħalma jindika Filippin 3:16, ilkoll kemm aħna għandna nistinkaw biex nagħmlu progress. Il-kelma “progress” tfisser li “nimxu ’l quddiem, nagħmlu avanz.” Nies progressivi huma “interessati f’ideat, sejbiet, jew opportunitajiet ġodda.” Pawlu ried li l-Filippin jifhmu li l-Kristjanità qatt ma hi inattiva u dawk li jgħidu li huma Kristjani jridu jibqgħu mexjin ’il quddiem. L-ispirtu taʼ progress tagħhom jistgħu juruh billi minn jeddhom jeżaminaw lilhom infushom, jagħrfu n-nuqqasijiet tagħhom, u jistinkaw għal opportunitajiet biex jagħmlu iktar jew biex itejbu l-kwalità taʼ dak li diġà qed jagħmlu. Illum l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-art tibqaʼ miexja ’l quddiem b’mod progressiv, dejjem tkabbar l-attività tagħha u l-fehma tagħha tal-Kelma t’Alla. Kull wieħed minna għandu jżomm mal-pass tagħha billi jieħu vantaġġ mill-proviżjonijiet kollha u jieħu sehem bis-sħiħ fix-xogħol tagħha.
5 Il-Progress Jirrikjedi Rutina Magħmula bl-Ordni: Pawlu kompla billi ħeġġeġ lil ħutu biex jibqgħu “mexjin bl-ordni b’din l-istess rutina.” (Flp. 3:16) Il-fatt li nimxu bl-ordni jirrikjedi li nqiegħdu lil nies jew affarijiet fil-post xieraq tagħhom u li naġixxu bl-għaqal. Il-Kristjani f’Filippi żammew posthom, billi baqgħu qrib l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u taʼ xulxin. Ħajjithom kienet gwidata mil-liġi taʼ l-imħabba. (Ġw. 15:17; Flp. 2:1, 2) Pawlu ħeġġiġhom biex ‘iġibu ruħhom kif jixraq lill-aħbar tajba.’ (Flp. 1:27) Il-bżonn li nibqgħu f’ordni u li nġibu ruħna kif jixraq hu daqstant importanti għall-Kristjani llum.
6 Rutina hi meta tagħmel xi ħaġa li hi proċedura stabbilita. B’hekk hi marbuta mill-qrib maʼ mod tradizzjonali taʼ kif tagħmel l-affarijiet. Il-fatt li jkollna rutina jistaʼ jkun taʼ vantaġġ għalina għaliex m’għandniex għalfejn nieqfu u naħsbuha meta nkunu se nieħdu xi deċiżjoni dwar x’pass imissna nagħmlu—diġà stabbilejna rutina fissa li nsegwuha bħala drawwa.
7 Rutina teokratika bl-ordni tikkonsisti fi drawwiet li huma bnin, taʼ benefiċċju, u li jogħġbu ’l Alla—bl-objettiv li nibnu lilna nfusna spiritwalment, ngħinu lil oħrajn, u jekk inhu possibbli, nagħmlu iktar fis-servizz taʼ Ġeħova. Biex nilħqu dawn il-miri b’suċċess jirrikjedi li nistabbilixxu u nżommu rutina li tinkludi studju persunali, attendenza regulari għal-laqgħat, u parteċipazzjoni fix-xogħol taʼ l-ippridkar.
8 Affarijiet Essenzjali f’Rutina Magħmula bl-Ordni: Bżonn wieħed hu “għarfien eżatt u dixxerniment sħiħ.” (Flp. 1:9) L-istudju persunali jsaħħaħ il-fidi u l-apprezzament tagħna għall-verità, u jimmotivana għal xogħlijiet mill-aħjar. Madankollu, xi wħud sabuha diffiċli li jkunu konsistenti fid-drawwiet taʼ l-istudju tagħhom. Waħda mir-raġunijiet għal dan hi nuqqas taʼ ħin.
9 Il-benefiċċji li jiġu mill-qari tal-Bibbja kuljum ma jistgħux jiġu enfasizzati biżżejjed. L-istruzzjoni tagħha “tiswa” għalkollox. (2 Tim. 3:16, 17) Kif nistgħu nsibu l-ħin għall-istudju tal-Bibbja fir-rutina tagħna taʼ kuljum? Xi wħud sabu li jistgħu jqumu ftit minuti qabel kull fil-għodu meta moħħhom ikun għadu frisk. Oħrajn isibuha aħjar meta jaqraw għal ftit minuti qabel ma jorqdu fil-għaxija. Nisa li jkunu d-dar matul il-ġurnata forsi jkunu jistgħu jħallu ftit ħin wara nofsinhar qabel ma l-oħrajn jiġu mix-xogħol jew mill-iskola. Flimkien maʼ qari tal-Bibbja regulari, xi wħud inkludew il-qari tal-ktieb Proclaimers fir-rutina tagħhom taʼ kull ġimgħa.
10 Meta nistabbilixxu drawwiet ġodda, hemm il-possibbiltà li dawn se jtellfu d-drawwiet li kellna qabel. Fil-passat forsi konna mdorrijin inħallu attivitajiet li ma kinux essenzjali jiħdulna mill-ħin. Forsi ma jkunx faċli li nbiddlu d-drawwiet tagħna. Ħadd m’hu se jgħidilna kif għandna nistudjaw; u ma niġux mitlubin nagħtu kont taʼ x’nagħmlu f’dan ir-rigward. Il-konsistenza tad-drawwiet taʼ l-istudju tagħna tiddependi l-iktar mill-apprezzament tagħna taʼ “dak li hu iktar importanti” u kemm aħna lesti nużaw “il-ħin bl-aħjar mod” biex nibbenefikaw minnu.—Flp. 1:10; Efes. 5:16.
11 Il-laqgħat Kristjani għandhom irwol vitali fil-progress spiritwali tagħna billi jipprovdu istruzzjoni u inkuraġġiment neċessarju. Għalhekk, l-attendenza għal-laqgħat hija parti essenzjali oħra mir-rutina tagħna magħmula bl-ordni. Pawlu enfasizza l-importanza taʼ dan. M’hix għażla skond il-preferenza tagħna.—Ebr. 10:24, 25.
12 Kif nistgħu nuru l-ordni meta nippjanaw l-iskeda t’attività tagħna taʼ kull ġimgħa? Xi wħud jirranġaw ħinijiet speċifiċi biex jagħmlu affarijiet persunali u mbagħad jipprovaw ideffsu l-laqgħat meta jkunu jistgħu, imma għandu jkun bil-kontra. Il-laqgħat tagħna taʼ kull ġimgħa għandhom jingħataw prijorità, u għandna nippjanaw attivitajiet oħra madwarhom.
13 Attendenza regulari għal-laqgħat tirrikjedi ppjanar tajjeb u kooperazzjoni mill-familja. Matul il-ġimgħa l-maġġuranza minna għandna skeda t’attività mimlija li spiss tħallina bi ftit ħin. Dan ifisser li, jekk inhu possibbli, l-ikla taʼ fil-għaxija għandha tkun kmieni biżżejjed sabiex il-familja jkollha ħin biżżejjed biex tiekol, tlesti, u tasal qabel ma tibda l-laqgħa. Sabiex isir dan, il-membri tal-familja għandhom jikkooperaw b’modi differenti.
14 Is-servizz taʼ l-għalqa regulari hu vitali jekk irridu nkomplu mexjin b’mod progressiv f’rutina magħmula bl-ordni. Ilkoll kemm aħna nirrikonoxxu biċ-ċar ir-responsabbiltà kbira li għandna biex nippridkaw il-messaġġ tas-Saltna. Dan hu dak li jagħmilna Xhieda taʼ Ġeħova. (Is. 43:10) Ladarba hu l-iktar xogħol urġenti u taʼ benefiċċju li qed isir illum, m’hemm ebda mod li nistgħu nħarsu lejh bħala parti sekondarja tar-rutina tagħna. Pawlu qal: “Ħa noffru dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jistqarru ismu pubblikament.”—Ebr. 13:15.
15 Meta nippjanaw l-attività tagħna taʼ kull ġimgħa, għandna nwarrbu ħinijiet speċifiċi għas-servizz taʼ l-għalqa. X’aktarx li l-kongregazzjoni għandha laqgħat tas-servizz diversi drabi matul il-ġimgħa, u b’hekk kemm tagħżel liema tistaʼ tappoġġa int. Ikun tajjeb li tistinka biex tieħu sehem f’kull aspett tas-servizz, bħax-xogħol minn dar għal dar bir-rivisti u letteratura oħra, żjajjar lura, u studji tal-Bibbja. Nistgħu anki nippjanaw bil-quddiem biex nagħtu xiehda informali billi nġorru letteratura u nkunu attenti għal opportunitajiet biex nibdew konversazzjonijiet. Ladarba ġeneralment noħorġu m’oħrajn, għandna bżonn nistaqsu dwar l-iskeda tagħhom sabiex inkunu nistgħu nagħmlu arranġamenti li jkunu konvenjenti għal kulħadd.
16 Għandna nżommu r-rutina tagħna taʼ l-ippridkar minkejja l-indifferenza fit-territorju. Aħna diġà nafu li ftit biss se jwieġbu b’mod favorevoli. (Mt. 13:15; 24:9) Eżekjel ġie inkarigat biex jippriedka lin-nies li kienu ‘ribellużi, insolenti, u qalbhom iebsa.’ Ġeħova wiegħed li se jgħin lil Eżekjel billi jagħmillu ‘rasu iebsa daqs tagħhom,’ jiġifieri, bħal “djamant, aktar iebsa miż-żnied.” (Eżek. 2:3, 4; 3:7-9) Għalhekk, rutina regulari għas-servizz tirrikjedi perseveranza.
17 Eżempji Tajbin biex Nimitaw: Il-maġġuranza minna mmorru aħjar fis-servizz taʼ l-għalqa meta jkun hemm xi ħadd li jieħu t-tmexxija. Pawlu u sħabu ħallew eżempju tajjeb, u hu ħeġġeġ lil oħrajn biex jimitawh. (Flp. 3:17) Ir-rutina tiegħu inkludiet l-elementi kollha li kien hemm bżonn biex iżomm lilu nnifsu b’saħħtu spiritwalment.
19 Illum ukoll aħna mberkin b’eżempji tajbin. F’Ebrej 13:7, Pawlu ħeġġeġ: “Ftakru f’dawk li qed imexxu fostkom . . . u imitaw il-fidi tagħhom, waqt li tosservaw bir-reqqa r-riżultat tal-kondotta tagħhom.” M’għandniex xi ngħidu, Kristu hu x-Xempju tagħna, imma nistgħu nimitaw il-fidi li juru dawk li qed imexxu fostna. Bħal Pawlu, l-anzjani għandhom ikunu konxji tal-bżonn li jkunu t’eżempju tajjeb għal oħrajn. Filwaqt li ċ-ċirkustanzi persunali tagħhom jistgħu jvarjaw, kull wieħed għandu jkun kapaċi juri li qed iżomm rutina magħmula bl-ordni billi jżomm l-interessi tas-Saltna l-ewwel. Anki b’obbligazzjonijiet sekulari u tal-familja, l-anzjani għandhom ikollhom drawwiet tajbin stabbiliti taʼ studju persunali, attendenza għal-laqgħat, u jieħdu t-tmexxija fis-servizz taʼ l-għalqa. Jekk l-anzjani juru li huma qed ‘jippresiedu fuq dawk taʼ darhom bl-aħjar mod,’ dawk kollha fil-kongregazzjoni se jiġu inkuraġġiti biex jibqgħu mexjin b’rutina magħmula bl-ordni.—1 Tim. 3:4, 5.
19 Miri għas-Sena taʼ Servizz il-Ġdida: Il-bidu taʼ sena taʼ servizz ġdida huwa żmien mill-aqwa biex nirriflettu fuq ir-rutina persunali tagħna. Jekk nirrivedu l-attività tagħna tas-sena l-oħra din x’turi? Żammejna, jew saħansitra tejjibna, il-livell t’attività tagħna? Forsi għamilna l-istudju persunali iktar bir-reqqa. Forsi attendejna l-laqgħat b’mod iktar regulari jew forsi żidna fis-servizz taʼ l-għalqa billi bdejna naqdu bħala pijunieri awżiljarji. Forsi nistgħu nippontaw lejn atti speċifiċi taʼ meta wrejna l-qalb tajba maʼ xi ħadd fil-kongregazzjoni jew fil-familja. Jekk iva, nistgħu nifirħu li mxejna b’mod li jogħġob lil Alla, u għandna raġunijiet tajbin biex ‘inkomplu nagħmlu dan iktar bis-sħiħ.’—1 Tess. 4:1.
20 Xi ngħidu jekk ir-rutina tagħna kienet daqsxejn inkonsistenti jew mhux regulari? Kif ġejna effettwati spiritwalment? Ġie, għal xi raġuni, imfixkel il-progress tagħna? Biex nagħmlu progress l-ewwel irridu nitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna. (Flp. 4:6, 13) Iddiskuti l-bżonnijiet tiegħek mal-kumplament tal-familja billi tistaqsi għall-għajnuna tagħhom biex tirranġa ċerti aspetti mir-rutina tiegħek. Jekk għandek xi problemi, staqsi lill-anzjani għall-għajnuna. Jekk nagħmlu sforz mill-qalb biex inwieġbu għad-direzzjoni taʼ Ġeħova, nistgħu nkunu ċerti li se nevitaw li ‘nkunu inattivi jew bla frott.’—2 Pt. 1:5-8.
21 Il-fatt li nimxu f’rutina magħmula bl-ordni jistaʼ jwassalna għal barkiet li juruna li l-isforzi tagħna ma kinux għalxejn. Hekk kif tkunu determinati li timxu b’mod progressiv f’rutina magħmula bl-ordni, “titnikkrux f’xogħolkom. Kunu mħeġġin bl-ispirtu. Tjassru għal Ġeħova.” (Rum. 12:11)—Għal iktar dettalji dwar dan is-suġġett, ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Mejju, 1988, paġni 13-17. (km-E 8/94)