LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 11/15 pp. 4-7
  • Kif l-Anġli Jistgħu Jgħinuk

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif l-Anġli Jistgħu Jgħinuk
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Laqgħat maʼ l-​Anġli
  • Għandna Nirrikorru Għand l-​Anġli għall-​Għajnuna?
  • Nirrikorru Għand Alla
  • L-​Anġli u l-​Morali
  • Anġli Kustodji
  • Il-​Messaġġ li Jġorru l-​Anġli
  • L-Anġli—Kif Jeffettwawna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • L-Anġli—“Spirti Għal Servizz Pubbliku”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Min huma l-anġli jew x’inhuma?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Kif l-​anġli jistgħu jgħinuk
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 11/15 pp. 4-7

Kif l-​Anġli Jistgħu Jgħinuk

IL-​KELMA t’Alla tikkonferma l-​eżistenza taʼ l-​anġli. Din tgħidilna li hemm miljuni minn dawn il-​ħlejjaq spirti. Danjel, il-​qaddej t’Alla Jehovah, kellu viżjoni t’affarijiet tas-​sema u dwarha kiteb: “Eluf taʼ eluf kienu jaqduh [lil Alla], u għaxart elef taʼ għaxriet taʼ eluf wieqfa quddiemu.”—Danjel 7:10.

Innota li l-​istqarrija taʼ Danjel ma tgħidilniex biss li jeżistu ħafna anġli. Din tindika wkoll li l-​anġli jservu lil Alla. Huma l-​qaddejja tiegħu. F’armonija maʼ dan, is-​salmista kanta: “Bierku l-​Mulej, anġli tiegħu kollha, setgħana u qawwija li tagħmlu l-​ordni tiegħu, malli tisimgħu leħen il-​kelma tiegħu. Bierku l-​Mulej, eżerċti tiegħu kollha, qaddejja tiegħu, li tagħmlu r-​rieda tiegħu.”—Salm 103:20, 21.

Il-​Bibbja tispjega wkoll li l-​anġli ma bdewx il-​ħajjiet tagħhom bħala bnedmin fuq l-​art. Jehovah ħalaq l-​anġli fis-​sema saħansitra qabel ma ħalaq l-​art. Meta Alla ‘qiegħed sisien l-​art, ulied Alla l-​anġli għajtu bil-​ferħ.’—Ġob 38:4-7.

L-anġli huma ħlejjaq spirti​—inviżibbli, setgħana, intelliġenti. Fil-​Bibbja, il-​kelma Ebrajka mal·ʼakhʹ u t-​terminu Grieg agʹge·los huma tradotti “anġlu” meta dawn jirreferu għal ħlejqa spirtu. Dawn il-​kelmiet jidhru kważi 400 darba fil-​Bibbja. It-​tnejn li huma għandhom l-​istess tifsira, jiġifieri, “messaġġier.”

Laqgħat maʼ l-​Anġli

L-​anġli huma tabilħaqq messaġġiera. Forsi int midħla tar-​rakkont tal-​Bibbja taʼ meta l-​anġlu Gabrijel deher lil Marija. Hu qalilha li għalkemm kienet verġni, hi kienet se twelled iben li kellu jissejjaħ Ġesù. (Luqa 1:26-33) Xi rgħajja li kienu fl-​għalqa wkoll dehrilhom anġlu. Dan ħabbar: “Illum . . . twildilkom Salvatur, li hu l-​Messija, il-​Mulej.” (Luqa 2:8-11) Bl-​istess mod, anġli wasslu messaġġi lil Ħagar, Abraham, Lot, Ġakobb, Mosè, Gidgħon, Ġesù, u oħrajn imsemmijin fil-​Bibbja.—Ġenesi 16:7-12; 18:1-5, 10; 19:1-3; 32:24-30; Eżodu 3:1, 2; Mħallfin 6:11-22; Luqa 22:39-43; Lhud 13:2.

Taʼ min jinnota li dawn il-​messaġġi kollha li twasslu mill-​anġli kienu f’armonija mat-​twettiq taʼ l-​iskopijiet t’Alla u mhux neċessarjament maʼ dawk tal-​bnedmin involuti. L-​anġli dehru bħala rappreżentanti t’Alla, skond ir-​rieda tiegħu u l-​iskeda tiegħu. L-​ebda bniedem ma sejħilhom.

Għandna Nirrikorru Għand l-​Anġli għall-​Għajnuna?

Huwa xieraq li nirrikorru għand l-​anġli f’mumenti taʼ għawġ? Jekk iva, irridu nkunu nafu l-​isem taʼ dak l-​anġlu li jistaʼ jgħinna l-​iktar. Bħala riżultat, xi kotba kummerċjali jipprovdu lista taʼ l-​hekk imsejħa ismijiet taʼ ħafna anġli, flimkien mal-​grad, it-​titli, u d-​dmirijiet tagħhom. Ktieb minnhom jagħti lista taʼ dawk li jsejħilhom l-​“aqwa għaxra tas-​sema,” l-​“iktar anġli magħrufin fid-​dinja tal-​Punent.” Flimkien mal-​lista tingħata l-​parir biex tagħlaq għajnejk, tirrepeti isem l-​anġlu bil-​mod għal ħafna drabi, tieħu n-​nifs fil-​fond u bil-​mod, u “ħejji lilek innifsek biex forsi tagħmel kuntatt magħhom.”

B’kuntrast, il-​Bibbja tagħtina l-​ismijiet taʼ tnejn biss mill-​anġli leali t’Alla, Mikiel u Gabrijel. (Danjel 12:1; Luqa 1:26) X’aktarx li r-​raġuni għala ngħataw dawn l-​ismijiet kienet biex turina li kull anġlu huwa persuna spirtu unika b’isem, u mhux sempliċement xi enerġija jew forza astratta.

Taʼ min jinnota li xi anġli rrifjutaw li jgħidu x’jisimhom lill-​bnedmin. Meta Ġakobb staqsa lil anġlu biex jgħidlu x’jismu, dan ma riedx. (Ġenesi 32:29) Meta ġie mistoqsi biex jidentifika lilu nnifsu, wieħed anġlu li avviċina lil Ġożwè qallu biss li hu kien il-​“kaptan fl-​eżerċtu tal-​Mulej.” (Ġożwè 5:14) Meta l-​ġenituri taʼ Sansun staqsew lil wieħed anġlu x’jismu, dan qalilhom: “Għala tistaqsini x’jisimni? Hu isem misterjuż!” (Mħallfin 13:17, 18) Billi ma tipprovdilniex lista bl-​ismijiet taʼ l-​anġli, il-​Bibbja tipproteġina milli nagħtu lill-​anġli unur jew qima li ma tappartjenix lilhom. Kif se naraw, din lanqas ma tgħallimna biex nirrikorru għandhom.

Nirrikorru Għand Alla

Il-​Bibbja tgħidilna dak kollu li għandna bżonn inkunu nafu dwar l-​affarijiet fil-​qasam taʼ l-​ispirti. L-​appostlu Pawlu kiteb: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem . . . biex hekk il-​bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.” (2 Timotju 3:16, 17) Li kieku Alla riedna nkunu nafu l-​ismijiet taʼ ħafna anġli, hu kien jirrivelahom fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. U li kieku Alla xtaq jgħallimna kif nikkuntattjaw l-​anġli u nitkellmu magħhom permezz tat-​talb, kien jipprovdilna informazzjoni bħal din fl-​Iskrittura.

Minflok, Ġesù Kristu għallem: “Meta titlob, idħol fil-​kamra tiegħek taʼ ġewwa, agħlaq il-​bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-​moħbi . . . Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek.’” (Mattew 6:6, 9) Il-​ħarsa Skritturali hija din: M’għandniex nirrikorru għand l-​anġli jew nitolbu lilhom, imma għandna nersqu bit-​talb lejn il-​Ħallieq taʼ l-​anġli, Alla nnifsu. Ismu m’huwiex misteru, u m’għandniex bżonn taʼ xi ħadd li jirrivelahulna f’viżjoni. Għalkemm saru attentati biex l-​isem divin jinħeba, dan jidher ’il fuq minn 7,000 darba fir-​rakkonti tal-​Bibbja. Per eżempju, kien b’referenza għall-​Missier tas-​sema li s-​salmista kanta: “Jaħweh [“Jehovah,” New World Translation] hu ismek, li int waħdek l-​Għoli fuq l-​art kollha.”—Salm 83:19 [Salm 83:18, NW].

Jehovah qatt ma hu mħabbat iżżejjed biex jismagħna jekk immorru għandu kif jixraq bit-​talb. Il-​Bibbja tagħti din l-​assiguranza: “Għajnejh jiġru fuq l-​art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-​sħiħ miegħu.”—2 Kronaki 16:9.

L-​Anġli u l-​Morali

Kuntrarju għal dak li taʼ spiss juru l-​mezzi tax-​xandir, l-​anġli ma jiġġudikawx lin-​nies. Bix-​xieraq, għax l-​anġli m’humiex awtorizzati biex jiġġudikaw lill-​bnedmin. Jehovah hu “l-​imħallef taʼ kulħadd,” għalkemm hu “ħalla f’idejn l-​Iben biex jagħmel il-​ħaqq kollu hu,” Ġesù Kristu. (Lhud 12:23; Ġwann 5:22) Minkejja dan, nagħmlu żball jekk nassumu li l-​anġli ma jimpurtahomx kif aħna ngħixu ħajjitna. Ġesù qal: “Ferħ ikun hemm fost l-​anġli taʼ Alla għal midneb wieħed li jindem.”—Luqa 15:10.

L-anġli m’humiex sempliċement spettaturi, madankollu. Fl-​imgħoddi, huma qdew bħala eżekuturi, billi wettqu l-​ġudizzji t’Alla. Per eżempju, Alla uża l-​anġli kontra l-​Eġizzjani tal-​qedem. Skond Salm 78:49, hu “fetaħ għal fuqhom qawwet qilltu, is-​saħna, l-​għadab u l-​hemm. Bagħtilhom l-​anġli tal-​ħsara.” Bl-​istess mod, il-​Bibbja tirrapporta li f’lejl wieħed, anġlu waħdu qered 185,000 suldat Assirjan.—2 Slaten 19:35.

Bl-istess mod, fil-​futur l-​anġli se jeqirdu lil dawk li, billi jirrifjutaw li jimxu mal-​livelli taʼ tjieba t’Alla, jheddu l-​benesseri t’oħrajn. Ġesù se “jfeġġ mis-​smewwiet imdawwar bl-​anġli tal-​qawwa tiegħu b’nar iħeġġeġ, biex iħallas lil dawk li ma jagħrfux lil Alla, u ’l dawk li ma jobdux l-​Evanġelju.”—2 Tessalonikin 1:7, 8.

L-Iskrittura b’hekk turina li l-​anġli leali t’Alla dejjem jagħmlu r-​rieda tiegħu billi jwettqu l-​istruzzjonijiet tiegħu u jappoġġaw il-​livelli taʼ tjieba tiegħu. B’mod ċar, jekk irridu li l-​anġli t’Alla jgħinuna, jeħtieġ li nkunu nafu x’inhi r-​rieda t’Alla u nistinkaw bis-​serjetà biex nagħmluha.

Anġli Kustodji

L-​anġli jimpurtahom min-​nies u jipproteġuhom? L-​appostlu Pawlu staqsa: “M’humiex huma [l-anġli] wkoll spirti qaddejja, mibgħutin biex jaqdu lil dawk li għandhom jiksbu s-​salvazzjoni?” (Lhud 1:14) B’mod ċar, it-​tweġiba għall-​mistoqsija taʼ Pawlu hija iva.

Minħabba li rrifjutaw li jinżlu għarkobbtejhom quddiem xbiha tad-​deheb li kien waqqaf is-​Sultan Babiloniż Nabukodonosor, it-​tliet Ebrej Sidrak, Mesak, u Għabednegu ntefgħu ġewwa forn jikwi bin-​nar. Madankollu, dawk il-​qaddejja leali t’Alla lanqas biss intmessu min-​nar. Meta s-​sultan ħares ġewwa l-​forn, hu ra “erbat irġiel,” u qal li “r-​rabaʼ wieħed qisu xi wild l-​allat!” (Danjel 3:92 [Danjel 3:25, NW]) Xi snin wara, Danjel sab ruħu f’ħofra taʼ l-​iljuni minħabba l-​fedeltà tiegħu. Hu wkoll ma ġralu xejn u ddikjara: “Alla tiegħi bagħat l-​anġlu tiegħu jagħlaq ħalq il-​ljuni.”—Danjel 6:23 [Danjel 6:22, NW].

Bit-twaqqif tal-​kongregazzjoni tas-​segwaċi taʼ Kristu fl-​ewwel seklu E.K., reġgħu feġġew l-​anġli, billi ħelsu lill-​appostli mill-​ħabs. (Atti 5:17-24; 12:6-12) U meta ħajjet Pawlu kienet fil-​periklu waqt li kien fuq il-​baħar, anġlu assigurah li kien se jasal qawwi u sħiħ f’Ruma.—Atti 27:13-24.

Il-qaddejja t’Alla Jehovah fi żmienna huma konvinti bis-​sħiħ li l-​qawwiet anġeliċi u inviżibbli t’Alla jeżistu tassew u kapaċi jipprovdu l-​protezzjoni, sewwa sew bħalma għamlu għal Eliżew u l-​qaddej tiegħu. (2 Slaten 6:15-17) Tabilħaqq, “l-​anġlu tal-​Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.”—Salm 34:8 [Salm 34:7, NW]; Salm 91:11.

Il-​Messaġġ li Jġorru l-​Anġli

Fil-​waqt li l-​anġli huma kkonċernati dwar il-​benesseri taʼ dawk li jaqdu lil Alla Jehovah, huma involuti wkoll f’li jiżguraw li n-​nies jitgħallmu dwaru u dwar l-​iskop tiegħu. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Rajt anġlu ieħor jittajjar fl-​għoli tas-​sema, bl-​Evanġelju taʼ dejjem ħalli jxandru lil min jgħammar fuq l-​art, lil kull ġens, tribù, lsien u poplu; u b’leħen qawwi beda jgħid: ‘Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja.’”—Apokalissi 14:6, 7.

Tixtieq tkun taf fiex jikkonsisti dan “l-​Evanġelju taʼ dejjem”? Jekk iva, staqsi lix-​Xhieda taʼ Jehovah. Huma lesti bil-​qalb kollha li jaqsmuh miegħek.

[Stampi f’paġna 7]

Anġlu f’nofs is-​sema qiegħed jiddikjara aħbar tajba taʼ dejjem. Tixtieq issir taf dwarha?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja