L-Anġli—Kif Jeffettwawna
META ddeskriva l-viżjoni li kellu li fiha ra l-familja anġelika t’Alla, il-profeta Danjel kiteb: “Eluf taʼ eluf kienu [l-anġli] jaqduh [lil Alla], u għaxart elef taʼ għaxriet taʼ eluf wieqfa quddiemu.” (Danjel 7:10) Dan il-vers jikxef x’kien l-iskop t’Alla meta ħalaq l-anġli. Huma qegħdin hemm biex jaqduh u joqogħdu quddiemu jistennew biex iwettqu l-istruzzjonijiet tiegħu.
Alla juża lill-anġli biex iwettqu ċerti affarijiet b’konnessjoni mal-bnedmin. Se nikkunsidraw kif jużahom biex isaħħu u jipproteġu lill-poplu tiegħu, biex iwasslu messaġġi lill-bnedmin, u biex jesegwixxu l-ġudizzju tiegħu fuq il-ħżiena.
L-Anġli Jsaħħu u Jipproteġu
Minn mindu l-ħlejjaq spirti raw il-ħolqien taʼ l-art u l-ewwel koppja umana, huma wrew interess kbir fl-umanità. Meta tkellem bħala l-għerf personifikat, Ġesù Kristu, fl-eżistenza preumana tiegħu, qal: “[Kont] nitgħaxxaq b’ulied il-bnedmin.” (Proverbji 8:31) U l-Bibbja tinformana li l-anġli “jixtiequ jkunu jafu” fatti dwar Kristu u l-futur li ġie rivelat lill-profeti t’Alla.—1 Pietru 1:11, 12.
Mal-medda taż-żmien, l-anġli osservaw li l-maġġuranza mill-familja umana ma kinitx qed taqdi lill-Ħallieq tagħha kollu mħabba. Min jaf kemm dan il-fatt kien taʼ wġigħ għall-anġli leali! Mill-banda l-oħra, meta midneb wieħed jindem u jdur lejn Ġeħova, “ikun hemm ferħ fost l-anġli t’Alla.” (Luqa 15:10) L-anġli jinteressahom ħafna fil-benesseri taʼ dawk li jaqdu lil Alla, u Ġeħova kemm-il darba użahom biex isaħħu u jipproteġu lill-qaddejja leali tiegħu fuq l-art. (Ebrej 1:14) Ikkunsidra ftit eżempji.
Żewġ anġli għenu lir-raġel ġust Lot u lill-bniet tiegħu biex isalvaw mill-qerda tal-bliet mill-agħar taʼ Sodoma u Gomorra billi ħarġuhom mill-belt.a (Ġenesi 19:1, 15-26) Sekli wara, għalkemm il-profeta Danjel ġie mitfugħ fil-ħofra taʼ l-iljuni, ma ġarrab ebda ħsara. Għala? Hu ddikjara: “Alla tiegħi bagħat l-anġlu tiegħu jagħlaq ħalq [l-i]ljuni.” (Danjel 6:23 [6:22, NW]) L-anġli appoġġaw lil Ġesù fil-bidu tal-ministeru tiegħu fuq l-art. (Marku 1:13) U ftit qabel il-mewt taʼ Ġesù, deherlu anġlu ħalli “jqawwilu qalbu.” (Luqa 22:43) X’barka żgur li kien għal Ġesù l-appoġġ li tah dan l-anġlu f’dak iz-żmien kruċjali taʼ ħajtu! Ukoll, anġlu ħeles lill-appostlu Pietru mill-ħabs.—Atti 12:6-11.
Jipproteġuna l-anġli llum? Jekk naqdu lil Ġeħova fi qbil mal-Kelma tiegħu, aħna assigurati li l-anġli setgħana u inviżibbli tiegħu se jipproteġuna. Il-Bibbja twiegħed: “L-anġlu tal-Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.”—Salm 34:8 (34:7, NW).
Madankollu, irridu nirrikonoxxu li l-anġli huma primarjament fis-servizz t’Alla, mhux tal-bnedmin. (Salm 103:20, 21) Huma jwieġbu għad-direzzjoni t’Alla, mhux għas-sejħiet jew ir-rikjesti tal-bnedmin. Għalhekk, il-wieħed li għandna nsejħu għall-għajnuna huwa Alla Ġeħova, mhux lill-anġli. (Mattew 26:53) M’għandniex xi ngħidu, ladarba ma narawx lill-anġli, ma nistgħux niddeterminaw sa liema punt Alla jużahom biex jgħinu lin-nies f’diversi kwistjonijiet. Imma nafu li Ġeħova “jsaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9; Salm 91:11) U għandna l-assiguranza li “kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, hu [Alla] jismagħna.”—1 Ġwanni 5:14.
L-Iskrittura tgħidilna wkoll li t-talb u l-qima tagħna għandhom jiġu indirizzati lil Alla biss. (Eżodu 20:3-5; Salm 5:2, 3 [5:1, 2, NW]; Mattew 6:9) L-anġli leali jinkuraġġuna nagħmlu dan. Per eżempju, meta l-appostlu Ġwanni pprova jagħti qima lil wieħed anġlu, il-ħliqa spirtu ċanfru u qallu: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! . . . Qim lil Alla.”—Rivelazzjoni 19:10.
L-Anġli Jwasslu l-Messaġġi t’Alla
Il-kelma “anġlu” tfisser “messaġġier,” u dan huwa mod ieħor kif l-anġli jaqdu lil Alla—bħala l-messaġġiera tiegħu bejnu u bejn il-bnedmin. Per eżempju, “l-anġlu Gabrijel intbagħat minn Alla f’belt tal-Galilija jisimha Nazaret.” Għala? Biex javża lil waħda mara żagħżugħa jisimha Marija li għalkemm kienet verġni, kienet se tnissel f’ġufha u tiled iben li kellu jissemma Ġesù. (Luqa 1:26-31) Kif ukoll, intbagħat anġlu lir-rgħajja fl-għelieqi biex jinformahom li “Kristu l-Mulej” kien twieled. (Luqa 2:8-11) B’mod simili, l-anġli wasslu messaġġi mingħand Alla lil Abraham, Mosè, Ġesù, u lil oħrajn imsemmijin fil-Bibbja.—Ġenesi 18:1-5, 10; Eżodu 3:1, 2; Luqa 22:39-43.
L-anġli kif jaqdu bħala l-messaġġiera t’Alla llum? Ikkunsidra x-xogħol li Ġesù bassar li s-segwaċi tiegħu kienu se jagħmlu qabel it-tmiem taʼ din is-sistema dinjija. Hu qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:3, 14) Kull sena, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jqattgħu iktar minn biljun siegħa jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Imma kont taf li l-anġli wkoll huma involuti f’dan ix-xogħol? L-appostlu Ġwanni rrefera għal viżjoni li kellu meta qal: “Rajt anġlu ieħor . . . , u kellu aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha bħala bxara taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Rivelazzjoni 14:6, 7) Din l-iskrittura tenfasizza l-iktar xogħol importanti li jagħmlu l-anġli għall-bnedmin illum.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jaraw evidenza tad-direzzjoni anġelika hekk kif iwettqu x-xogħol taʼ l-ippridkar tagħhom minn bieb għal bieb. Spiss jikkuntattjaw individwi li kienu għadhom kif talbu biex xi ħadd jgħinhom jifhmu l-iskopijiet t’Alla. B’riżultat tal-gwida anġelika u l-inizjattiva tax-Xhieda infushom, kull sena mijiet t’eluf isiru jafu lil Ġeħova. Jalla int tibbenefika minn dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet u li qed isir taħt id-direzzjoni taʼ l-anġli.
L-Anġli Jesegwixxu l-Ġudizzju t’Alla
Għalkemm m’humiex awtorizzati biex jiġġudikaw lill-bnedmin, l-anġli m’humiex biss osservaturi. (Ġwanni 5:22; Ebrej 12:22, 23) Huma qdew bħala esekuturi meta wettqu l-ġudizzji t’Alla fil-passat. Per eżempju, Alla uża lill-anġli fil-ġlieda tiegħu kontra l-Eġizzjani tal-qedem, li żammew lill-Iżraelin fil-jasar. (Salm 78:49) U kien f’lejl wieħed li “l-anġlu tal-Mulej” qered mija u ħamsa u tmenin elf suldat f’kamp taʼ l-għadu tal-poplu t’Alla.—2 Slaten 19:35.
Fil-futur ukoll, l-anġli se jesegwixxu l-ġudizzju t’Alla kontra l-ħżiena. Ġesù se jiġi “maʼ l-anġli setgħana tiegħu f’nar iħeġġeġ, hekk kif iġib vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba.” (2 Tessalonikin 1:7, 8) Però, din il-qerda se tinġieb biss fuq dawk li ma jwiġbux għall-messaġġ li issa qed jiġi pridkat madwar id-dinja bl-appoġġ taʼ l-anġli. Dawk li jfittxu lil Alla u jobdu t-tagħlim Skritturali mhux se jġarrbu ħsara.—Sofonija 2:3.
Kemm nistgħu nkunu grati għall-anġli leali li dejjem iwettqu l-istruzzjonijiet t’Alla! Ġeħova jużahom biex jgħinu u jipproteġu lill-qaddejja leali tiegħu fuq l-art. Dan hu taʼ faraġ partikolarment għalina minħabba li hemm ħlejjaq spirti perikolużi msejħin demonji li jixtiequ jagħmlulna l-ħsara.
Id-Demonji —Min Huma?
Matul il-15-il seklu wara li Satana qarraq b’Eva fil-ġnien t’Għeden, il-familja t’anġli t’Alla osservat li Satana x-Xitan irnexxielu jdawwar lill-bnedmin kollha ħlief lil ftit uħud leali bħal Abel, Ħenok, u Noè milli jaqdu lil Alla. (Ġenesi 3:1-7; Ebrej 11:4, 5, 7) Xi wħud mill-anġli wkoll ċedew għall-influwenza taʼ Satana. Il-Bibbja tirreferi għalihom bħala l-ispirti li kienu diżubbidjenti “fi żmien Noè.” (1 Pietru 3:19, 20) Id-diżubbidjenza tagħhom kif saret evidenti?
Fi żmien Noè numru mhux speċifikat t’anġli ribellużi telqu l-post tagħhom fil-familja t’Alla fis-smewwiet, niżlu fuq l-art, u ħadu sura taʼ bnedmin. Għala? Kienu żviluppaw xewqa biex ikollhom relazzjonijiet sesswali man-nisa. Dan wassal biex nisslu tfal li ġew imsejħin in-Nefilim, li saru ġganti vjolenti. Iżjed minn hekk, “il-ħażen tal-bnedmin kien kiber fuq l-art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu.” Però, Alla Ġeħova ma ħalliex li din il-korruzzjoni taʼ l-umanità tibqaʼ għaddejja. Hu ġab Dilluvju globali li kaxkar u qered lill-ħżiena kollha flimkien man-Nefilim. L-uniċi bnedmin li baqgħu ħajjin kienu l-qaddejja leali t’Alla.—Ġenesi 6:1-7, 17; 7:23.
L-anġli ribellużi skansaw il-qerda fi żmien id-Dilluvju. Huma abbandunaw l-iġsma umani tagħhom u rritornaw lejn il-qasam taʼ l-ispirti bħala ħlejjaq spirti. Minn dakinhar ’il quddiem, huma ġew imsejħin demonji. Huma żammew man-naħa taʼ Satana x-Xitan, li hu msejjaħ “il-ħakkiem tad-demonji.” (Mattew 12:24-27) Bħall-ħakkiem tagħhom, id-demonji jixxennqu għall-qima tal-bnedmin.
Id-demonji huma perikolużi, imma m’għandniex għalfejn nibżgħu minnhom. Il-qawwa tagħhom hi limitata. Meta l-anġli diżubbidjenti rritornaw fis-smewwiet, huma ma tħallewx jerġgħu jsiru parti mill-familja t’Alla t’anġli leali. Minflok, huma nqatgħu minn kwalunkwe tidwil spiritwali t’Alla, b’futur mudlam biss quddiemhom. Tabilħaqq, huma kienu mitfugħin fi dlam spiritwali msejjaħ Tartaru. (2 Pietru 2:4) Ġeħova żammhom “marbutin għal dejjem,” u għalhekk huma jinsabu fi dlam spiritwali. Barra minn hekk, issa ma jistgħux jieħdu sura taʼ bnedmin.—Ġuda 6.
X’Għandek Tagħmel?
Għad għandhom influwenza d-demonji fuq il-bnedmin? Iva, huma jużaw “tnassis,” jew makakkeriji, bħal dak li juża l-ħakkiem tagħhom, Satana x-Xitan. (Efesin 6:11, 12) Madankollu, jekk napplikaw il-parir tal-Kelma t’Alla nistgħu nieħdu waqfa soda kontra d-demonji. Iktar minn hekk, dawk li jħobbu lil Alla jaqgħu taħt il-protezzjoni taʼ l-anġli setgħana.
Kemm hu vitali li titgħallem dak li jirrikjedi Alla skond l-Iskrittura u taġixxi fuq dak li titgħallem! Int tistaʼ titgħallem iktar dwar it-tagħlim tal-Bibbja billi tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek jew billi tikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova se jkunu ferħanin jistudjaw il-Bibbja miegħek mingħajr ħlas u f’ħin li hu konvenjenti għalik.
[Nota taʼ taħt]
a Fil-Bibbja, l-anġli huma rappreżentati bħala rġiel adulti. Meta dehru lill-bnedmin dejjem għamlu dan f’sura taʼ rġiel.
[Kaxxa f’paġna 6]
L-ANĠLI—KIF INHUMA ORGANIZZATI
Ġeħova għandu l-familja anġelika kbira tiegħu organizzata b’dan il-mod:
L-anġlu li għandu l-iktar qawwa u awtorità hu Mikiel l-arkanġlu, jew Ġesù Kristu. (1 Tessalonikin 4:16; Ġuda 9) Is-serafini, il-kerubini, u l-anġli l-oħra huma taħtu.
Is-serafini għandhom pożizzjoni għolja ħafna fl-arranġament t’Alla. Huma jaqdu bħala ministri ħdejn it-tron t’Alla. L-inkarigu tagħhom jinkludi li jiddikjaraw il-qdusija t’Alla u jżommu l-poplu tiegħu nadif spiritwalment.—Isaija 6:1-3, 6, 7.
Il-kerubini huma assoċjati mat-tron t’Alla u jappoġġaw il-maestà taʼ Ġeħova.—Salm 80:2 (80:1, NW); 99:1; Eżekjel 10:1, 2.
L-anġli l-oħra huma l-aġenti taʼ Ġeħova, u jwettqu r-rieda divina tiegħu.
[Stampa f’paġna 4]
L-anġli ħadu lil Lot u lill-bniet tiegħu fis-sigurtà
[Stampa f’paġna 5]
Meta l-appostlu Ġwanni pprova jqim lill-anġlu, dan qallu: “Tagħmilx hekk!”
[Stampa f’paġna 6]
L-anġli jesegwixxu l-ġudizzju t’Alla
[Stampa f’paġna 7]
Qiegħed int tibbenefika mix-xogħol taʼ l-ippridkar li qed isir taħt id-direzzjoni taʼ l-anġli?