LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 2/15 pp. 9-12
  • Familji Kbar Magħqudin fis-Servizz taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Familji Kbar Magħqudin fis-Servizz taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Familji Kbar Illum
  • Il-​Ġenituri Jridu Jkunu Persuni Spiritwali
  • Naħdmu Flimkien Bħala Tim
  • Komunikazzjoni Tajba, l-​Istess Miri
  • Nistrieħu fuq Jehovah
  • Qatt Taqtaʼ Qalbek!
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Nerfgħu r-Responsabbiltà taʼ li Nieħdu Ħsieb il-Familja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Għallem lil Uliedek Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġenituri, Ipprovdu għall-Bżonnijiet tal-Familja Tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 2/15 pp. 9-12

Familji Kbar Magħqudin fis-​Servizz taʼ Jehovah

“Wirt il-​Mulej huma l-​ulied,” kiteb is-​salmista. “ħlas tiegħu hu frott il-​ġuf. Bħal vleġeġ f’id il-​ġellied, hekk huma wlied iż-​żgħożija. hieni l-​bniedem li għandu l-​ħorġa mimlija bihom!”— Salm 127:3-5.

IVA, l-​ulied jistgħu jkunu barka mingħand Jehovah. U sewwa sew bħalma arċier isib sodisfazzjon f’li jkun jaf kif jimmira l-​vleġeġ li jkollu fil-​ħorġa tiegħu, hekk ukoll il-​ġenituri jsibu ferħ meta jidderieġu lil uliedhom fil-​mogħdija li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem.—Mattew 7:14.

Żmien twil ilu, familji li kien ikollhom il-​‘ħorġa tagħhom mimlija’ b’ħafna wlied kienu komuni fost il-​poplu t’Alla. Per eżempju, aħseb ftit dwar is-​snin li qattgħu fil-​jasar fl-​Eġittu: “Imma wlied Iżrael nisslu, żdiedu u kotru, u saru qawwija ħafna u l-​art imtliet bihom.” (Eżodu 1:7) Meta nqabblu n-​numru taʼ Iżraeliti li daħlu fl-​Eġittu man-​numru taʼ Iżraeliti li telqu minn hemm, ir-​riżultat jissuġġerixxi li familji li kellhom għaxart itfal kienu taʼ daqs medju!

Xi żmien wara, Ġesù kiber ġewwa familja li għandha mnejn tidher numeruża f’għajnejn ħafna nies illum. Ġesù kien il-​kbir, imma Ġużeppi u Marija kellhom erbaʼ wlied subjien oħrajn u xi wlied bniet. (Mattew 13:54-56) Il-​fatt li kellhom dawn it-​tfal kollha x’aktarx jispjega għala Marija u Ġużeppi setgħu jibdew il-​vjaġġ lura minn Ġerusalemm mingħajr ma jindunaw li Ġesù ma kienx fost il-​grupp tagħhom.—Luqa 2:42-46.

Familji Kbar Illum

Illum, ħafna Kristjani jiddeċiedu li jillimitaw id-​daqs tal-​familja tagħhom għal raġunijiet spiritwali, ekonomiċi, soċjali, u raġunijiet oħrajn. Minkejja dan, f’ħafna soċjetajiet għad hemm id-​drawwa li jkollhom familji kbar. Skond The State of the World’s Children 1997, ir-​reġjun bl-​iktar rata għolja taʼ fertilità jinsab fl-​Afrika, fin-​naħa t’isfel tas-​Saħara. Hemmhekk, in-​nisa normalment ikollhom sitt itfal.

M’huwiex faċli għal ġenituri Kristjani b’familja kbira li jrabbu lil uliedhom biex isiru jħobbu lil Jehovah, imma ħafna qed jagħmlu dan b’suċċess. Is-​suċċess jiddependi milli l-​familja tkun magħquda fil-​qima pura. Il-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu lill-​kongregazzjoni f’Korintu japplika bl-​istess qawwa għall-​familji Kristjani llum. Hu kiteb: “Nitlobkom, ħuti, . . . biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.” (1 Korintin 1:10) X’hemm bżonn biex tinkiseb din l-​għaqda?

Il-​Ġenituri Jridu Jkunu Persuni Spiritwali

Fattur fundamentali hu li l-​ġenituri jridu juru devozzjoni sħiħa lejn Alla. Ikkunsidra dak li Mosè qal lill-​Iżraeliti: “Ismaʼ, O Iżrael: Alla tagħna l-​Mulej, il-​Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-​Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha. Żomm f’qalbek dan il-​kliem u dawn il-​kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-​triq, u meta timtedd, u meta tqum.”—Dewteronomju 6:4-7.

Innota li Mosè wera li kien jeħtieġ li l-​kmandamenti t’Alla jkunu ‘f’qalb’ il-​ġenituri. B’hekk biss setgħu l-​ġenituri jkunu inklinati li jagħtu istruzzjoni spiritwali regulari lil uliedhom. Fil-​fatt, meta l-​ġenituri jkunu b’saħħithom spiritwalment, ikunu ħerqanin biex jistruwixxu lil uliedhom f’affarijiet spiritwali.

Biex wieħed isir persuna spiritwali u jħobb lil Jehovah b’qalbu kollha, huwa vitali li l-​Kelma t’Alla jaqraha, jimmedita fuqha, u japplikaha regolarment. Is-​salmista kiteb li dak li l-​għaxqa tiegħu hi fil-​liġi taʼ Jehovah u li jaqra minnha “lejl u nhar” se jsir “bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-​ilma li tagħmel il-​frott fi żmienha, u l-​weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.”—Salm 1:2, 3.

Sewwa sew bħalma siġra tagħmel frott tajjeb jekk tissaqqa taʼ spiss, bl-​istess mod, familji li huma nutriti spiritwalment ukoll jipproduċu frott li jogħġob lil Jehovah, u dan iġiblu tifħir. Familja tipika hija dik taʼ Uwadiegwu, li jgħix fl-​Afrika tal-​Punent. Għalkemm Uwadiegwu u martu għandhom tmint itfal, it-​tnejn li huma jaqdu bħala pijunieri regulari, jew ministri full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Hu jgħid: “Il-​familja tagħna rnexxielha tibqaʼ tagħmel studju tal-​Bibbja tal-​familja regulari għal iktar minn 20 sena. Ilna ngħallmu l-​Kelma t’Alla lil uliedna sa minn meta kienu ċkejknin, mhux biss waqt l-​istudju tal-​familja, imma anki fil-​ministeru u f’ħinijiet oħrajn. It-​tfal tagħna kollha huma proklamaturi taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna, u ż-​żgħira biss, li għandha sitt snin, għadha ma tgħammditx.”

Naħdmu Flimkien Bħala Tim

“Id-​dar bl-​għerf tinbena,” tgħid il-​Bibbja. (Proverbji 24:3) Ġewwa l-​familja, għerf bħal dan jipproduċi ħidma bħal dik f’tim. Il-​captain tat-​tim tal-​familja huwa l-​missier; hu l-​kap tad-​dar kif maħtur minn Alla. (1 Korintin 11:3) L-​appostlu Pawlu, taħt ispirazzjoni, enfasizza s-​serjetà tar-​responsabbiltà taʼ l-​istat taʼ kap meta kiteb: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu [kemm materjalment u kemm spiritwalment], l-​aktar dawk tal-​familja tiegħu, dan ċaħad il-​fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.”—1 Timotju 5:8.

Fi qbil maʼ dan il-​parir mill-​Kelma t’Alla, irġiel Kristjani jeħtieġ li jieħdu ħsieb l-​ispiritwalità tan-​nisa tagħhom. Jekk in-​nisa jkunu mgħobbijin iżżejjed bix-​xogħol tad-​dar, l-​ispiritwalità tagħhom se tbati. F’pajjiż Afrikan, raġel Kristjan, li ma kienx ilu wisq li tgħammed, ilmenta maʼ l-​anzjani tal-​kongregazzjoni tiegħu li martu donnha kienet qed turi ċerta apatija lejn affarijiet spiritwali. L-​anzjani ssuġġerew li martu kellha bżonn għajnuna prattika. Għalhekk, ir-​raġel beda jgħinha fix-​xogħol tad-​dar. Beda wkoll iqattaʼ ħin jgħinha ttejjeb il-​qari u l-​għarfien tagħha tal-​Bibbja. Hi rreaġixxiet b’mod favorevoli għal dan, u issa l-​familja kollha tinsab magħquda fis-​servizz t’Alla.

Il-missirijiet jeħtieġ li jagħtu importanza wkoll lill-​ispiritwalità taʼ wliedhom. Pawlu kiteb: “U intom il-​missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed [“tkunux qegħdin tirritaw,” NW] lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.” (Efesin 6:4) Meta l-​ġenituri jagħtu kas tat-​twissija biex ma jirritawx lil uliedhom, kif ukoll tad-​direzzjoni biex iħarrġuhom, it-​tfal iħossu li huma parti minn familja li taħdem flimkien bħala tim. Bħala riżultat, x’aktarx li t-​tfal jibdew jgħinu u jinkuraġġixxu lil xulxin biex jilħqu miri spiritwali.

Ħidma bħal dik f’tim tinvolvi li t-​tfal jingħataw responsabbiltajiet spiritwali li jkunu jifilħu għalihom. Wieħed missier, anzjan Kristjan li għandu 11-il tifel u tifla, iqum kmieni fil-​għodu u jikkonduċi studji maʼ wħud minnhom qabel ma jmur għax-​xogħol. Il-​kbar, issa li huma mgħammdin, jgħinu lil ħuthom iż-​żgħar darba kull wieħed, u dan jinkludi li jkollhom sehem f’li jgħallmuhom il-​Bibbja. Il-​missier jissorveljahom, u jfaħħar l-​isforzi tagħhom. Sitta mit-​tfal huma mgħammdin, u l-​oħrajn qed ikomplu jaħdmu biex jilħqu din il-​mira.

Komunikazzjoni Tajba, l-​Istess Miri

Xi ingredjenti vitali biex il-​familji jkunu magħqudin huma li jkollhom komunikazzjoni b’imħabba u l-​istess miri spiritwali. Gordon, anzjan Kristjan li jgħix fin-​Niġerja, huwa missier taʼ sebat itfal li l-​età tagħhom tvarja minn 11-il sena sa 27 sena. Sitta minnhom huma pijunieri, bħall-​ġenituri tagħhom. Iż-​żgħir, li m’ilux wisq li tgħammed, jieħu sehem regolarment fix-​xogħol tax-​xandir mal-​bqija tal-​familja. Iż-​żewġ ulied subjien adulti huma qaddejja ministerjali fil-​kongregazzjoni.

Gordon ikkonduċa personalment studju maʼ kull wieħed minn uliedu. Minbarra dan, il-​familja għandha programm komprensiv t’edukazzjoni Biblika. Kull fil-​għodu, huma jinġabru biex jikkunsidraw silta mill-​Bibbja u mbagħad jippreparaw għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni.

Waħda mill-​miri mqegħda għal kull membru tal-​familja hi li jaqra l-​artikli kollha fir-​rivisti It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! Dan l-​aħħar, mar-​rutina tagħhom żiedu li jaqraw ftit mill-​Bibbja kuljum. Billi jitkellmu dwar dak li jkunu qraw, il-​membri tal-​familja jinkuraġġixxu lil xulxin biex ikomplu jżommu din id-​drawwa.

L-istudju tal-​Bibbja tal-​familja tant draw iżommuh regolarment li ħadd ma jkollu bżonn tfakkira​—kulħadd iħares ’il quddiem għalih. Matul is-​snin, il-​kontenut, il-​mod kif isir, u l-​ħin taʼ kemm idum l-​istudju tal-​familja varjaw skond l-​età u l-​bżonnijiet tat-​tfal. Il-​membri tal-​familja saru midħla taʼ qaddejja leali oħrajn t’Alla, u t-​tfal ibbenefikaw ħafna minn dan.

Bħala familja, jagħmlu l-​affarijiet flimkien u jwarrbu ħin għar-​rikreazzjoni. Darba fil-​ġimgħa jieħdu gost jagħmlu “lejla tal-​familja,” li fiha jinkludu xi kwiżż, jgħidu ċajt xieraq, idoqqu l-​pjanu, jirrakkontaw l-​istejjer, u jagħmlu affarijiet li jgħinuhom jirrilassaw. Xi kultant, imorru l-​baħar jew iżuru xi postijiet oħrajn taʼ interess.

Nistrieħu fuq Jehovah

Xejn minn dak li ssemma hawn fuq ma jċekken kemm hu diffiċli li wieħed irabbi familja kbira. “Hija sfida kbira li tkun missier taʼ tmint itfal u tkun missier tajjeb għalihom,” jgħid wieħed Kristjan. “Jeħtieġ ħafna u ħafna ikel materjali u spiritwali biex issostnihom; irrid naħdem iebes biex naqlaʼ biżżejjed flus biex immantnihom. It-​tfal il-​kbar huma adolexxenti, u t-​tmienja li huma għadhom l-​iskola. Naf li t-​taħriġ spiritwali huwa vitali, imma xi wħud mit-​tfal tiegħi xorta għandhom rashom iebsa u diżubbidjenti. Inikktuni, imma naf li xi kultant anki jien nagħmel affarijiet li jnikktu qalb Jehovah, u hu jaħfirli. Għalhekk, bil-​paċenzja rrid inkompli nikkoreġi lil uliedi sakemm jiġu f’sensihom.

“Nipprova nimxi fuq l-​eżempju taʼ Jehovah f’li jkun paċenzjuż magħna minħabba li jixtieq li kulħadd jasal biex jindem. Nagħmel studju mal-​familja tiegħi, u xi wħud minn uliedi qegħdin jaħdmu biex jilħqu l-​mira li jitgħammdu. Ma niddependix fuq is-​saħħa tiegħi stess biex nikseb ir-​riżultati; bis-​saħħa tiegħi ftit li xejn nistaʼ nwettaq. Nipprova nersaq dejjem eqreb lejn Jehovah permezz tat-​talb u napplika l-​proverbju li jgħid: ‘Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.’ Jehovah se jgħinni nħarreġ lil uliedi b’suċċess.”—Proverbji 3:5, 6.

Qatt Taqtaʼ Qalbek!

Xi kultant, jistaʼ jidher li t-​taħriġ tat-​tfal huwa biċċa xogħol li ma tiġix apprezzata, imma qatt taqtaʼ qalbek! Kompli ippersevera! Jekk uliedek ma jweġbux b’mod pożittiv għall-​isforzi tiegħek issa, jew ma japprezzawhomx, għandhom mnejn jagħmlu hekk iktar ’il quddiem. Jirrikjedi ż-​żmien biex tifel jew tifla jikbru u jsiru Kristjani li jipproduċu l-​frott taʼ l-​ispirtu.—Galatin 5:22, 23.

Monica, li tgħix fil-​Kenja, għandha disaʼ ħutha. Hi tgħid: “Il-​ġenituri tiegħi għallmuna l-​verità tal-​Bibbja sa minn meta konna ċkejknin. Missieri kien jistudja l-​pubblikazzjonijiet Kristjani magħna kull ġimgħa. Minħabba l-​impjieg li kellu, l-​istudju ma kienx ikun dejjem fl-​istess ġurnata. Xi kultant, hu u ġej lura d-​dar mix-​xogħol, kien jarana nilagħbu barra u jgħidilna li f’ħames minuti lkoll kemm aħna kellna nidħlu ġewwa biex nagħmlu l-​istudju tal-​Bibbja. Wara l-​istudju tal-​Bibbja, kien jinkuraġġina biex nistaqsu xi mistoqsijiet jew niddiskutu xi problemi li setaʼ kellna.

“Kien joqgħod attent li nagħmluha maʼ tfal li kienu jħobbu ’l Alla. Missieri kien jasal wasla sa l-​iskola regolarment biex jistaqsi lill-​għalliema dwar il-​kondotta tagħna. Darba minnhom samaʼ li t-​tliet ħuti l-​kbar subjien kienu ġġieldu maʼ xi subjien oħrajn u li xi kultant kienu jkunu psataż. Missieri kkastigahom talli ma ġabux ruħhom sew, imma ħa l-​ħin ukoll biex jispjegalhom mill-​Iskrittura għala kien jeħtieġ li jġibu ruħhom b’mod li jogħġob lil Alla.

“Il-​ġenituri tagħna wrewna l-​benefiċċji taʼ li nattendu għal-​laqgħat billi kienu jgħinuna nippreparaw għalihom. Konna niġu mħarrġin biex insiru ministri billi nagħmlu sessjonijiet taʼ prattika fid-​dar. Sa minn ċkunitna konna nakkumpanjaw lill-​ġenituri tagħna fis-​servizz taʼ l-​għalqa.

“Illum, żewġ ħuti subjien akbar minni huma pijunieri speċjali, waħda minn ħuti l-​bniet hija pijuniera regulari, u oħti l-​oħra, li hija miżżewġa u għandha l-​familja, hija Xhud żeluża. Iż-​żewġ ħuti bniet iżgħar minni, li għandhom 18 u 16-il sena, huma pubblikaturi mgħammdin. Iż-​żewġ subjien iż-​żgħar qed jiġu mħarrġin. Jien ili naqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Kenja għal tliet snin. Inħobb u napprezza lill-​ġenituri tiegħi għaliex huma persuni spiritwali; ħallewlna eżempju mill-​aħjar biex nimxu fuqu.”

Għandek kemm għandek tfal, qatt taqtaʼ qalbek f’li tgħinhom jgħaddu mill-​mogħdija li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem. Hekk kif Jehovah jbierek l-​isforzi tiegħek, żgur li se ttenni l-​kliem taʼ l-​appostlu Ġwanni dwar l-​ulied spiritwali tiegħu: “Ngħid għalija, ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nismaʼ li wliedi mexjin fil-​verità.”—3 Ġwann 4.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja