LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 5/15 pp. 21-26
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Irbħu ż-​Żmien
  • Għallem bil-​Kliem u bl-​Eżempju
  • Għin lit-​Tfal Jikbru Spiritwalment
  • Żomm l-​Ispiritwalità
  • Strieħ Kompletament fuq Jehovah
  • Ġenituri, Ipprovdu għall-Bżonnijiet tal-Familja Tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Familji Kbar Magħqudin fis-Servizz taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ġenituri, x’Qed Jgħallem l-Eżempju Tagħkom?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 5/15 pp. 21-26

Ibni Familja Soda Spiritwalment

“Rabbuhom fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.”—EFESIN 6:4.

1. X’kien l-​iskop t’Alla għall-​familja, imma minflok x’ġara?

“NISSLU u oktru, u imlew l-​art.” (Ġenesi 1:28) B’dan il-​kliem li qal lil Adam u Eva, Alla Jehovah waqqaf l-​arranġament tal-​familja. (Efesin 3:​14, 15) Jekk riedu jħarsu lejn il-​futur, dawn l-​ewwel miżżewġin setgħu jġibu quddiem għajnejhom art mimlija b’nisilhom—familja kbira, ifformata minn individwi perfetti kollha jgħixu ferħanin fuq art magħmula ġenna u magħqudin fil-​qima tal-​Ħallieq Grandjuż tagħhom. Imma Adam u Eva waqgħu fid-​dnub, u l-​art ma mtlietx b’nies twajbin li jibżgħu minn Alla. (Rumani 5:12) Minflok, il-​ħajja tal-​familja malajr ħżienet, u l-​mibegħda, il-​vjolenza, u n-​nuqqas taʼ affezzjoni naturali nfirxu maʼ kullimkien, speċjalment f’dawn l-​aħħar jiem.—2 Timotju 3:​1-5; Ġenesi 4:​8, 23; 6:​5, 11, 12.

2. Id-​dixxendenti taʼ Adam liema abbiltajiet kellhom, imma x’kien meħtieġ biex jibnu familji b’saħħithom spiritwalment?

2 Adam u Eva kienu maħluqin fix-​xbieha t’Alla. Għalkemm issa Adam kien midneb, Jehovah xorta ppermettielu li jkollu t-​tfal. (Ġenesi 1:27; 5:​1-4) Bħal missierhom, id-​dixxendenti taʼ Adam kellhom il-​kapaċità morali u setgħu jitgħallmu jiddistingwu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. Setgħu jiġu istruwiti dwar kif iqimu lill-​Ħallieq tagħhom u dwar kemm hu importanti li jħobbuh b’qalbhom, b’ruħhom, b’moħħhom, u b’saħħithom kollha. (Mark 12: 30; Ġwann 4:24; Ġakbu1:27) Barra minn hekk, setgħu jiksbu taħriġ biex ‘jagħmlu dak li hu ġust, iħobbu u juru ħniena, u jkunu umlin fl-​imġiba tagħhom maʼ Alla.’ (Mikea 6:8) Iżda bħala midinbin, huma kellhom bżonn li jagħtu attenzjoni speċjali sabiex jibnu familji b’saħħithom spiritwalment.

Irbħu ż-​Żmien

3. Il-​ġenituri kif jistgħu ‘jirbħu ż-​żmien’ biex lit-​tfal irabbuhom bħala Kristjani?

3 F’dan iż-​żmien iebes, u taʼ taqtigħ il-​qalb, irid isir sforz kbir sabiex it-​tfal isiru persuni li ‘jħobbu lil Jehovah’ u li verament ‘jobogħdu l-​ħażen.’ (Salm 97:​10, KŻ) Ġenituri għaqlin se ‘jirbħu ż-​żmien’ biex jilqgħu din l-​isfida. (Efesin 5:​15-17, Saydon) Jekk int ġenitur, kif tistaʼ tagħmel dan? L-​ewwel, agħraf liema huma l-​“affarijiet iktar importanti” li jixirqilhom l-​akbar attenzjoni, fost dawn hemm it-​tagħlim u t-​taħriġ tat-​tfal tiegħek. (Filippin 1:​10, 11, NW) It-​tieni, issimplifika l-​istil taʼ ħajtek. Forsi jkollok twarrab attivitajiet li m’humiex verament neċessarji. Jew forsi għandek bżonn teħles minn xi affarijiet li m’humiex bżonnjużi u li qed jiħdulek ħafna ħin biex tieħu ħsiebhom. Bħala ġenitur Kristjan, qatt ma se jiddispjaċik li tkun għamilt l-​isforz meħtieġ biex trabbi tfal li jkollhom il-​biżaʼ t’Alla.—Proverbji 29:​15, 17.

4. Kif tistaʼ tinżamm magħquda l-​familja?

4 Il-​ħin li tqattaʼ maʼ wliedek, speċjalment ħin dedikat għal affarijiet spiritwali, ikun verament vallapena u hu wieħed mill-​aħjar modi biex il-​familja tibqaʼ magħquda. Imma dan irid isir bil-​ħsieb mhux kif ġie ġie. Agħmel skeda taʼ ċerti ħinijiet li se tqattgħu flimkien. Dan ma jfissirx li sempliċement tkunu fl-​istess dar, u kulħadd joqgħod għalih u jagħmel dak li jogħġbu. It-​tfal jiffjorixxu l-​aħjar meta kuljum jingħataw l-​attenzjoni persunali. L-​imħabba u l-​interess jeħtieġ li jintwerew bl-​abbundanza. Saħansitra qabel ma jiddeċiedu li jkollhom it-​tfal, koppji miżżewġin iridu jikkunsidraw bis-​serjetà din ir-​responsabbiltà importanti. (Luqa 14:28) Imbagħad ma jqisux it-​trobbija tat-​tfal bħala piż. Minflok, se jħarsu lejha bħala privileġġ u barka.—Ġenesi 33:5; Salm 127:3.

Għallem bil-​Kliem u bl-​Eżempju

5. (a) Minfejn għandek tibda biex tgħallem lil uliedek iħobbu lil Jehovah? (b) Liema pariri jingħataw lill-​ġenituri f’Dewteronomju 6:​5-7?

5 Biex tgħallem lit-​tfal tiegħek iħobbu lil Jehovah, l-​ewwel trid turi int imħabba lejh. Imħabba qawwija għal Alla se tqanqlek biex issegwi l-​istruzzjonijiet kollha tiegħu fedelment. Dan jinkludi li trabbi lit-​tfal “fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.” (Efesin 6:4) Alla jwissi lill-​ġenituri biex ikunu t’eżempju għal uliedhom, biex jikkomunikaw magħhom, u jgħallmuhom. Dewteronomju 6:​5-7 jgħid: “Ħobb, mela, lill-​Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha. Żomm f’qalbek dan il-​kliem u dawn il-​kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-​triq, u meta timtedd, u meta tqum.” Int tistaʼ tnaqqax f’uliedek il-​kmandamenti t’Alla billi twissihom u tirrepetihomlhom taʼ sikwit. B’dan il-​mod, uliedek se jaraw l-​imħabba li għandek għal Jehovah, u min-​naħa tagħhom se jiġu influwenzati biex huma wkoll jersqu qrib tiegħu.—Proverbji 20:7.

6. Il-​ġenituri kif jistgħu jieħdu vantaġġ mill-​fatt li t-​tfal jitgħallmu bl-​eżempju?

6 It-​tfal huma ħerqanin biex jitgħallmu. Huma attenti ħafna għal dak li jisimgħu u jaraw, u jkunu ħfief biex jimitaw l-​eżempju tiegħek. Il-​fatt li jaraw li m’intix tfittex il-​materjaliżmu jgħinhom jitgħallmu kif isegwu l-​pariri taʼ Ġesù. Tkun qed tgħallimhom ma jkunux ansjużi dwar l-​affarijiet materjali imma ‘jfittxu l-​ewwel is-​Saltna taʼ Alla.’ (Mattew 6:​25-33) Billi titkellem b’mod li jibni u jinkuraġġixxi dwar il-​verità tal-​Bibbja, il-​kongregazzjoni t’Alla, u l-​anzjani maħturin, int tgħallem lil uliedek jirrispettaw lil Jehovah u japprezzaw il-​provvedimenti spiritwali tiegħu. Peress li t-​tfal malajr jindunaw b’xi nuqqas, dak li tgħallem bil-​kliem irid ikun appoġġat b’kondotta u attitudni li juru kemm int stess għandek apprezzament profond għall-​affarijiet spiritwali. X’barka tkun dik meta l-​ġenituri jaraw li l-​eżempju tajjeb tagħhom ipproduċa f’uliedhom imħabba b’qalb sħiħa għal Jehovah!—Proverbji 23:​24, 25.

7, 8. Liema eżempju juri l-​valur li għandu t-​taħriġ tat-​tfal minn età żgħira, u min jixraqlu l-​kredtu għas-​suċċess?

7 Il-​valur li għandu t-​taħriġ tat-​tfal minn età żgħira jistaʼ jidher minn eżempju fil-​Venezwela. (2 Timotju 3:15) Dan jinvolvi lil koppja miżżewġa żagħżugħa, Félix u Mayerlín. Huma jaqdu bħala pijunieri. Meta twieled binhom Felito, huma kienu ħerqanin li jagħmlu kulma jistgħu biex irabbuh bħala adoratur veru taʼ Jehovah. Mayerlín bdiet taqra b’leħen għoli lil Felito mill-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Meta kien għadu tarbija, Felito diġà kien jidher li jagħraf lil Mosè u nies oħrajn li huma rappreżentati f’dan il-​ktieb.

8 Taʼ età żgħira ħafna, Felito beda jagħti xiehda waħdu. Hu qataʼ xewqtu li jsir pubblikatur tas-​Saltna, u iktar tard tgħammed. Maż-​żmien, Felito sar pijunier regulari. Il-​ġenituri tiegħu qalu: “Hekk kif naraw il-​progress tat-​tifel tagħna, nirrealizzaw li dan nafuh lil Jehovah u t-​tagħlim tiegħu.”

Għin lit-​Tfal Jikbru Spiritwalment

9. Għala għandna nkunu grati għall-​istruzzjoni spiritwali li nirċievu mill-​klassi taʼ l-​ilsir leali u diskret?

9 Hemm ruxxmata taʼ rivisti, mijiet taʼ kotba, u eluf taʼ Web sites fuq l-​Internet li joffru pariri dwar it-​trobbija tat-​tfal. Taʼ spiss “ma jkunx hemm qbil fl-​informazzjoni,” tgħid Newsweek f’ħarġa speċjali dwar it-​tfal. “Tħossok saħansitra iktar konfuż meta l-​informazzjoni li taħseb li tistaʼ tafdaha, issib li hi sempliċement żbaljata.” Kemm aħna grati li Jehovah pprovda bl-​abbundanza għall-​istruzzjoni u l-​iżvilupp spiritwali tal-​familji! Tieħu int vantaġġ sħiħ mill-​provvedimenti kollha li nirċievu permezz tal-​klassi taʼ l-​ilsir leali u diskret?—Mattew 24:​45-47.

10. Studju tal-​Bibbja effettiv bħala familja kif inhu taʼ ġid kemm għall-​ġenituri u kemm għat-​tfal?

10 Ħtieġa importanti ħafna hija li nkunu regulari u konsistenti fl-​istudju tal-​Bibbja bħala familja u li dan jinżamm f’atmosfera rilassata. Hija meħtieġa preparazzjoni tajba biex dan l-​istudju jkun istruttiv, pjaċevoli, u inkuraġġanti. Il-​ġenituri jistgħu jkunu jafu x’hemm f’qalb u f’moħħ uliedhom jekk lil dawn jinkuraġġuhom jesprimu ruħhom. Mod wieħed biex tiddetermina jekk l-​istudju tal-​familja hux qed ikun effettiv hu billi tinnota jekk il-​membri kollha taʼ darek ikunux qed jistennewh bil-​ħerqa.

11. (a) Il-ġenituri liema miri jistgħu jgħinu lil uliedhom biex jagħmlu? (b) X’kien ir-​riżultat meta waħda tifla Ġappuniża wettqet il-​mira tagħha?

11 Miri spiritwali wkoll jgħinu biex il-​familja tkun b’saħħitha spiritwalment, u l-​ġenituri għandhom jgħinu lil uliedhom jagħmlu miri bħal dawn. Miri addattati jinkludu l-​qari tal-​Bibbja kuljum, li wieħed isir pubblikatur regulari taʼ l-​aħbar tajba, u l-​progress lejn id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Miri oħrajn jistgħu jinkludu s-​servizz full-time bħala pijunier, f’Betel, jew bħala missjunarju. Waqt li kienet għadha tmur l-​iskola primarja, tifla Ġappuniża li jisimha Ayumi għamlitha l-​mira tagħha li tagħti xiehda lill-​klassi tagħha kollha. Biex tqajjem l-​interess taʼ l-​għalliema tagħha u taʼ sħabha, hi ħadet permess biex tpoġġi diversi pubblikazzjonijiet Bibliċi fil-​librerija. Bħala riżultat, ikkonduċiet 13-il studju tal-​Bibbja matul is-​sitt snin li għamlet fl-​iskola primarja. Waħda minn dawk l-​istudenti tal-​Bibbja u membri oħrajn mill-​familja taʼ din l-​istudenta saru Kristjani mgħammdin.

12. It-​tfal kif jistgħu jieħdu l-​akbar benefiċċju mil-​laqgħat Kristjani?

12 Attendenza regulari għal-​laqgħat ukoll hija neċessarja għas-​saħħa spiritwali. L-​appostlu Pawlu wissa lil sħabu fit-​twemmin biex ‘ma jinqatgħux mil-​laqgħat tagħhom flimkien, kif ħadu d-​drawwa jagħmlu xi wħud.’ Ejja ma nħallux li din issir id-​drawwa tagħna, għax kemm iż-​żgħar u kemm il-​kbar jistgħu jibbenefikaw ħafna jekk ikunu preżenti regolarment għal-​laqgħat Kristjani. (Lhud 10:​24, 25; Dewteronomju 31:12) It-​tfal għandhom jiġu mgħallmin joqogħdu attenti u jisimgħu. Il-​preparazzjoni għal-​laqgħat hija vitali wkoll, għax nieħdu benefiċċju kbir jekk nipparteċipaw bil-​kummenti tagħna. Filwaqt li tifel żgħir jistaʼ jibda billi jgħid xi ftit kliem jew jaqra porzjon żgħir minn paragrafu, ikun ferm taʼ ġid jekk it-​tfal jiġu mħarrġin ifittxu t-​tweġibiet u jgħiduhom fi kliemhom. Intom il-​ġenituri, qegħdin tagħtuhom eżempju tajjeb billi tagħmlu regolarment kummenti siewja? Tajjeb ukoll li kull membru tal-​familja jkollu Bibbja, ktieb taʼ l-​għanjiet, u kopja tal-​pubblikazzjoni li tkun qed tintuża għad-​diskussjoni Skritturali.

13, 14. (a) Il-ġenituri għala għandhom jaħdmu mat-​tfal tagħhom fil-​ministeru? (b) X’se jgħin lit-​tfal jieħdu benefiċċju u ferħ mis-​servizz taʼ l-​għalqa?

13 Ġenituri għaqlin se jgħinu lit-​tfal tagħhom jużaw l-​enerġija taʼ żgħożithom fis-​servizz taʼ Jehovah, billi juruhom kif jagħmlu l-​ippridkar parti importanti minn ħajjithom. (Lhud 13:15) Huwa biss billi jaħdmu maʼ wliedhom fil-​ministeru li l-​ġenituri jistgħu jkunu ċerti li dawn se jieħdu t-​taħriġ meħtieġ biex isiru ministri li ‘m’għandhomx mniex jistħu, li jxandru bir-​reqqa l-​kelma tal-​verità.’ (2 Timotju 2:15) Allura, xi ngħidu għalik? Jekk int ġenitur, tgħin int lil uliedek jippreparaw għas-​servizz taʼ l-​għalqa? Meta tagħmel dan se tgħinhom biex il-​ministeru tagħhom ikun mimli ferħ, produttiv, u taʼ siwi.

14 Għala huwa taʼ benefiċċju li l-​ġenituri jaħdmu maʼ wliedhom fil-​ministeru? B’dan il-​mod, it-​tfal jistgħu jinnotaw u jikkopjaw l-​eżempju tajjeb tal-​ġenituri tagħhom. Fl-​istess ħin, il-​ġenituri jistgħu josservaw l-​attitudni, l-​imġiba, u l-​abbiltà tat-​tfal tagħhom. Kun ċert li tieħu lit-​tfal miegħek f’diversi oqsma tal-​ministeru. Jekk inhu possibbli, kull wieħed mit-​tfal għandu jkollu l-​basket tiegħu għas-​servizz, u għallimhom iżommuh nadif u preżentabbli. B’taħriġ u inkuraġġiment kontinwu, it-​tfal se jrawmu ġewwa fihom apprezzament ġenwin għall-​ministeru, u jibdew jaraw ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar bħala mezz li bih juru mħabba għal Alla u għall-​proxxmu.—Mattew 22:​37-39; 28:​19, 20.

Żomm l-​Ispiritwalità

15. Ladarba hu tant importanti li żżomm l-​ispiritwalità tal-​familja, liema huma xi modi kif tistaʼ tagħmel dan?

15 Li żżomm l-​ispiritwalità tal-​familja huwa essenzjali. (Salm 119:93) Mod wieħed kif tagħmel dan huwa billi tiddiskuti affarijiet spiritwali mal-​familja tiegħek f’kull opportunità. Tiddiskuti int is-​silta mill-​Bibbja taʼ kuljum magħhom? “Meta tkun miexi fit-​triq,” hija d-​drawwa tiegħek li taqsam magħhom xi esperjenzi mis-​servizz taʼ l-​għalqa jew xi punti mill-​ħarġiet reċenti taʼ Stenbaħ! u t-​Torri taʼ l-​Għassa? “Meta timtedd, u meta tqum,” tiftakar int tirringrazzja lil Jehovah fit-​talb għal kull jum taʼ ħajja u għal dak kollu li jipprovdilna b’abbundanza? (Dewteronomju 6:​6-9) Meta wliedek jarawk tirrifletti l-​imħabba għal Alla f’kull ħaġa li tagħmel, dan se jgħinhom biex jagħmlu l-​verità l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjithom.

16. X’ġid joħroġ meta tinkuraġġixxi lit-​tfal jagħmlu r-​riċerka huma stess?

16 Xi drabi, it-​tfal se jkollhom bżonn jiġu gwidati biex jittrattaw b’suċċess xi problemi jew sitwazzjonijiet li jistgħu jqumu. Minflok ma tgħidilhom dejjem x’għandhom jagħmlu, għax ma turihomx kif isibu x’inhi l-​ħarsa t’Alla billi tinkuraġġihom jagħmlu r-​riċerka huma stess? Il-​fatt li tgħallem lit-​tfal jagħmlu użu tajjeb mill-​għodda u l-​pubblikazzjonijiet provduti mill-​ilsir leali se jgħinhom jiżviluppaw relazzjoni mill-​qrib maʼ Jehovah. (1 Samwel 2:21b) U meta huma jaqsmu maʼ membri oħrajn tal-​familja l-​benefiċċji tar-​riċerka li jkunu għamlu mill-​Bibbja, l-​ispiritwalità tal-​familja tkompli tikber.

Strieħ Kompletament fuq Jehovah

17. Ġenituri li qed irabbu lit-​tfal waħedhom għala m’għandhomx jaqtgħu qalbhom rigward it-​taħriġ taʼ wliedhom bħala Kristjani?

17 Xi ngħidu dwar familji b’ġenitur wieħed? Dawn jiffaċċjaw sfidi akbar fejn tidħol it-​trobbija tat-​tfal. Imma ġenituri li qed trabbu lit-​tfal waħedkom, ara ma taqtgħux qalbkom! Huwa possibbli li jkollkom suċċess, kif jidher minn ħafna ġenituri bħalkom li wrew fiduċja f’Alla, applikaw b’ubbidjenza l-​pariri tiegħu, u rabbew tfal mill-​aħjar li huma b’saħħithom spiritwalment. (Proverbji 22:6) M’għandniex xi ngħidu, ġenituri Kristjani li qed irabbu lit-​tfal waħedhom jeħtieġ jistrieħu kompletament fuq Jehovah. Irid ikollhom fidi li hu se jipprovdi l-​għajnuna.—Salm 121:​1-3.

18. Il-​ġenituri għal liema bżonnijiet fiżiċi u mentali taʼ wliedhom għandhom jagħtu attenzjoni, imma fuq xiex għandha ssir enfasi?

18 Ġenituri għaqlin jirrealizzaw li ‘hemm żmien li tidħaq u żmien li tiżfen.’ (Koħèlet 3:​1, 4) Il-​mistrieħ kif ukoll rikreazzjoni bilanċjata u bnina huma essenzjali għall-​iżvilupp fiżiku u mentali tat-​tfal. Mużika rifreskanti u speċjalment il-​kant taʼ għanjiet li jfaħħru lil Alla se jgħinu lit-​tfal jiżviluppaw attitudni tajba li jistaʼ jkollha parti importanti biex issaħħaħ ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah. (Kolossin 3:16) Iż-​żgħożija hija wkoll żmien li fih wieħed jipprepara biex isir adult li jkollu l-​biżaʼ t’Alla, u b’dan il-​mod ikun jistaʼ jkompli jgawdi l-​ħajja għal dejjem meta l-​art issir Ġenna.—Galatin 6:8.

19. Il-​ġenituri għala jistgħu jkunu fiduċjużi li Jehovah żgur se jbierek l-​isforzi tagħhom biex irabbu lil uliedhom?

19 Jehovah jrid li l-​familji Kristjani kollha jibqgħu magħqudin u b’saħħithom spiritwalment. Jekk verament inħobbu lil Alla u nagħmlu ħilitna kollha biex nobdu l-​Kelma tiegħu, hu se jbierek l-​isforzi tagħna u jagħtina s-​saħħa li għandna bżonn biex insegwu d-​direzzjoni ispirata tiegħu. (Isaija 48:17; Filippin 4:13) Ftakar li l-​opportunità li għandek issa biex tgħallem u tħarreġ lil uliedek hija limitata u mhix se terġaʼ tiġi. Agħmel ħiltek kollha biex tapplika l-​pariri tal-​Kelma t’Alla, u Jehovah żgur se jbierek l-​isforzi tiegħek biex tibni familja b’saħħitha spiritwalment.

X’Tgħallimna?

• Għala huwa tant importanti li nirbħu ż-​żmien meta nħarrġu lil uliedna?

• Għala huwa neċessarju li l-​ġenituri jagħtu eżempju tajjeb?

• Liema huma xi affarijiet li se jgħinu lit-​tfal jikbru spiritwalment?

• Kif tistaʼ familja żżomm l-​ispiritwalità tagħha?

[Stampi f’paġna 24, 25]

Familji b’saħħithom spiritwalment jistudjaw regolarment il-​Kelma t’Alla, jattendu l-​laqgħat Kristjani, u jieħdu sehem fil-​ministeru flimkien

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja